Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015TN0558

    Kawża T-558/15: Rikors ippreżentat fil-25 ta’ Settembru 2015 – Iran Insurance vs Il-Kunsill

    ĠU C 27, 25.1.2016, p. 58–59 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    25.1.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 27/58


    Rikors ippreżentat fil-25 ta’ Settembru 2015 – Iran Insurance vs Il-Kunsill

    (Kawża T-558/15)

    (2016/C 027/75)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrenti: Iran Insurance Company (Teheran, l-Iran) (rappreżentant: D. Luff, avukat)

    Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

    Talbiet

    tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jħallas lir-rikorrenti kumpens għad-dannu materjali u morali sostnut mir-rikorrenti minħabba l-miżuri restrittivi li l-Kunsill impona fuqha illegalment taħt l-atti illegali tal-Kunsill li ġejjin: i) Id-Deċiżjoni 2010/644/PESK, tal-25 ta’ Ottubru 2010, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (1); ii) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010 tal-25 ta’ Ottubru 2010 (2); iii) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/783/PESK, tal-1 ta’ Diċembru 2011, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (3); iv) ir- Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1245/2011, tal-1 ta’ Diċembru 2011, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 961/2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (4); v) ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012, tat-23 ta’ Marzu 2012, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 961/2010 (5);

    tagħti lir-rikorrenti danni li jkopru danni li jkopru kemm id-dannu morali li r-rikorrenti sostniet bħala riżultat ta’ atti illegali tal-Kunsill, ta’ ammont totali ta’: i) STG 84 767,66 , u; ii) EUR 4 774 187,07, u iii) USD 1 532 688,00 u; iv) kull ammont ieħor li jista’ jiġi stabbilit matul il-proċeduri;

    tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti ssostni l-argumenti li ġejjin.

    1.

    Hija tispjega li, skont l-Artikolu 340 TFUE, il-vittma ta’ dannu kkawżat minn istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea jista’ jitlob il-kumpens minn din l-istituzzjoni. Il-ġurisprudenza ppreċiżat il-kundizzjonijiet li tali talba għad-danni għandha tissodisfa; is-sentenza tal-25 ta’ Novembru 2014, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill (T-384/11, Ġabra, EU:T:2014:986) tiġborhom fil-qosor kif ġej: a) l-illegalità tal-aġir tal-istituzzjoni; b) ir-realtà tad-dannu, u ċ) l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir u d-dannu allegat.

    2.

    Ir-rikorrenti tiddikjara li l-kundizzjonijiet imsmemija hawn fuq huma ssodisfatti t-tlieta fil-każ tagħha: il-Kunsill wettaq “ksur serju ta’ dispożizzjoni legali intiża li tagħti drittijiet lill-individwi, fis-sens tal-ġurisprudenza” kif il-Qorti Ġenerali ddeċidiet fis-sentenza tagħha tas-6 ta’ Settembru 2013, Iran Insurance vs Il-Kunsill (T-12/11, EU:T:2013: 401); ir-rikorrenti sofriet dannu morali u materjali konsiderevoli; u dan id-dannu huwa l-konsegwenza diretta ta’ sanzjonijiet illegali.

    3.

    Ir-rikorrenti tindika wkoll li, kif spjegat fl-iżviluppi li jinsabu fir-rikors, id-dannu morali li hija sofriet huwa stmat għal ammont ta’ EUR 1 000 000,00 u d-dannu materjali, li kien evalwat minn awdituri indipendenti, huwa ta’ ammont ta’ STG 84 767,66 u EUR 3 774 187,07 u USD 1 532 688,00, mingħajr ħsara għal kull ammont addizzjonali li jista’ jiġi stabbilit matul il-proċedura. Konsegwentement, it-talba għad-danni tar-rikorrenti tammonta għal total ta’ STG 84 767,66 u EUR 4 774 187,07 u STG 1 532 697,01 kif ukoll kwalunkwe ammont ieħor li jista’ jiġi stabbilit matul il-proċedura.


    (1)  ĠU L 281, p. 81.

    (2)  Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010, tal-25 ta’ Ottubru 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2007, ĠU L 281, p. 1.

    (3)  ĠU L 319, p. 71.

    (4)  ĠU L 319, p. 11.

    (5)  ĠU L 88, p. 1.


    Top