Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CN0608

    Kawża C-608/15 P: Appell ippreżentat fis-17 ta’ Novembru 2015 minn Panasonic Corp. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fid-9 ta’ Settembru 2015 fil-Kawża T-82/13: Panasonic Corp. au MT Picture Display Co. Ltd vs Il-Kummissjoni Ewropea

    ĠU C 27, 25.1.2016, p. 23–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    25.1.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 27/23


    Appell ippreżentat fis-17 ta’ Novembru 2015 minn Panasonic Corp. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fid-9 ta’ Settembru 2015 fil-Kawża T-82/13: Panasonic Corp. au MT Picture Display Co. Ltd vs Il-Kummissjoni Ewropea

    (Kawża C-608/15 P)

    (2016/C 027/27)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Appellanti: Panasonic Corp. (rappreżentanti: R. Gerrits, avukat, M. Hoskins QC, M. Gray, Barrister)

    Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjopni Ewropea, MT Picture Display Co. Ltd

    Talbiet

    tannulla s-sentenza u d-digriet tal-Qorti Ġenerali: (i) sa fejn is-sentenza sabet li d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2012) 8839 finali tal-5 ta’ Diċembru 2012 dwar proċedimenti taħt l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39.437 – Tubi katodiċi għas-settijiet tat-televiżjoni u għall-moniters tal-kompjuter) ma kinitx kisret id-drittijiet ta’ difiża u d-dritt għal smigħ ta’ Panasonic fil-perijodu qabel l-10 ta’ Frar 2003; u/jew (ii) sa fejn naqset milli tannulla totalment jew parzjalment il-konstatazzjoni fl-Artikoli 1(2)(c) u (e) tad-deċiżjoni kkontestata li Panasonic u MTPD ipparteċipaw fil-ksur matul il-perijodu bejn l-1 ta’ April 2003 u t-12 ta’ Ġunju 2006;

    tannulla: (i) l-Artikolu 1(2)(c) tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn jikkonstata li Panasonic ipparteċipat fl-akkordju CPT mill-15 ta’ Lulju 1999 sal-10 ta’ Frar 2003; u/jew (ii) l-Artikoli 1(2)(c) u (e) tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-perijodu mill-1 ta’ April 2003 sat-12 ta’ Ġunju 2006;

    tnaqqas il-multa imposta mill-Artikolu 2(2)(f) tad-deċiżjoni kkontestata; u/jew tannulla u/jew tkompli tnaqqas il-multi imposti fuq Panasonic u MTPD mill-Artikoli 2(2)(h) u 2(2)(i) tad-deċiżjoni kkontestata kif xieraq, mil-livelli ta’ dawn il-multi stabbiliti mis-sentenza appellata għal EUR 82 826 000 u EUR 7 530 000 rispettivament; sussidjarjament

    tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għal kunsiderazzjoni ulterjuri skont id-dritt;

    tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż ta’ Panasonic li jirriżultaw minn dan l-appell.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    1

    L-ewwel aggravju: il-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat sabet li l-Kummissjoni kienet wettqet l-obbligu tagħha li tistabbilixxi fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet l-elementi essenzjali kontra Panasonic, inkluż il-bażi li fuqha kien allegat li Panasonic kienet taf dwar l-akkordju ġenerali CPT. Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li huwa biżżejjed għall-Kummissjoni li tinkludi wieħed mill-elementi essenzjali tal-ksur impliċitament iżda neċessarjament fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

    2

    Il-Qorti Ġenerali għandha tagħti lil Panasonic u lil MTPD l-istess tnaqqis li jista’ jingħata lil Toshiba Corporation (iktar 'il quddiem “Toshiba”) fl-appell li tista’ tippreżenta fir-rigward tal-perijodu ta’ żmien li għalih Toshiba nstabet responsabbli flimkien u in solidum ma’ Panasonic u MTPD. Fil-Kawża T-104/13 Toshiba vs Il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li kwalunkwe annullament jew bdil tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-imputazzjoni tal-aġir illegali tal-impriżi komuni MTPD lil Panasonic ibbenefika wkoll lil Toshiba. Konsegwentement, Panasonic issostni li, jekk Toshiba jirnexxielha tikseb digriet mill-Qorti tal-Ġustizzja li jannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali sa fejn ma tannullax id-deċiżjoni kkontestata u/jew tannulla jew tnaqqas il-multa fir-rigward tal-perijodu ta’ żmien li għalih Toshiba nstabet responsabbli flimkien u in solidum għal ksur ma’ Panasonic u MTPD, il-Qorti Ġenerali tkun żbaljat ukoll meta ma tatx lil Panasonic u lil MTPD l-istess tnaqqis kif kellu jingħata lil Toshiba.


    Top