Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015IE0561

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Is-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment (TTIP) u l-impatt tagħha fuq l-SMEs” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

ĠU C 383, 17.11.2015, p. 34–43 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

17.11.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 383/34


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Is-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment (TTIP) u l-impatt tagħha fuq l-SMEs”

(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2015/C 383/06)

Relatur:

is-Sinjura Emmanuelle BUTAUD-STUBBS

Korelatur:

is-Sur Panagiotis GKOFAS

Nhar il-11 ta’ Diċembru 2014, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

It-TTIP u l-impatt tagħha fuq l-SMEs.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar il-11 ta’ Ġunju 2015.

Matul il-509 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-1 u t-2 ta’ Lulju 2015 (seduta tat-2 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’187 vot favur, 2 voti kontra u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Minħabba l-importanza tal-SMEs fl-ekonomija Ewropea, il-KESE jqis essenzjali, b’mod partikolari fid-dawl tal-effetti fuq l-impjieg u d-deontoloġija, li ssir valutazzjoni tal-impatt li tispeċifika, għal kull settur u Stat Membru, il-konsegwenzi prevedibbli għall-SMEs Ewropej jekk tidħol fis-seħħ it-TTIP, skont it-termini attwali tan-negozjati.

1.2.

Iż-żewġ studji mwettqa mid-DĠ Kummerċ dwar l-SMEs, wieħed dwar l-isfidi u l-opportunitajiet għall-SMEs li jesportaw inġenerali (1), u l-ieħor aktar reċenti ta’ April 2015 li jikkonċerna b’mod partikolari l-SMEs u s-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment (TTIP) (2), ċertament huma utli, iżda ma jkoprux l-aspetti kollha. Dawn huma rilevanti biex jippreżentaw ċerti diffikultajiet relatati mal-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs u l-ostakli li dawn jiffaċċjaw mil-lat kummerċjali u dak tar-regolamentazzjoni iżda ma jagħtux stampa preċiża, sostanzjata u elenkata fid-dettall, għal kull settur u Stat Membru, tal-impatt li jista’ jkollha t-TTIP fuq l-intrapriżi li jesportaw u dawk li ma jesportawx, li jkunu integrati fid-diversi ktajjen ta’ valur.

1.3.

Għaldaqstant, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni Ewropea twettaq analiżi tal-impatt ġdida dwar l-SMEs u l-intrapriżi ż-żgħar ħafna (Very Small Enterprises – VSEs), il-mikrointrapriżi u l-professjonijiet liberi, kemm jekk jesportaw jew le, sabiex jitkejjel l-impatt potenzjali ta’ suq trans-Atlantiku integrat fis-setturi ta’ attività tagħhom (is-settur tal-agrikoltura u dak agroalimentari, it-turiżmu, l-artiġjanat, il-lukandi, l-industrija tal-forniment tal-ikel u x-xorb, il-manifattura, is-servizzi, eċċ.). Huwa essenzjali li jkun jista’ jiġi antiċipat kif dawn l-intrapriżi ser jintlaqtu mill-ftuħ ta’ suq trans-Atlantiku iktar integrat. It-TTIP ser iġġib magħha bidla fil-mudell ekonomiku tagħhom, il-metodi ta’ produzzjoni tagħhom, l-oqfsa regolatorji tagħhom, in-natura tas-servizzi jew l-istrateġiji tagħhom għall-investiment u l-impjieg fi ħdan il-qafas ta’ żona ġdida ta’ kompetizzjoni?

1.4.

Il-KESE jixtieq jieħu l-opportunità pprovduta min-negozjati mal-Istati Uniti sabiex isir monitoraġġ aħjar taż-żewġ politiki ta’ appoġġ għall-SMEs fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku permezz ta’ approċċ ibbażat fuq l-evidenza (eż. valutazzjoni komparattiva tal-akkwist pubbliku u l-SMEs, l-aċċess għall-finanzi u għall-kundizzjonijiet tas-suq tal-kapital, il-ġestjoni tad-diżastri, l-aċċess għall-informazzjoni tas-suq/rekwiżiti u l-istandards dwar in-negozji ż-żgħar (Small Business Standards)). Mingħajr l-ebda dubju, bis-saħħa ta’ din il-valutazzjoni komparattiva, jistgħu jiġu identifikati miżuri ġodda rilevanti fil-qasam tal-appoġġ għall-SMEs biex b’hekk tissaħħaħ l-implimentazzjoni tas-“Small Business Act” (SBA) għall-Ewropa. Il-Kumitat bħalissa qed iħejji Opinjoni dwar is-suġġett (INT/755) li ssegwi l-opinjonijiet preċedenti dwar l-istess suġġett. Huwa jqis li issa wasal iż-żmien li l-istituzzjonijiet Ewropej jikkunsidraw l-appell li sar mill-organizzazzjonijiet Ewropej u nazzjonali tal-SMEs għal “SBA” legalment vinkolanti u koordinazzjoni akbar bejn il-politiki industrijali u kummerċjali. Jeħtieġ ukoll li n-netwerk tar-“Rappreżentanti tal-SMEs” jinbidel f’awtorità aktar effettiva u ġenwina ta’ koordinazzjoni, monitoraġġ u infurzar tal-politika tal-SMEs fis-suq intern, bl-appoġġ tal-ħtiġiet emerġenti tal-SMEs u s-soluzzjonijiet adatti għalihom.

1.4.1.

Il-kategorija nnifisha tal-SMEs fi ħdan l-UE hija waħda eteroġenja ħafna, b’perċentwal għoli ta’ intrapriżi żgħar ħafna b’inqas minn disa’ impjegati. Barra minn hekk, din id-distribuzzjoni tal-SMEs skont id-daqs tvarja ħafna minn Stat Membru għal ieħor. L-istess jgħodd għall-professjonijiet liberi, regolati u mhux regolati. Minħabba l-preżenza qawwija ta’ mikrointrapriżi fil-kummerċ, l-industrija u l-artiġjanat, il-KESE jirrakkomanda li l-KE f’koordinazzjoni mal-awtoritajiet tal-Istati Membri l-aktar konċernati (inklużi instituti u universitajiet ta’ riċerka pubbliċi/privati), jorganizzaw kampanji ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ informazzjoni fil-livell lokali u seminars ta’ taħriġ sabiex jinftiehmu aħjar id-diversi kapitoli tat-TTIP u s-setturi koperti, l-opportunitajiet involuti u l-punti relatati li jeħtieġ li jiġu ssorveljati.

1.4.2.

Il-professjonijiet liberi – regolati u mhux regolati – fl-UE għandhom karatteristiċi partikolari u jirrappreżentaw sistema ta’ servizzi sensittivi provduti fl-interess tal-klijent u tal-pubbliku inġenerali.

1.5.

Il-KESE bi pjaċir jinnota li hemm kapitolu dedikat għall-SMEs f’dawn in-negozjati iżda jixtieq li jittejjeb il-kontenut u, għalhekk, qed iressaq il-proposti tiegħu fis-sezzjoni dwar il-kummenti speċifi. Il-kontenut attwali propost mill-Kummissjoni Ewropea għandu jiġi supplementat f’għadd ta’ aspetti, inklużi l-arranġamenti għar-rappreżentanza tal-SMEs fil-Kumitat futur tal-SMEs u l-missjonijiet tiegħu.

Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u l-awtoritajiet kompetenti l-oħra biex jintroduċu kapitolu għall-SMEs b’mod permanenti fin-negozjati kummerċjali attwali u futuri, fejn jiġu kkunsidrati l-interessi tal-SMEs tal-UE sabiex il-benefiċċji potenzjali jitwasslu f’reġjuni u swieq differenti.

Dan, flimkien mal-applikazzjoni tal-prinċipju “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” fil-politiki tal-kummerċ, jiggarantixxi li l-SMEs jistgħu u għandhom ikunu l-benefiċjarji u l-ewwel atturi tal-proċessi ta’ globalizzazzjoni.

1.6.

Il-KESE jitlob li r-rappreżentant tal-Kummissjoni Ewropea għall-SMEs jiżgura li l-intrapriżi ż-żgħar u l-mikrointrapriżi jiġu rrappreżentati fil-proċess tan-negozjati b’mill-inqas siġġu speċifiku fil-bord konsultattiv (TTIP Advisory Board), sabiex jingħeleb n-nuqqas ta’ informazzjoni, jiġi ggarantit l-għarfien speċjalizzat neċessarju f’diversi setturi u għall-konformità ma’ trasparenza bażika dwar informazzjoni/data ta’ interess komuni. Jirrakkomanda wkoll li jinħolqu miżuri ta’ appoġġ għall-organizzazzjonijiet ekonomiċi, professjonali u settorjali tal-SMEs fil-programmi ta’ appoġġ u s-servizzi konsultattivi tagħhom lill-SMEs u ‘l-mikrointrapriżi, kif ukoll miżuri ta’ finanzjament, jekk ikun hemm bżonn, bil-kooperazzjoni tal-korpi interessati fil-qasam tax-xjenza u r-riċerka. Il-KESE jitlob li jkun hemm rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki uċ- ċertifikazzjoni fil-livelli kollha tal-amministrazzjoni pubblika u li jkun hemm kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fl-akkwist pubbliku fil-livelli kollha (inklużi l-istati federali, ir-reġjuni u l-muniċipalitajiet).

2.   Kummenti ġenerali

2.1.    L-importanza tal-SMEs fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku

Għalkemm l-Ewropej u l-Amerikani għandhom definizzjonijiet differenti, l-“SMEs” jiżguraw il-biċċa l-kbira tal-attivitajiet ekonomiċi, il-valur miżjud u l-ħolqien tal-impjiegi, fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku. Din il-predominanza tfisser li mil-lat tal-valur miżjud u l-ħolqien tar-rabtiet, l-impatt kbir tas-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment (TTIP) fuq l-ekonomija ser ikun f’idejn l-SMEs u l-kapaċità tagħhom biex jaħtfu l-opportunitajiet biex jaħkmu swieq ġodda u jadattaw għas-sitwazzjoni l-ġdida. Diversi studji juru li l-SMEs żviluppati fil-livell internazzjonali jwasslu għal iktar innovazzjoni, jikbru iktar malajr u joħolqu iktar impjiegi u impjiegi b’pagi aħjar.

2.1.1.   L-SMEs fi ħdan l-Unjoni, iżda ħafna drabi dawn ikunu VSEs

Fl-UE, intrapriża żgħira jew ta’ daqs medju hija intrapriża li timpjega anqas minn 250 persuna u li l-fatturat annwali tagħha ma jaqbiżx l-EUR 50 miljun. Skont l-istatistika tal-Kummissjoni Ewropea, l-UE għandha aktar minn 20 miljun SME, li jirrappreżentaw 98 % tal-intrapriżi kollha, 67 % tal-popolazzjoni attiva u 58 % tal-valur miżjud gross. Bejn l-2002 u l-2010, l-SMEs Ewropej ipprovdew 85 % tal-ħolqien tal-impjiegi fl-UE.

Skont l-aktar rapport reċenti tal-Kummissjoni Ewropea, l-SMEs jipprovdu 28 % tat-total tal-esportazzjonijiet diretti lejn l-Istati Uniti, u dan jirrifletti kemm jista’ jsir aktar progress. Hemm iktar minn 7 90  000 intrapriża Ewropea li jesportaw lejn pajjiżi li mhumiex parti mill-UE, 6 19  000 minnhom huma SMEs li 3 53  000 minnhom huma VSEs b’inqas minn 9 impjegati, li juri li d-daqs tagħhom ma jżommhomx milli jesportaw (3).

Għall-kuntrarju, il-proporzjon ta’ SMEs Ewropej li qed jesportaw lejn l-Istati Uniti bħalissa għadu dgħajjef: skont ir-rapport imsemmi hawn fuq hemm 1 50  000 li minnhom 65  000 għandhom inqas minn 9 impjegati. Dan il-proporzjon, inqas minn 1 % tal-SMEs Ewropej, li jgħoddu ‘l fuq minn 20 miljun, jidher baxx ħafna. Ħafna SMEs u VSEs ta’ ċerti pajjiżi (pereżempju l-Italja) jokkupaw pożizzjoni importanti f’termini ta’ numru ta’ intrapriżi li jinnegozjaw ma’ swieq tal-Istati Uniti. Madankollu, l-istatistika tal-Eurostat tqis biss l-esportazzjonijiet diretti u mhux l-esportazzjonijiet indiretti, jiġifieri li ħafna SMEs/VSEs b’sottokuntratt jew li joperaw “minn negozju għal negozju” (B2B) jipproduċu prodotti jew servizzi intermedji li mbagħad jiġu assemblati biex jiġu esportati lejn l-Istati Uniti. Din iċ-ċifra modesta hija dovuta wkoll għar-rwol importanti li jaqdu l-SMEs u l-VSEs fl-ekonomija Ewropea b’rabta mal-ekonomija lokali (l-ekonomija wiċċ imb’wiċċ), li mhumiex interessati li jesportaw jew jinvestu barra mill-pajjiż. Min-naħa l-oħra, hemm potenzjal għal avvanz sinifikanti għall-intrapriżi li għandhom il-potenzjal li jesportaw jew li diġà jesportaw lejn pajjiżi terzi oħra.

2.1.2.   L-SMEs fl-Istati Uniti, intrapriżi aktar strutturati

Fl-Istati Uniti, l-SMEs huma intrapriżi b’inqas minn 500 impjegat, u f’xi setturi, b’1  000 jew anke 1  500 impjegat (4). Dawn l-intrapriżi – li għalhekk jistgħu jkunu ħafna drabi ikbar mill-kontropartijiet tagħhom fl-Unjoni Ewropea – huma wkoll is-sinsla tal-ekonomija Amerikana. It-28 miljun SME fl-Istati Uniti jirrappreżentaw 99 % tal-intrapriżi kollha Amerikani, jimpjegaw aktar minn 50 % tal-ħaddiema tas-settur privat tal-Istati Uniti u jipprovdu 65 % tal-ħolqien nett ta’ impjiegi f’dan is-settur.

2.2.    L-importanza tat-TTIP għall-SMEs

2.2.1.

Minħabba d-daqs tagħhom, l-SMEs ħafna drabi jkunu żvantaġġati b’mod eċċessiv minħabba t-tariffi għoljin u r-rekwiżiti regolatorji li jaffettwaw il-kummerċ trans-Atlantiku peress li jeħtieġu aktar riżorsi u ħiliet mill-intrapriżi l-kbar biex jegħlbu l-ostakli kummerċjali mil-lat ta’ volum u ta’ valur. Għal dawn ir-raġunijiet, dawn ser jibbenefikaw mill-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tariffarja u mhux tariffarja previsti fil-Ftehim Trans-Atlantiku. Fl-Opinjoni tiegħu dwar “Ir-relazzjonijiet trans-Atlantiċi kummerċjali u l-fehma tal-KESE dwar il-kooperazzjoni mtejba u ftehim ta’ kummerċ ħieles eventwali bejn l-UE u l-Istati Uniti”, il-KESE diġà għamel inventarju ta’ opportunitajiet u punti ta’ monitoraġġ tas-suġġetti kollha koperti min-negozjati (5).

2.2.2.

Wieħed mill-benefiċċji ewlenin mistennija mit-TTIP għall-SMEs jinsab fir-riżultati fil-qasam tal-kooperazzjoni regolatorja, li tista’ twassal għall-armonizzazzjoni u l-approssimazzjoni ta’ ċerti regoli u għar-rikonoxximent reċiproku tal-ispezzjoni u taċ-ċertifikazzjoni. Madankollu, f’din l-okkażjoni l-KESE jixtieq ifakkar dwar l-impenn sod taż-żewġ partijiet li t-TTIP mhux ser jintuża biex jitnaqqsu l-istandards tekniċi eżistenti. Għaldaqstant, tista’ tkun promettenti ħafna analiżi tal-valur miżjud li twassal mill-esperjenza tal-assoċjazzjoni Ewropea Small Business Standard (SBS), bl-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea fi sħubija mal-aktar organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-SMEs. Il-kooperazzjoni regolatorja għandha tkun trasparenti u tirrispetta l-awtonomija regolatorja tal-Istati Membri u l-Unjoni Ewropea filwaqt li tinżamm il-kapaċità tagħhom li jadottaw miżuri li jidhrilhom xierqa bħall-ħarsien tas-saħħa, tal-konsumatur, tal-ħaddiema u tal-ambjent.

2.3.    L-iżvilupp tal-SMEs fil-livell internazzjonali

Skont id-WTO, l-iżvilupp tal-SMEs fil-livell internazzjonali jista’ jinqasam f’erba’ stadji:

l-esportazzjonijiet diretti lejn pajjiż barrani;

l-esportazzjonijiet bl-għajnuna ta’ professjonisti indipendenti barranin;

il-ħolqien ta’ sussidjarji barra mill-pajjiż;

l-istabbiliment ta’ infrastruttura barra mill-pajjiż biex jipproduċu u jbigħu fil-pajjiż fil-mira tal-esportazzjonijiet.

F’kull stadju, l-SMEs għandu jkollhom informazzjoni, kapaċitajiet ta’ konformità amministrattiva u riżorsi umani u finanzjarji addizzjonali, sa fejn ikun meħtieġ, qabel ma jibdew jesportaw prodotti u/jew servizzi, u jkollhom għarfien tajjeb tar-regoli tas-suq ikkonċernat. Huma għandhom imbagħad ikunu jistgħu jiżviluppaw strateġija fit-tul biex jistabbilixxu lilhom infushom fil-pajjiż tal-esportazzjoni u fl-aħħar mill-aħħar jintegraw bis-sħiħ permezz tal-intrapriżi lokali li jħaddmu r-riżorsi umani lokali b’konformità mar-regolamenti tal-post. Naturalment, l-ekonomija diġitali tista’ tgħin lill-SMEs biex jinternazzjonalizzaw ruħhom iktar malajr. L-espansjoni rapida tal-kummerċ elettroniku toffri lill-intrapriżi ż-żgħar opportunitajiet iktar estensivi ta’ negozju, inkluż fis-settur tal-prodotti għall-konsumatur (kummerċ bejn l-intrapriża u l-konsumaturi – B2C) u, għall-professjonijiet liberi, anke fis-settur B2B.

L-analiżi tal-Kummissjoni Ewropea turi wkoll li hemm rabta bejn id-daqs tal-intrapriża u l-volumi esportati. L-SMEs jirrappreżentaw 81 % tal-intrapriżi li jesportaw, iżda biss 34 % tal-volumi esportati (6) iżda għandhom sehem ta’ aktar minn 50 % fi swieq speċjalizzati madwar id-dinja.

2.4.    Il-livell ta’ internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs fl-Istati Uniti u l-UE

Skont xi sorsi, l-SMEs Ewropej juru livell ogħla ta’ internazzjonalizzazzjoni minn dawk tal-Istati Uniti. Din id-differenza tista’ tiġi spjegata essenzjalment mill-parteċipazzjoni tal-SMEs Ewropej fis-suq intra-Ewropew, li l-iżvilupp tiegħu għadu ‘l bogħod milli jiġi kompletat: dan il-kummerċ jikkostitwixxi l-ewwel stadju tal-internazzjonalizzazzjoni tagħhom u, billi jtejbu l-għarfien tagħhom tas-swieq barranin, jgħinuhom ifittxu l-opportunitajiet barra mill-UE. Id-daqs ma jidhirx li jirrappreżenta fattur li jxekkel: f’ċerti Stati Membri, 90 % tal-intrapriżi li jesportaw huma SMEs u ċerti setturi, bħal dak tal-ħwejjeġ, is-settur agroalimentari, il-magni u l-għamara, huma partikolarment disposti għall-esportazzjoni.

Għalkemm l-istatistika dwar dan is-suġġett hija pjuttost skarsa u xi kultant diffiċli biex tiġi analizzata minħabba d-diversità fil-metodi u d-data li mhux dejjem tkun komparabbli, studji mwettqa għall-Kummissjoni Ewropea (7) juru li fl-UE 42 % tal-SMEs huma involuti f’xi forma ta’ internazzjonalizzazzjoni.

L-internazzjonalizzazzjoni ta’ intrapriża sikwit tkun marbuta ma’ fatturi bħal:

l-intensità tal-esportazzjoni tas-settur ta’ attività;

id-daqs tas-suq intern.

Il-livell ta’ internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs Ewropej huwa ogħla f’setturi bħal dak tal-kummerċ bl-ingrossa, it-tħaffir fil-minjieri, il-manifattura u l-bejgħ tal-karozzi, filwaqt li huwa relattivament żgħir f’oqsma bħas-servizzi legali, il-bini, is-settur tal-ippjanar u l-iżvilupp u s-servizzi marbuta mas-saħħa tal-bniedem, li min-natura tagħhom huma aktar dipendenti mill-prossimità mal-klijent jew il-pazjent (8).

Skont studju Amerikan dwar din il-kwistjoni (9), l-SMEs jirrappreżentaw mat-30 % tal-esportazzjonijiet merkantili Amerikani identifikati, li s-swieq destinatarji prinċipali tagħhom huma l-Kanada u l-Messiku, jiġifieri kuntratti fil-qafas tan-NAFTA. Il-makkinarju u l-prodotti elettriċi u kimiċi huma fost il-kategoriji ewlenin tal-bejgħ barra l-pajjiż. Id-data li tikkonċerna l-esportazzjonijiet ta’ servizzi tal-SMEs Amerikani hija konċiża ferm iżda, skont xi stimi, is-servizzi professjonali jikkostitwixxu s-settur li jipprovdi parti sostanzjali tal-attività ta’ esportazzjoni Amerikana.

2.5.    Ir-rwol attwali tal-SMEs fin-negozjati trans-Atlantiċi ta’ kummerċ u ta’ investiment

Il-kummerċ trans-Atlantiku bilaterali huwa kkaratterizzat minn proporzjon għoli ta’ kummerċ bejn kumpaniji multinazzjonali. Minn dan isegwi li l-parti l-kbira ta’ dan il-kummerċ bilaterali speċifiku tikkonsisti minn fluss ta’ servizzi u ta’ merkanzija bejn il-gruppi, iżda wkoll il-kummerċ tal-liċenzji u d-drittijiet relatati mal-proprjetà intellettwali u movimenti ta’ kapital bejn il-kumpaniji prinċipali u s-sussidjarji tagħhom.

L-istudju tal-Kummissjoni dwar l-SMEs u t-TTIP jindika li l-SMEs jirrappreżentaw 28 % tal-esportazzjonijiet Ewropej f’dak li jirrigwarda l-volum fl-2012. Din iċ-ċifra hija aktar baxxa mill-medja tal-esportazzjonijiet tal-SMEs skont il-volum għas-swieq kollha barra mill-UE, li huwa ta’ 32 %. Din iċ-ċifra għandha wkoll titqies fid-dawl tal-perċentwal tas-suq tal-SMEs fost l-intrapriżi li jesportaw lejn l-Istati Uniti, li huwa ta’ 88 %, konsiderevolment ogħla mill-perċentwal tal-medja tal-SMEs li jesportaw barra l-UE, li hija ta’ 78 %. Dawn iċ-ċifri jikkonfermaw l-ipotesi li parti kbira tal-volum tal-esportazzjonijiet tiġi ġġenerata minn kummerċ bejn il-gruppi, u hawn jinstab il-potenzjal li jista’ jirrappreżenta ftehim trans-Atlantiku biex tingħata spinta lill-esportazzjonijiet u lill-investiment tal-SMEs Ewropej. Madankollu, għandu jiġi nnutat li din iċ-ċifra ma tqisx l-esportazzjonijiet indiretti tal-SMEs Ewropej li, bħala sottokuntratturi u manifatturi ta’ prodotti nofshom lesti, ikunu involuti fit-tħejjija ta’ prodotti lesti kumplessi esportati lejn l-Istati Uniti. Fil-livell tal-Istati Membri, hemm differenza kbira fl-għadd ta’ SMEs li jesportaw u l-volumi esportati.

M’għandna l-ebda ċifra eżatta għan-numru ta’ SMEs Amerikani li jesportaw lejn l-UE u l-volum ta’ dawn l-esportazzjonijiet. Madankollu, l-SMEs fl-Istati Uniti jirrappreżentaw 33 % tal-esportazzjonijiet Amerikani (10), jiġifieri proporzjon viċin ħafna għal dak osservat fl-Unjoni Ewropea.

2.6.    L-ostakli ewlenin li jiffaċċjaw l-SMEs

Minħabba d-daqs tagħhom, l-SMEs jiffaċċjaw b’mod ġenerali aktar diffikultajiet biex jippenetraw is-swieq barranin, biex ikopru l-ispejjeż addizzjonali minħabba l-volumi baxxi tal-kummerċ u biex jadattaw għar-regolamenti lokali. Skont Sergio Arzeni, Direttur taċ-Ċentru għall-Intraprenditorija, l-SMEs u l-Iżvilupp Lokali tal-OECD, l-ispejjeż għall-konformità jistgħu jkunu proporzjonalment minn għaxar sa tletin darba ogħla għall-SMEs milli għall-intrapriżi l-kbar (11).

Fi ftit kliem, jista’ jingħad li l-SMEs, huma u jinternazzjonalizzaw ruħhom, jiffaċċjaw diffikultajiet li jirriflettu d-daqs żgħir u r-riżorsi limitati tagħhom, li jeħtieġ li jegħlbu saħansitra qabel ma jiġu indirizzati l-ostakli speċifiċi għall-kummerċ jew l-investiment, bħal:

l-ostakli b’rabta mal-aċċess għall-finanzjament tal-esportazzjonijiet;

in-nuqqas ta’ informazzjoni u data aġġornata dwar ir-rekwiżiti relatati ma’ prodotti/servizzi;

l-għarfien insuffiċjenti tas-suq li fih jixtiequ jbigħu l-prodotti jew is-servizzi tagħhom (stħarriġ tas-suq);

id-diffikultajiet biex isibu klijenti potenzjali u biex jiġu f’kuntatt magħhom;

persunal mingħajr it-taħriġ adegwat biex jamministra żvilupp internazzjonali jew biex jistabbilixxi kuntatti ma’ investituri jew importaturi;

nuqqas ta’ inċentivi u appoġġ mill-awtoritajiet pubbliċi, kif ukoll ċertu piż amministrattiv tal-politiki pubbliċi ta’ appoġġ;

l-ostakli kulturali u lingwistiċi;

regolamentazzjoni u sistemi inkonsistenti għall-adattament u r-rikonoxximent tal-kwalifiki u l-awtorizzazzjonijiet kummerċjali.

L-ewwel ħtieġa tal-SMEs hi li, filwaqt li jitqiesu n-nuqqasijiet imsemmija, ikollhom servizzi adattati ta’ appoġġ u ta’ konsulenza (segwitu individwali (coaching) u mentoring) li jiġu provduti b’mod ġenerali mill-organizzazzjonijiet professjonali u settorjali tagħhom.

Fir-rigward tal-ostakli għall-kummerċ u l-investiment li jħabbtu wiċċhom magħhom l-intrapriżi Ewropej fl-Istati Uniti, jidher relattivament diffiċli biex dawn jiġu klassifikati minħabba li l-intrapriżi ta’ spiss jiddeskrivu l-ostakli ffaċċjati u mhux bilfors jikklassifikawhom f’kategorija speċifika. Hemm ukoll differenza bejn l-ostakli perċepiti mill-intrapriżi li ma jesportawx u l-ostakli reali li jiltaqgħu magħhom l-intrapriżi li jesportaw. Madankollu, permezz ta’ diversi studji u stħarriġ li saru (12), huwa possibbli li wieħed jiddeskrivi l-ostakli ewlenin kif ġej:

il-livelli differenti ħafna tar-responsabbiltà u l-possibbiltà li tinħareġ assigurazzjoni bi prezzijiet konformi mas-suq;

l-ispejjeż tal-esportazzjoni (minbarra d-dazju doganali) bħala kontribuzzjoni għall-ispejjeż tat-trasport, it-tul u l-kumplessità tal-formalitajiet doganali u l-ħtieġa li jkollhom jew li jħallsu aġent fid-dwana u, b’mod partikolari fl-Istati Uniti, assigurazzjoni kontra l-possibbiltà ta’ riżarċiment tad-dannu għal responsabbiltà (liability claims);

id-diffikultajiet fl-aċċess għall-kreditu għall-esportazzjoni;

it-taxxi u d-dazji doganali, li għadhom ostaklu kbir għal ċerti setturi bħat-tabakk, it-tessuti u l-ħwejjeġ;

il-kumplessità tar-regoli dwar l-oriġini u l-ispiża taċ-ċertifikati ta’ oriġini;

il-konformità mar-regoli tekniċi jew sanitarji u fitosanitarji differenti u ċ-ċertifikazzjonijiet u l-ispezzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ dawn ir-regoli;

ir-regolamenti tekniċi u sanitarji meħtieġa biss f’ċerti Stati Amerikani jew regoli diverġenti bejn l-Istati;

ir-rekwiżiti differenti f’dak li jirrigwarda l-kwalifiki u r-restrizzjonijiet tal-attività f’ċerti Stati federali individwali u f’ċerti distretti regolatorji lokali;

il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, b’mod partikolari n-nuqqas ta’ rispett għad-denominazzjonijiet ta’ oriġini u regoli differenti relatati mal-marki kummerċjali u l-privattivi;

l-ispiża tal-protezzjoni legali u s-sorveljanza tas-suq għall-intrapriżi Ewropej li jkollhom indikazzjonijiet ġeografiċi;

ir-restrizzjonijiet fuq l-akkwist pubbliku minħabba l-“Buy American Act” (Att dwar ix-xiri ta’ prodotti Amerikani) u t-tibdil regolari intiż biex jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu;

il-kumplessità tal-proċeduri għall-viżi, il-permessi ta’ residenza, ta’ xogħol u tal-eżerċitar ta’ attività fl-Istati Uniti;

ir-restrizzjonijiet jew il-liċenzji meħtieġa fil-livell federali jew fil-livell tal-Istati federati għal ċerti fornituri ta’ servizzi.

Dawn l-ostakli mhumiex speċifiċi għall-SMEs, iżda l-impatt tagħhom huwa aktar b’saħħtu u aktar dissważiv. Fit-TTIP, ħafna minnhom ser jiddaħħlu f’kapitoli speċifiċi li ser ikunu applikabbli għall-intrapriżi kollha mingħajr distinzjoni. Għalhekk, il-kapitolu dwar l-SMEs previst fit-TTIP ser ikollu għan pjuttost limitat: il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tal-SMEs kollha fis-suq trans-Atlantiku, permezz tal-għoti ta’ informazzjoni rilevanti u kooperazzjoni msaħħa bejn l-awtoritajiet pubbliċi inkarigati mill-SMEs.

2.7.    Ħtiġiet ta’ appoġġ għall-SMEs

2.7.1.

L-ewwel ħtieġa tal-SMEs, b’mod partikolari l-intrapriżi ż-żgħar u l-mikrointrapriżi, filwaqt li jitqiesu l-ostakli li jiffaċċjaw u r-riżorsi limitati tagħhom, hija li jkollhom servizzi adatti ta’ appoġġ u ta’ konsulenza, anke fir-rigward tat-taħriġ tal-impjegati (segwitu individwali (coaching) jew mentoring) li jiġu provduti b’mod ġenerali mill-organizzazzjonijiet ekonomiċi, professjonali u settorjali tagħhom. Jeħtieġ li jiġi żgurat li dawn l-organizzazzjonijiet ikollhom ir-riżorsi loġistiċi neċessarji biex ikunu jistgħu jinfurmaw u jagħtu parir lill-intrapriżi u jappoġġjawhom b’mod individwali, b’mod partikolari bl-użu tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE).

2.7.2.

Minbarra s-servizzi ta’ appoġġ u konsulenza adattati għal kull SME skont il-ħtiġiet u l-ispeċifiċitajiet tagħhom, l-intrapriżi għandu jkollhom il-mezzi meħtieġa għall-finanzjament tal-investimenti tanġibbli u intanġibbli tagħhom. Għal dan l-għan, minbarra l-FSIE, il-KESE jirrakkomanda li l-istrumenti finanzjarji tal-Programm COSME, inkluż il-kapital ta’ riskju u l-iskemi ta’ garanzija, ikunu aċċessibbli faċilment għall-SMEs, inklużi dawk lesti jinvestu fis-swieq tal-Istati Uniti.

2.7.3.

L-UE għandha tindirizza l-offerta tal-assigurazzjoni għall-esportazzjoni tal-prodotti u s-servizzi u tkompli tiżviluppa offerti kompatibbli mas-suq.

2.8.    Il-kapitolu attwali dwar l-SMEs fit-TTIP

Il-KESE bi pjaċir jinnota li hemm kapitolu dedikat b’mod esklużiv għall-SMEs fit-TTIP iżda jixtieq li jittejjeb il-kontenut tiegħu (ara l-proposti fis-sezzjoni dwar il-kummenti speċifiċi). Il-proposta tal-Unjoni Ewropea biex fit-TTIP tinkludi test legali dwar “L-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju” tressqet għad-dibattitu mal-Istati Uniti matul iċ-ċiklu tan-negozjati li sar mid-19 sat-23 ta’ Mejju 2014. Dan huwa kapitolu mingħajr preċedent għall-UE fi ftehim ta’ kummerċ ħieles. It-test sar pubbliku fis-7 ta’ Jannar 2015 (13). Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jieħdu l-forma ta’ Kapitolu X dedikat għall-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) u jindirizzaw diversi kwistjonijiet bil-għan li tiżdied il-parteċipazzjoni tal-SMEs fil-kummerċ u li jiġu skambjati prattiki tajbin.

2.8.1.   Kooperazzjoni fir-rigward tal-SMEs

Il-partijiet interessati għandhom jaqsmu l-informazzjoni bejniethom, joħolqu u jagħmlu disponibbli għodda u riżorsi fir-rigward tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, jikkomunikaw il-prattiki regolatorji tajbin, jappoġġjaw il-miżuri favur l-intrapriżi u jħeġġu l-kapital ta’ riskju u investiment fl-intrapriżi ż-żgħar biex jistimolaw il-kompetittività tal-SMEs fil-kummerċ dinji.

2.8.2.   Id-data tas-suq u l-iskambju tal-informazzjoni

Il-proposta attwali dwar l-Artikolu X(2) tikkonċerna l-iskambju tal-informazzjoni bejn il-partijiet interessati. Huwa rakkomandat li jinħoloq sit tal-Internet li jkollu t-tagħrif l-aktar rilevanti (bħat-test tas-Sħubija Trans-Atlantika, ir-regolamenti tad-dwana, reġistru tar-regolamenti tekniċi fis-seħħ, il-miżuri sanitarji u fitosanitarji, ir-regoli dwar l-akkwist pubbliku u l-proċeduri għar-reġistrazzjoni tal-intrapriżi). Il-programm għall-armonizzazzjoni tad-data dwar l-aktar oqsma ta’ interess rilevanti għall-SMEs għandu jkun soġġett għal analiżi konġunta mwettqa minn Task Force ad hoc ta’ esperti tal-UE u l-Istati Uniti.

Il-partijiet interessati għandhom jiżviluppaw bażi tad-data onlajn li jkun fiha l-kodiċijiet tan-nomenklatura doganali u r-rati tad-dazju kollha, ir-regoli ta’ oriġini u d-dispożizzjonijiet dwar l-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini, bil-lingwi kollha tal-UE.

2.8.3.   Servizz ta’ għajnuna teknika

It-test propost mill-Kummissjoni Ewropea jsemmi punt waħdieni ta’ informazzjoni (Artikolu X(2)(c)). Il-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku jappella wkoll għall-ħolqien ta’ servizz bħal dan. Sottonetwerk estiż ta’ punti ta’ informazzjoni bħal dawn, appoġġjat minn organizzazzjonijiet rappreżentattivi u affidabbli tal-SMEs b’kuntatti stabbiliti fl-ambjenti tan-negozju tal-UE u tal-Istati Uniti, jista’ jiggarantixxi ċertu impatt u kontribut akbar mill-awtoritajiet differenti u minn firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati.

2.8.4.   Ħolqien ta’ Kumitat tal-SMEs

Abbozz ta’ Artikolu X(4) għandu l-għan li jistabbilixxi Kumitat Trans-Atlantiku.

3.   Kummenti speċifiċi

3.1.    Il-kejl tal-impatt tad-differenzi fid-definizzjoni ta’ SME

L-Ewropej u l-Amerikani ma jinterpretawx bl-istess mod il-kunċett ta’ “SME” b’differenza possibbli ta’ mhux iżjed minn 250 u 1  000 impjegat. Barra minn hekk, fl-Istati Uniti, id-definizzjoni ta’ SME tvarja skont is-setturi ta’ attività (14); din id-definizzjoni tirreferi prinċipalment għall-kumpaniji li jimpjegaw inqas minn 500 persuna, iżda f’ċerti setturi ta’ attività jistgħu jinkludu sa 750, jew anke elf impjegat. Fil-biċċa l-kbira tal-oqsma, mhumiex definiti mil-lat tal-fatturat jew tal-karta tal-bilanċ totali annwali tagħhom.

Il-KESE jitlob lis-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea biex jistabbilixxu tabella dettaljata tad-definizzjoni tal-SMEs fl-Istati Uniti, settur b’settur, u, primarjament, biex jibdew il-ħidma biex jivverifikaw li dawn id-differenzi fid-definizzjoni ma jkunux ta’ ħsara għall-SMEs Ewropej li huma iżgħar.

3.1.1.

Il-professjonijiet liberi, regolati u mhux regolati, jirrappreżentaw tip partikolari ta’ SME li jeżisti f’diversi forom u gradi fl-Istati Membri kollha tal-UE. Huma joffru prodotti u servizzi bbażati fuq għarfien speċjalizzat, jistennew li l-klijenti tagħhom ikollhom fiduċja fihom u huma soġġetti għal rekwiżiti speċjali fir-rigward tal-indipendenza tagħhom. Minbarra l-importanza tagħhom bħala msieħba ekonomiċi, huma parti essenzjali tal-mudell soċjetali Ewropew.

3.2.    Valutazzjoni u monitoraġġ tal-impatt ta’ suq trans-Atlantiku estiż għall-intrapriżi li jesportaw u dawk li ma jesportawx

Minħabba l-importanza tal-SMEs fl-ekonomija Ewropea, il-KESE jqis essenzjali, b’mod partikolari fid-dawl tal-effetti fuq l-impjieg, li jitfassal pjan bil-għan li ssir valutazzjoni tal-impatt li tispeċifika b’mod preċiż, għal kull settur u Stat Membru, il-konsegwenzi prevedibbli għall-SMEs Ewropej jekk tidħol fis-seħħ it-TTIP, skont it-termini attwali tan-negozjati. Jeħtieġ li jitwettqu valutazzjonijiet tal-impatt ex-ante u ex-post dwar l-SMEs/il-VSEs, il-mikrointrapriżi u l-professjonijiet liberi, sew jekk jesportaw sew jekk le, sabiex jitkejjel l-impatt potenzjali tal-ħolqien ta’ suq trans-Atlantiku.

Il-Parlament Ewropew diġà wera interess fl-impatt tat-TTIP fuq l-industriji tal-manifattura u s-suq tal-enerġija u kkonkluda li ser ikun hemm impatt pożittiv iżda li jvarja skont is-setturi ta’ attività (15). Madankollu, l-impatt fuq setturi ta’ attività oħra, marbuta aktar mill-qrib mal-ekonomija lokali (l-agrikoltura, it-turiżmu, l-artiġjanat, il-lukandi, teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT), l-industrija tal-forniment tal-ikel u x-xorb, il-manifattura, ix-xogħol indipendenti, is-servizzi, il-professjonijiet liberi, eċċ.) ma ġiex studjat speċifikament.

Jeħtieġ li ċ-ċikli ta’ negozjati li jmiss tat-TTIP jiksbu riżultati ambizzjużi għas-settur agrikolu, b’enfasi speċjali fuq l-aċċess għas-suq, l-indikazzjonijiet ġeografiċi u l-miżuri sanitarji u fitosanitarji. Huwa imperattiv li jiġu preservati l-istandards għolja fis-seħħ fl-UE dwar is-sigurtà tal-ikel u s-saħħa tal-annimali u tal-bniedem.

Huwa essenzjali li jkun jista’ jiġi antiċipat kif dawn l-intrapriżi ser jiġu affettwati mill-ftuħ ta’ suq trans-Atlantiku iktar integrat. It-TTIP ser iġġib magħha bidla fil-mudell ekonomiku tagħhom, il-metodi ta’ produzzjoni tagħhom, in-natura tas-servizzi jew l-istrateġiji tagħhom għall-investiment u l-impjieg fi ħdan il-qafas ta’ żona ġdida ta’ kompetizzjoni? Jeħtieġ ukoll li jiġu previsti miżuri u politiki ta’ adattament li permezz tagħhom l-SMEs Ewropej kollha jkunu jistgħu jibbenefikaw kemm jista’ jkun mit-TTIP.

3.3.    Livell limitu de minimis ġdid għall-għajnuna lill-SMEs/VSEs biex “jittestjaw” is-suq fuq skala żgħira ħafna

Taħt il-limitu previst għal-limiti de minimis, ma ġiet imposta l-ebda liġi jew taxxa u l-proċeduri ta’ approvazzjoni doganali, inklużi r-rekwiżiti tad-data, huma minimi.

Hemm domanda mingħand il-Kunsill tal-Atlantiku u, b’mod ġenerali, rieda mill-Istati Uniti biex il-limiti fis-seħħ jogħlew għal USD 800 għall-pakketti mibgħuta mill-intrapriżi ż-żgħar lejn l-Istati Uniti jew l-Unjoni Ewropea – il-livelli attwali huma rispettivament USD 200 u EUR 150. Fl-UE, anke jekk il-prodotti jkunu eżentati mid-dazji doganali, il-VAT trid tinġabar għall-kunsinni ta’ valur ta’ aktar minn EUR 10 jew EUR 22 (skont l-Istat Membru).

Jekk jogħlew il-limiti de minimis għall-vjaġġaturi li jaslu bl-ajru u għall-pakketti, speċjalment fis-settur tal-prodotti għall-konsumatur, dan jgħin lill-SMEs, b’mod partikolari l-istart-ups ġodda, jibdew jesportaw fuq skala żgħira jew jużaw il-kummerċ elettroniku mingħajr ma jkollhom iħallsu dazji doganali. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-fattibbiltà ta’ din it-talba (impatt fuq id-dħul mid-dwana, id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, eċċ.). Il-KESE jilqa’ l-inizjattiva tal-Unjoni Ewropea biex toħloq bażi tad-data dwar “L-10 affarijiet li għandek tkun taf dwar il-kummerċ elettroniku” (16) (10 things to know when doing business online) għall-operaturi Ewropej li jesportaw il-prodotti tagħhom lejn Stati Membri oħra tal-UE. Il-Kumitat jemmen li bażi tad-data bħal din tista’ tiġi adattata wkoll għall-kummerċ trans-Atlantiku.

3.4.    Aċċess meħtieġ għall-informazzjoni rilevanti kollha permezz ta’ portal multilingwi

Il-KESE jappoġġja t-talba tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-ħolqien ta’ portal għall-SMEs u jixtieq jagħmel dawn it-talbiet:

l-informazzjoni kollha għandha tkun disponibbli bl-24 lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

is-software għandu jkun kemm jista’ jkun sempliċi u faċli biex jintuża;

kampjun ta’ SMEs fl-UE għandhom jittestjaw il-funzjonament tal-bażi tad-data biex jiġi żgurat li din l-għodda tindirizza l-ħtiġiet tagħhom;

il-bażi ta’ data għandha tinkludi wkoll interfaċċja umana b’tim responsabbli biex iwieġeb għal mistoqsijiet fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku.

Ir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-SMEs u t-TTIP juri b’mod ċar li proporzjon kbir tal-intrapriżi, filwaqt li jafu l-miżuri kollha li japplikaw għall-esportazzjonijiet tagħhom, ma jistgħux ikunu jafu jekk jittrattawx miżuri federali, miżuri tal-Istati federali jew standards privati. Għalhekk huwa importanti li l-awtoritajiet ikunu jistgħu jidentifikaw regolarment liema proċeduri u regolamenti huma kkunsidrati bħala partikolarment diffiċli għall-SMEs u jipprevedu forom speċifiċi ta’ spjegazzjoni u deskrizzjoni ta’ xi jrid isir biex jikkonformaw mar-rekwiżiti.

3.5.    Kumitat li jirrappreżenta l-SMEs, bi prerogattivi preċiżi

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon li d-djalogu diġà eżistenti ġie istituzzjonalizzat mill-awtoritajiet responsabbli għall-SMEs fil-livell Ewropew u dak Amerikan. Madankollu, iqis li huwa neċessarju li jkun hemm rappreżentanza adegwata tal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-SMEs fid-djalogu trans-Atlantiku dedikat għalihom u li l-kompożizzjoni tal-Kumitat futur tal-SMEs ma tkunx limitata biss għall-amministrazzjonijiet nazzjonali iżda tinfetaħ għall-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-SMEs/il-VSEs u l-mikrointrapriżi fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku. Ċerti dispożizzjonijiet regolatorji għall-SMEs ser ikollhom impatt sinifikanti wkoll fuq l-impjegati tagħhom u l-konsumaturi tal-prodotti tagħhom. Għaldaqstant, ir-rappreżentanti ta’ dawn il-gruppi ta’ interess ukoll għandhom ikunu preżenti bħala konsulenti fil-Kumitat futur tal-SMEs sabiex, sa mill-bidu nett, l-interessi tagħhom jiġu kkunsidrati kif imiss.

Il-KESE jipproponi li l-Kumitat futur tal-SMEs ikollu l-kompiti li ġejjin: il-monitoraġġ tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tat-TTIP għall-SMEs/il-VSEs u l-mikrointrapriżi u tal-effetti tagħhom fuq l-impjegati tagħhom u l-konsumaturi tal-prodotti għhom; it-twettiq tal-valutazzjonijiet tal-impatt; it-tressiq tal-proposti biex jiġu solvuti d-diffikultajiet li jiffaċċjaw l-SMEs/il-VSEs u l-mikrointrapriżi u l-impjegati tagħhom u l-konsumaturi tal-prodotti tagħhom; l-organizzazzjoni tal-komunikazzjoni lejn dawn l-intrapriżi, eċċ.

3.6.    Kampanja ta’ informazzjoni fil-livell nazzjonali u reġjonali

Huwa essenzjali li l-SMEs ikollhom aċċess għall-informazzjoni korretta biex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-opportunitajiet kummerċjali l-ġodda pprovduti mit-TTIP, f’dak li għandu x’jaqsam mal-eliminazzjoni tat-tariffi doganali, il-faċilitazzjoni tal-kummerċ jew il-kooperazzjoni regolatorja, sabiex ikun hemm approssimazzjoni jew rikonoxximent reċiproku tal-valutazzjonijiet ta’ konformità, tal-kwalifiki u tar-regolamenti fil-qasam tal-liġi tax-xogħol.

Din l-informazzjoni ma tistax titwassal biss permezz tas-siti tal-Internet. Sabiex l-SMEs ikunu jafu iktar dwar l-istrumenti u l-inizjattivi ta’ appoġġ pubbliku li huma disponibbli u jifhmuhom aħjar, għandha tiġi implimentata kampanja ta’ informazzjoni, immirata lejhom, li tlaqqa’ speċjalisti tal-kummerċ internazzjonali u esperti fl-esportazzjoni u l-investiment fl-Istati Uniti. B’mod ġenerali dawn għadhom mhux qed jagħtu kas l-għodod eżistenti li jistgħu jgħinu l-internazzjonalizzazzjoni tagħhom, bħall-bażi tad-data dwar l-Aċċess għas-Swieq u n-Netwerk Enterprise Europe. Biex jirnexxilhom jinternazzjonalizzaw u jiżviluppaw ruħhom f’pajjiż barrani, iridu jibdew billi jagħmlu sforz f’pajjiżhom; għalhekk, jeħtieġ li joqgħodu attenti għar-riżorsi u l-għajnuna li jistgħu jingħatawlhom fil-livell tal-Istati Membri, u, possibbilment, tal-UE.

Il-KESE jirrakkomanda wkoll li jinħoloq netwerk ta’ assoċjazzjonijiet ta’ SMEs Ewropej u Amerikani, bil-għan li jippromovu t-TTIP, abbażi ta’ approċċ ġenwin “minn isfel għal fuq”.

3.7.    Tisħiħ tal-politika Ewropea favur l-SMEs

3.7.1.

Huwa importanti li t-TTIP ma titqiesx bħala mod biex iżżarma t-trattament preferenzjali riżervat għall-SMEs fil-qafas tal-kuntratti tal-akkwist pubbliku fil-livell lokali u reġjonali. It-TTIP għandha żżomm dawn il-prijoritajiet, sakemm dawn japplikaw mingħajr distinzjoni għall-SMEs Ewropej u dawk Amerikani.

3.7.2.

Barra minn hekk, huwa essenzjali li, fil-proċess tan-negozjati, kif ukoll fil-kooperazzjoni regolatorja, il-prinċipju “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” ikun rispettat, b’tali mod li l-prijoritajiet u r-realtajiet tal-intrapriżi ż-żgħar u l-mikrointrapriżi jiġu kkunsidrati mill-bidu tal-proċess leġislattiv u li jiġu salvagwardjati l-interessi speċifiċi tagħhom. Għal dan l-għan, il-KESE jitlob li l-intrapriżi ż-żgħar u l-mikrointrapriżi jiġu rappreżentati speċifikament fil-bord konsultattiv (TTIP Advisory Board).

3.7.3.

Fir-rigward tal-kooperazzjoni regolatorja, għandu jkun jista’ jiġi offrut appoġġ imfassal apposta għall-SMEs, partikolarment l-intrapriżi ż-żgħar u l-mikrointrapriżi biex jgħinhom jikkonformaw mar-regolamenti.

3.7.4.

Għandu jiġi enfasizzat li numru kbir ta’ intrapriżi li x’aktarx jinvestu fis-suq trans-Atlantiku jew jesportaw lejh huma intrapriżi li jinnovaw u jeħtieġu regoli stretti u komprensibbli għall-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, kemm fl-Istati Uniti kif ukoll fl-Unjoni Ewropea.

3.7.5.

F’dak li għandu x’jaqsam mas-settur agroalimentari, jeħtieġ li tingħata attenzjoni speċjali lill-intrapriżi li jibbażaw il-produzzjoni tagħhom u l-proċessi relatati fuq kunsiderazzjonijiet etiċi, kulturali u ambjentali. Huwa essenzjali li jkompli jitrawwem il-kummerċ ta’ dawn il-prodotti li jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli. Jeħtieġ ukoll li tiġi żgurata protezzjoni adegwata tal-indikazzjonijiet ġeografiċi, li jirrappreżentaw garanzija għall-konsumaturi, kemm dwar l-oriġini tal-prodott kif ukoll il-metodi ta’ produzzjoni. L-UE ilha għal snin issegwi politika ta’ kwalità għall-prodotti tagħha: din hija waħda mir-raġunijiet ewlenin li tagħti vantaġġ kompetittiv lill-produtturi tal-UE, tagħti kontribut sinifikanti għall-preservazzjoni tat-tradizzjoni kulturali u gastronomika tagħha, u tappoġġja l-iżvilupp rurali permezz ta’ politiki ta’ għajnuna għas-swieq u għad-dħul tal-produtturi.

3.7.6.

F’Opinjoni oħra l-KESE jeżamina l-esperjenzi relatati mas-“Small Business Act” (SBA) fl-Istati Uniti u fl-UE biex jinftiehmu sew il-benefiċċji li s-Small Business Act Amerikan joffri lill-SMEs Amerikani fir-rigward tal-aċċess għall-akkwist pubbliku jew għall-finanzjament, pereżempju. Dan ser jagħmel possibbli li, fi żmien propizju, jiġi propost titjib u metodi ta’ ħidma iżjed effiċjenti f’dak li jirrigwarda l-SBA għall-Ewropa, biex isir aktar favorevoli għall-SMEs Ewropej u aktar vinkolanti.

Brussell, it-2 ta’ Lulju 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Nota tal-Ekonomista Prinċipali tad-DĠ Kummerċ “SMEs are more important than you think! Challenges and opportunities for EU exporting SMEs” (http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2014/september/tradoc_152792.pdf).

(2)  “Small and Medium Sized Entreprises and the Transatlantic Trade and Investment Partnership” (http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2015/april/tradoc_153348.pdf).

(3)  Ara n-nota 1 f’qiegħ il-paġna.

(4)  https://www.sba.gov/sites/default/files/files/Size_Standards_Table.pdf

(5)  ĠU C 424, 26.11.2014, p. 9.

(6)  Ara nota 1 f’qiegħ il-paġna.

(7)  L-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs – Rapport finali 2010. Annual report on European SMEs 2013/2014 (Rapport annwali 2013/2014 dwar l-SMEs Ewropej) (http://ec.europa.eu/growth/smes/business-friendly-environment/performance-review/files/supporting-documents/2014/annual-report-smes-2014_en.pdf, p. 62).

(8)  Ara nota 7 f’qiegħ il-paġna.

(9)  USITC, “Small and Medium-Sized Enterprises: Overview of Participation in U.S. Exports” (Il-parteċipazzjoni tal-SMEs fl-esportazzjonijiet tal-Istati Uniti), 2010 (http://www.usitc.gov/publications/332/pub4125.pdf).

(10)  “The Transatlantic Trade and Investment Partnership – Big Opportunities for Small Business” (Opportunitajiet kbar għall-intrapriżi ż-żgħar), Atlantic Council (http://www.atlanticcouncil.org/images/publications/TTIP_SME_Report.pdf, p. 3).

(11)  OMC, wt/COMTD/AFT/W/53, p. 23.

(12)  “The Transatlantic Trade and Investment Partnership – Big Opportunities for Small Business” (Opportunitajiet kbar għall-intrapriżi ż-żgħar), Atlantic Council, (http://www.atlanticcouncil.org/images/publications/TTIP_SME_Report.pdf, p. 3); “Small and Medium Sized Entreprises and the Transatlantic Trade and Investment Partnership” (L-SMEs u t-TTIP) (http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2015/april/tradoc_153348.pdf); “Small companies in a big market” (Kumpaniji żgħar f’suq kbir) (http://www.svensktnaringsliv.se/english/publications/small-companies-in-a-big-market-how-a-free-trade-agreement-betwee_611404.html).

(13)  http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2015/january/tradoc_153028.pdf

(14)  https://www.sba.gov/sites/default/files/files/Size_Standards_Table.pdf

(15)  Kumitat ITRE “TTIP impact on European Energy markets and manufacturing industries” (L-impatt tat-TTIP fuq is-swieq Ewropej tal-enerġija u l-industriji tal-manifattura), 2015 (http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2015/536316/IPOL_STU(2015)536316_EN.pdf).

(16)  https://ec.europa.eu/growth/tools-databases/dem/watify/selling-online?language=en


Top