EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015XG0801(03)

Avviż għall-attenzjoni tal-persuni, il-gruppi u l-entitajiet fil-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu (ara l-Anness tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1325)

ĠU C 253, 1.8.2015, p. 4–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

1.8.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 253/4


Avviż għall-attenzjoni tal-persuni, il-gruppi u l-entitajiet fil-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu

(ara l-Anness tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1325)

(2015/C 253/03)

L-informazzjoni li ġejja hija miġjuba għall-attenzjoni tal-persuni, il-gruppi u l-entitajiet elenkati fir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1325 (1).

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ddetermina li r-raġunijiet għall-inklużjoni tal-persuni, il-gruppi u l-entitajiet li jidhru fil-lista msemmija hawn fuq ta’ persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għall-miżuri restrittivi previsti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2580/2001 tas-27 ta’ Diċembru 2001, dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu (2), għadhom validi. Konsegwentement, il-Kunsill iddeċieda li jżomm dawk il-persuni, il-gruppi u l-entitajiet fil-lista.

Ir-Regolament (KE) Nru 2580/2001 jipprevedi l-iffriżar tal-fondi, l-assi finanzjarji u r-riżorsi ekonomiċi l-oħrajn kollha li jappartjenu lill-persuni, il-gruppi u l-entitajiet ikkonċernati u li l-ebda fondi, assi finanzjarji u riżorsi ekonomiċi oħrajn ma jistgħu jsiru disponibbli għalihom, kemm direttament jew indirettament.

Qed tinġibed l-attenzjoni tal-persuni, il-gruppi u l-entitajiet ikkonċernati għall-possibbiltà li ssir applikazzjoni quddiem l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat(i) Membru/i rilevanti kif elenkati fl-Anness għar-Regolament, sabiex tinkiseb awtorizzazzjoni biex il-fondi ffriżati jintużaw għal ħtiġijiet essenzjali jew ħlasijiet speċifiċi skont l-Artikolu 5(2) ta’ dak ir-Regolament.

Il-persuni, gruppi jew entitajiet ikkonċernati jistgħu jippreżentaw talba biex jiksbu dikjarazzjoni tar-raġunijiet tal-Kunsill għall-inklużjoni tagħhom fil-lista msemmija hawn fuq (dment li d-dikjarazzjoni tar-raġunijiet ma tkunx ġiet diġà kkomunikata lilhom). Din it-talba għandha tintbagħat fl-indirizz li ġej:

Kunsill tal-Unjoni Ewropea (Attn: CP 931 designations)

Rue de la Loi/Wetstraat 175

1048 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

indirizz elettroniku: sanctions@consilium.europa.eu

Il-persuni, il-gruppi u l-entitajiet ikkonċernati jistgħu jippreżentaw fi kwalunkwe ħin talba lill-Kunsill, flimkien ma’ kwalunkwe dokumentazzjoni ta’ appoġġ, biex id-deċiżjoni biex jiġu inklużi u miżmuma fil-lista tiġi kkunsidrata mill-ġdid, fl-indirizz ipprovdut hawn fuq. Tali talbiet ikunu kkunsidrati meta jiġu riċevuti. F’dan ir-rigward, qed tinġibed l-attenzjoni tal-persuni, il-gruppi u l-entitajiet ikkonċernati għar-reviżjoni regolari mill-Kunsill tal-lista skont l-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK (3). Sabiex it-talbiet jiġu kkunsidrati fir-reviżjoni li jmiss, huma għandhom jiġu ppreżentati sas-27 ta’ Ottubru 2015.

Qed tinġibed ukoll l-attenzjoni tal-persuni, il-gruppi u l-entitajiet ikkonċernati għall-possibbiltà li jikkontestaw ir-Regolament tal-Kunsill quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, konformement mal-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 263(4) u (6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.


(1)  ĠU L 206, 1.8.2015, p. 12.

(2)  ĠU L 344, 28.12.2001, p. 70.

(3)  ĠU L 344, 28.12.2001, p. 93.


Top