EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014IE5123

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Is-sitwazzjoni wara l-iskadenza tas-sistema tal-kwota tal-ħalib fl-2015” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

ĠU C 242, 23.7.2015, p. 24–30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

23.7.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 242/24


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Is-sitwazzjoni wara l-iskadenza tas-sistema tal-kwota tal-ħalib fl-2015”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2015/C 242/04)

Relatur:

M. Padraig WALSHE

Nhar l-10 ta’ Lulju 2014, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji Opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

“Is-sitwazzjoni wara l-iskadenza tas-sistema tal-kwota tal-ħalib fl-2015” (opinjoni fuq inizjattiva proprja).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-8 ta’ Jannar 2015.

Matul il-504 sessjoni plenarja tiegħu fil-21 u t-22 ta’ Jannar 2015 (seduta tal-21 ta’ Jannar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’219-il vot favur, vot wieħed (1) kontra u 14-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE iqis l-abolizzjoni tas-sistema tal-kwota tal-ħalib mill-31 ta’ Marzu 2015, kif ġie deċiż fl- 2008, bħala bidla fundamentali. Mill-introduzzjoni ta’ dan il-mekkaniżmu komprensiv ta’ kontroll tal-produzzjoni fl-1 ta’ April 1984, maż-żmien sar dejjem aktar ċar li l-prezzijiet tal-ħalib u d-dħul tal-bdiewa ma ġewx appoġġjati u stabilizzati b’mod biżżejjed effikaċi u li l-produzzjoni tal-ħalib fl-UE naqset, filwaqt li l-produzzjoni tal-ħalib fid-dinja żdiedet b’mod qawwi.

1.2.

Il-KESE jsostni li l-politika tal-prodotti tal-ħalib tal-UE wara l-iskadenza tas-sistema tal-kwota tal-ħalib, jiġifieri wara l-2015, mhux biss għandha tippermetti li jkun hemm tkabbir u espansjoni, iżda għandha wkoll tkun obbligata li tevita l-abbandun ta’ bhejjem tal-ħalib u tipprovdi appoġġ għal bdiewa iżgħar speċjalment f’żoni żvantaġġati u reġjuni muntanjużi. Hija għandha tippermetti li l-bdiewa tal-UE, u fl-aħħarnett l-ekonomija tal-UE, jibbenefikaw mis-swieq globali tal-ħalib li qed jikbru, filwaqt li tagħraf u trawwem il-kontribut ekonomiku u soċjali ugwalment importanti li sar mill-irziezet tal-ħalib żvantaġġati fuq skala żgħira f’ħafna reġjuni Ewropej

1.3.

Il-KESE jemmen li dan għandu jsir billi jintużaw b’mod sħiħ id-dispożizzjonijiet tal-Pilastru II tal-PAK 2014-2020 u l-Pakkett tal-Ħalib, biex jiġi żgurat li l-familji tal-irziezet tal-ħalib jistgħu jkunu sostnuti fit-territorju kollu. Għandha titiħeġġeġ il-parteċipazzjoni f’organizzazzjonijiet tal-produtturi li jistgħu jgħinu lill-bdiewa jtejbu l-pożizzjoni tagħhom fil-katina tal-provvista, u l-miżuri ta’ trasferiment tal-għarfien għandhom ikunu mmirati biex jgħinu lill-bdiewa jtejbu l-effiċjenzi tekniċi u ekonomiċi.

1.4.

Madankollu, il-KESE jqis li l-baġits u l-miżuri tal-Pilastru II, jew il-miżuri fil-Pakkett tal-Ħalib li issa jifforma parti mill-PAK 2014-2020, żgur mhux se jkunu biżżejjed biex jipproteġu lill-bdiewa tal-ħalib vulnerabbli ġewwa jew barra miż-żoni żvantaġġati jew muntanjużi. Jistgħu jkunu meħtieġa miżuri addizzjonali biex jiġi żgurat li dawk il-bdiewa jirċievu dħul vijabbli u sehem ġust tar-redditi tas-suq. Huma għandhom jibbenefikaw ukoll minn servizzi ta’ konsulenza dwar l-effiċjenza tal-produzzjoni, id-diversifikazzjoni u l-orjentazzjoni mill-ġdid biex jgħinuhom jagħmlu l-aħjar deċiżjonijiet għall-futur tagħhom u dak tas-suċċessuri tagħhom, meta wieħed iżomm f’moħħu l-limitazzjonijiet ta’ intrapriżi żvantaġġati f’termini ta’ kapaċità ta’ ġenerazzjoni tad-dħul.

1.5.

Il-KESE jqis bħala kritiku wkoll il-bżonn li jiġi żgurat li l-bdiewa tal-ħalib kummerċjali u kompetittivi fl-oqsma kollha, inklużi dawk aktar adatti għall-produzzjoni tal-ħalib sostenibbli u kompetittiva għall-esportazzjoni, jitħallew ikabbru l-intrapriżi tagħhom biex jirrispondu għad-domanda globali li dejjem qed tikber b’rata mgħaġġla, u b’hekk jiġġeneraw żieda fl-impjiegi u d-dħul għall-ekonomija fiż-żoni rurali tal-UE. Madankollu, l-isfida ewlenija għal dawn il-bdiewa se tkun il-varjazzjonijiet massivi tad-dħul relatati mal-volatilità kemm tal-prezzijiet tal-prodotti tal-ħalib (u għalhekk il-prezzijiet tal-ħalib tal-produtturi) kif ukoll spejjeż tal-input. Huwa essenzjali li l-UE tiffaċilita l-iżvilupp mill-Istati Membri u l-industrija ta’ soluzzjonijiet ta’ tassazzjoni u strumenti tal-hedging sempliċi, bħalma huma l-kuntratti ta’ marġini fissa, faċilment aċċessibbli mill-bdiewa.

1.6.

Il-KESE jħeġġeġ biex il-livell inadegwat tad-dispożizzjonijiet tax-“xibka ta’ sigurtà” imdaħħla fil-PAK il-ġdida jiġi rivedut, u jibqa’ jiġi rivedut kontinwament, sabiex jiġi żgurat li dawn għandhom relazzjoni eqreb tal-ispejjeż ta’ produzzjoni reali.

1.6.1.

Għandha titrawwem aktar ukoll il-promozzjoni tal-prodotti tal-ħalib kemm fis-swieq domestiċi tal-UE kif ukoll għall-esportazzjonijiet tal-UE. L-UE għandha tappoġġja l-identifikazzjoni u l-iżvilupp ta’ swieq ġodda, u tiżgura li l-ftehimiet kummerċjali internazzjonali huma bilanċjati u jagħtu lill-esportaturi tal-UE aċċess ġust.

1.6.2.

Fis-suq domestiku, l-UE għandha tappoġġja l-promozzjoni tal-benefiċċji għas-saħħa mill-konsum tal-ħalib, li ġew affermati mill-ġdid mir-riċerka xjentifika riċenti.

1.6.3.

L-UE trid issaħħaħ ukoll ir-regolamentazzjoni tagħha tas-suq bl-imnut biex tirregola l-profitti tal-bejjiegħa bl-imnut u ttejjeb il-kapaċità tal-bdiewa biex jirkupraw l-ispejjeż tagħhom.

1.7.

Fl-aħħarnett, għandu jiġi rikonoxxut u promoss ir-rwol kruċjali li jaqdu l-kooperattivi fis-settur tal-ħalib. Il-koperattivi għandhom rwol ewlieni fl-industrija globali tal-ħalib, b’erba’ koperattivi fl-aqwa 10 kumpaniji tal-ħalib fid-dinja skont l-istħarriġ ta’ Lulju 2014 ta’ Rabobank (1). Il-koperattivi jista’ jkollhom parti ferm aktar b’saħħitha fl-appoġġ lill-bdiewa tal-ħalib fiż-żmien tal-instabbiltà ta’ volatilità milli jistgħu x-xerrejja/il-proċessuri tal-ħalib privati, peress li l-fornituri tal-ħalib tagħhom huma, b’mod ġenerali, l-azzjonisti tagħhom stess. Barra minn hekk, dawn joffru impenji ferm aktar sostenibbli fit-tul biex jixtru l-ħalib minn bdiewa membri bi prezzijiet vijabbli tal-ħalib.

2.   Sfond – nitgħallmu mill-esperjenza tal-passat

2.1.

Il-prezz medju tal-ħalib tal-UE f’Settembru 2014 kien ta’ 37,47 c/kg (Sors: reviżjoni tal-ħalib tal-LTO) (2), li huwa 8,2 % inqas mill-prezz medju ta’ Frar 2014 irrappurtat mill-istess sors.

2.2.

Sa tard fir-rebbiegħa, id-domanda globali qawwija kienet appoġġjat prezzijiet sodi. Madankollu, bdiet korrezzjoni fil-prezzijiet hekk kif it-tkabbir tal-produzzjoni madwar l-esportaturi prinċipali (+ 4,3 % fis-sena għall-perjodu minn Jannar sa Settembru 2014) qed jeċċedi t-tkabbir tad-domanda sana (+ 2-2,5 % fis-sena), l-aktar minn swieq emerġenti. Aktar reċentement, il-ħruġ temporanju taċ-Ċina mis-suq, wara li xtrat iż-żejjed fix-xhur ta’ qabel, u l-projbizzjoni Russa fuq l-esportazzjonijiet tal-ħalib tal-UE – ir-Russja tirrappreżenta 33 % tal-esportazzjonijiet tal-ħalib tal-UE – komplew jaffettwaw il-komoditajiet, u għaldaqstant il-prezzijiet tal-produtturi, fit-tieni nofs tal-2014.

2.2.1.

Minħabba t-tnaqqis mgħaġġel fil-prezzijiet tal-ħalib tard fl-2014, il-bdiewa tal-ħalib tal-UE jinsabu inkwetati bir-raġun dwar l-impatt probabbli fuq l-għajxien tagħhom għax-xhur li jmiss, hekk kif l-UE ħierġa mill-iskema tal-kwota, u l-produzzjoni minn reġjuni oħra globali tkompli tikber – għallinqas fuq medda qasira ta’ żmien. Huma leġittimament jiddubitaw il-prontezza u l-kapaċità tal-UE biex tgħinhom jamministraw fi żminijiet inevitabbli ta’ prezzijiet/pagi baxxi tal-ħalib, ikkawżati minn kriżijiet futuri.

2.3.

Il-prospetti għal żmien medju u fit-tul għall-ħalib u l-prodotti tal-ħalib jibqgħu favorevoli bis-sħiħ kemm fis-swieq dinjija kif ukoll f’dawk domestiċi. Id-domanda dinjija tibqa’ dinamika, speċjalment fl-ekonomiji emerġenti, u tibbaża fuq tendenzi demografiċi solidi. Prodotti artiġjanali tradizzjonali u ta’ kwalità għolja, li ħafna minnhom huma manifatturati f’żoni żvantaġġati minn ħalib prodott fi rziezet vulnerabbli u huma ferm apprezzati mill-konsumaturi, qed jesperjenzaw domanda dejjem tiżdied anki fi swieq domestiċi Ewropej maturi. Prodotti tal-ħalib innovattivi bħal sports, nutrizzjoni medika u għat-trabi bbażati fuq ix-xorrox u komponenti oħra tal-ħalib huma kategoriji ta’ prodotti ta’ valur għoli li qed jiżdied b’rata mgħaġġla kemm fis-swieq domestiċi kif ukoll dawk internazzjonali.

2.4.

Jistgħu jkunu mistennija xi żidiet fil-produzzjoni wara t-tneħħija tal-kwoti speċjalment f’dawk l-Istati Membri li attwalment huma ristretti mill-kwoti, bħall-Irlanda, il-Ġermanja, il-Pajjiżi l-Baxxi, id-Danimarka, l-Awstrija u l-Polonja, kif ukoll Franza.

2.5.

Madankollu, għad hemm xi dubji dwar il-kapaċità tal-qafas regolatorju tal-UE biex jittrattaw episodji ta’ volatilità estrema tas-suq jew ma’ sitwazzjoni ta’ kriżi, speċjalment bl-għan li l-bdiewa jiġu megħjuna fil-ġestjoni tagħhom fi żmien ta’ marġini u dħul volatili, u jiġi żgurat l-iżvilupp bilanċjat tal-produzzjoni tal-ħalib madwar l-Unjoni Ewropea.

2.6.

Il-projbizzjoni tar-Russja u l-effetti tagħha li nfirxu fuq is-swieq kollha tal-UE tal-prodotti tal-ħalib kienet l-ewwel test tar-reġim il-ġdid tal-ġestjoni ta’ kriżi tal-UE; b’effetti limitati fuq is-swieq mill-ftuħ mill-ġdid tal-għajnuna għall-ħażna privata tal-ġobon (qabel l-għeluq ħesrem tagħha), kif ukoll l-għajnuna għall-ħżin privat tal-butir u t-trab tal-ħalib xkumat (SMP), flimkien mal-intervent estiż tal-perjodu ta’ xiri sfurzat u b’nefqa akbar fuq il-promozzjoni, jidher biċ-ċar li d-dubji huma fondati. Għandhom jiġu żviluppati miżuri addizzjonali biex jittrattaw kriżijiet fis-suq, iżda fuq kollox l-UE trid tkun ippreparata biex twettaqhom malajr u b’mod deċiżiv.

2.6.1.

L-esperjenza tal-UE li tirrispondi għal tnaqqis kbir fid-domanda tal-ħalib u l-prezzijiet marbuta mal-kriżi finanzjarja tal-2008/09 ipprovdiet opportunità biex nitgħallmu minnha. Dak iż-żmien, azzjoni bil-mod mill-Kummissjoni tal-UE fissret li, fl-2009, din swiet il-valur ta’ sitt xhur ta’ xiri ta’ intervent ta’ butir, u l-valur ta’ tmien xhur ta’ xiri tal-SMP, qabel ma l-prezzijiet tas-suq bdew jogħlew aktar mill-ekwivalenti tal-buy-in ta’ intervent sħiħ. Ix-xiri ta’ butir għall-ħażna privata baqa’ għaddej ‘il fuq minn sena (minn Marzu sa Diċembru) u kompla fl-2010, u temm biss f’Awwissu 2010. Fl-2009, b’kollox intefqu EUR 370 miljun fuq il-miżuri kollha ta’ intervent biex jappoġġjaw is-swieq, li minnhom EUR 181 miljun intefqu fuq rimborżijiet tal-esportazzjoni. Fl-2010, b’kollox intefqu EUR 529 miljun fuq il-miżuri kollha ta’ intervent biex jappoġġjaw is-swieq, li minnhom EUR 186 miljun intefqu fuq rimborżijiet tal-esportazzjoni. Fl-2010, il-Kummissjoni tal-UE għamlet EUR 31 miljun mill-bejgħ tal-SMP u l-istokk ta’ intervent tal-butir, u EUR 73 miljun oħra mill-bejgħ tal-SMP fl-2011. Kwantitajiet sinifikanti tal-prodott maħżuna ntużaw ukoll fil-qafas tal-Iskema tal-Persuni fil-Bżonn, li kienu ser jeħtieġu kontribuzzjoni finanzjarja mill-baġit tal-UE (3).

2.6.2.

Fl 2009/10 ukoll, il-Parlament Ewropew ivvota biex EUR 300 miljun jitħallsu direttament lill-bdiewa tal-ħalib tal-UE. Dan kien jiswa ftit anqas minn EUR 600 għal kull bidwi (fuq il-bażi ta’ kif sar it-tqassim fl-Irlanda), u tħallas kmieni fl-2010 b’ħafna dewmien, fi żmien meta l-prezzijiet kienu diġà bdew jirkupraw. Mhux ċar kemm ġiet tiswa l-ġestjoni ta’ dil-miżura. Għandna bżonn nitgħallmu minn din l-esperjenza fejn tali pagamenti ftit li xejn ikollhom impatt fuq is-swieq, u allokazzjoni żgħira għal kull bidwi tispiċċa tiswa ammont kbir.

2.6.3.

Waqt il-kriżi tal-ħalib tal-2009, l-ispejjeż tal-produzzjoni kienu sinifikament aktar baxxi milli huma llum. L-ispejjeż tal-produzzjoni tal-Irlanda kienu 19c/l dik is-sena, u kienu telgħu għal 25,6 c/l sal-2014. L-intervent ta’ “xibka ta’ sikurezza” rappreżentat mil-livelli attwali ta’ intervent tal-prezzijiet buy-in għall-SMP u l-butir jiswa l-ekwivalenti ta’ prezz tal-produttur ta’ madwar 20c/l, u għalhekk tilef kompletament kwalunkwe rilevanza għall-ispejjeż tal-bdiewa tal-produzzjoni.

2.7.

Ġew ippreżentati ideat dwar kif l-UE jista’ jkollha l-mezzi biex tippreserva produzzjoni tal-ħalib vijabbli f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi, u biex tiġġestjona aħjar il-konsegwenzi dannużi għall-produzzjoni tal-ħalib fir-reġjuni żvantaġġjati. Huwa importanti li l-miżuri mressqa huma tajbin għall-iskop, u konsistenti ma’ suq tal-ħalib Ewropew fejn il-prezzijiet tal-ħalib, anke fil-pajjiżi li ma esportawx, ikunu influwenzati sostanzjalment mit-tendenzi globali. Kwalunkwe forma ta’ ġestjoni tal-produzzjoni tal-ħalib unilaterali tal-UE, anki dik volontarja, mhux se tbiddel dan il-fatt.

3.   Prospetti għas-swieq tal-ħalib wara l-2015

3.1.

It-tbassir tan-NU dwar it-tendenzi demografiċi u soċjoekonomiċi globali jissuġġerixxi li l-popolazzjoni dinjija se tiżdied minn 7 biljuni llum għal 8,4 biljun sal-2030 u għal 9,6 biljuni sal-2050 (4). Ħafna minn dan it-tkabbir, jekk mhux kollu, huwa maħsub li ser iseħħ f’pajjiżi emerġenti, u ser ikun akkumpanjat minn tkabbir ekwivalenti tal-“klassijiet tan-nofs”. F’dokument tal-2012, analisti tal-HSBC Global (5) ikkonkludew li mill-2050, is-sehem tal-popolazzjoni li jaqla’ mill-inqas livelli ta’ dħul medju ser ikun ta’ 2,6 biljun – aktar minn terz tal-popolazzjoni dinjija tal-lum. Dan il-grupp ser ikun mhux biss aktar numeruż, iżda aktar affluwenti u jaspira għal aktar fid-drawwiet tal-konsum tiegħu. Dawn dejjem qed ifittxu li jiżguraw il-konsum tal-proteini tagħhom mill-annimali, aktar milli mill-forma veġetali.

3.2.

F’dan ix-xenarju, il-prodotti tal-ħalib huma partikolarment preżenti peress li huwa ġeneralment meqjus, mill-gvernijiet kif ukoll min-nies, bħala kontribut san għad-dieta tal-popolazzjoni, mixtieq u ta’ spiss appoġġjat mill-politika uffiċjali (eż. l-iskema tal-ħalib tal-iskola fiċ-Ċina).

3.3.

L-OECD u l-FAO, fir-rapport l-aktar riċenti tagħhom dwar il-prospettiva agrikola (6), ibassru li d-domanda globali tal-ħalib ser tikber b’madwar 2 % fis-sena sal-2023, speċjalment għall-SMP, ix-xorrox u l-ġobon, u l-prestazzjoni tal-butir ser tkun ftit inqas, madwar 1 %. Fis-7 Indiċi tal-Ħalib tagħha, ippubblikat f’Ottubru 2014, il-kumpanija internazzjonali tal-ippakkjar tal-ħalib Tetra Pak issuġġeriet li t-tkabbir annwali tad-domanda għall-perjodu ser ikun ta’ 3,6 %. Huma u esperti oħra bħal GIRA, IFCN, CNIEL (7) eċċ., qalu li prinċipalment, it-tkabbir tal-produzzjoni ser ikun qed jipprova jlaħħaq mat-tkabbir tad-domanda fuq medda twila ta’ żmien, minħabba li r-reġjuni l-aktar adegwati għal produzzjoni ambjentalment sostenibbli u ekonomikament kompetittiva huma relattivament ftit – u dawn jinkludu xi wħud mir-reġjuni tal-UE, speċjalment it-tarf tat-Tramuntana u l-Punent.

4.   Il-volatilità tal-marġnijiet – l-isfida ewlenija għall-bdiewa tal-ħalib

4.1.

Filwaqt li, b’mod ġenerali, il-prospetti huma estremament pożittivi, żbilanċi okkażjonali bejn id-domanda u l-provvista, bħal dak li qed ngħixu bħalissa, se jikkawżaw pressjoni temporanja fuq il-prezz u għalhekk anki fuq l-introjtu tal-irziezet. Xejriet globali volatili simili għall-qamħ u ingredjenti oħra tal-għalf ser ikomplu jżidu ma’ din il-pressjoni. Probabbilment, dawn l-avvenimenti ser ikollhom ħajja qasira fid-dawl tat-tendenzi demografiċi sottostanti, iżda dawn se jkunu potenzjalment problematiċi ħafna fin-nuqqas ta’ strateġiji ġodda li qed jippruvaw ilaħħqu.

4.2.

Il-volatilità tal-prezzijiet tal-ħalib, u għalhekk tad-dħulijiet, hija esperjenza relattivament ġdida għall-bdiewa kollha tal-ħalib Ewropej, u segwiet it-tneħħija sostanzjali ta’ appoġġi tas-suq u t-tnaqqis fit-tariffi ta’ importazzjoni mill-2005 sal-2007, fil-bidu tar-Riforma tal-PAK preċedenti.

4.3.

Filwaqt li s-sostituzzjoni tal-appoġġi tas-suq b’pagamenti diretti għall-bdiewa ser ikollha xi rwol fl-għajnuna għall-bdiewa biex jindirizzaw il-volatilità tad-dħul, il-livell tad-distribuzzjoni mill-ġdid tal-pagament u l-estremitajiet tal-varjazzjonijiet fl-introjti abbażi tas-suq ser jeħtieġu strateġiji addizzjonali.

5.   Il-ġestjoni tal-produzzjoni – strateġija ineffiċjenti

5.1.

Il-ftehim tar-Rawnd ta’ Urugwaj tal-GATT (issa WTO), fis-seħħ mill-1986 sal-1994, kien l-ewwel darba li l-agrikoltura ddaħħlet fi ftehimiet kummerċjali internazzjonali. Dan irriżulta f’tibdiliet fundamentali fid-direzzjoni tal-politika tal-UE. Kienu żdiedu l-opportunitajiet ta’ importazzjoni billi tbaxxew b’mod ġenerali t-tariffi u bil-provvediment ta’ kwoti ta’ importazzjoni mingħajr tariffi. Il-ftehim il-ġdid GATT kien ra wkoll il-bidu ta’ tibdil fl-appoġġ ‘il bogħod mis-swieq fid-direzzjoni lejn pagamenti diretti għall-bdiewa, li iktar tard bdew jiġu diżakkoppjati dejjem iktar mill-attività produttiva. Ir-reġim Ewropew tal-kwoti tal-ħalib, introdott sentejn qabel biss, ma kienx affettwat, u ġġedded diversi drabi.

5.2.

Fl-2003, bir-Reviżjoni ta’ Nofs it-Term tal-PAK ta’ dak iż-żmien, l-Istati Membri tal-UE kienu qablu li jtemmu r-reġim tal-kwota mill-31 ta’ Marzu 2015. Wara li kienet ittieħdet din id-deċiżjoni, miżuri ulterjuri li jwittu t-triq kienu segwew fl-2008 sabiex jiffaċilitaw it-tranżizzjoni tat-tneħħija tal-kwoti. Din il-bidla fid-direzzjoni ta’ politika, li b’mod ċar titlaq ‘il bogħod mir-restrizzjonijiet jew ġestjoni ta’ produzzjoni, waslet fi żmien meta s-swieq globali qed jikbru malajr. Għaldaqstant jagħmel sens li l-bdiewa Ewropej tal-ħalib u l-industrija Ewropea tal-ħalib – u finalment l-ekonomija tal-UE – jingħataw l-opportunità biex ifornu dawk is-swieq, u b’hekk jirkupraw parti mit-telf tas-sehem enormi tas-suq li sofrew tul it-30 sena ta’ staġnar tal-kwota.

5.3.

Madankollu, bil-volatilità l-ġdida tal-prezzijiet li segwiet l-implimentazzjoni tal-PAK preċedenti li kkawżat kriżi kbira fid-dħul tal-ħalib fl-2009, il-merti tar-restrizzjoni ta’ produzzjoni reġgħu ġew diskussi, b’varjetà ta’ proposti abbażi tal-ġestjoni ta’ produzzjoni f’diversi sferi fi Brussell dawn l-aħħar ftit snin.

5.4.

Eżempju ta’ dan huwa l-“Proposta Dantin” adottata mill-PE waqt in-negozjati tal-PAK 2014-2020 matul is-sajf tal-2013. Din issuġġeriet li, f’każijiet ta’ disturbi fis-suq, il-bdiewa jistgħu jiġu inċentivati biex inaqqsu l-produzzjoni volontarjament (“buy out”), filwaqt li dawk li jżidu l-produzzjoni jistgħu jiġu penalizzati. Din il-proposta kienet ġiet soġġetta għal analiżi minn Dr Michael Keane u Dr Declan O’Connor, ikkummissjonati mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Prodotti tal-Ħalib (EDA) (8).

5.5.

Għażliet futuri tal-politika tal-ħalib taħt l-intestaturi “Bilanċ tas-suq u l-kompetittività” u “Il-produzzjoni tal-ħalib sostenibbli inkluża d-dimensjoni territorjali tagħha” kienu ġew eżaminati wkoll għall-Kummissjoni tal-UE minn bord ta’ esperti minn Ernst and Young (9).

5.6.

Iż-żewġ studji wrew li l-ġestjoni/kwoti ta’ produzzjoni ma kinux aktar effettivi fis-sostenn u l-istabbilizzar tal-prezzijiet tal-ħalib u d-dħul. Iż-żewġ studji wrew ukoll li l-“buy out” propost, jew miżuri oħra simili ta’ ġestjoni tal-produzzjoni, ikunu diffiċli biex jiġu implimentati madwar l-UE kollha, peress li l-livell tal-prezz li jista’ jikkawża kriżi tad-dħul ivarja ferm minn pajjiż għall-ieħor; dan ikun ukoll ineffettiv minħabba li jdum ħafna ma jkun effettiv; u huwa għali minħabba l-livell ta’ kumpens – il-produtturi jkollhom iħeġġuhom biex inaqqsu l-produzzjoni volontarjament. Dr Keane u Dr O’Connor jenfasizzaw ukoll li, kieku kellha tiġi implimentata, hija jkollha firxa ta’ konsegwenzi negattivi prevedibbli u mhux intenzjonati fuq il-funzjonament normali tas-swieq tal-ħalib, u dan jagħmel l-investiment u l-ippjanar fil-livelli tar-razzett u l-ipproċessar kważi impossibbli.

5.7.

Fuq kollox, madankollu, l-istudju ta’ Dr Keane u Dr O’Connor jenfasizza bis-sħiħ il-punt li l-miżura proposta tista’ tkun b’xi mod effettiva biss jekk titħaddem f’ekonomija magħluqa, jew jekk il-politika tiġi introdotta mill-fornituri internazzjonali ewlenin kollha flimkien f’ekonomija miftuħa. Introdotta unilateralment kif issuġġerit, ir-rebbieħa prinċipali ta’ din il-politika ser ikunu l-kompetituri internazzjonali tagħna, filwaqt li produtturi tal-ħalib tal-UE ser jitilfu l-kompetittività, iżda ser ikomplu jġarrbu l-konsegwenzi, fuq il-prezz tal-ħalib tagħhom, tad-deċiżjonijiet tal-produzzjoni meħuda mill-kompetituri tagħna fl-Istati Uniti jew fi New Zealand.

5.8.

Meta l-UE kienet limitata mill-kwoti, il-produzzjoni dinjija tal-ħalib żdiedet b’mod esponenzjali – bi 22 % fl-aħħar 10 snin biss. Matul l-istess perjodu, il-kompetituri tagħna, speċjalment New Zealand u l-Istati Uniti, li t-tnejn għandhom impenn b’saħħitu fl-esportazzjoni, żiedu l-produzzjoni tagħhom b’mod sostanzjali ħafna filwaqt li tal-UE kienet qed tonqos – u l-limitazzjonijiet tal-kwota ma pproteġux lill-bdiewa tal-ħalib tal-UE mix-xokkijiet fil-prezzijiet ewlenin tal-2007-2009.

5.9.

Huwa wkoll ġust li wieħed jassumi li l-istrateġiji ta’ tkabbir ta’ esportazzjoni ta’ dawn il-pajjiżi, mirfuda minn pjani ta’ investiment ippubbliċizzati tajjeb ħafna fi New Zealand u l-Istati Uniti b’mod partikolari, ser ikomplu wara l-2015. Jekk l-UE mhux se timpenja ruħha f’dil-logħba, ser insibu ruħna mbuttati ‘l barra mill-opportunitajiet ta’ esportazzjoni globali ewlenin, bi spiża mdaqqsa għall-bdiewa tal-ħalib tal-UE, iżda wkoll b’mod aktar ġenerali fl-impjiegi u d-dħul għall-ekonomija rurali tal-UE.

6.   Għodod għall-ġestjoni tar-riskju u “xibka ta’ sikurezza” aħjar

6.1.

L-istudju ta’ Ernst and Young irrakkomanda wkoll bil-qawwa t-tisħiħ tax-xibka ta’ sikurezza f’każijiet ta’ kriżi fis-suq. Enfasizza l-importanza li l-bdiewa tal-ħalib jiġu megħjuna jlaħħqu mal-volatilità ġdida tad-dħul ikkawżata mill-prezzijiet varjabbli ħafna tal-ħalib u l-ispejjeż ta’ input, u għamel referenza għall-għodod ta’ ġestjoni tar-riskju, mill-hedging, bl-użu tas-swieq tal-futuri, eċċ.

6.2.

L-UE għandha tippermetti lill-Istati Membri jipprovdu soluzzjonijiet ibbażati fuq it-taxxa li jgħinu lill-bdiewa jwarrbu fondi fi snin tajba li jinġiebu biss lura fin-negozju u jiġu ntaxxati fi snin agħar, u dawn jistgħu jintużaw ukoll biex jippermettu investimenti bejn dawn il-perjodi għal dawk li għandhom l-intenzjoni jespandu.

6.3.

L-UE għandha wkoll tinkoraġġixxi, tippromovi u possibilment tirregola l-offerti mill-industrija tal-għażla tal-prezz u l-hedging tal-marġni li jippermettu lill-bdiewa biex japprofittaw bl-aktar mod sempliċi possibbli minn għażliet biex jiffissaw il-prezz/marġini tal-ħalib tagħhom għal perċentwali tal-ħalib tagħhom u għal perjodu ta’ żmien stabbilit – mingħajr ma jkollhom jimpenjaw ruħhom mal-kumplessitajiet tat-tranżazzjonijiet tas-swieq tal-futuri. Il-bdiewa fl-Istati Uniti diġà jistgħu jaċċedu għal dan it-tip ta’ strumenti permezz tal-kooperattivi tal-ħalib, u wħud mix-xerrejja tal-ħalib (Glanbia fl-Irlanda u Fonterra fi New Zealand) diġà qed joffru skemi ta’ prezz/marġini fissi ta’ valur lill-bdiewa. Disponibbiltà akbar ta’ għażliet bħal dawn madwar l-Ewropa ser tkun vitali.

6.3.1.

L-iskema tal-prezz tal-ħalib marbut mal-indiċi Glanbia tippermetti lill-bdiewa biex volontarjament jorbtu persentaġġ tal-ħalib tagħhom għal prezz fiss għal tliet snin. Il-prezz huwa kkoreġut għal grad ta’ inflazzjoni tal-ispiża tal-input kull sena, b’tali mod li l-bdiewa jorbtu wkoll porzjon tajba tal-marġini tagħhom. Kien hemm erba’ skemi bħal din ta’ tliet snin mill-2010, u għal kollha kien hemm eċċess ta’ applikazzjonijiet, minħabba li huma joffru lill-bdiewa livell qawwi ta’ ċertezza dwar id-dħul li jkunu ser jirċievu għal porzjon tal-ħalib tagħhom. Huwa stmat li 22 % tal-ħalib kollu mixtri minn Glanbia huwa mixtri taħt din l-iskema, u ħafna mill-bdiewa li pparteċipaw fl-ewwel skema ġew lura għal aktar.

6.4.

Minn perspettiva ekonomika, huwa kruċjali wkoll li l-UE tirrevedi l-bażi għad-dispożizzjonijiet tagħha ta’ “xibka tas-sigurtà”. Il-prezzijiet ta’ intervent tal-ħalib, li baqgħu ma nbidlux minn nofs l-2008, joffru livell ta’ “appoġġ” ekwivalenti għal madwar 19c/l nett ta’ spejjeż ta’ pproċessar – li m’għad għandu l-ebda relazzjoni la mal-faxxa issa ferm ogħla li fi ħdanha joperaw il-prezzijiet tal-ħalib globali u tal-UE, u lanqas mal-ispejjeż primarji ta’ produzzjoni sinifikament ogħla. L-UE trid tirrevedi, billi tgħolli, il-livelli ta’ sikurezza nett tagħha billi żżid il-prezz ta’ intervent għall-SMP u l-butir għallinqas b’konformità maż-żidiet fl-ispejjeż tal-produzzjoni, u għandha tissorvelja r-rilevanza tax-xibka tas-sikurezza tagħha b’relazzjoni mal-ispejjeż tal-produzzjoni fuq bażi kontinwa.

6.5.

Is-settur ser jeħtieġ li jeżamina jekk jistax jiġi żviluppat strument ta’ kriżi addizzjonali, b’mod partikolari fil-każ ta’ volatilità sinifikanti tal-prezzijiet li thedded l-għajxien tal-bdiewa.

6.6.

Il-kooperattivi, mill-perspettiva tal-bdiewa, huma l-istruttura legali l-aktar ta’ suċċess biex imexxu n-negozju tal-ħalib. Il-kooperattivi jipprijoritizzaw ir-redditi għall-azzjonisti tagħhom (il-bdiewa stess), kemm permezz ta’ dividend kif ukoll permezz tal-prezzijiet tal-ħalib. Il-benesseri u l-aħjar interess tan-negozju tal-membri tagħhom huma l-pedament tal-attività tagħhom.

6.7.

Il-kooperattivi huma f’pożizzjoni unika biex jaġixxu bħala vejikoli għall-forniment lill-bdiewa ta’ għażliet ta’ ġestjoni ta’ volatilità, bħalma huma l-kuntratti ta’ prezzijiet fissi jew l-opportunitajiet biex “jintrabat” prezz tal-ħalib u/jew marġini għal perjodu stipulat ta’ żmien.

6.8.

Kull politika futura tal-ħalib għandha tinkludi fiha b’mod xieraq l-importanza kruċjali tal-kooperattivi, u m’għandha toħloq l-ebda diffikultà għal dik li hija l-istruttura ideali mill-perspettiva ta’ bidwi.

6.9.

Għandha tiġi indirizzata l-inkapaċità tal-bdiewa li jirkupraw l-ispejjeż mill-katina tal-bejgħ bl-imnut. Il-konsumaturi ftit jibbenefikaw minn tnaqqis estrem fil-prezzijiet tal-prodotti tal-ħalib, iżda l-bejjiegħa bl-imnut dejjem ifittxu li jiżguraw l-aqwa benefiċċju billi jagħmlu pressjoni fuq il-fornituri meta jkunu qed jaqgħu l-prezzijiet globali tal-ħalib – kif qed jiġri bħalissa. Il-prezzijiet bl-ingrossa aktar baxxi miksubin bil-pressjoni tal-bejjiegħa bl-imnut – mill-inqas parti minnha hija moralment, jekk mhux legalment, dubjuża – huma ekwivalenti għal żieda fil-marġini tal-bejjiegħa bl-imnut u l-kisba ta’ profitt akkost tal-bqija tal-katina u l-konsumaturi. Il-bdiewa jinsabu fl-aħħar nett ta’ dik il-katina, u ma jkollhom l-ebda mod kif jipproteġu l-marġini tagħhom biex isostnu d-dħul tal-familja tagħhom. Intervent tas-suq aktar f’waqtu mill-Kummissjoni tal-UE jista’ jgħin biex il-kriżijiet tas-suq jiġu indirizzati aktar malajr, u din għandha timminimizza l-pressjoni tal-bejjiegħ bl-imnut kif enfasizzat f’dan il-punt.

7.   Produzzjoni tal-ħalib sostenibbli f’żoni żvantaġġati

7.1.

Il-biedja tal-ħalib tagħti kontribut soċjoekonomiku u ambjentali vitali fir-reġjuni kollha tal-UE. Ir-rikonoxximent u l-appoġġ ta’ dan il-kontribut, li f’ħafna reġjuni jiddependi fuq, rziezet zgħar u vulnerabbli, ilhom jagħmlu parti mill-impenn tal-PAK. Il-Pilastru II tal-PAK jinkludi ħafna miżuri li huma rilevanti f’dan il-kuntest, kif inhuma wkoll id-dispożizzjonijiet ġodda, li issa huma inklużi fl PAK/OKS, li l-ewwel ġew introdotti bħala “Il-Pakkett tal-Ħalib”.

7.1.1.

Madankollu, it-tmiem tal-kwoti jista’, b’mod konċepibbli, jaċċellera l-bidla fil-produzzjoni tal-ħalib fl-UE lejn iż-żoni fit-Tramuntana/il-Punent fejn il-produzzjoni tista’ ssir b’mod aktar effiċjenti. Dan jista’ jwassal biex il-produzzjoni titnaqqas jew tiġi abbandunata fiż-żoni fejn l-ispiża hija ogħla (żoni aktar foqra) tal-Ewropa, li jispiċċa jwessa’ id-distakk ekonomiku bejn dawk ir-reġjuni.

7.1.2.

Il-maġġoranza kbira ta’ rziezet fl-Istati Membri tal-UE għandhom għadd żgħir ħafna ta’ baqar, b’75 % tal-irziezet b’inqas minn disa’ baqriet (10). Filwaqt li ħafna, bla dubju, jipproduċu l-ħalib għall-konsum tal-familji tal-irziezet stess, il-vulnerabbiltà ekonomika ta’ dawk l-irziezet hija ovvja, aktar u aktar minħabba li ħafna minnhom jinsabu f’żoni muntanjużi jew inkella żvantaġġati.

7.1.3.

Il-Kummissjoni tal-UE għandha tibda proġett koerenti għall-iżvilupp rurali u tal-ħalib għal żoni muntanjużi, żoni żvantaġġjati tal-produzzjoni tal-ħalib u għall-Istati Membri fejn il-produzzjoni tal-ħalib tiddependi fuq merħliet żgħar ħafna.

7.1.4.

Minbarra l-pakkett tat-trasferiment tal-għarfien, jew forsi bħala parti minnha, ikun kruċjali li dawn l-irziezet jingħataw aċċess għal servizzi ta’ konsulenza u ta’ edukazzjoni biex jgħinhom jagħmlu deċiżjonijiet ta’ negozju sodi għall-futur tagħhom stess u dak tas-suċċessur(i) tagħhom. Huma jistgħu jingħataw parir dwar kif jiddiversifikaw, isiru aktar effiċjenti, jikbru fid-daqs tagħhom jekk dan ikun ekonomikament fattibbli, kif ukoll – fejn rilevanti – jingħataw parir dwar liema professjonijiet alternattivi għandhom jikkunsidraw għall-bidwi eżistenti jew is-suċċessur (orjentazzjoni mill-ġdid tal-karriera).

7.2.

Fir-reġjuni li qegħdin f’riskju ta’ abbandun tal-art, fejn il-merħliet ma jibqgħux jirgħu biżżejjed jew fir-riskju ta’ impatt ambjentali negattiv ieħor, il-pagamenti ambjentali tal-Pilastru II jistgħux jixxaqilbu speċifikament lejn il-bdiewa tal-ħalib skont ċerti kundizzjonijiet.

7.3.

Bdiewa vulnerabbli tal-ħalib fir-reġjuni kollha għandhom jitħeġġu biex jinvolvu ruħhom mal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u organizzazzjonijiet interprofessjonali biex jippromovu produzzjonijiet ta’ kwalità u jżidu l-piż u l-influwenza tagħhom fil-katina tal-provvista.

7.4.

Pagamenti ta’ bdiewa żgħar jistgħu jintużaw ukoll biex jitħeġġeġ it-tiġdid ġenerazzjonali meta l-abbandun tal-art huwa ta’ tħassib minħabba l-kapaċità limitata tal-art fil-ġenerazzjoni tad-dħul. Għal dawn il-bdiewa, l-investiment jista’ jitħeġġeġ permezz ta’ self favorevoli jew skemi oħra bħal dawn.

Brussell, il-21 ta’ Jannar 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  https://www.rabobank.com/en/press/search/2014/dairy_top20.html

(2)  http://www.milkprices.nl/

(3)  Rapporti tal-Kummissjoni tal-UE dwar Miżuri ta’ Intervent fis-Settur tal-Ħalib 2008, 2009, 2010, 2011 (UE MMO).

(4)  World Population Prospects: ir-reviżjoni tal-2012, NU, Ġunju 2013.

(5)  Consumer in 2050 – The Rise of the Emerging Market Middle Class – HSBC Global, Ottubru 2012.

(6)  http://www.oecd.org/fr/sites/perspectivesagricolesdelocdeetdelafao/produits-laitiers.htm

(7)  GIRA Food Consultancy, the International Farm Comparison Network u s-Centre National Interprofessionnel de l’Industrie Laitiere Franċiż.

(8)  Analiżi tal-Crisis Dairy Supply Management Proposal fir-Rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (COMAGRI) dwar ir-riforma tal-PAK 2012/2013 (verżjoni finali) – Settembru 2013 minn Michael Keane PhD, Cork, l-Irlanda u Declan O’Connor PhD, Cork Institute of Technology, l-Irlanda.

(9)  AGRI-2012-C4-04 – Analysis on future developments in the milk sector imħejji għall-Kummissjoni Ewropea – DĠ Żvilupp Agrikolu u Rurali, Rapport finali 19 Settembru 2013, Ernst and Young.

(10)  Sors: Eurostat, 1 ta’ Jannar 2011.


Top