EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CN0085

Kawża C-85/15 P: Appell ippreżentat fid-19 ta’ Frar 2015 minn Feralpi Holding SpA mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fid-9 ta’ Diċembru 2014 fil-Kawża T-70/10, Feralpi vs Il-Kummissjoni

ĠU C 146, 4.5.2015, p. 18–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

4.5.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 146/18


Appell ippreżentat fid-19 ta’ Frar 2015 minn Feralpi Holding SpA mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fid-9 ta’ Diċembru 2014 fil-Kawża T-70/10, Feralpi vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-85/15 P)

(2015/C 146/27)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Appellanti: Feralpi Holding SpA (rappreżentanti: G.M. Roberti u I. Perego, avukati)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tal-appellanti

tannulla, kompletament jew parzjalment, is-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2014 sa fejn din ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn Feralpi fil-Kawża T-70/10 u, konsegwentement:

(i)

tannulla, kompletament jew parzjalment, id-Deċiżjoni;

(ii)

u/jew tannulla l-multa imposta fuq Feralpi permezz tad-Deċiżjoni, jew tal-inqas tnaqqas l-ammont tagħha;

sussidjarjament, tannulla, kompletament jew parzjalment, is-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2014 sa fejn din ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn Feralpi fil-Kawża T-70/10 u tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea sabiex din tiddeċiedi fuq il-mertu fid-dawl tal-indikazzjonijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħtiha;

fi kwalunkwe każ, tnaqqas il-multa imposta fuq Feralpi permezz tad-Deċiżjoni, b’teħid inkunsiderazzjoni tat-tul eċċessiv għat-trattament tal-Kawża T-70/10 mill-Qorti Ġenerali;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta’ din l-istanza, kif ukoll dawk tal-proċedura tal-Kawża T-70/10.

Aggravji u argumenti prinċipali

Feralpi tqajjem sitt aggravji intiżi li juru li:

il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li ebda ksur tal-priċnipju ta’ kulleġjalità ma twettaq matul l-adozzjoni tad-Deċiżjoni;

il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 773/2004 (1) u l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) billi qieset li d-Deċiżjoni setgħet tiġi adottata mingħajr ma tintbagħat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lil Feralpi u mingħajr ma tingħatalha garanzija tal-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża.

il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 6 KEDB u l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea meta qieset li ż-żmien li għadda bejn l-għoti tas-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2007 fil-Kawża T-77/03 u l-adozzjoni tad-Deċiżjoni ma kienx wieħed eċċessiv;

il-Qorti Ġenerali wettqet applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 64 KEFA u, f’dan il-każ, tal-kunċetti ta’ ftehim u ta’ prattika mifthiema, rilevanti fis-sens tad-dispożizzjoni inkwistjoni, kif ukoll tal-prinċipji rilevanti fil-qasam tal-oneru tal-prova, meta qieset li kien jeżisti akkordju uniku u kontinwu fis-suq Taljan tal-vireg tal-ħadid li jsaħħu l-konkrit matul il-perijodu 1989-1992 u 1993-1995, u l-parteċipazzjoni ta’ Feralpi f’dan l-akkordju. F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-ispeċifiċità tal-kuntest legali KEFA applikabbli għas-settur tal-vireg tal-ħadid li jsaħħu l-konkrit. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali żnaturat b’mod manifest is-sens u l-portata tal-provi essenzjali li ġew prodotti. Minn din il-perspettiva, il-motivazzjoni hija inadegwata u mhux loġika;

il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità meta ddeċidiet li ma teżerċitax il-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha sabiex tikkoreġi l-iżball imwettaq mill-Kummissjoni fl-evalwazzjoni tal-importanza speċifika ta’ Feralpi u tal-impriżi l-oħra involuti fl-akkordju sabiex tiddetermina l-ammont bażiku tal-multa.

il-Qorti Ġenerali kisret id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 47 tal-Karta, peress li r-rikors ta’ Feralpi ma ġiex eżaminat fi żmien raġonevoli.


(1)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) numru 773/2004, tas-7 ta’ April 2004, dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 81 sa 82 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81).


Top