Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CN0062

Kawża C-62/15 P: Appell ippreżentat fil-11 ta’ Frar 2015 minn DTL Corporación, S.L. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fid-9 ta’ Diċembru 2014 fil-Kawża T-176/13, DTL Corporación vs UASI

ĠU C 146, 4.5.2015, p. 14–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

4.5.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 146/14


Appell ippreżentat fil-11 ta’ Frar 2015 minn DTL Corporación, S.L. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fid-9 ta’ Diċembru 2014 fil-Kawża T-176/13, DTL Corporación vs UASI

(Kawża C-62/15 P)

(2015/C 146/22)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Appellanti: DTL Corporación, S.L. (rappreżentant: A. Zuazo Araluze, avukat)

Parti oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Talbiet

tannulla parzjalment, fir-rigward tal-prodotti u s-servizzi kollha fil-klassijiet 9 u 37, id-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-24 ta’ Jannar 2013 fil-Każ R 661/2012-4, li tiċħad l-appell mir-rifjut ta’ reġistrazzjoni tal-Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja Nru 8830821 “Generia”;

tikkundanna lill-UASI u lill-partijiet l-oħra li jintervjenu insostenn tat-talbiet ta’ dan tal-aħħar f’dan l-appell għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Ksur tad-dritt tal-Unjoni mill-Qorti Ġenerali: ir-Raba’ Bord tal-Appell, fid-deċiżjoni tiegħu tal-24 ta’ Jannar 2013 fil-Każ R 661/2012-4, bidel il-motivazzjoni tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni li ċaħdet l-applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja Nru 8830821 “Generia” għall-klassijiet 9 u 37. Fil-fatt, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kienet ibbażat din iċ-ċaħda fuq ix-xebh bejn il-prodotti u s-servizzi fil-klassijiet 9 u 37 u l-prodott tal-opponenti fil-klassi 7. Il-Bord tal-Appell min-naħa tiegħu kkonferma ċ-ċaħda, iżda abbażi tax-xebh bejn dawn il-prodotti u servizzi fil-klassijiet 9 u 37 u s-servizzi tal-opponenti fil-klassi 40 tat-trade mark tal-opponenti. B’dan il-mod, id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell kisret l-Artikolu 64(1) tar-Regolament tal-Kunsill (1) (KE) Nru 207/2009, dwar it-trade mark Komunitarja, peress li s-servizzi tat-trade mark tal-opponenti fil-klassi 40 qatt ma ġew invokati bħala oppożizzjoni għall-prodotti u għas-servizzi fil-klassijiet 9 u 37 tat-trade mark li għaliha saret oppożizzjoni (minkejja li ġew invokati kontra servizzi ta’ klassijiet oħra). Barra minn hekk, l-imsemmija deċiżjoni kisret l-Artikolu 75 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, dwar it-trade mark Komunitarja, peress li l-parti li issa hija l-appellanti ma ġietx mistiedna tippreżenta osservazzjonijiet dwar dan il-bdil ta’ motivazzjoni. Fis-sentenza appellata tqies li l-proċedura segwita kienet skont id-dritt, u dan jippreżupponi ksur tad-dritt tal-Unjoni (Artikoli 64(1) u 75 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 fuq it-trade mark Komunitarja).


(1)  ĠU L 78, p. 1.


Top