Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CN0526

    Kawża C-526/14: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Ustavno sodišče (Is-Slovenja) fl- 20 ta’ Novembru 2014 – Tadej Kotnik et , Jože Sedonja et , Fondazione cassa di risparmio di Imola, Imola, Ir-Repubblika Taljana, Andrej Pipuš u Dušanka Pipuš, Tomaž Štrukelj, Luka Jukič, Angel Jaromil, Franc Marušič et , Stajka Skrbinšek, Janez Forte et , Marija Pipuš, Državni svet Republike Slovenije, Varuh človekovih pravic Republike Slovenije vs Državni zbor Republike Slovenije

    ĠU C 81, 9.3.2015, p. 3–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    9.3.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 81/3


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Ustavno sodišče (Is-Slovenja) fl-20 ta’ Novembru 2014 – Tadej Kotnik et, Jože Sedonja et, Fondazione cassa di risparmio di Imola, Imola, Ir-Repubblika Taljana, Andrej Pipuš u Dušanka Pipuš, Tomaž Štrukelj, Luka Jukič, Angel Jaromil, Franc Marušič et, Stajka Skrbinšek, Janez Forte et, Marija Pipuš, Državni svet Republike Slovenije, Varuh človekovih pravic Republike Slovenije vs Državni zbor Republike Slovenije

    (Kawża C-526/14)

    (2015/C 081/04)

    Lingwa tal-kawża: is-Sloven

    Qorti tar-rinviju

    Ustavno sodišče

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrenti: Tadej Kotnik et, Jože Sedonja et, Fondazione cassa di risparmio di Imola, Imola, Ir-Repubblika Taljana, Andrej Pipuš u Dušanka Pipuš, Tomaž Štrukelj, Luka Jukič, Angel Jaromil, Franc Marušič et, Stajka Skrbinšek, Janez Forte et, Marija Pipuš, Državni svet Republike Slovenije, Varuh človekovih pravic Republike Slovenije

    Konvenuta: Državni zbor Republike Slovenije

    Domandi preliminari

    1.

    Il-Komunikazzjoni dwar il-banek (1) tista’, fid-dawl tal-effetti legali prodotti konkretament minn din tal-aħħar peress li, skont l-Artikolu 3(1)(b) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Unjoni Ewropea għandha kompetenza esklużiva fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat u peress li, skont l-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni għandha kompetenza deċiżjonali fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, tiġi interpretata fis-sens li din għandha effetti vinkolanti fil-konfront tal-Istati Membri li jkunu jixtiequ jirrimedjaw taqlib serju fl-ekonomija billi jagħtu għajnuna mill-Istat lil stabbilimenti ta’ kreditu, meta din l-għajnuna tkun ta’ natura permanenti u ma tkunx tista’ titħassar faċilment?

    2)

    Il-punti 40 sa 46 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek, li jissuġġettaw il-possibbiltà li tingħata għajnuna mill-Istat li jkollha l-għan li tirrimedja taqlib serju fl-ekonomiija ta’ Stat, għall-eżekuzzjoni tal-obbligu ta’ annullament tal-kapital, tal-kapital ibridu u tad-dejn subordinat u/jew ta’ konverżjoni f’kapital tal-istrumenti ta’ kapital ibridu u tal-istrumenti ta’ dejn subordinat bil-għan li l-għajnuna tiġi llimitata għall-minimu neċessarju fid-dawl tal-ħtieġa li jittieħed inkunsiderazzjoni l-periklu morali, huma inkompatibbli mal-Artikoli 107, 108 u 109 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea peress li dawn imorru lil hinn mill-kompetenzi tal-Kummissjoni li huma ddefiniti permezz tad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar 'il fuq tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar l-għajnuna mill-Istat?

    3)

    F’każ li t-tieni domanda tingħata risposta negattiva, il-punti 40 sa 46 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek, li jissuġġettaw il-possibbiltà li tingħata għajnuna mill-Istat għall-obbligu ta’ annullament tal-kapital u/jew ta’ konverżjoni f’kapital sa fejn dan l-obbligu jikkonċerna azzjonijiet (kapital), strumenti ta’ kapital ibridu u strumenti ta’ dejn subordinat li nħarġu qabel il-pubblikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-banek u li fil-mument tal-ħruġ tagħhom setgħu jiġu llikwidati totalment jew parzjalment mingħajr rimbors sħiħ biss f’każ ta’ falliment tal-bank, huma konformi mal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi skont id-dritt tal-Unjoni Ewropea?

    4)

    F’każ li t-tieni domanda tingħata risposta negattiva, u r-risposta għat-tielet domanda tkun pożittiva, il-punti 40 sa 46 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek li jissuġġettaw il-possibbiltà li tingħata għajnuna mill-Istat għall-obbligu ta’ annullament tal-kapital, tal-kapital ibridu u tad-dejn subordinat u/jew ta’ konverżjoni f’kapital tal-istrumenti ta’ kapital ibridu u tal-istrumenti ta’ dejn subordinat mingħajr ma tinbeda u tingħalaq il-proċedura ta’ falliment li fil-kuntest tagħha l-beni tad-debitur jiġu llikwidati permezz ta’ proċedura ġudizzjarja li fiha d-detenturi tal-istrumenti finanzjarji subordinati jkollhom l-opportunità li jkunu partijiet fil-proċedura, huma konformi mad-dritt għall-proprjetà skont l-Artikolu 17(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea?

    5)

    F’każ li t-tieni domanda tingħata risposta negattiva, u r-risposta għat-tielet u r-raba’ domandi tkun pożittiva, il-punti 40 sa 46 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek li jissuġġettaw il-possibbiltà li tingħata għajnuna mill-Istat għall-obbligu ta’ annullament tal-kapital u/jew ta’ konverżjoni f’kapital tal-istrumenti ta’ kapital ibridu u tal-istrumenti ta’ dejn subordinat, imorru kontra l-Artikoli 29, 34 u 35 kif ukoll l-Artikoli 40 sa 42 tad-Direttiva 2012/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2012, dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri ta’ kumpanniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 54 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, dwar il-formazzjoni ta’ kumpanniji pubbliċi ta’ responsabbiltà limitata u ż-żamma u t-tibdil tal-kapital tagħhom, bil-għan li jagħmlu dawn is-salvagwardji ekwivalenti (2) peress li l-implementazzjoni ta’ dawn il-miżuri tirrikjedi t-tnaqqis u/jew iż-żieda tal-kapital azzjonarju tal-kumpannija b’responsabbiltà limitata abbażi ta’ deċiżjoni tal-organu uffiċjali kompetenti u mhux tal-laqgħa ġenerali tal-kumpannija?

    6)

    Il-Komunikazzjoni dwar il-banek tista’, fid-dawl tal-punt 19 tagħha u b’mod partikolari r-rekwiżit previst f’dan il-punt li jiġu ggarantiti d-drittijiet fundamentali, tal-punt 20 tagħha u tal-obbligu ta’ prinċipju, inkluż fil-punti 43 u 44 tal-Komunikazzjoni, li jiġu kkonvertiti jew deprezzati l-istrumenti ta’ kapital ibridu u l-istrumenti ta’ dejn subordinat qabel l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat, tiġi interpretata fis-sens li tali miżura ma tobbligax lill-Istati Membri li jkunu jixtiequ jirrimedjaw taqlib serju fl-ekonomija billi jagħtu għajnuna mill-Istat lil stabbilimenti ta’ kreditu, li jimponu l-obbligu ta’ konverżjoni jew ta’ deprezzament iċċitat iktar 'il fuq bħala kundizzjoni għall-għoti tal-għajnuna mill-Istat abbażi tal-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jew fis-sens li jkun suffiċjenti sabiex tiġi awtorizzata l-għajnuna mill-Istat li l-miżura ta’ konverżjoni jew ta’ deprezzament tiġi implementata b’mod proporzjonat?

    7.

    Is-seba’ inċiż tal-Artikolu 2 [tad-Direttiva 2001/24/KE] (3) jista’ jiġi interpretat fis-sens li l-miżuri meħtieġa ta’ qsim tal-piżijiet mill-azzjonisti u mill-kredituri subordinati skont il-punti 40 u 46 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek (deprezzament tal-kapital primarju tal-klassi I, tal-kapital ibridu u tad-dejn subordinat u konverżjoni f’kapital tal-istrumenti ta’ kapital ibridu u tal-istrumenti ta’ dejn subordinat) jifformaw parti mill-miżuri ta’ riorganizzazzjoni wkoll?


    (1)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni, mill-1 ta’ Awwissu 2013, tar-regoli dwar l-għajnuna mill-istat għal miżuri ta' appoġġ favur il-banek fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja (“il-komunikazzjoni dwar il-banek”).

    (2)  ĠU L 315, p. 74.

    (3)  Direttiva 2001/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ April 2001, fuq ir-riorganizzazzjoni u l-istralċ ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 15).


    Top