Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014TN0831

    Kawża T-831/14: Rikors ippreżentat fl-24 ta’ Diċembru 2014 – Alfamicro vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 73, 2.3.2015, p. 42–43 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    2.3.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 73/42


    Rikors ippreżentat fl-24 ta’ Diċembru 2014 – Alfamicro vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-831/14)

    (2015/C 073/54)

    Lingwa tal-kawża: il-Portugiż

    Partijiet

    Rikorrenti: Alfamicro – Sistemas de Computadores, Sociedade Unipessoal, Lda (Cascais, il-Portugall) (rappreżentanti: G. Gentil Anastácio u D. Pirra Xarepe, avukati)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet tar-rikorrenti

    tiddikjara n-nullità tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-28 ta’ Ottubru 2014, adottata fl-ambitu tal-implementazzjoni tal-Verifika Finanzjarja 12-DAS-03, dwar il-Grant Agreement Nru 238882, bil-konsegwenzi legali kollha, b’mod partikolari d-determinazzjoni tal-annullament tan-nota ta’ debitu inkluża fiha, li tammonta għal EUR 467 131, u l-ħruġ ta’ kreditu tal-istess ammont favur ir-rikorrenti.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

    1.

    L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fil-fatt, fl-ambitu tal-proġett Save Energy, ir-rikorrenti u l-Kummissjoni ħolqu Grant Agreement li għandu bħala għan il-ħolqien tal-proġett imsemmi. Ir-rikorrenti tallega li ssodisfat l-għanijiet kollha li jirriżultaw mill-proġett u li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni msemmija iktar ’il fuq tat-28 ta’ Ottubru 2014 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), ħadet biss inkunsiderazzjoni l-aspetti formali tan-natura purament kontabbilistika u dokumentali, fejn ma ħaditx inkunsiderazzjoni r-riżultati miksuba. Id-devolviment tal-ammont rikjest jimplika oneru eċċessiv meta jittieħed inkunsiderazzjoni l-istatus tagħha ta’ SME u jillimita l-libertà ta’ azzjoni tar-rikorrenti, fejn b’hekk ikun hemm ksur ċar tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

    2.

    It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ amministrazzjoni tajba. Fil-fatt, minn naħa, il-Kummissjoni ma qajmitx oġġezzjonijiet dwar il-metodu ta’ ħidma applikat mir-rikorrenti matul it-32 xahar ta’ dewmien ta’ eżekuzzjoni tal-proġett. Minn dan l-aġir ir-rikorrenti fehmet li l-Kummissjoni approvat l-elementi li kienu ġew ipprovduti lilha, fejn għalhekk id-deċiżjoni kkontestata taffettwa serjament is-sigurtà ġuridika. Min-naħa l-oħra, peress li l-Kummissjoni ma kkonstatatx mill-ewwel l-irregolaritajiet allegati fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ġġenerat il-konvinzjoni fir-rikorrenti li l-aġir tagħha kien regolari. Il-konvinzjoni hekk iġġenerata għandha tiġi protetta bil-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi, li minnu jirriżulta li l-Kummissjoni naqset mill-obbligu tagħha ta’ stħarriġ u konsegwentement kisret id-dmir tagħha ta’ amministrazzjoni tajba.

    3.

    It-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur tal-kuntratt, peress li l-Kummissjoni wettqet żbalji gravi ta’ evalwazzjoni, ladarba ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-kjarifiki u l-argumenti tar-rikorrenti u wettqet analiżi żbaljata ta’ dokumentazzjoni u ta’ informazzjoni li r-rikorrenti mill-ewwel kienet ipprovdiet. Billi adottat id-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kisret it-termini mifthiema fil-Grant Agreement. Ir-rikorrenti tqis li matul il-komunikazzjonijiet mal-Kummissjoni ntwera kif id-dispożizzjonijiet kuntrattwali ġew sodisfatti u li ġew osservati r-rekwiżiti neċessarji għall-kisba tal-finanzjament fil-qafas tal-proġett Save Energy.

    4.

    Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, peress li l-motivazzjoni li tinsab fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni hija estremament fil-qosor u ma tiddeskrivix jew telenka l-fatti jew l-atti li kienu suġġetti għal investigazzjoni u għal analiżi.


    Top