Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CN0611

    Kawża C-611/14: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Retten i Glostrup (id-Danimarka) fit-23 ta’ Diċembru 2014 – Anklagemyndigheden vs Canal Digital Danmark A/S

    ĠU C 73, 2.3.2015, p. 18–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    2.3.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 73/18


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Retten i Glostrup (id-Danimarka) fit-23 ta’ Diċembru 2014 – Anklagemyndigheden vs Canal Digital Danmark A/S

    (Kawża C-611/14)

    (2015/C 073/25)

    Lingwa tal-kawża: id-Daniż

    Qorti tar-rinviju

    Retten i Glostrup

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrenti: Anklagemyndigheden

    Konvenuta: Canal Digital Danmark A/S

    Domandi preliminari

    1)

    Id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“Direttiva dwar prattiċi kummerċjali żleali”) (1) għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi skema nazzjonali bħall-Artikolu 3 tal-Liġi Daniża dwar il-prattiki tal-kummerċ (markedsføringslov), li tipprojbixxi l-prattiki ta’ kummerċjalizzazzjoni qarrieqa, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ stedina għax-xiri, iżda li fir-rigward tagħha la l-imsemmi Artikolu 3, u l-ebda dispożizzjoni oħra, ma jsemmu l-limiti previsti mill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva, li jipprovdi li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt fejn prattika kummerċjali teskludi informazzjoni sostanzjali li l-konsumatur medju għandu bżonn, meta jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest, sabiex jieħu deċiżjoni kummerċjali b’għarfien tal-kundizzjonijiet kollha involuti, kif ukoll mill-Artikolu 7(3) tagħha, li jipprovdi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-limiti ta’ spazju jew ta’ żmien imposti bil-mezz ta’ komunikazzjoni użat?

    2)

    L-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar prattiċi kummerċjali żleali għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ fejn kummerċjant għażel li jiffissa l-prezz ta’ abbonament fuq terminu indeterminat b’tali mod li l-konsumatur għandu jħallas kemm somma kull xahar u somma kull sitt xhur, din il-prattika titqies li hija qarrieqa jekk il-prezz tas-somma li għandha titħallas kull xahar jiġi partikolarment enfasizzat fil-kummerċjalizzazzjoni filwaqt li dak tas-somma li għandha titħallas kull sitt xhur huwa totalment eskluż jew jintwera b’mod inqas apparenti?

    3)

    L-Artikolu 7 tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ fejn kummerċjant għażel li jiffissa l-prezz ta’ abbonament fuq terminu indeterminat b’tali mod li l-konsumatur għandu jħallas kemm somma kull xahar u somma kull sitt xhur, ikun hemm esklużjoni qarrieqa fis-sens tal-imsemmi Artikolu 7 jekk il-prezz tas-somma li għandha titħallas kull xahar jiġi partikolarment enfasizzat fil-kummerċjalizzazzjoni filwaqt li dak tas-somma li għandha titħallas kull sitt xhur huwa totalment eskluż jew jintwera b’mod inqas apparenti?

    4)

    Fl-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk prattika kummerċjali, bħal dik deskritta fit-tieni u fit-tielet domandi, tkun qarrieqa, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-imsemmija prattika:

    a)

    tindika l-prezz totali tal-abbonament għall-perijodu ta’ impenn, inkluża s-somma li għandha titħallas kull sitt xhur,

    u/jew

    b)

    tikkonsisti f’riklami jew pubbliċità fuq l-internet b’ħolqa lejn is-sit tal-kummerċjant fejn jinsabu indikazzjonijiet dwar is-somma li għandha titħallas kull sitt xhur u/jew il-prezz totali tal-abbonament li jinkludi dak tas-somma li għandha titħallas kull sitt xhur?

    5)

    Il-fatt li l-kummerċjalizzazzjoni ssir permezz ta’ reklami televiżivi għandu effett fuq ir-risposta għat-tieni u għat-tielet domandi?

    6)

    L-Artikolu 7(4) tad-Direttiva jelenka b’mod limitat l-informazzjoni sostanzjali li għandha tintwera fi stedina għax-xiri?

    7)

    Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għas-sitt domanda, l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva jeskludi li stedina għax-xiri, li tindika l-prezz totali li l-konsumatur għandu jħallas għall-ewwel sena tal-abbonament (perijodu ta’ impenn) tista’ titqies bħala prattika kummerċjali qarrieqa fis-sens tal-Artikolu 7(1) u (2) jew tal-Artikolu 6 tad-Direttiva, pereżempju jekk hija tagħti informazzjoni dwar ċerti elementi tal-prezz iżda mhux kollha?


    (1)  ĠU L 149, p. 22.


    Top