Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014TN0617

    Kawża T-617/14: Rikors ippreżentat fl- 10 ta’ Awwissu 2014 – Pro Asyl vs EASO

    ĠU C 409, 17.11.2014, p. 48–48 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    17.11.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 409/48


    Rikors ippreżentat fl-10 ta’ Awwissu 2014 – Pro Asyl vs EASO

    (Kawża T-617/14)

    2014/C 409/68

    Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

    Partijiet

    Rikorrenti: Pro Asyl Bundesweite Arbeitsgemeinschaft für Flüchtlinge e.V. (Frankfurt am Main, il-Ġermanja) (rappreżentant: S. Hilbrans, avukat)

    Konvenut: L-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Ażil (EASO)

    Talbiet

    tannulla d-deċiżjoni tal-konvenut tal-10 ta’ Ġunju 2014 – EASO/ED/2014/134 sa fejn din tirrifjuta l-aċċess għal Pjan ta’ Operazzjoni sabiex jintbagħtu timijiet ta’ appoġġ tal-ażil tal-Unjoni fil-Bulgarija (“Operating Plan on Bulgaria”) u ma tagħtix aċċess għar-reġistru tad-dokumenti tar-rikorrenti skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1049/2001.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

    1.

    L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni tar-rikorrenti

    Ir-rikorrenti ssostni li ma hemmx raġuni li tiġġustifika eċċezzjoni għad-dritt ġenerali ta’ aċċess għall-informazzjoni fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 (1) dwar l-“Operating Plan on Bulgaria” inkwistjoni.

    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tesponi li r-rifjut ta’ aċċess għall-informazzjoni ma jistax, partikolarment, jiġi ġġustifikat permezz tal-protezzjoni tad-deliberazzjonijiet intiżi għar-redazzjoni tad-dokument skont kif previst fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, inkwantu l-“Operating Plan” kien diġà stabbilit.

    Barra minn hekk, l-“Operating Plan on Bulgaria” ma huwiex dokument ta’ terz fis-sens tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1049/2001, peress li l-konvenut u l-Bulgarija fasslu dan il-pjan flimkien. Konsegwentement, l-“Operating Plan” lanqas ma joriġina minn dan l-Istat Membru fis-sens tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001.

    2.

    It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt ta’ aċċess għar-reġistru

    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata għandha wkoll tiġi annullata sa fejn din tirrifjutalha l-aċċess għar-reġistru elettroniku tad-dokumenti skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1049/2001 jew l-Artikolu 11 tad-Deċiżjoni Nru 6 tal-Bord Amministrattiv tal-EASO.


    (1)  Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).


    Top