EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014TN0574

Kawża T-574/14: Rikors ippreżentat fl- 1 ta’ Awwissu 2014 – EAEPC vs Il-Kummissjoni

ĠU C 409, 17.11.2014, p. 47–47 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

17.11.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 409/47


Rikors ippreżentat fl-1 ta’ Awwissu 2014 – EAEPC vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-574/14)

2014/C 409/67

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: European Association of Euro Pharmaceutical Companies (EAEPC) (Brussell, il-Belġju) (rappreżentanti: J. Buendía Sierra, L. Ortiz Blanco, Á. Givaja Sanz u M. Araujo Boyd, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara r-rikors għal annullament ammissibbli;

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tas-27 ta’ Mejju 2014 fil-Każ Nru COMP/AT.36957 – Glaxo Wellcome;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll għal dawk li jistgħu jiġu sostnuti mill-EAEPC fir-rigward ta’ din il-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 3654 finali, tas-27 ta’ Mejju 2014 fil-Każ COMP/AT.36957 – Glaxo Wellcome, li fiha l-Kummissjoni tiċħad l-ilment tar-rikorrenti fejn għalhekk tirrifjuta investigazzjoni ulterjuri fl-allegat ksur min-naħa ta’ Glaxo Wellcome SA, illum GlaxoSmithKline SA, tal-Artikolu 101 TFUE fid-dawl tas-sentenzi tas-27 ta’ Settembru 2006, GlaxoSmithKline Services vs Il-Kummissjoni (T-168/01, EU:T:2006:265) u tas-6 ta’ Ottubru 2009, GlaxoSmithKline Services vs Il-Kummissjoni (C-501/06 P, C-513/06 P, C-515/06 P u C-519/06 P, EU:C:2009:610).

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni bi ksur tal-Artikoli 101, 105 u 266 TFUE u tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003 (1) billi sostniet li l-effett tas-sentenza GlaxoSmithKline Services vs Il-Kummissjoni (EU:C:2009:610) huwa li d-deċiżjoni inizjali tal-2001 ġiet ikkunsidrata nulla u li s-sitwazzjoni kellha titqies bħallikieku l-Kummissjoni qatt ma kienet adottat id-Deċiżjoni tal-2001. Ir-rikorrenti ssostni ulterjorment li l-Kummissjoni kisret id-dmir tagħha li tagħti motivazzjoni suffiċjenti u l-obbligu tagħha li tisma’ lir-rikorrenti dwar din il-kwistjoni qabel ma tadotta deċiżjoni definittiva.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 101 TFUE jew li l-Kummissjoni naqset milli tikkonforma ruħha mad-dmir ta’ motivazzjoni tagħha taħt l-Artikolu 296 TFUE meta evalwat l-eżistenza ta’ interess tal-UE fil-każ. Ir-rikorrenti ssostni ulterjorment li l-Kummissjoni kisret id-dritt għal smigħ tar-rikorrenti.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li l-materji kollha ta’ fatt u ta’ liġi ma humiex analizzati fid-deċiżjoni kkontestata.


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205)


Top