EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014TN0667

Kawża T-667/14: Rikors ippreżentat fit-12 ta’ Settembru 2014 – Is-Slovenja vs Il-Kummissjoni

ĠU C 395, 10.11.2014, p. 58–59 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

10.11.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 395/58


Rikors ippreżentat fit-12 ta’ Settembru 2014 – Is-Slovenja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-667/14)

(2014/C 395/71)

Lingwa tal-kawża: is-Sloven

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika tas-Slovenja (rappreżentant: L. Bembič, “državni pravobranilec”, avukat ġenerali tal-Istat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/458/UE, tad-9 ta’ Lulju 2014, dwar l-esklużjoni mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ta’ ċertu nefqa mġarrba mill-Istati Membri skont it-Taqsima ta’ Garanziji tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) [notifikata bid-dokument C (2014) 4479] (ĠU L 205, p. 62), sa fejn din teskludi ċertu nfiq imwettaq mir-Repubblika tas-Slovenja, u b’mod iktar preċiż minħabba:

nuqqasijiet fil-verifika ta’ ħbula żgħar biex tiġi rrispettata d-definizzjoni ta’ ħbula agrikoli, li b’riżultat tagħhom ġiet applikata korrezzjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa ta’ 5 % fuq il-ħlasijiet diretti, f’ammont ta’ EUR 115 956,46 għas-senza finanzjarja 2011, u ta’ EUR 131 260,23 għas-senza finanzjarja 2012;

nuqqas ta’ estrapolazzjoni tar-riżultati tal-kontrolli f’każ ta’ differenza ta’ inqas minn 3 %, li b’riżultat tiegħu ġie applikat aġġustament speċifiku fuq il-ħlasijiet diretti, f’ammont ta’ EUR 1 771,90 għas-senza finanzjarja 2010; ta’ EUR 6 376,67 għas-senza finanzjarja 2011, kif ukoll ta’ EUR 6 506,76 għas-senza finanzjarja 2012;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

1.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni suffiċjenti tad-deċiżjoni u fuq ksur tal-prinċipju tal-legalità f’dak li jikkonċerna l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tan-nuqqasijiet fil-verifika tal-ħbula żgħar, u biex tiġi rrispettata d-definizzjoni ta’ ħbula agrikoli.

Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni żbaljat meta kkonstatat li s-sistema Slovena tippermetti lill-agrikolturi li jintegraw, fid-dikjarazzjoni tal-ħbula, strippi twal u dojoq ta’ mergħat, li huma mdawrin prinċipalment b’art li tinħarat, bil-konsegwenza li s-superfiċi tal-ħbula agrikoli grafiċi ta’ ażjenda agrikola jsiru eliġibbli, liema ħaġa twassal għal anomaliji fil-kejl u, għalhekk, fuq l-aċċettazzjoni tal-ħbula li ma jilħqux is-superfiċi minima li għandu jkollu ħabel agrikolu b’mod konformi mal-Artikoli 14(4) tar-Regolament Nru 796/2007 (1) u 13(9) tar-Regolament Nru 1122/2009 (2).

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni suffiċjenti tad-deċiżjoni u fuq ksur tal-prinċipju tal-legalità f’dak li jikkonċerna l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-ksur tal-obbligu ta’ estrapolazzjoni.

Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni wettqet żball meta kkonstatat li fir-Repubblika tas-Slovenja, il-ħbula agrikoli li ntagħżlu matul il-kontroll intagħżlu biss b’kumbinazzjoni u biss fil-limitu tal-50 %; li l-metodu ta’ għażla tal-ħbula agrikoli grafiċi ta’ ażjenda agrikola ma ppermettix li tintlaħaq ir-rappreżentattività, u lanqas l-affidabbiltà meħtieġa mir-Regolament Nru 1122/2009, u, finalment, li l-obbligu ta’ estrapolazzjoni abbażi tal-premessa 44 tar-Regolament ġie miksur.


(1)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 796/2004, tal-21 ta’ April 2004, li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ konformità, modulazzjoni u amministrazzjoni integrata u sistema ta’ kontroll kif hemm provvediment dwarhom fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixi regoli komuni għal skemi ta’ sostenn dirett taħt il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ sostenn għall-bdiewa (ĠU L 141, p. 18).

(2)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1122/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tal-kundizzjonalità, il-modulazzjoni u s-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, skont l-iskemi ta’ appoġġ għall-bdiewa previsti għal dak ir-Regolament, kif ukoll għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tal-kundizzjonalità skont l-iskema ta’ appoġġ prevista għas-settur tal-inbid (ĠU L 316, p. 65).


Top