Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014TN0512

    Kawża T-512/14: Rikors ippreżentat fis-26 ta’ Ġunju 2014 – Green Source Poland vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 395, 10.11.2014, p. 50–51 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    10.11.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 395/50


    Rikors ippreżentat fis-26 ta’ Ġunju 2014 – Green Source Poland vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-512/14)

    (2014/C 395/63)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrenti: Green Source Poland sp. z o.o. (Varsavja, il-Polonja) (rappreżentanti: M. Merola u L. Armati, avukati)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    tannulla d-deċiżjoni;

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż

    Motivi u argumenti prinċipali

    Permezz ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 2289 finali, tas-7 ta’ April 2014, li permezz tagħha l-Kummissjoni tirrifjuta li tagħtiha kontribuzzjoni finanzjarja li ġejja mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-proposta ta’ proġett kbir “Purchase and implementation of innovative manufacturing technology of biocomponents to produce biofuels”, li jagħmel parti minn programm operattiv “Innovative Economy” għal għajnuna strutturali skont l-għanijiet ta’ konverġenza fil-Polonja.

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi.

    1.

    L-ewwel motiv ibbażat fuq l-abbuż, mill-Kummissjoni tas-setgħa li ngħatatilha permezz tal-Artikolu 41 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 (1) u fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ proporzjonalità meta allokat de facto effetti vinkolanti lil proposta ta’ direttiva li kienet għadha ma ġietx adottata, jiġifieri l-proposta għad-Direttiva ILUC (2). Ir-rikorrenti ssostni li r-rifjut huwa fir-realtà bbażat mhux fuq il-fatt li l-proġett ma kienx ta’ livell għoli ta’ innovazzjoni bħala installazzjoni ta’ produzzjoni tal-ewwel ġenerazzjoni għall-produzzjoni ta’ bijokarburanti minn għelejjel tal-ikel, iżda fuq il-fatt li l-proġett kien inkompatibbli mal-proposta tad-Direttiva ILUC, li tippromuovi bijokarburanti tat-tieni ġenerazzjoni minn għelejjel oħra li ma humiex għelejjel tal-ikel. Il-Kummissjoni għaldaqstant serrħet fuq leġiżlazzjoni futura sabiex tirrifjuta kontribuzzjoni li ġejja mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.

    2.

    It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn il-Kummissjoni qieset li l-proposta tad-Direttiva ILUC kienet tipperikola l-vijabbilità tal-fabbrika proposta. Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni bi żball ikkunsidrat li l-vijabbilità ekonomika fuq żmien twil tal-fabbrika ser tiġi kkontestata mill-2020 abbażi ta’ spekulazzjoni li wara l-2020, huma biss il-bijokarburanti li ġejjin minn għelejjel oħra li ma humiex għelejjel tal-ikel li ser jirċievu għajnuna finanzjarja.

    3.

    It-tielet motiv ibbażat fuq l-abbuż proċedurali u l-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità minħabba raġunijiet inkoerenti u artifiċjali suċċessivament invokati mill-Kummissjoni sabiex tirrifjuta l-kontribuzzjoni li ġejja mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.

    4.

    Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 1083/2006 sa fejn il-Kummissjoni, fl-evalwazzjoni tagħha, marret lil hinn mill-kriterji ffissati fil-programm operattiv rilevanti, u b’hekk ikkonkludiet li huma biss “is-soluzzjonijiet li jikkorrispondu għall-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku” u s-“soluzzjonijiet l-iktar reċenti u l-iktar innovattivi” li għandhom jingħataw l-għajnuna. Madankollu, il-programm operattiv jirreferi biss għal soluzzjonijiet ġodda u moderni, fatt li għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-livell attwali ta’ żvilupp industrijali u kummerċjali fil-Polonja u tal-għan ġenerali ta’ konsolidazzjoni tal-iżvilupp tar-reġjun ikkonċernat.

    5.

    Il-ħames motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 1083/2006 u tal-ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ diliġenza raġonevoli u tal-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni.

    6.

    Is-sitt motiv ibbażat fuq il-ksur proċedurali u l-ksur tal-prinċipji ta’ terminu raġonevoli u ta’ amministrazzjoni tajba, kif ukoll il-ksur tal-Artikolu 41(2) tar-Regolament Nru 1083/2006 li jistabbilixxi t-terminu ta’ tliet xhur għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet fuq proġetti kbar. Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni baqgħet tistieden kontinwament lill-Polonja sabiex tirtira l-applikazzjoni tagħha u li rrepetiet l-istess domanda jew żiedet domandi ġodda mingħajr ma għandhom x’jaqsmu mal-kwistjoni, b’tali mod li l-proċedura estendiet għal iktar minn sena u nofs, u b’hekk naqsu l-opportunitajiet ta’ implementazzjoni tal-proġett propost.


    (1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006, tal-11 ta’ Lulju 2006, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999 (ĠU 2006, L 210, p. 25).

    (2)  Proposta COM(2012) 595 finali għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 98/70/KE dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil u li temenda d-Direttiva 2009/28/KE dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli.


    Top