Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013AE7466

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2014” COM(2013) 800 final

ĠU C 214, 8.7.2014, p. 46–54 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

8.7.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 214/46


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2014”

COM(2013) 800 final

2014/C 214/10

Relatur ġenerali: is-Sinjura PICHENOT

Nhar it-13 ta’ Novembru 2013, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2014

COM(2013) 800 final.

Nhar it-18 ta’ Novembru 2013 il-Bureau tal-Kumitat ta istruzzjonijiet lill-Kumitat ta’ Tmexxija tal-Ewropa 2020 sabiex jipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-496 sessjoni plenarja tiegħu tas-26 u s-27 ta' Frar 2014 (seduta tas-26 ta' Frar 2014) li jaħtar lis-Sinjura Pichenot bħala relatur ġenerali u adotta din l-Opinjoni b'187 vot favur, 2 voti kontra u 11-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Insaħħu s-Semestru Ewropew u ntejbu l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili

1.1.1

Sabiex tittejjeb l-approprjazzjoni nazzjonali u l-leġittimità demokratika, li huma punti kruċjali tas-Semestru Ewropew, il-KESE, filwaqt li jirrikonoxxi d-diversità tal-prattiki nazzjonali, jirrakkomanda li l-atturi tas-soċjetà ċivili jiġu involuti b'mod aħjar. Għaldaqsant, jistabbilixxi r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin:

tiġi stabbilita gwida prattika dwar l-istrumenti tas-Semestru Ewropew intiżi għall-atturi ekonomiċi u soċjali u r-rappreżentanti eletti fil-livell nazzjonali u territorjali,

jiġu żviluppati aktar il-kuntatti u s-seduti tal-istituzzjonijiet Ewropej, u b'mod partikolari tal-Kummissjoni, fi ħdan il-parlamenti nazzjonali li jżommu kull leġittimità demokratika fir-rigward tal-baġit u r-riformi,

jitkompla d-dibattitu mas-soċjetà ċivili dwar l-iskeda tar-riformi strutturali u dwar l-impatt reċiproku tal-politiki li twettqu b'mod simultanju mill-Istati Membri,

l-Istati Membri kollha jitħeġġu aktar biex jinvolvu l-imsieħba soċjali u l-korpi konsultattivi fit-tfassil tar-riformi b'riżultat tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż u fit-tfassil u s-segwitu tal-Programm Nazzjonali ta' Riforma (PNR),

jiġu involuti l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili fil-valutazzjoni tal-politiki pubbliċi li jippreċedu kull miżura ta' razzjonalizzazzjoni jew ta' modernizzazzjoni,

ir-rapport annwali integrat tal-KES nazzjonali  (1) u ta' istituzzjonijiet simili għandu jibqa' jiġi indirizzat lill-Kunsill Ewropew: f'dan ir-rigward, il-korpi konsultattivi nazzjonali għandhom jitħeġġu aktar biex jipparteċipaw f'dan ir-rapport integrat,

tinkiseb tweġiba formali mill-Kunsill u mill-Kummissjoni għal dawn il-kontributi bil-miktub tas-soċjetajiet ċivili nazzjonali li turi s-serjetà tal-konsultazzjoni u tkun parti mid-dibattitu dwar ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż.

tiġi stabbilita metodoloġija biex jintlaħqu standards ta' kwalità tal-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tad-djalogu soċjali fl-Istati Membri billi jittieħed bħala bażi l-istudju li għandu joħroġ fl-2014 u li tnieda mill-Kumitat ta' Tmexxija tal-Istrateġija Ewropa 2020 tal-KESE.

1.1.2

Fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir (SAT) tal-2014, appoġġjat mir-rapporti annessi (2), il-Kummissjoni tippreżenta viżjoni għall-politika ekonomika u soċjali fl-Unjoni Ewropea u tiffoka fuq koordinazzjoni bejn il-politiki Ewropej u azzjonijiet nazzjonali. Bl-istess prijoritajiet bħal fis-snin preċedenti, l-analiżi tiftaħ is-Semestru Ewropew.

Il-proċedura ta' sorveljanza makroekonomika u baġitarja, stabbilita qabel, ser tibqa' tevolvi fl-2014 u hija bbażata fuq testi gwidati minn loġika ta' dixxiplina ffokata, sorveljanza u sanzjonijiet. Din hija bbażata fuq mekkaniżmu ta' twissija li għandu l-għan li jipprevjeni l-ħolqien ta' żbilanċi makroekonomiċi, fuq Programmi Nazzjonali ta' Riforma (PNR) kif ukoll fuq rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż imfassla f''konsultazzjoni ma' kull Stat Membru. Is-Semestru Ewropew għadu barra minn hekk marbut mill-qrib mal-Istrateġija Ewropa 2020, u mal-objettivi kwantifikati tagħha.

1.1.3

Il-kriżi finanzjarja mbagħad dik ekonomika li tkompli tolqot l-Ewropa kixfet in-nuqqasijiet tas-sistema ta' governanza tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja: dawn in-nuqqasijiet għandhom jiġu korreġuti b'urġenza sabiex ma terġax titpoġġa f'perikolu saħansitra l-eżistenza tal-euro. Il-KESE jirrikonoxxi l-importanza tat-triq li mxejna fir-rigward tal-governanza ekonomika iżda jerġa' jafferma l-ħtieġa assoluta li jiġu żgurati l-leġittimità demokratika u l-approprjazzjoni fil-livell nazzjonali. L-Opinjoni tal-2014 tal-Kumitat hija konformi mal-opinjonijiet preċedenti dwar l-SAT, li huma miġbura fil-qosor f'sommarju tar-rakkomandazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2.1 ta' din l-Opinjoni. Hija tikkumplimenthom, taġġornahom, tiftaħ opportunitajiet ġodda għall-2015 u tibni fuq il-konklużjonijiet ta' bosta opinjonijiet reċenti.

1.1.4

L-eżerċizzju tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2014 (SAT) jikkostitwixxi l-ewwel fażi ta' din il-proċedura, li ser tkun segwita mill-Kumitat ta' Tmexxija tal-Ewropa 2020 matul is-sena kollha bil-parteċipazzjoni tal-kumitati ekonomiċi u soċjali nazzjonali u istituzzjonijiet simili għall-implimentazzjoni ta' riformi u ta' politiki fil-livell nazzjonali. Il-Kumitat jilqa' l-istabbiliment ta' rabta speċifika bejn is-Summit Soċjali Tripartitiku tar-rebbiegħa u l-proċess tas-Semestru Ewropew. Flimkien ma' dan huwa jitlob li l-pożizzjonijiet tal-imsieħba soċjali Ewropej jiġu ppubblikati bħala anness għad-dokumenti tas-Semestru Ewropew. Barra minn hekk, huwa jixtieq li l-SAT ikollu miegħu rapport dwar l-istat tal-progress tal-Istrateġija Ewropa 2020. Din id-dijanjożi hija meħtieġa biex titħejja r-reviżjoni ta’ nofs it-term.

1.1.5

Konvint li l-kriżi għadha ma għaddietx, il-Kumitat iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet Ewropej u lill-Istati Membri jagħmlu, b'mod kompatibbli, sforz ta' konsolidazzjoni fiskali divrenzjata u azzjoni determinata u perseveranti favur it-tkabbir, l-impjiegi u l-kompetittività madwar l-Unjoni kollha ta' 28 pajjiż. Huwa jistieden lill-Kummissjoni li jmiss timplimenta programm ta' investiment ambizzjuż li jippermetti aċċess aħjar għall-finanzjament għall-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju . Il-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment għandhom jappoġġjaw l-ilħuq tal-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 u eventwalment jistgħu jakkumpanjaw ir-riformi stabbiliti fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi. Fl-istess ħin, il-Kumitat jistieden lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta pjan direzzjonali għall-implimentazzjoni prattika tal-pakkett ta' “investiment soċjali”.

1.2   Governanza aktar koerenti għal Unjoni Ekonomika u Monetarja ġenwina

1.2.1

Fis-segwitu tar-rapport “Towards a genuine economic and monetary union” (3), il-KESE josserva b'sodisfazzjon l-iżvilupp gradwali ta' “koordinazzjoni” lejn governanza ekonomika aktar koerenti bejn l-Istati Membri, permezz tal-proċess tas-Semestru Ewropew. Huwa jinnota partikolarment li l-SAT jadatta ruħu għar-regoli l-ġodda ta' governanza, partikolarment fiż-żona tal-euro, billi l-abbozzi ta' baġit jitressqu f'nofs Ottubru sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tevalwa jekk l-Istati Membri humiex jadottaw il-miżuri meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fil-livell Ewropew. Imbagħad il-baġits jiġu finalizzati fil-livell nazzjonali. Din il-proċedura għandha tirrispetta bis-sħiħ il-leġittimità demokratika tal-parlamenti nazzjonali, li huma biss jistgħu jemendaw u jadottaw il-baġit.

1.2.2

Il-KESE jinnota l-progress parzjali li jirrappreżenta l-ftehim li sar fil-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2013 dwar ir-regoli komuni futuri fir-rigward tas-superviżjoni u tar-riżoluzzjoni tal-banek inadempjenti. Jinnota li l-unjoni bankarja qegħda fuq pedamenti li għad iridu jiżviluppaw, għad iridu jingħelbu diversi sfidi b'mod partikolari fir-rigward tal-konsolidazzjoni tas-settur finanzjarju u l-iskadenza għall-ħolqien ta' Mekkaniżmu ta' riżoluzzjoni unika. Il-Kumitat jesprimi d-dubji kbar tiegħu dwar ir-riskji li tippreżenta unjoni bankarja mhux kompluta u r-rikors għall-proċess intergovernattiv (4).

1.2.3

Il-KESE jiddispjaċih dwar it-tnaqqis fl-ammonti tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020 (QFP). Madankollu, huwa jilqa' l-kapaċità ta' investiment ta' aktar minn EUR 400 biljun li jistgħu jiġu mobilizzati malajr għall-promozzjoni tat-tkabbir u tal-impjieg fil-livell nazzjonali u reġjonali, permezz tal-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment (ESIF) li ser jikkontribwixxu għat-twettiq tal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020. Il-Kumitat jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li, għall-ewwel darba, id-deċiżjoni politika hija marbuta mal-impenn finanzjarju, li flimkien jikkostitwixxu fattur importanti fl-appoġġ għat-tkabbir ekonomiku.

1.2.4

F'dan l-SAT, il-Kummissjoni qed tipprova toħloq qafas Ewropew sabiex tippromovi t-tkabbir fl-Ewropa billi tgħaqqad il-governanza ekonomika, il-qafas finanzjarju pluriennali, u l-politiki li għandhom l-għan li jikkompletaw l-aspetti differenti tas-suq intern u tal-politika kummerċjali. Il-Kumitat jappoġġja l-Kummissjoni fl-appell lill-Istati Membri biex jikkunsidraw dan il-qafas Ewropew meta jiddefinixxu l-politiki nazzjonali tagħhom. Josserva li l-SAT issa jpoġġi t-tkabbir u l-kompetittività fil-livell tal-ogħla prijoritajiet; jenfasizza li l-kompetittività għandha tiġi interpretata b'mod wiesa' fis-sens li tgħaqqad il-kwalità u l-pożizzjoni tal-prodotti u s-servizzi u mhux bħala kompetittività limitata biss għall-prezzijiet.

1.2.5

Sabiex jitħares il-mudell Ewropew ta' koeżjoni soċjali, kif jirrakkomanda wkoll ir-rapport “Towards a genuine economic and monetary union”, u skont il-klawżola soċjali orizzontali tat-Trattat, il-KESE jistieden lill-Kunsill Ewropew biex jagħmel pass 'il quddiem billi jagħti dimensjoni soċjali lill-UEM. Dan għandu jwassal biex fis-Semestru Ewropew tiġi integrata b'mod proattiv tabella ta' valutazzjoni ta' indikaturi soċjali  (5), li jingħataw l-istess importanza bħall-indikaturi makroekonomiċi u baġitarji. Din id-dimensjoni soċjali għandu jkollha l-funzjoni li tipprevjeni r-riskji ta' żbilanċi soċjali, u għandha tkun akkumpanjata minn mekkaniżmi ta' stabbilizzazzjoni, b'mod partikolari fuq il-mudell tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ jew il-Fondi Strutturali destinati fost l-oħrajn għat-taħriġ u l-kwalifikazzjoni mill-ġdid.

Il-KESE jappella wkoll li tiġi kkunsidrata d-dimensjoni tal-ġeneru tal-UE f'dawn l-għodod kollha.

1.2.6

Il-kriżi qawwija li għaddejja minnha l-Ewropa u l-politiki implimentati fil-ġlieda kontra l-problemi ta' dejn jistgħu jkunu l-kawża għall-falliment ta' għadd kbir ta' objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020. Il-KESE jitlob li l-inizjattiva relatata mal-SMEs tinbeda mingħajr dewmien fil-bidu tal-2014. Huwa jilqa' b'mod favorevoli l-mandat il-ġdid mogħti mill-BEI lill-FEI (EUR 4 biljun), maħsuba għall-SMEs u l-mikrokrediti, u t-tisħiħ tiegħu permezz ta' żieda fil-kapital tiegħu.

1.2.7

Il-KESE jenfasizza li l-UE għandha ħafna assi għall-ħruġ minn din il-kriżi, f'termini kemm ta' infrastruttura kif ukoll ta' kwalità tas-servizzi jew tas-suq uniku. Jeħtieġ li jittieħed vantaġġ minn dawn l-assi sabiex jitħaffu t-tranżizzjoni ekoloġika, l-innovazzjoni, l-aċċess għall-kreditu għall-SMEs, u l-kompetittività tal-intrapriżi kollha f'perspettiva ta' tkabbir sostenibbli ekoloġiku u inklużiv.

1.3   Perspettiva dinamika u sostenibbli tar-reviżjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020

1.3.1

Din l-Opinjoni li hija orjentata lejn il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Marzu 2014 għandha l-għan ukoll li tikkontribwixxi għar-reviżjoni ta' nofs it-term tal-Istrateġija Ewropa 2020. Din hija ħidma importanti għall-Kummissjoni futura li għandha tinbeda matul il-Presidenza Taljana. L-Unjoni għandha tagħti liċ-ċittadini xhieda ta' rieda politika u ta' viżjoni konkreta favur it-titjib tal-integrazzjoni sabiex naslu għal “Ewropa aħjar”, li tfisser “aktar Ewropa” f'ċerti politiki. Sabiex titħejja din ir-reviżjoni ta' nofs it-term tal-Istrateġija Ewropa 2020, huwa rakkomandat li din tkun marbuta mal-istrumenti tas-Semestru Ewropew sabiex jinkiseb bilanċ ġdid bejn ir-responsabbiltà u s-solidarjetà. Il-Kumitat jissuġġerixxi l-inklużjoni ta' tabella ta' valutazzjoni ta' indikaturi ambjentali fis-Semestru Ewropew.

1.3.2

Il-Kumitat jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-SAT tal-2014 jinkoraġġixxi lill-Istati Membri, minkejja s-sitwazzjonijiet baġitarji mwiegħra, biex jaffaċċjaw l-isfidi tas-seklu 21 u biex jippromovu l-investiment fuq l-objettivi fit-tul, bħalma hija l-klima. Is-Semestru Ewropew għandhu jkompli jinkludi fl-objettivi, il-metodi u l-għodod tiegħu, it-tranżizzjoni ekoloġika tal-proċessi industrijali eżistenti skont is-settur u l-ekoloġizzazzjoni tal-ekonomija għall-ħruġ mill-kriżi abbażi ta' mudell ta' żvilupp aktar sostenibbli. Fost il-prijoritajiet tagħha għat-tkabbir u l-kompetittività, il-Kummissjoni fl-SAT ssemmi l-promozzjoni tal-użu effiċjenti tar-riżorsi, it-titjib tal-ġestjoni tal-iskart u tal-ilma, ir-riċiklaġġ u l-effiċjenza tal-enerġija.

F'din ir-reviżjoni, hemm bżonn li jiġu inklużi t-temi u l-prattiki li qed jiżviluppaw bħala muturi ta' tkabbir ekonomiku bħall-ekonomija ċirkolari, l-ekonomija parteċipattiva u kollaborattiva, l-ekodisinn, l-ekoeffiċjenza jew ir-restawr ta' bini u l-urbanizzazzjoni sostenibbli.

1.3.3

Strateġija Ewropea ġdida għandha tkun il-bażi ta' valutazzjoni maqsuma bejn l-istituzzjonijiet Ewropej u l-Istati Membri, u fil-qafas tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs futuri) ta' wara l-2015 tan-Nazzjonijiet Uniti. L-Unjoni Ewropea kkontribwiet ħafna sabiex tiddefinixxi n-natura universali tal-għanijiet ta' żvilupp sostenibbli għall-ġejjieni. Din ir-reviżjoni hija parti mit-tfittxija għall-koerenza bejn il-politiki kollha, prinċipju miksub fil-livell Ewropew fil-politika tal-iżvilupp tagħha. Dawn l-għanijiet futuri komuni globali għandhom jissarrfu f'dinamika ta' żvilupp sostenibbli fil-livell Ewropew. Għal dan l-għan, il-KESE jirrakkomanda li r-reviżjoni ta' nofs it-term taqa' fi ħdan l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli sal-2030, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri.

1.3.4

Il-Kumitat jimpenja ruħu bis-sħiħ f'dan il-proċess ta' bini ta' tranżizzjoni ekonomika sostenibbli u jibqa' attent għall-ħtieġa ta' politika ambizzjuża għall-klima/l-enerġija. Għandhom jiġu kkunsidrati r-riżultati tal-ħidmiet tal-konferenza li ser tiġi organizzata bejn it-13 u l-14 ta' Frar 2014“Sħubija globali ġdida: pożizzjonijiet tas-soċjetà ċivili Ewropea dwar il-qafas għal wara l-2015” (6), fejn il-KESE huwa attur importanti.

2.   Kontinwità u approfondiment tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2014

2.1   Din l-Opinjoni dwar l-SAT tal-2014 tagħmel parti mill-kontinwità tal-osservazzjonijiet li saru f'opinjonijiet preċedenti tal-Kumitat dwar is-Semestru Ewropew u li ġew ikkompletati mill-kontributi tal-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali nazzjonali jew mekkaniżmi konsultattivi simili oħra. Ifakkar fil-konklużjonijiet li ġejjin li għadhom validi għall-2014:

l-implimentazzjoni mill-aktar fis ta' proċess kumpless ta' koordinazzjoni msaħħa msejjaħ “is-Semestru Ewropew” bħala risposta għall-agħar kriżi multidimensjonali tal-istorja tal-Ewropa, kriżi li kixfet in-nuqqasijiet inerenti tal-UEM li għadha mhux kompluta;

li t-tkabbir ikun ibbażat fuq l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 b'mod partikolari l-importanza tal-edukazzjoni, tat-taħriġ, tat-tagħlim tul il-ħajja; il-miżuri attivi tas-suq tax-xogħol, l-ispirtu intraprenditorjali, l-impjieg indipendenti; il-politiki tal-inklużjoni soċjali; l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija;

it-tranżizzjoni ekoloġika lejn mudell ta' produzzjoni u ta' konsum sostenibbli ma tistax tinfired mill-ħruġ mill-kriżi;

l-aggravazzjoni tad-diverġenzi bejn l-Istati Membri, bejn ir-reġjuni u t-territorji, bejn iċ-ċentru u l-periferija; il-bżonn assolut ta' politiki ta' koeżjoni sabiex terġa' tinstab it-triq tal-konverġenza fl-UE;

il-ħtieġa li r-riformi jiġu applikati b'mod effettiv mill-istituzzjonijiet Ewropej u mill-Istati Membri;

iż-żieda tad-dejn pubbliku mmexxi mill-kriżi bankarja;

id-divrenzjar tal-konsolidazzjoni fiskali kompatibbli mal-irkupru tat-tkabbir; il-politiki ta' konsolidazzjoni tal-finanzi pubbliċi għandhom jikkonċernaw perjodi itwal u għandhom jiffokaw fuq it-tfittxija ta' bilanċ intelliġenti bejn id-dħul u l-infiq, bejn l-offerta u d-domanda;

b'mod parallel l-urġenza ta' inizjattiva biex jerġa' jkun hemm tkabbir, impjieg u kompetittività; l-implimentazzjoni effettiva ta' riformi fuq is-swieq tal-prodotti, tas-servizzi u tax-xogħol meta din tkun meħtieġa; l-appoġġ għall-investiment u għall-politiki ta' solidarjetà; Unjoni bankarja kompluta;

ir-riperkussjonijiet soċjali kbar tal-politiki għall-ħruġ mill-kriżi li ġew implimentati; il-ħtieġa li jiġu kkunsidrati l-ġustizzja soċjali u l-ekwità fl-ispejjeż u l-benefiċċji tar-riformi strutturali; il-ħtieġa ta' analiżi tal-impatt soċjali ta' dawn ir-riformi;

ir-rispett tal-awtonomija tal-imsieħba soċjali u tal-ftehimiet kollettivi; il-kollaborazzjoni u l-ftehim mill-qrib mal-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili; it-tisħiħ tal-leġittimità demokratika tas-Semestru Ewropew; it-tisħiħ tad-djalogu soċjali b'mod partikolari f'dak li jikkonċerna r-riformi tas-suq tax-xogħol.

2.2   Strumenti rilevanti għal stħarriġ dwar it-tkabbir

2.2.1

Il-KESE jinnota l-bidla gradwali minn koordinazzjoni lejn governanza ekonomika aktar vinkolanti għall-Istati Membri permezz tal-proċess tas-Semestru Ewropew li jissarraf f'valutazzjoni fl-aħħar tal-2013 tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż li ser jiggwidaw il-proposti għal rakkomandazzjonijiet li jmiss tar-rebbiegħa tal-2014 u l-impatt tagħhom fuq il-PNR. L-interkonnessjoni bejn l-istrumenti differenti tas-Semestru Ewropew, li jikkontribwixxu biex tingħata dijanjożi għal koordinazzjoni akbar tal-politiki ekonomiċi, tikkostitwixxi mekkaniżmu perfezzjonat li sfortunatament attwalment huwa kkontrollat biss minn għadd żgħir ħafna ta' esperti Ewropej u nazzjonali.

2.2.2

Għall-ewwel darba matul il-ħarifa 2013, il-Kummissjoni vvalutat l-abbozzi ta' baġits nazzjonali tal-pajjiżi fiż-żona tal-euro, qabel ma dawn jiġu diskussi u adottati mill-parlamenti nazzjonali. Il-Kummissjoni ma talbet li ssir l-ebda reviżjoni tal-abbozzi tat-13-il Stat Membru fiż-żona tal-euro kkonċernati, u b’hekk għalissa ġiet evitata l-kwistjoni tal-kunflitti ta’ leġittimità. Madankollu, ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija li janalizza tnax-il indikatur makroekonomiku (7) juri li sittax-il pajjiż, din is-sena se jkunu soġġetti għal valutazzjoni dettaljata ta' jekk jeżistux żbilanċi u jekk humiex eċċessivi jew le.

2.2.3

Il-Kummissjoni tqis li attwalment ninsabu f'salib it-toroq, bi prospett ta' rkupru aggregat (1,1 % għaż-żona tal-euro, u 1,4 % għall-UE-28) li għaldaqstant jeħtieġ li jissaħħaħ. Il-Kumitat jinsab imħasseb li dan il-bidu ta' rkupru li għadu fraġli mhux qed jiġi osservat fl-Istati Membri kollha. Madankollu jirrikonoxxi evoluzzjoni f'dan l-SAT li tagħti l-ewwel prijorità lit-tkabbir u l-kompetittività. Il-Kumitat ser jiżgura l-implimentazzjoni ta' din il-prijorità billi l-EUR 400 biljun jiġu dedikati għal proġetti bil-għan li din tiġi konkretizzata. Huwa ser jara li dan l-istrument futur ta' konverġenza u ta' kompetittività jikkontribwixxi biex jgħin lill-pajjiżi li jinsabu f'diffikultà fir-ritmu u l-kwalità tar-riformi tagħhom.

2.3   Persistenza tal-inċertezzi?

2.3.1

L-SAT jippromovi rkupru li qed jinbet, li għadu modest. Il-Kumitat jiddikjara li jinsab imħasseb dwar l-inċertezzi li jissemmew fid-dokument tal-Kummissjoni bħar-rabtiet bejn il-banek inadempjenti u d-dejn sovran jew it-tnaqqis tad-domanda tal-pajjiżi emerġenti; il-frammentazzjoni tas-sistema finanzjarja, il-livelli għoljin ta' qgħad li jdgħajfu l-prospetti u jikkostitwixxu reżistenza għat-tkabbir.

2.3.2

Il-KESE jinnota li t-ton ġenerali tal-SAT tal-2014 huwa aktar ottimist mill-previżjonjiet tal-FMI u tal-OECD, li skonthom ir-ritmu tal-irkupru ekonomiku dinji huwa aktar dgħajjef minn dak li tħabbar f'Mejju 2013, b'mod partikolari minħabba d-degradazzjoni tal-prospetti tal-ekonomiji emerġenti (8). Dawn l-aħħar snin, il-Kummissjoni sikwit tat prova ta' ottimiżmu billi ħabbret irkupru li kien għadu ma seħħx. Jitlob lill-Kummissjoni li jmiss biex terġa' teżamina l-previżjonijiet ekonomiċi u jekk ikun hemm bżonn tbiddel il-limiti. Fi kwalunkwe każ, jenfasizza li staġnar jew irkupru bil-mod wisq jhedded is-sistemi tal-protezzjoni soċjali, b'mod partikolari fil-pajjiżi fejn tali sistemi għadhom fraġli.

2.3.3

Id-degradazzjoni tas-suq tax-xogħol minħabba l-kriżi mhijiex akkumpanjata minn titjib proporzjonali meta l-ekonomija tistabbilizza, l-SAT jillimita ruħu kemm jitlob distakk fiż-żmien bejn l-irkupru u t-tijib fl-impjiegi. Jekk dan id-distakk jippersisti hemm riskju ta' qgħad strutturali fit-tul. Huwa għalhekk li l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol għandha tkun stimolata b'modi differenti: kwalifiki, taħriġ tul il-ħajja, parteċipazzjoni tal-imsieħba soċjali, iżda wkoll programmi ta' investimenti pubbliċi u privati li joħolqu l-impjieg.

2.3.4

Għadu kmieni wisq biex niddikkjaraw li l-kriżi taż-żona tal-euro hija ħaġa tal-passat. Jeżistu riskji, fosthom ir-riskju li inflazzjoni baxxa wisq (anqas minn 1 %) fuq żmien twil ma twassalx għal deflazzjoni, u dan jista' jkun diżastruż għall-prospetti ta' rkupru. Il-politika monetarja tal-BĊE f'dan ir-rigward hija deċiżiva. Fost ir-riskji l-oħra, il-Kumitat jenfasizza li għadd ta' banek għadhom jistgħu jirriżultaw dgħajfa wisq biex jilħqu l-obbligi tagħhom. It-test ta' reżistenta li jmiss ikkontrollat mill-BĊE huwa indikatur importanti tal-istat tas-saħħa tas-settur finanzjarju.

2.3.5

L-SAT jirrikonoxxi li l-prospetti huma diffiċli għall-intrapriżi li qed jaraw prospetti dgħajfa ta' tkabbir f'ċerti pajjiżi u diffikultajiet ta' aċċess għal kreditu li jpoġġu f'diffikultà lil ħafna SMEs, u li jwasslu għal fallimenti.

2.3.6

Il-KESE jirrikonoxxi li l-eżistenza ta' diverġenzi ekonomiċi u soċjali jagħmluha diffiċli li jitwettaq l-eżerċizzju tal-istabbiliment ta' prijoritajiet uniformi u validi għall-Unjoni Ewropea kollha. Sabiex jiġu stabbiliti r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi rilevanti, il-Kumitat jirrakkomanda li jittieħdu miżuri konkreti sabiex ikun żgurat djalogu bejn il-Kummissjoni u s-soċjetajiet ċivili, u jissaħħaħ id-djalogu soċjali.

2.3.7

Il-KESE għadu mħasseb ħafna dwar il-problemi li rriżultaw mill-kriżi. Huwa jistima allarmanti r-riskji potenzjali tal-istħarriġ tal-kwalità tal-assi tal-banek u t-testijiet ta' reżistenza li ser isiru matul l-2014, li hija superviżjoni li għandha tkun kredibbli iżda li għaliha l-Unjoni bankarja ma tipprovdi l-ebda soluzzjoni immedjata.

2.3.8

Il-KESE jilqa' l-ftehim dwar id-Direttiva relatata mas-sistemi ta' garanzija tad-depożiti u dwar id-Direttiva relatata mal-irkupru tal-banek u r-riżoluzzjoni tal-inadempjenzi tagħhom. L-implimentazzjoni tal-unjoni bankarja, fil-partijiet ta' sorveljanza u ta' riżoluzzjoni tagħha, ser tkun element importanti għall-irkupru u biex terġa' tinbena l-fiduċja. Huwa għalhekk li l-KESE jsejjaħ għal adozzjoni rapida tal-mekkaniżmu ta' riżoluzzjoni unika, għodda utli għall-ġestjoni tal-kriżijiet bankarji futuri. Il-Kumitat huwa diżappuntat ħafna minħabba li l-Kunsill reċenti ma rnexxilux jikseb ftehim dwar unjoni bankarja sħiħa u għażel li jimpjega proċess intergovernattiv.

3.   Stabilizzazzjoni iżda frammentazzjoni

3.1

L-SAT jagħraf li s-sehem tal-kummerċ tal-UE fid-dinja huwa parti importanti tar-rikkezza tal-UE li torjenta l-irkupru tagħha lejn tkabbir immexxi mill-esportazzjoni lejn pajjiżi emerġenti, billi f'xi pajjiżi twettaq żvalutazzjoni domestika.

F'kuntest ta' kompetizzjoni internazzjonali qawwija, l-UE għandha pożizzjoni dominanti fis-suq minkejja evoluzzjoni sinifikanti tal-fluss u tal-katini ta' valur. Hija tipprova wkoll tiżgura aktar trasparenza fl-investiment. B'reazzjoni għal dawn l-iżviluppi, l-UE hija involuta f'negozjati bilaterali li jinkludu l-kummerċ u l-investiment u fl-implimentazzjoni ta' ftehimiet bilaterali. Il-Kumitat jibqa' attent li jiġu infurzati r-regoli, in-normi u l-valuri fil-ftehimiet kollha, inkluż permezz ta' miżuri ta' salvagwardja jew riżoluzzjoni tat-tilwim tad-WTO u b'parteċipazzjoni f'mekkaniżmi għall-monitoraġġ tal-ftehimiet.

3.2

Il-prijorità assoluta mogħtija fl-ewwel SAT lill-politiki ta' awsterità drastiċi u ġeneralizzati llum il-ġurnata hija sostitwita minn politika divrenzjata ta' objettivi aktar sfumati ta' konsolidazzjoni fiskali. Il-KESE jappoġġja l-appell li tnieda lill-Istati Membri, li huma mistiedna jfasslu aħjar il-programmi ta' konsolidazzjoni tagħhom u biex jagħtu aktar attenzjoni lill-kwalità, il-kompożizzjoni u t-taħlita tagħhom. Il-KESE jinnota li l-Kummissjoni tenfasizza b'mod espliċitu l-influwenza tal-politika fiskali fuq it-tkabbir, l-effiċjenza tas-settur pubbliku u l-ġustizzja soċjali u jiddeplora s-sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent.

3.3

Kif enfasizza fl-Opinjoni tiegħu dwar id-dimensjoni soċjali tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, il-KESE jinsab inkwetat dwar il-fatt li s-sitwazzjoni ekonomika u soċjali tirrifletti evoluzzjonijiet diverġenti enfasizzati bejn il-pajjiżi jew gruppi ta' pajjiżi fir-rigward tal-irkupru ekonomiku u l-inugwaljanzi soċjali li għaldaqstant jikkompromettu perspettiva ta' prosperità kondiviża bejn l-Istati Membri. L-UE għandha l-missjoni li tevita l-frammentazzjoni ekonomika u soċjali li dejjem tikber mhux biss fi ħdan iż-żona tal-euro iżda wkoll fis-suq uniku. Il-KESE jtenni l-appell tiegħu favur direttiva qafas bil-għan li l-faqar jiġi miġġieled billi tiġi faċilitata l-inklużjoni fis-suq tax-xogħol.

3.4

L-UE kollha għandha timpenja ruħha wkoll f’riformi li jippermettulha tadatta ruħha aħjar għar-realtajiet ekonomiċi li qed jinbidlu. Kif ġie enfasizzat diġà fl-opinjoni preċedenti tiegħu dwar l-SAT tal-2013, l-ispejjeż u l-benefiċċji ta' dawn ir-riformi strutturali għandhom jinqasmu b'mod ugwali bejn l-atturi kollha (ħaddiema, djar/konsumaturi u intrapriżi).

3.5

Il-KESE huwa tal-opinjoni li l-prijoritajiet tal-SAT tal-2014 ma jirriflettux biżżejjed ir-rabta mal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-objettivi kwantifikati tagħha. Itenni l-fatt li jinsab inkwetat fir-rigward tan-nuqqas ta' progress fit-twettiq tal-objettivi ta' din l-istrateġija. Jistaqsi għala ma ġewx analizzati r-raġunijiet ta' dan in-nuqqas ta' progress u jistenna b'interess ir-reviżjoni ta' nofs it-term; u jinsab inkwetat dwar l-aggravazzjoni tat-tendenzi diverġenti fi ħdan l-UE fir-rigward tal-attività ekonomika, tal-impjieg, tal-qgħad u tal-prekarjetà. Kulma jmur qed nitbiegħdu mill-objettiv tal-Istrateġija Ewropa 2020 f’ċerti oqsma. Ir-rata tal-qgħad tidher li qed tistabbilizza għal 10,9 % fl-Unjoni Ewropea (12,1 % fiż-żona tal-euro), jiġifieri livelli li qatt ma ntlaħqu minn mindu ġiet stabbilita l-Unjoni Ekonomika u Monetarja.

3.6

Minkejja talba urġenti tal-istituzzjonijiet sa mill-2011 għal tisħiħ tad-dimensjoni soċjali tal-UEM, il-Kumitat jiddeplora r-riżultati qarrieqa tal-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2013 li kien inkluda din il-prijorità fl-aġenda tiegħu. Minkejja dan ifakkar li kellu għodod ta' dijanjożi li jaħdmu fir-rapport dwar l-impjieg. Jinnota li s-Semestru Ewropew jinkludi t-tabella ta' valutazzjoni ta' indikaturi soċjali fir-rapport dwar l-impjieg u jirrakkomanda li din it-tabella tiġi integrata fi ħdan qafas uniku ta' sorveljanza li jitratta b'mod ugwali d-dimensjoni ekonomika u dik soċjali. Għandu jkun hemm objettivi kwantifikabbli tal-impjieg u tal-prestazzjoni soċjali li jakkumpanjaw l-objettivi ta' dejn u ta' defiċit pubbliku Dawn għandhom isegwu l-mekkaniżmi simili ta' aġġustament u ta' solidarjetà biex jikkoreġu l-inugwaljanzi soċjali u jippromovu l-investiment soċjali. Il-KESE ilu jenfasizza li jeżisti bżonn kbir ta' investimenti, inklużi investimenti soċjali, li joħolqu l-impjieg, inaqqsu l-faqar u jiġġieldu kontra l-esklużjoni soċjali. Dan jirrikjedi investimenti kemm privati kif ukoll pubbliċi, filwaqt li meta jkun meħtieġ, għandhom jiġu implimentati riformi strutturali.

3.7

Il-KESE jenfasizza wkoll li l-problemi strutturali fl-Istati Membri għandhom jiġu indirizzati mill-punt tat-tluq. Il-kompetittività strutturali, it-tkabbir ekonomiku u dimensjoni soċjali qawwija huma l-elementi ewlenin biex l-Ewropa toħroġ mill-kriżi. It-tabella ta’ valutazzjoni ta’ indikaturi soċjali proposta reċentement għandha tintuża biex jissaħħu l-bidliet fuq perjodu qasir u medju, f’kollaborazzjoni u ftehim mill-qrib mal-imsieħba soċjali.

3.8

Huwa indispensabbli li tiġi integrata d-dimensjoni tal-ġeneru fil-governanza ekonomika l-ġdida. Il-Kumitat jitlob lill-istituzzjonijiet Ewropej u lill-Istati Membri biex fir-riformi jikkunsidraw id-dimensjoni tal-ġeneru, fl-istrumenti kollha jistabbilixxu data speċifikament relatata mal-ġeneru u jispeċifikaw l-impatt tal-inugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fuq it-tkabbir b'mod partikolari fil-PNR u r-rakkomandazzjonijiet għal kull pajjiż.

3.9

Minħabba nuqqas ta' koordinazzjoni xierqa tal-politiki nazzjonali, xi politiki ta' Stat Membru jista' jkollhom impatt negattiv fuq Stat Membru ieħor. Issir referenza għal dan fl-SAT iżda jeħtieġ li tiġi approfondita r-riflessjoni li tnediet mill-Komunikazzjoni dwar l-abbozzi ta' riformi ekonomiċi kbar għal kalendarju koerenti ta' riformi strutturali. F'dan il-qasam ta' riflessjoni jidħlu l-kompetizzjoni fiskali u soċjali jew inkella l-għażliet tat-taħlita enerġetika u l-politiki migratorji li jista' jkollhom riperkussjonijiet dannużi fuq Stati Membri oħra.

3.10

L-akbar sfida issa hija li jiġi appoġġjat l-irkupru ekonomiku, li b'mod partikolari jinvolvi l-implimentazzjoni korretta ta' dawn ir-riformi ekonomiċi l-kbar, it-tisħiħ tal-kompetittività strutturali, il-kapaċità tal-innovazzjoni, it-titjib tal-kwalità tas-servizzi u l-prodotti, ir-reviżjoni tal-organizzazzjoni tax-xogħol u l-iżvilupp tar-riċerka u l-applikazzjonijiet tagħha flimkien ma' fatturi oħra ta' prezz kompetittiv in-nefqa fil-kapital produttiv u n-nefqa tax-xogħol iżda fl-istess ħin it-taxxa tal-kambju ġudikata pjuttost għolja għall-euro.

4.   Investiment fil-perjodu fit-tul favur tkabbir sostenibbli

4.1

Il-KESE jiddispjaċih li ma ġietx enfasizzata biżżejjed il-kwistjoni tal-investiment u dik tat-tħeġġiġ tad-domanda interna. L-Ewropa għandha bżonn it-tkabbir u l-impjieg, u għaldaqstant għandha bżonn programm ġdid ta' investiment Ewropew. Il-KESE jtenni l-proposti tiegħu għal pjan ta' investiment li jikkonċerna l-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità, b'mod partikolari għaż-żgħażagħ, l-iżvilupp sostenibbli, proġetti innovattivi għall-futur, iżda wkoll l-edukazzjoni, ir-riċerka, l-infrastrutturi u l-ekoeffiċjenza. Il-kriterju prinċipali għal programm bħal dan għandu jkun il-ħolqien tal-impjiegi, it-tnaqqis tal-faqar li jirriżulta minnu kif ukoll it-tħaffif tan-nefqa tal-baġits pubbliċi bis-saħħa ta’ parteċipazzjoni akbar fis-suq tax-xogħol.

4.2

Programm ta' investiment bħal dan għandu jikkompleta u jsaħħaħ l-isforzi magħmula għat-titjib tal-kompetittività tal-intrapriżi u l-appoġġ għall-irkupru ekonomiku, sabiex il-prestazzjoni ekonomika tal-UE tissaħħaħ fix-xena internazzjonali, u li jkun żgurat futur rikk, inklużiv u effiċjenti fir-riżorsi għaliha. Is-solidarjetà u l-lealtà – kemm fil-pajjiżi kif ukoll madwar l-Ewropa – huma elementi essenzjali biex jiggarantixxu li l-isforzi li jittieħdu jkunu politikament u soċjalment aċċettabbli u għall-benefiċċju ta' kulħadd.

4.3

Il-KESE jistqarr li jinsab sodisfatt bir-referenza għall-użu effikaċi tar-riżorsi naturali u l-implimentazzjoni tal-politiki dwar l-enerġija fost il-prijoritajiet tal-SAT tal-2014 bil-għan li jiġu żgurati t-tkabbir u l-kompetittività. Skont il-Kumitat, l-ekonomija ekoloġika inklużiva ser tkun l-isfida ewlenija tas-snin li ġejjin u tikkostitwixxi mobilizzazzjoni għall-ħruġ mill-kriżi. Il-miżuri biex jiġu stimolati t-tkabbir u l-impjiegi għandhom ikunu bbażati fuq tranżizzjoni ekoloġika lejn ekonomija b'livell baxx ta' karbonju u li tkun ekoeffiċjenti fir-riżorsi minn issa sal-2050. L-UE għandha tħaffef il-proċess.

4.4

Peress li t-tnaqqis baġitarju waħdu ma jistax iwassal għat-tkabbir, il-KESE jappella lill-Kummissjoni biex tkompli tiżviluppa l-ideat tagħha fir-rigward tal-politiki ta' investiment privat, l-aċċess għall-kreditu għall-SMEs, l-għoti ta' spinta lill-konsum u r-riformi strutturali fir-rigward tal-politiki fiskali. Il-miżuri li jittieħdu fil-livell nazzjonali f'dawn it-tliet oqsma – l-investiment, il-konsum u l-fiskalità – ma jistax ikollhom l-effett kollu tagħhom jekk ma jseħħux f'qafas Ewropew definit b'mod ċar, ikkoordinat u mmirat lejn perspettivi ta' żvilupp sostenibbli u prosperità kondiviża.

4.5

Il-KESE jtenni r-rakkomandazzjonijiet tiegħu favur l-investiment fil-livell Ewropew, b'mod partikolari permezz tal-ħruġ ta' bonds tal-BEI jew tal-FEI għall-finanzjament tat-tkabbir, billi jinġibdu l-bilanċi fil-kontijiet ta' tifdil fil-livell dinji, tingħata awtorizzazzjoni biex ċerti investimenti strutturali tal-futur jinħarġu mill-perimetru tad-dejn pubbliku u tingħata aktar attenzjoni lill-politika industrijali.

4.6

Sabiex tingħata spinta ġdida lid-domanda interna fl-Ewropa, jeħtieġ li jittejbu l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, is-servizzi pubbliċi tal-impjieg, u l-miżuri attivi tas-suq tax-xogħol. Minn dan il-lat il-Garanzija għaż-Żgħażagħ hija milqugħa b'mod partikolari, minkejja l-finanzjament modest ħafna. Madanakollu huwa wkoll meħtieġ li jiġu żgurati perspettivi stabbli fir-rigward tax-xogħol u l-pagi għall-ħaddiema u l-impjegati li mingħajrhom ma jkunx possibbli li jerġgħu jinbew il-fiduċja u l-konsum.

4.7

Biex jitħeġġeġ l-irkupru tas-suq intern, jeħtieġ li l-modernizzazzjoni tal-leġislazzjoni dwar il-kuntratti ta' impjieg bil-għan li tkun promossa flessibilità akbar tas-suq tax-xogħol tqis ukoll, filwaqt li jinżamm bilanċ, id-dimensjoni ta' “sigurtà” tas-suq tax-xogħol. Skont l-istimi tal-Eurostat, kien hemm 8,7 % ta' ħaddiema foqra fl-UE fl-2011 (9), u l-fenomenu tal-prekarjetà qed jikber bil-kriżi ekonomika.

4.8

Bl-istess mod, l-appell tal-Kummissjoni għal protezzjoni soċjali aktar effettiva biex tappoġġja t-tibdil soċjali u tnaqqas b'mod gradwali l-inugwaljanzi u l-faqar għandu jiġi interpretat bħala eżiġenza ta' kwalità tas-servizz għal dawk li huma l-aktar vulnerabbli. Skont il-Eurostat (10) fl-2012 kwart tal-popolazzjoni tal-UE, jiġifieri 125 miljun persuna, kienet mhedda mill-faqar jew mill-esklużjoni soċjali. Din iċ-ċifra ilha tiżdied mill-2008 u dan ma ġiex ikkawżat minn ġestjoni ħażina tas-sistemi tal-protezzjoni soċjali, iżda mill-kriżi ekonomika u minn politiki li ma tawx biżżejjed attenzjoni lill-kwistjonijiet tal-ugwaljanza u tal-ġustizzja soċjali.

4.9

Minn dan il-lat, il-KESE jfakkar b'mod insistenti li l-ispejjeż u l-benefiċċji tar-riformi strutturali għandhom jitqassmu b'mod ugwali bejn l-atturi kollha, li jfisser l-aktar li jeħtieġ li nirriflettu minn issa dwar il-kwistjoni tat-tqassim tal-frott li qed nittamaw li ser iħalli l-irkupru sostenibbli fil-futur. Il-KESE jerġa' jitlob lill-Kummissjoni tiċċara l-fehma tagħha dwar il-pagi, l-inflazzjoni u l-produttività.

5.   Titjib tal-governanza li għadu limitat u inugwali

5.1

Il-KESE huwa tal-opinjoni li waqt il-valutazzjoni tal-governanza ekonomika Ewropea l-ġdida jeħtieġ li nipproċedu għal semplifikazzjoni tal-proċessi. Kif diġà ġie enfasizzat f'opinjonijiet tal-Kumitat, l-iskeda tas-Semestru Ewropew hija mimlija wisq bi strumenti: Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza, “six pack”, “two pack”, eċċ. Il-KESE jistqarr li din l-evoluzzjoni tal-governanza, anke jekk hija kumplessa, tidher li assigurat is-swieq fir-rigward tar-rieda tal-UE u tal-Istati Membri li jegħlbu l-isfidi tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja. Minn issa 'l quddiem jeħtieġ li l-kredibbiltà, il-leġibbiltà u l-leġittimità jkunu marbuta ma' xulxin.

5.2

Fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili, l-SAT jidher li jenfasizza l-aktar fuq l-approprjazzjoni nazzjonali u ma jenfasizzax biżżejjed fuq parteċipazzjoni ġenwina ta' dawn l-atturi fit-tfassil tal-orjentazzjonijiet u fl-implimentazzjoni tal-politiki. Il-kredibbiltà u l-aċċettabbiltà soċjali tar-riformi jiddependu fuq kollaborazzjoni u ftehim mill-qrib mal-imsieħba soċjali, u dan ikun il-garanzija tas-suċċess tal-implimentazzjoni tagħhom.

5.3

Iċ-ċittadini Ewropej qed jistennew ukoll li permezz tal-governanza l-ġdida l-Ewropa u l-Istati Membri jegħlbu l-isfidi l-oħra li qed jiffaċċjaw: ġlieda kontra t-tisħin globali, politika dwar l-enerġija, politika industrijali, promozzjoni tal-użu prudenti u effiċjenti tar-riżorsi, eċċ. F'dan ir-rigward, il-KESE bi pjaċir jinnota l-prijoritajiet stabbiliti mill-Kummissjoni fil-qasam tal-enerġija.

5.4

Fil-qafas ta' governanza ekonomika u soċjali bi proċedura unika ta' sorveljanza, jista' jiġi implimentat mekkaniżmu ta' inċentiv biex jingħata appoġġ lir-riformi nazzjonali bil-għan li jkun hemm konverġenża u kompetittività. L-SAT tal-2014 jirreferi għad-dibattitu matur li jikkonċerna strument ġdid ta’ konverġenza u ta’ kompetittività b’“arranġamenti kuntrattwali”“jew kuntratti għall-kompetittività” li jinkludu impenji ta’ riformi fl-Istati Membri minflok implimentazzjoni faċilitata b’appoġġ finanzjarju. Fil-fehma tal-Kumitat u soġġett għal kjarifiki dwar il-mod ta' finanzjament (il-valur miżjud meta mqabbel mal-fondi strutturali eżistenti, it-tipi ta' riformi appoġġjati, id-daqs tal-istrument finanzjarju, is-sors ta' finanzjament) u l-orjentazzjoni ta' dawn l-arranġamenti kuntrattwali, jeħtieġ li d-dibattitu jinżamm miftuħ mingħajr għaġla. L-approċċ kuntrattwali, li fuqu huwa bbażat l-istrument ta’ konverġenza u ta’ kompetittività jista’ joffri marġni ta’ flessibbiltà fil-livell nazzjonali sabiex jiġu involuti aħjar is-soċjetajiet ċivili. Barra minn hekk, jidher li huwa t-triq tan-nofs bejn il-koordinazzjoni volontarja u t-triq obbligatorja fl-oqsma fejn il-kompetenza komunitarja attwalment hija limitata. L-Istati Membri ser jikkonsultaw mill-ġdid dwar dan fil-Kunsill ta’ Ottubru 2014.

5.5

Fir-rigward tal-bidla minn tassazzjoni fuq l-impjieg għal, b'mod partikolari, il-konsum, il-KESE jibża' li din tikkontribwixxi, f'dan il-kuntest, biex iddgħajjef id-domanda interna. Barra minn hekk jinsab imħasseb dwar ir-riskju ta’ kompetizzjoni għat-tnaqqis fil-pagi bejn l-Istati Membri, li tkompli ddgħajjef id-domanda.

5.6

Fir-rigward tal-fiskalità ambjentali, il-KESE jinnota b'interess li l-Kummissjoni stabbiliet bħala prijorità li tirrevedi t-tassazzjoni biċ-ċaqliċ tal-piż fiskali fuq l-impjieg lejn aspetti oħra marbuta fost l-oħrajn mat-tniġġis. Jeħtieġ li jittieħdu miżuri biex jiġu promossi riformi ta' fiskalità ambjentali fl-Istati Membri għaliex dawn jistgħu jikkontribwixxu għall-konsolidazzjoni fiskali filwaqt li jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-konsum tar-riżorsi naturali u ta' karburanti fossili importati. Dan ikollu anqas impatti negattivi fuq it-tkabbir u l-impjiegi milli t-taxxi indiretti.

5.7

F'dak li jikkonċerna l-fiskalità fuq il-proprjetà, li l-SAT isemmi biss bħala sors alternattiv għat-tassazzjoni fuq l-impjieg, il-Kumitat jitlob lill-Kummissjoni tiċċara l-ideat tagħha u li tippreżenta elementi sostanzjali fl-SAT li jmiss.

Brussell, 26 ta' Frar 2014

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henry MALOSSE


(1)  Ara CESlink: http://www.eesc.europa.eu/ceslink/?i=ceslink.en.home

(2)  Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir COM(2013)800 final + annessi.

(3)  Van Rompuy.- “Towards a genuine economic and monetary union” (Lejn unjoni ekonomika u monetarja ġenwina) (mhux disponibbli bil-Malti) – Brussell, 12 ta’ Ottubru 2012 – il-Kunsill Ewropew.

(4)  Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, Diċembru 2013.

(5)  Ħames indikaturi: ir-rata tal-qgħad, iż-żgħażagħ mingħajr taħriġ u mingħajr impjieg, ir-riskju ta' faqar tal-popolazzjoni fl-età tax-xogħol, l-inugwaljanzi, id-dħul gross reali disponibbli tad-djar.

(6)  Sħubija ġdida globali, il-pożizzjonijiet tas-soċjetà ċivili Ewropea dwar il-qafas ta' azzjonijiet għal wara l-2015.

(7)  Tabella ta' indikaturi għall-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi: il-bilanċ tal-kont kurrenti, il-pożizzjoni internazzjonali netta, ir-rata tal-kambju reali effettiva, parti mis-suq tal-esportazzjoni, l-ispejjeż tax-xogħol tal-unità nominali, il-prezzijiet tal-proprjetà eskluża l-inflazzjoni, il-fluss tal-kreditu fis-settur privat, ir-rata ta' qgħad – il-medja fuq tliet snin, id-dejn tas-settur privat, id-dejn tal-amministrazzjonijiet pubbliċi, it-total tal-obbligazzjonijiet tas-settur finanzjarju.

(8)  OECD, Economic outlook, analysis and forecasts – Euro Area – Economic forecast summary (Novembru 2013), http://www.oecd.org/en/eco/perspectives/zoneeuroprojectionseconomiques.htm

(9)  http://www.europarl.europa.eu/RegData/bibliotheque/briefing/2013/130424/LDM_BRI(2013)130424_REV1_FR.pdf (mhux diponibbli bil-Malti).

(10)  http://epp.eurostat.ec.europa.eu/cache/ITY_PUBLIC/3-05122013-AP/FR/3-05122013-AP-FR.PDF (mhux disponibbli bil-Malti).


Top