Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013TN0562

    Kawża T-562/13: Rikors ippreżentat fl- 24 ta’ Ottubru 2013 — Isotis vs Il-Kummissjoni Ewropea

    ĠU C 9, 11.1.2014, p. 26–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    11.1.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 9/26


    Rikors ippreżentat fl-24 ta’ Ottubru 2013 — Isotis vs Il-Kummissjoni Ewropea

    (Kawża T-562/13)

    2014/C 9/42

    Lingwa tal-kawża: il-Grieg

    Partijiet

    Rikorrenti: Koinonia tis Pliroforias Anoichti stis Eidikes Anagkes — ISOTIS (Ateni, il-Greċja) (rappreżentant: S. Skliris, avukat)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    tikkonstatata li, meta talbet mingħand ir-rikorrenti l-ammont ta’ EUR 47 197,93 li l-Kummissjoni ħallset fil-kuntest tal-kuntratt 238940 REACH 112, il-Kummissjoni kisret il-kuntratt kontenzjuż,

    tikkonstata li r-rikorrenti ma hijiex responsabbli għar-rimbors tal-ammont imsemmi iktar ’il fuq imħallas mill-Kummissjoni,

    tikkonstata li, fi kwalunkwe każ, id-dejn imsemmi iktar ’il fuq mitlub mill-Kummissjoni, għall-ammont ta’ EUR 13 821,12, huwa infondat,

    tikkonstata li l-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratti tal-FP6 ma japplikawx fil-kuntest tal-kuntratt 238940 REACH 112 u li, konsegwentement, fil-kuntest tal-kuntratt kontenzjuż, ir-rikorrenti bl-ebda mod ma hija responsabbli għal kwalunkwe ammont bħala kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa,

    tikkonstata li, meta ddikjarat l-intenzjoni tagħha li titlob kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa taħt il-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratti FP6, il-Kummissjoni kisret il-kuntratt inkwistjoni 238940 REACH 112,

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn ta’ dan ir-rikors, ibbażat parzjalment fuq il-klawżola tal-arbitraġġ tal-kuntratt kontenzjuż u min-naħa l-oħra fuq id-dritt Belġjan, li għalih jirreferi l-kuntratt inkwistjoni, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

    (1)

    L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur mill-Kummissjoni ta’ bona fide u ta’ użanzi ta’ kummerċ ġusti. B’mod iktar partikolari, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni talbet ammonti differenti mingħajr ma ressqet motiv preċiż u speċifiku dwar il-mertu ta’ tali pretensjonijiet, u li l-aġir kuntrattwali tagħha huwa kuntrarju għad-dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li n-nuqqas tal-Kummissjoni li twettaq l-obbligi kuntrattwali tagħha jirriżulta wkoll mill-intenzjoni tagħha li tinforza d-drittijiet skont il-kundizzjonijiet ġenerali applikabbli għal tip ieħor ta’ kuntratti (FP6), li huma differenti minn dawk li japplikaw għall-kuntratt kontenzjuż REACH 112 (PCI).

    (2)

    It-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu II.28, punti 1 u 5, tal-kuntratt 238940 REACH 112. B’mod iktar speċifiku, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni għandha pretensjonijiet mingħajr ma sar kontroll minn qabel fil-kuntest tal-kuntratt kontenzjuż u li hija invokat f’termini ġenerali u astratti rapport ta’ verifika li ma jikkonċernax il-kuntratt kontenzjuż REACH 112.

    (3)

    It-tielet motiv, invokat sussidjarjament, huwa bbażat fuq il-mala fide u natura abużiva tal-pretensjoni tal-Kummissjoni.


    Top