Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013AE2576

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri bl-ajru (programm kontinwu)” COM(2013) 130 final

    ĠU C 327, 12.11.2013, p. 115–121 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    12.11.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 327/115


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri bl-ajru (programm kontinwu)”

    COM(2013) 130 final

    2013/C 327/20

    Relatur: is-Sinjura ANGELOVA

    Korelatur: is-Sur HENCKS

    Nhar is-16 ta' April 2013 u nhar is-16 ta' Lulju 2013, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    Regoli dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri bl-ajru (programm kontinwu)

    COM(2013) 130 final.

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-20 ta' Ġunju 2013.

    Matul l-491 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-10 u l-11 ta' Lulju 2013 (seduta tal-11 ta' Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’136 vot favur, 6 voti kontra u 7 astensjonijiet.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1

    Il-KESE jilqa' ċ-ċertezza legali addizzjonali li ġġib magħha l-Proposta attwali kemm għall-passiġġieri kif ukoll għat-trasportaturi tal-ajru billi toffri definizzjonijiet aktar preċiżi tal-kunċetti rilevanti msemmija fir-Regolament, u b'hekk tirrifletti l-prinċipji tad-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QtĠ-UE) u tipprovdi qafas legali sod. Il-KESE jiddispjaċih li l-proposta tal-Kummissjoni ma għandhiex livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur.

    1.2

    Fil-prinċipju, il-KESE japprova l-miżuri li t-trasportaturi tal-ajru għandhom jieħdu f'kundizzjonijiet differenti biex jikkumpensaw lill-passiġġieri f'każ ta' dewmien twil, jipprovdu rotot alternattivi u skedar mill-ġdid tat-titjiriet, u jżidu l-kumdità ġenerali tal-passiġġieri meta jkun hemm dewmien jew telf ta' titjiriet. Iżda l-KESE ma jaqbilx b'mod partikolari mal-kumpens previst għad-dewmien, id-dewmien twil tat-titjiriet u t-titjiriet qosra, fejn il-proposta titbiegħed mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar is-suġġett.

    1.3

    Il-KESE japprezza li l-Proposta tfasslet wara valutazzjoni tal-impatt estensiva u jfakkar li l-implimentazzjoni effettiva u fil-ħin tal-pakkett tal-leġislazzjoni dwar l-Ajru Uniku Ewropew II+ (SES II+) huma għodda importanti biex jitnaqqsu l-ispejjeż tat-trasportaturi bl-ajru.

    1.4

    Il-KESE jirrifjuta l-proposta tal-Kummissjoni li jiżdied il-limitu ta' ħin li hekk kif jinqabeż id-dritt għal kumpens jiżdied, peress li tmur kontra t-tliet sentenzi konsekuttivi tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.

    1.5

    Il-KESE jifhem ir-raġunijiet għaż-żieda sostanzjali fil-limitu ta' ħin għall-kumpens għad-dewmien għal vjaġġi fuq distanzi twal, iżda jħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli tistinka biex issib inċentivi għat-trasportaturi bl-ajru biex joperaw ferm taħt dawn il-limiti. Dawn il-limiti ta' ħinijiet għandhom jitnaqqsu aktar għall-persuni b'diżabbiltà jew b'mobbiltà mnaqqsa sabiex jiġu kkunsidrati l-ispejjeż partikolari li dawn il-persuni jġarrbu fi kwalunkwe dewmien twil.

    1.6

    Il-KESE japprezza li ġiet introdotta skadenza u li jekk it-trasportatur bl-ajru ma jkunx jista' jipprovdi lill-passiġġier b'rotta alternattiva permezz tas-servizzi tiegħu stess, għandu jikkunsidra trasportaturi oħra jew mezzi oħra tat-trasport. Iżda fil-fehma tal-Kumitat, il-limitu ta' 12-il siegħa qabel ma wieħed ikun jista' juża servizzi jew trasportaturi oħra huwa twil wisq. Barra minn hekk, il-passiġġieri għandu jkollhom id-dritt li jirrifjutaw li jivvjaġġaw permezz ta' mezz ieħor tat-trasport (pereżempju b'tal-linja, bil-ferrovija jew bil-vapur). Biex jiġu koperti l-ispejjeż addizzjonali tat-trasferiment għal trasportatur ieħor malajr kemm jista' jkun, il-KESE jtenni l-proposta tiegħu li jinħoloq fond ta' "responsabbiltà kondiviża" għar-ripatrijazzjoni tal-passiġġieri u sabiex jiġu pprovduti rotot alternattivi permezz ta' trasportaturi oħra.

    1.7

    Fir-rigward tad-definizzjoni ta' "ċirkostanzi straordinarji", fil-fehma tal-KESE għandu jiġi ddikjarat b'mod ċar li d-dewmien, it-tibdil fl-iskeda jew il-kanċellazzjonijiet ma jitqisux bħala ċirkostanzi straordinarji ħlief jekk dawn iċ-ċirkostanzi

    1.

    min-natura jew l-oriġini tagħhom mhumiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività ta' trasportatur bl-ajru,

    2.

    mhumiex fil-kontroll tat-trasportatur, u

    3.

    ma setgħux jiġu evitati anke jekk ittieħdu l-miżuri kollha raġonevoli.

    Imbagħad għandu jiġi deċiż kull darba li jiġu ddikjarati ċirkostanzi straordinarji, li huma jissodisfaw verament dawn it-tliet kundizzjonijiet flimkien, li mhux dejjem ser ikun il-każ għal uħud mir-ċirkostanzi elenkati fl-Anness 1 tal-Proposta għal Regolament (pereżempju riskji tas-saħħa jew tas-sigurtà, kundizzjonijiet tat-temp jew tilwim mal-persunal).

    1.8

    Il-KESE jitlob li l-Kummissjoni tipprepara regolament li huwa newtrali rigward il-mezzi l-oħra tat-trasport, sabiex la jkun hemm ksur tal-prinċipju tat-trattament indaqs u lanqas ma jinħoloq favoritiżmu għad-detriment tal-mezzi l-oħra tat-trasport.

    2.   Introduzzjoni

    2.1

    It-titjib tat-trasport bl-ajru fl-Ewropa baqa' fuq quddiem tal-aġenda tal-Kummissjoni Ewropea tul dawn l-aħħar snin. Il-konformità mar-regoli tal-Komunità li kulma jmur huma dejjem aktar stretti dwar l-Ajru Uniku Ewropew fir-rigward tas-sigurtà, l-effiċjenza u l-impatt ambjentali tal-avjazzjoni (1) tejbu l-operazzjoni tas-servizzi bl-ajru u saħħew id-drittijiet stabbiliti tal-persuni li jivvjaġġaw bl-ajru. Il-KESE fassal opinjonijiet dwar it-testi rilevanti kollha (2) u ħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli timpenja ruħa bl-istess mod fid-dawl tal-fehim li għad hemm aktar xi jsir.

    2.2

    Fid-dawl tal-fatt li l-ivvjaġġar bl-ajru m'għadux lussu iżda sar bżonn biex jiġu sodisfati l-bżonnijiet tan-negozju u biex iċ-ċittadini Ewropej ikunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt evidenti tagħhom ta' moviment ħieles, il-KESE jemmen li għad hemm oqsma li jridu jiġu esplorati aktar sabiex jiġu garantiti d-drittijiet tal-passiġġieri u biex it-trasportaturi tal-ajru jkollhom ambjent legali u kummerċjali sod li jippermettilhom ikollhom suċċess f'suq kompetittiv ħafna. L-oqsma fejn jinħtieġu titjib tal-qafas legali u applikazzjoni aktar effettiva tal-leġislazzjoni eżistenti jinkludu r-regoli dwar il-kumpens u l-assistenza għall-passiġġieri bl-ajru.

    3.   Il-kontenut tal-Proposta tal-Kummissjoni

    3.1

    Din il-Prosposta temenda l-att attwali, ir-Regolament Nru 261/2004 u hija mmotivata minn għadd ta' żviluppi:

    it-trasportaturi bl-ajru sikwit jonqsu milli joffru lill-passiġġieri d-drittijiet li għalihom huma intitolati f'każijiet fejn jiċċaħdu milli jitilgħu abbord, ta' dewmien twil, ta' kanċellazzjoni jew ġestjoni ħażina tal-bagalji;

    fl-2011 il-Kummissjoni nnutat li l-oqsma li mhumiex daqshekk ċari u n-nuqqasijiet fir-regoli attwali jfissru li dawn ma kinux qed jiġu applikati b'mod uniformi fl-Istati Membri kollha u mid-diversi operaturi tat-trasport bl-ajru;

    il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE qdiet rwol kruċjali, pereżempju biex tistabbilixxi x'jikkostitwixxi "ċirkostanza straordinarja" u dwar id-drittijiet relatati mal-kumpens fil-każ ta' dewmien twil.

    3.2

    L-għan ewlieni tal-Proposta huwa li tiggarantixxi d-drittijiet bażiċi tal-passiġġieri li jivvjaġġaw bl-ajru – jiġifieri d-dritt tagħhom għall-informazzjoni, ir-rimborż, ir-riprogrammar tar-rotot, l-assistenza huma u jistennew it-titjira tagħhom u l-kumpens f'ċerti ċirkostanzi (3), filwaqt li jiġu kkunsidrati l-implikazzjonijiet finanzjarji għas-settur tat-trasport bl-ajru u jiġi żgurat li t-trasportaturi bl-ajru joperaw f'kundizzjonijiet armonizzati f'suq liberalizzat,

    3.3

    Il-Proposta tindirizza t-tliet oqsma ewlenin fejn il-Kummissjoni tqis li għad hemm bżonn ta' miżuri biex tittejjeb l-applikazzjoni tar-Regolament, jiġifieri l-infurzar armonizzat effettiv tad-drittijiet tal-UE, l-iffaċilitar tat-tgawdija tagħhom fil-prattika u s-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku fir-rigward ta' dawn id-drittijiet. Il-proposta tissodisfa r-rakkomandazzjoni tal-PE għal "ċertezza ġuridika aħjar, aktar ċarezza interpretattiva u applikazzjoni uniformi tar-regolamenti fl-UE kollha kemm hi" (4).

    3.4

    Ir-riforma leġislattiva tar-Regolament Nru 261/2004 proposta mill-Kummissjoni Ewropea għalhekk:

    tinkludi l-prinċipji tal-każistika stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE;

    tiddefinixxi l-kamp ta' applikazzjoni u t-tifsira preċiża ta' "ċirkostanzi straordinarji" li taħthom it-trasportatur bl-ajru jkun eżentat milli jħallas kumpens f'każ ta' kanċellazzjoni, dewmien twil jew konnessjoni mitlufa;

    tistabbilixxi d-drittijiet tal-passiġġieri f'każ ta' konnessjoni mitlufa minħabba dewmien jew tibdil fl-iskeda ta' titjira preċedenti;

    tistabbilixxi limitu uniformi ta' dewmien li jekk jinqabeż il-passiġġier ikun intitolat għal xorb u ikel;

    tkopri aspetti oħra bħal informazzjoni għall-passiġġieri u d-dritt li jiġu ikkoreġuti l-iżbalji ortografiċi, filwaqt li fl-istess ħin tirrikonoxxi d-dritt tat-trasportatur bl-ajru li jfittex kumpens minn partijiet terzi jekk ikunu responsabbli għal kwalunkwe interruzzjoni.

    4.   Kummenti ġenerali

    4.1

    Il-KESE jiddispjaċih li l-Proposta ma ssegwix il-ġurisprudenza kollha tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u saħansitra titbiegħed minnha fl-aktar aspetti importanti tad-drittijiet tal-passiġġieri. Madanakollu, jagħraf li l-Proposta ttejjeb ir-Regolament attwali f'dawk l-oqsma fejn il-Kummissjoni inkorporat il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    4.2

    Il-KESE jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu li l-Proposta attwali tidher li kkorreġiet ħafna min-nuqqasijiet tal-verżjoni preċedenti li ġew identifikati kemm mill-industrija kif ukoll mill-passiġġieri (5) u fl-istess ħin ikkjarifikat għadd ta' definizzjonijiet.

    4.2.1

    Għall-industrija, il-valur miżjud tal-Proposta meta mqabbel mar-regoli eżistenti jista' jinsab fil-mod kif din:

    tillimita r-responsabbiltà biex jiġi provdut servizz f'każ ta' ċirkostanzi straordinarji li t-trasportatur ma jkollux kontroll fuqhom;

    tenfasizza b'mod mhux eżawrjenti t-tifsira ta' "ċirkostanzi straordinarji";

    tikkjarifika l-possibbiltà li jintalbu l-ispejjeż min parti terza responsabbli u li tiġi stabbilita responsabbiltà kondiviża;

    testendi l-ħinijiet itwal ta' dewmien minn meta t-trasportatur għandu jħallas kumpens;

    tillimita l-obbligu li tiġi provduta akkomodazzjoni lill-passiġġieri għal massimu ta' tliet iljieli u għal EUR 100 għal kull passiġġier f'"ċirkostanzi straordinarji". Dan il-limitu ma japplikax għall-persuni b'mobbiltà mnaqqsa, il-vjaġġaturi minorenni mhux akkumpanjati, in-nisa tqal jew il-persuni li jirrikjedu assistenza medika speċifika;

    telimina kwalunkwe obbligu biex tiġi provduta akkomodazzjoni għal titjiriet ta' 250 km jew anqas f'ajruplan b'kapaċità massima ta' 80 passiġġier, ħlief meta t-titjira hija titjira ta' konnessjoni.

    4.2.2

    Għall-passiġġieri, il-valur miżjud tal-Proposta jista' jkun fil-mod kif din:

    tikkjarifika l-kundizzjonijiet li fihom japplika r-Regolament;

    tispeċifika kif għandhom jiġu indirizzati każijiet fejn il-passiġġieri ma jitħallewx jitilgħu abbord, ta' kanċellazzjoni u dewmien twil, titjiriet ta' konnessjoni mitlufa u tiddikjara f'termini aktar ċari r-regoli dwar id-dritt għal kumpens, rimborż, riprogrammar tar-rotot u assistenza;

    tipprovdi dettalji dwar l-infurzar;

    tintroduċi kumpens għal dewmien twil;

    tistabbilixxi dewmien uniformi ta' sagħtejn li warajh it-trasportatur għandu jipprovdi xorb u ikel;

    issaħħaħ b'mod sostanzjali l-obbligu tat-trasportatur li jinforma lill-passiġġieri dwar id-drittijiet tagħhom, kif ukoll dwar il-kumpens għall-passiġġieri u l-proċeduri ta' tressiq ta' ilmenti, u s-superviżjoni mill-awtoritajiet biex jiġi żgurat li r-regoli jiġu infurzati kif xieraq.

    4.2.3

    Il-KESE jirrikonoxxi li hija sfida kbir biex jiġu sodisfatti fl-istess ħin il-ħtiġijiet tal-partijiet kollha interessati, għalhekk il-valur miżjud offrut lil parti waħda jista' jfisser inqas sodisfazzjon lill-parti l-oħra.

    4.3

    Il-KESE jqis l-azzjonijiet tal-Kummissjoni intiżi biex itejbu l-protezzjoni tal-passiġġieri f'każ ta' falliment (6) tal-kumpanija tal-ajru bħala pass fid-direzzjoni t-tajba, iżda jenfasizza li dawn il-miżuri mhumiex bizzejjed sabiex tiġi żgurata protezzjoni komprensiva u effettiva tal-passiġġieri f'każ ta' falliment tal-kumpanija tal-ajru; iqis li għandu jiġi stabbilit mekkaniżmu li jiggarantixxi li l-kumpaniji tal-ajru jikkonformaw mar-Regolament propost f'każ ta' falliment.

    4.4

    Il-Proposta tistabbilixxi distinzjoni bejnha u bejn id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE, peress li tagħti lill-passiġġieri d-dritt li jagħżlu taħt liema liġi jridu jintroduċu l-ilment tagħhom iżda ma tatihomx id-dritt li jakkumulaw il-kumpens għall-istess problema taħt iż-żewġ atti legali.

    4.5

    Fl-opinjonijiet preċedenti tiegħu dwar id-drittijiet tal-passiġġieri bl-ajru, il-KESE għamel diversi proposti biex jissaħħu dawn id-drittijiet (7), li ħafna minnhom ġew inkorporati f'dan l-Abbozz ta' Regolament. Madankollu, il-KESE jinnota b'dispjaċir li l-proposti li ġejjin ma ġewx ikkunsidrati:

    L-inkorporazzjoni tas-soluzzjonijiet kollha miġbura fis-sentenzi tal-QtĠ-UE fir-Regolament futur.

    Għal ċerti każijiet eċċezzjonali, għandhom jiġu stabbiliti l-livell u l-limiti tad-dritt għall-assistenza, b’definizzjoni ta' kif id-drittijiet leġittimi tal-passiġġieri jistgħu jiġu salvagwardjati permezz ta’ mekkaniżmi alternattivi, permezz ta’ deċiżjonijiet vinkolanti għall-partijiet u li jittieħdu f'perjodu ta’ żmien raġonevoli.

    Ir-regolazzjoni tas-sitwazzjonijiet li jinħolqu attwalment b'rabta mal-iskedar mill-ġdid tat-titjiriet.

    Ir-regolazzjoni tal-obbligu li tingħata assistenza fil-punti ta' konnessjoni.

    L-inklużjoni tal-aġenti tal-ground-handling, li jaħdmu f'isem il-kumpaniji tal-ajru, biex jagħtu s-servizzi stabbiliti fir-Regolament inkwistjoni.

    L-ispeċifikar ta' liema awtorità hija kompetenti sabiex tindirizza t-tilwim tal-utenti u tinforza l-konformità mar-Regolament.

    Il-monitoraġġ u l-pubblikazzjoni, fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri, tal-ilmenti rigward in-nuqqas ta' konformità mar-Regolament, maqsuma skont il-kumpanija u t-tip, u li jiġi pprevedut li l-kumpaniji li jkunu ngħataw ċertifikat ta' operatur tal-ajru jiġu awditjati f'kull Stat Membru.

    Il-korrezzjoni tal-inkoerenza fit-test tal-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 14 tar-Regolament.

    L-introduzzjoni tal-obbligu li l-passiġġieri affettwati jirċievu kumpens meta kumpanija tal-ajru tiddikjara li hija falluta, skont il-prinċipju tar-"responsabbiltà konġunta" biex il-passiġġieri jingħataw titjira minn linji oħra tal-ajru li għandhom postijiet disponibbli, u l-previżjoni li jinħoloq fond li jippermetti l-kumpens għall-passiġġieri skont il-prinċipju "l-atturi fis-suq iħallsu".

    L-introduzzjoni tal-possibbiltà li l-kuntratt tat-trasport jingħata lil terza persuna.

    Il-projbizzjoni tal-prattika attwali tal-kumpaniji tal-ajru li jikkanċellaw il-vjaġġ bl-ajru tar-ritorn jekk il-passiġġier ma jkunx uża t-titjira tat-tluq fuq l-istess biljett.

    4.6

    Il-KESE jilqa' t-titjib kollu fir-rigward tal-infurzar tal-passiġġieri b'diżabbiltà u l-passiġġieri b'mobbiltà mnaqqsa għaliex jippermetti l-allinjament mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità. F'dan ir-rigward il-KESE jipproponi l-emendi li ġejjin:

    4.6.1

    It-terminu "persuna b'diżabbiltà jew persuna b'mobbiltà mnaqqsa", kif imsemmi fir-Regolament (KE) Nru 1107/2006 dwar id-drittijiet tal-persuni b'diżabbiltà u tal-persuni b'mobbiltà mnaqqsa huma u jivvjaġġaw bl-ajru, għandu jissostitwixxi t-terminu ġenerali "persuna b'mobbiltà mnaqqsa" li jintuża fit-test tal-Proposta;

    4.6.2

    It-terminu "tagħmir tal-mobbiltà" li jintuża fl-Artikolu 6(b) propost għandu jiġi sostitwit bit-terminu "tagħmir tal-mobbiltà jew tagħmir ta' assistenza".

    4.6.2.1

    Il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa li jkun hemm ġarr aktar professjonali tat-tagħmir tal-mobbiltà u tat-tagħmir ta' assistenza matul il-vjaġġ bl-ajru. Għal dan il-għan, il-persunal kollu li jġorr tali tagħmir għandu jiġi informat u mħarreġ aktar. Il-leġislazzjoni tal-UE li tolqot id-drittijiet tal-passiġġieri li għandhom diżabilitajiet għandha tiġi emendata skont dan. Iż-żieda fil-professjonalità tkun ta' vantaġġ għall-kumpaniji tal-ġarr (handling companies), il-linji tal-ajru, l-ajruporti u l-passiġġieri kollha kemm huma.

    4.6.3

    Fl-Artikolu 6 l-ġdid tal-Proposta għandu jiġi ċċarat li fil-każ ta' dewmien twil minħabba kwalunkwe raġuni, il-passiġġieri b'diżabbiltà jew il-passiġġieri b'mobbiltà mnaqqsa għandhom jiġu offruti l-istess assistenza kif speċifikat fl-Annessi I u II tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006.

    4.6.4

    Għandu assolutament jiġi ċċarat li l-akkomodazzjoni pprovduta, it-trasport lejn din l-akkomodazzjoni, l-informazzjoni dwar l-arranġamenti u l-mezzi (inklużi l-websajts u mezzi elettroniċi oħra) li jintużaw għat-tqassim tal-informazzjoni kif ukoll, jekk ikun hemm bżonn, il-proċeduri għat-tressiq ta' ilmenti u dikjarazzjonijiet ta' interess ser ikunu aċċessibbli għall-persuni b'diżabbiltà. Il-bżonnijiet ta' klieb ta' assistenza u ta' gwida għandhom jiġu ssodisfati wkoll. F'dan il-kuntest, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 14 propost dwar l-obbligi li l-passiġieri jiġu infurmati għandhom jiġu estiżi għall-kategoriji kollha ta' persuni b'diżabbiltà u m'għandhomx ikopru biss il-persuni neqsin mid-dawl u b'vista batuta (Artikolu 14(3) rilevanti).

    4.6.5

    Ir-Regolament jistabbilixxi li ma tistax tiċċaħħad l-imbarkazzjoni minħabba d-diżabilità jew il-mobilità mnaqqsa ta’ passiġġier, iżda l-Artikolu 4 jipprevedi deroga għall-prinċipju sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tas-sigurtà jew jekk id-daqs tal-ajruplan jew il-bibien tiegħu jagħmlu l-imbarkazzjoni jew it-trasport tal-persuna b’diżabilità jew b’mobilità mnaqqsa impossibbli. F’dan ir-rigward, ser tkun meħtieġa mill-inqas politika ta' trasparenza dwar il-possibbiltajiet ta’ aċċess għall-ajruplani permezz ta' informazzjoni ċara u trasparenti meta jinħareġ il-biljett, li mhix il-prattika attwali.

    5.   Kummenti speċifiċi dwar ir-regoli emendati

    5.1

    Il-KESE japprova l-prinċipju tal-miżuri li t-trasportaturi bl-ajru għandhom jieħdu f'kundizzjonijiet differenti biex jikkumpensaw lill-passiġġieri f'każ ta' dewmien twil, jipprovdu servizz aħjar, jipprovdu rotot alternattivi u jiskedaw it-titjiriet mill-ġdid kif ukoll iżidu l-kumdità ġenerali tal-passiġġieri meta jkun hemm dewmien jew telf ta' titjiriet.

    5.2

    Il-KESE jqis li mhix aċċettabbli l-proposta tal-Kummissjoni li jiżdied il-limitu ta' ħin li hekk kif jinqabeż id-dritt għal kumpens jiżdied minn tliet sigħat għal ħamsa għat-titjiriet kollha fi ħdan l-UE. Il-KESE ma jifhimx għalfejn it-tnaqqis tal-limiti ta' ħin sabiex jingħata kumpens għandu jnaqqas ir-rata ta' titjiriet ikkanċellati, peress li fil-każ ta' kanċellazzjoni l-kumpaniji tal-ajru jridu jħallsu l-kumpens xorta waħda.

    5.3

    Wieħed jifhem li t-titjiriet minn/lejn pajjiżi terzi għandhom ikunu soġġetti għal limiti li jiddependu mid-distanza tat-titjira, filwaqt li jitqiesu l-problemi prattiċi li jiffaċċjaw it-trasportaturi bl-ajru huma u jindirizzaw il-kawżi tad-dewmien f'ajruporti remoti. Il-KESE madankollu jqis li l-perjodi proposti ta' disa' jew tnax-il siegħa huma twal wisq u jemmen li l-Kummissjoni għandha tkompli tistinka biex issib inċentivi għat-trasportaturi bl-ajru biex joperaw ferm taħt dawn il-limiti. Dawn il-limiti ta' ħinijiet għandhom jitnaqqsu aktar għall-persuni b'diżabbiltà jew b'mobbiltà mnaqqsa sabiex jiġu kkunsidrati l-ispejjeż partikolari li dawn il-persuni jġarrbu fi kwalunkwe dewmien twil. Il-KESE jqis l-implimentazzjoni effettiva u f'waqtha tal-pakkett leġislattiv dwar is-SES II+ bħala għodda importanti għat-tnaqqis tal-ispejjeż tat-trasportaturi bl-ajru, u b'hekk ikollhom aktar flessibbiltà huma u jiffinanzjaw it-tnaqqis tal-limiti.

    5.4

    Il-KESE japprezza li ġiet introdotta skadenza u li jekk it-trasportatur bl-ajru ma jkunx jista' jipprovdi lill-passiġġier b'rotta alternattiva permezz tas-servizzi tiegħu stess fi żmien din l-iskadenza, għandu jikkunsidra trasportaturi oħra jew mezzi oħra tat-trasport (dejjem jekk ikun hemm post). Iżda fil-fehma tal-Kumitat, il-limitu ta' 12-il siegħa qabel ma wieħed ikun jista' juża servizzi jew trasportaturi oħra huwa twil wisq. Barra minn hekk, il-passiġġieri għandu jkollhom id-dritt li jirrifjutaw li jivvjaġġaw permezz ta' mezz ieħor tat-trasport (pereżempju b'tal-linja, bil-ferrovija jew bil-vapur). Biex jiġu koperti l-ispejjeż addizzjonali tat-trasferiment għal trasportatur ieħor malajr kemm jista' jkun, il-KESE jtenni l-proposta tiegħu li jinħoloq fond ta' "responsabbiltà kondiviża" għar-ripatriazzjoni jew ir-riprogrammar tar-rotot tal-passiġġieri permezz ta' trasportaturi oħra, permezz ta' diskussjoni mill-qrib mal-partijiet interessati kollha.

    5.5

    Il-KESE jemmen li hemm bżonn li jiġu definiti b'mod aktar ċar ir-responsabbiltajiet tal-ajruporti biex jgħinu lill-passiġġieri f'każ ta' kanċellazzjoni ta' aktar minn titjira waħda minħabba n-nuqqas tal-awtoritajiet tal-ajruport li jipprovdu l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-provvista ta' servizz ta' titjiriet bla xkiel.

    5.6

    Il-KESE jappoġġja t-tieni test tal-applikazzjoni tal-klawżola dwar iċ-"ċirkostanzi straordinarji" fl-Artikolu 1(4)(b) tal-Proposta u jirrakkomanda li l-korpi nazzjonali għall-infurzar jiżguraw li din issir b'mod rigoruż.

    5.7

    Il-KESE jappoġġja l-proposta li jiġi introdott limitu ta' ħin uniku ta' sagħtejn għat-titjiriet ta' kwalunkwe distanza biex jiġu sostitwiti l-limiti attwali ta' assitenza li bħalissa jiddependu mid-distanzi tat-titjiriet. Dan huwa fl-interess tal-passiġġieri u jipprovdilhom kundizzjonijiet ġusti u komdi huma u jistennew.

    5.8

    Il-KESE jilqa' l-proposta li l-passiġġieri li jitilfu konnessjoni ta' titjira minħabba d-dewmien ta' titjira preċedenti għandhom id-dritt għall-assistenza u, f'ċerti ċirkostanzi, dritt għall-kumpens peress li din ittejjeb ukoll il-pożizzjoni tal-passiġġieri.

    5.9

    Il-proposta li l-passiġġieri fuq titjiriet li jiġu skedati mill-ġdid b'avviż minn qabel ta' anqas minn ġimgħatejn għandu jkollhom drittijiet simili għal dawk ta' passiġġieri li jesperjenzaw dewmien hija pass lejn il-garanzija aħjar tad-drittijiet tal-passiġġieri.

    5.10

    Il-KESE jirrakkomanda bi sħiħ li l-Kummissjoni ssib miżuri sabiex titjieb il-kooperazzjoni bejn l-ajruporti u t-trasportaturi bl-ajru sabiex jitnaqqas b'mod sinifikanti l-ħin li l-passiġieri għandhom iqattgħu l-ajruport meta l-ajruplan tagħhom jittardja fuq it-tarmak.

    5.11

    Il-KESE jappella lill-Kummissjoni sabiex tipprojbixxi l-prattika attwali tal-kumpaniji tal-ajru li jikkanċellaw it-titjira tar-ritorn jekk passiġġier ma jkunx uża t-titjira tat-tluq fuq l-istess biljett (8). Il-Kumitat jaqbel li jissaħħaħ id-dritt tal-passiġġieri għall-informazzjoni dwar l-interruzzjonijiet tat-titjira (hekk kif din l-informazzjoni tkun disponibbli) peress li dan ser itejjeb ukoll il-kapaċità tal-passiġġieri li jippjanaw x'għandhom jagħmlu hekk kif jilħqu d-destinazzjoni finali tagħhom.

    5.12

    Il-KESE jifhem il-bżonn li jiġi limitat il-ħin li matulu t-trasportaturi bl-ajru għandhom jieħu ħsieb l-akkomodazzjoni tal-passiġieri fil-każ ta' ċirkostanzi straordinarji u jaċċetta l-limitu propost ta' 3 iljieli. Madankollu, il-Kumitat jirrakkomanda bi sħiħ lill-Kummissjoni sabiex tħalli lill-korpi nazzjonali għall-infurzar jistabbilixxu limitu fuq il-prezz għal dawn l-iljieli għal kull Stat Membru. Il-limitu fuq il-prezz m'għandux ikun applikat għal persuni b'mobbiltà mnaqqsa.

    6.   Infurzar

    6.1

    Il-Proposta għal emenda tar-Regolament Nru 261/2004 tikkjarifika r-rwol tal-korpi nazzjonali għall-infurzar billi tallokalhom ir-rwol ta' infurzar ġenerali. L-indirizzar barra mill-qrati tal-ilmenti individwali ser ikun il-kompitu tal-korpi responsabbli għall-indirizzar tal-ilmenti (korpi għal soluzzjoni alternattiva tat-tilwim) kif issuġġerit qabel mill-KESE (9). Dawn id-dispożizzjonijiet jagħtu aktar setgħat lill-korpi responsabbli għas-sanzjonar adatt tan-nuqqas ta' konformità tat-trasportaturi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 261/2004 u jipprovdu lill-passiġġieri b'mezz aktar affidabbli biex jenfasizzaw fuq l-applikazzjoni adatta tad-drittijiet tagħhom.

    6.2

    Il-proposta għall-iskambju tal-informazzjoni u l-koordinazzjoni bejn il-korpi nazzjonali għall-infurzar innifishom u bejn il-korpi nazzjonali għall-infurzar u l-Kummissjoni b'riżultat tal-obbligi mtejba ta' rappurtar u l-proċeduri formali ta' koordinazzjoni ser jippermettu reazzjoni aktar mgħaġġla għall-problemi kollha ta' konformità li ġew identifikati.

    7.   Id-definizzjoni ta' "ċirkostanzi straordinarji"

    7.1

    Il-KESE jaqbel li din il-Proposta għal Regolament:

    tkun ibbażata fuq id-definizzjoni ta' "ċirkostanzi straordinarji" aċċettatata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-każ C-549/07 (Wallentin-Hermann) u

    tiċċara li d-dewmien u l-kanċellazzjonijiet ma jitqisux bħala ċirkostanzi straordinarji ħlief f'dawn iċ-ċirkostanzi:

    1.

    min-natura jew l-oriġini tagħhom mhumiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività ta' trasportatur bl-ajru (Artikolu 1(1)(e)),

    2.

    mhumiex fil-kontroll tat-trasportatur (Artikolu 1(1)(e)), u

    3.

    jekk il-kanċellazzjoni, il-bidla fl-iskeda jew id-dewmien ma jistgħux jiġu evitati anke jekk jittieħdu l-miżuri kollha raġonevoli (Artikoli 1(4)(b) u 1(5)(4)).

    Dawn il-kjarifiki jibbenefikaw kemm lill-passiġġieri, biex ikunu jafu d-drittijiet tagħhom fir-rigward, kif ukoll lit-trasportaturi bl-ajru, biex jiddeċiedu liema obbligi huma marbutin bihom.

    7.2

    Il-lista mhux eżawrjenti proposta ta' ċirkostanzi li għandhom jitqiesu bħala straordinarji u ta' ċirkostanzi li għandhom jitqiesu bħala mhux straordinarji (stabbilita fl-Anness I għall-Proposta għal Regolament) ser tgħin ukoll biex jonqos ir-riskju ta' argumenti bla bżonn bejn il-passiġġieri u l-kumpaniji tal-ajru.

    7.3

    Konsegwentement, fil-fehma tal-KESE għandu jiġi ddikjarat b'mod ċar li fil-Proposta għal Regolament, kull darba li ssir referenza għaċ-ċirkostanzi straordinarji jeħtieġ li jiġi analizzat jekk dawn verament jissodisfawx din il-kundizzjoni tripla, li mhux dejjem ser ikun neċessarjament il-każ għal uħud mir-ċirkostanzi elenkati fl-Anness 1 (pereżempju riskji tas-saħħa jew tas-sigurtà, kundizzjonijiet tat-temp jew tilwim tal-persunal).

    Brussell, 11 ta’ Lulju 2013.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Henri MALOSSE


    (1)  COM(2012) 573 final.

    (2)  ĠU C 24, 28.1.2012, p. 125-130, ĠU C 376, 22.122.2011, p. 38-43, ĠU C 198, 10.7.2013, p. 9-13.

    (3)  COM(2011) 174 final.

    (4)  Riżoluzzjoni tal-PE tad-29 ta' Marzu 2012 dwar il-funzjonament u l-applikazzjoni tad-drittijiet stabbiliti ta’ persuni li jivvjaġġaw bl-ajru (2011/2150 (INI)).

    (5)  SEC(2011) 428.

    (6)  COM(2013) 129 final.

    (7)  ĠU C 24, 28.01.2012, p. 125-130 u ĠU C 229, 31.07.2012, p. 122-125.

    (8)  ĠU C 24, 28.1.2012 p. 127.

    (9)  ĠU C 24.1.2012, p. 130.


    APPENDIĊI

    għall-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    L-emendi li ġejjin inċaħdu waqt id-diskussjoni iżda rċevew mill-inqas kwart tal-voti:

    Punt ġdid 4.1.3 (Emenda 7)

    Il-KESE jiddispjaċih li l-proposta kisret il-bilanċ eżistenti bejn il-partijiet interessati kollha, billi tidher li hi aktar favur il-protezzjoni tad-drittijiet tat-trasportaturi milli tad-drittijiet tal-passiġġieri.

    Riżultat tal-votazzjoni:

    Favur

    :

    52

    Kontra

    :

    70

    Astensjonijiet

    :

    14

    Punt 5.3 (Emenda 11)

    Ibdel it-test kif ġej:

    Wieħed jifhem Huwa inkomprensibbli li t-titjiriet minn/lejn pajjiżi terzi għandhom ikunu soġġetti għal limiti li jiddependu mid-distanza tat-titjira, filwaqt li jitqiesu l-problemi prattiċi li jiffaċċjaw it-trasportaturi bl-ajru huma u jindirizzaw il-kawżi tad-dewmien f'ajruporti remoti. Il-KESE madankollu jqis li l-perjodi proposti ta' disa' jew tnax-il siegħa huma twal wisq u jemmen li l-Kummissjoni għandha żżomm il-perjodu attwali ta' tliet sigħat għal kull tip ta' xenarju. tkompli tistinka biex issib inċentivi għat-trasportaturi bl-ajru biex joperaw ferm taħt dawn il-limiti. Dawn il-limiti ta' ħinijiet għandhom jitnaqqsu aktar għall-persuni b'diżabbiltà jew b'mobbiltà mnaqqsa sabiex jiġu kkunsidrati l-ispejjeż partikolari li dawn il-persuni jġarrbu fi kwalunkwe dewmien twil. Il-KESE jqis l-implimentazzjoni effettiva u f'waqtha tal-pakkett leġislattiv dwar is-SES II+ bħala għodda importanti għat-tnaqqis tal-ispejjeż tat-trasportaturi bl-ajru, u b'hekk ikollhom aktar flessibbiltà huma u jiffinanzjaw it-tnaqqis tal-limiti.

    Riżultat tal-votazzjoni:

    Favur

    :

    50

    Kontra

    :

    81

    Astensjonijiet

    :

    12

    Punt 5.12 (Emenda 12)

    Ibdel it-test kif ġej:

    Il-KESE jiddispjaċih li l-proposta l-ġdida tnaqqas is-saħħa tar-Regolament attwali li jiżgura li l-passiġieri jingħataw l-attenzjoni meta jkunu qegħdin jistennew fil-każ ta' interruzzjonijiet, u b'hekk tiddevja għal darb'oħra minn sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tad-dritt għall-akkomodazzjoni (każ Denise McDonagh v Ryanair, 31 ta' Jannar 2013). Il-KESE jqis li d-dritt għall-akkomodazzjoni huwa dejjem aktar ġustifikat f'sitwazzjonijiet li jippersistu għal tul ta' żmien u fejn il-passiġġieri huma partikolarment vulnerabbli; barra minn hekk, it-trasport bl-ajru, b'differenza ta' mezzi oħra ta' trasport, jinvolvi l-aktar distanzi fit-tul u ta' spiss, il-passiġieri milqutin mill-interruzzjonijiet huma 'l bogħod minn djarhom u d-distanzi ta' spiss twal involuti ma jippermettux lill-passiġġieri jsibu mezzi alternattivi sabiex jaslu fid-destinazzjoni aħħarija tagħhom. jifhem il-bżonn li jiġi limitat il-ħin li matulu t-trasportaturi bl-ajru għandhom jieħu ħsieb l-akkomodazzjoni tal-passiġieri fil-każ ta' ċirkostanzi straordinarji u jaċċetta l-limitu propost ta' 3 iljieli  (1). Madankollu, il-Kumitat jirrakkomanda bi sħiħ lill-Kummissjoni sabiex tħalli lill-korpi nazzjonali għall-infurzar jistabbilixxu limitu fuq il-prezz għal dawn l-iljieli għal kull Stat Membru. Il-limitu fuq il-prezz m'għandux ikun applikat għal persuni b'mobbiltà mnaqqsa.

    Riżultat tal-votazzjoni:

    Favur

    :

    56

    Kontra

    :

    78

    Astensjonijiet

    :

    7


    (1)   Artikolu 8(9) tal-Proposta - Artikolu 9 tar-Regolament emendat (KE) Nru 261/2004.


    Top