EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013AE3545

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi programm ta' appoġġ għas-sorveljanza u l-insegwiment fl-ispazju” COM(2013) 107 final — 2013/0064 (COD)

ĠU C 327, 12.11.2013, p. 38–41 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

12.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 327/38


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi programm ta' appoġġ għas-sorveljanza u l-insegwiment fl-ispazju”

COM(2013) 107 final — 2013/0064 (COD)

2013/C 327/08

Relatur: is-Sur IOZIA

Nhar l-14 ta' Marzu 2013 u nhar l-20 ta' Marzu 2013, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi Programm ta' Appoġġ għas-Sorveljanza u l-Insegwiment fl-Ispazju

COM(2013) 107 final – 2013/0064 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-27 ta' Ġunju 2013.

Matul l-491 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-10 u l-11 ta' Lulju 2013 (seduta tal-10 ta' Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'165 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 7 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u Rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jirrikonoxxi l-importanza li l-Ewropa tkun attrezzata b'sistema awtonoma ta' sorveljanza tal-ispazju bil-għan li tipproteġi l-infrastrutturi spazjali tagħha u tiggarantixxi s-sigurtà tal-varar. Huwa jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tindirizza dan is-suġġett għall-ewwel darba u jipproponi soluzzjonijiet sabiex jinbeda proċess ta' kooperazzjoni u integrazzjoni fl-Unjoni Ewropea f'dan il-qasam.

1.2

Il-KESE jappoġġja l-idea tal-Kummissjoni li l-Istati Membri jressqu għall-approvazzjoni tagħha proposti ta' tħaddim fil-każ fejn il-kwalità u l-kwantità ta' informazzjoni prevista u l-iskambju tal-għarfien partikularment dwar il-metodoloġija u l-kapaċità li tiġi analizzata d-data għandhom interess Ewropew evidenti.

1.3

Il-KESE huwa konxju tad-diffikultà li jinsabu soluzzjonijiet kondiviżi mill-Istati Membri u jqis il-proposta tal-Kummissjoni bħala l-ewwel pass importanti lejn għanijiet aktar ambizzjużi ta' ħidma konġunta. Il-preżenza ta' interessi militari sodi f'dan il-programm twassal sabiex il-ħolqien ta' infrastruttura komuni tkun iktar kumplessa. Il-KESE jispera li dan iseħħ malajr kemm jista' jkun, bil-punt ta' tluq tkun din l-inizjattiva. Madankollu, huwa pożittiv li jinxeħtu l-pedamenti għal din il-kooperazzjoni bejn il-qasam ċivili u dak militari, li għandha tkun kondiviża mal-ESA, l-Aġenzija Ewropea tad-Difiża, u d-Direttorat għall-ġestjoni tal-kriżijiet u l-ippjanar.

1.4

Il-KESE jqis prijoritarju li l-fondi previsti għall-attività tal-SST (Space Surveillance and Tracking - is-sorveljanza u l-insegwiment fl-ispazju), matul is-seba' snin ta' tħaddim tas-servizz, jintużaw sabiex jinbena l-ewwel embriju ta' kapaċità indipendenti Ewropea, li fih tista' tiġi trasferita parti minn dil-kapaċità li attwalment tinsab fid-dipartimenti tad-difiża tal-Istati Membri. Din tista' titwettaq permezz tal-użu tat-teleskopi ottiċi li diġà jintużaw fl-Ewropa (Kanarji) u l-ħolqien ta' għallinqas radar Ewropew tal-istess klassi bħal dik li jintużaw mill-istrutturi tad-difiża. B'dan il-mod, nimxu lejn investiment sostenibbli fejn kapaċitajiet u kompetenzi ġodda jiġu trasferiti fil-qasam ċivili sabiex tittejjeb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini Ewropej.

1.5

Għas-seba snin previsti sabiex jitwettaq dan il-programm, il-KESE jqis neċessarju li l-livell ta' servizz mistenni min-naħa tal-imsieħba nazzjonali fir-rigward tal-kwantità tad-data pprovduta, it-tipoloġija tagħhom, il-frekwenza, il-kwalità u d-disponibbiltà jiġi definit bi previżjonijiet speċifiċi, b'tali mod li jkun jista' jkollhom l-istrumenti neċessarji sabiex jiġi vvalutat is-servizz, bl-istess mod bħalma jsir għall-programmi ta' riċerka tas-Seba' Programm Qafas, fejn dawn il-parametri huma definiti u kkoordinati b'mod ċar.

1.6

Il-KESE jirrakkomanda li l-kriterji ta' aċċess għall-programm għandhom jinżammu miftuħa u li jiġu ppreċiżati b'mod aktar ċar fit-test tal-Artikolu 7(1)(a). Huwa kruċjali li fil-programm jitħallew jipparteċipaw mhux biss il-pajjiżi li diġà għandhom kapaċità indipendenti (pereżempju Franza, il-Ġermanja, ir-Renju Unit), iżda dawk kollha li għandhom il-possibbiltà li jamgħlu disponibbli kompetenzi għall-ipproċessar tad-data. It-test propost għandu jiġi rivedut.

1.7

Il-KESE jirrimarka li l-attivitajiet ta' sorveljanza kollha (Space Situational Awareness - SSA) jinkludu, apparti s-sorveljanza u l-insegwiment fl-ispazju (Space Surveillance and Tracking), anke t-temp spazjali (Space Weather) u l-monitoraġġ ta' oġġetti qrib id-dinja (Near-Earth Objects).

1.8

B'mod partikolari, peress li huwa rikonoxxut li l-periklu mill-attività tax-xemx għall-infrastrutturi spazjali huwa tal-inqas indaqs, jekk mhux iktar, meta jitqiesu l-effetti ta' avvenimenti partikolarment intensi, il-KESE jqis li ż-żewġ aspetti jridu jiġu segwiti b'mod parallel, kif previst oriġinarjament fid-definizzjoni tal-SSA. Għalhekk jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiddefinixxi qafas kumplessiv u integrat tad-diversi aspetti tad-difiża tal-infrastrutturi spazjali, b'mod partikulari mal-ESA li diġà hija impenjata b'mod attiv f'programm ta' ħarsien mir-radjazzjoni solari. Fil-konklużjonijiet tal-Konferenza dwar l-Ispazju u s-Sikurezza, li saret f'Madrid fl-10 u l-11 ta' Marzu 2011 (imsemmija fil-Valutazzjoni tal-Impatt), hemm indikat b'mod ċar li għandha tissaħħaħ il-kooperazzjoni f'dan il-qasam fost il-partijiet interessati kollha, b'mod partikolari l-UE, l-ESA u l-Istati Membri.

1.9

Il-KESE jaqbel mal-proposta tal-Kummissjoni li tissaħħaħ il-kooperazzjoni mal-Istati Uniti tal-Amerika u mal-pajjiżi l-oħra li huma interessati fi proġett konġunt ta' protezzjoni tal-infrastrutturi spazjali, li jippermetti li jiġu evitati l-kolliżjonijiet perikolużi u xi kultant katastrofiċi anke ma' materjal żgħir ħafna li jistgħu jwaqqfu milli jintuża satellita li tqum ħafna flus u indispensabbli għall-attivitajiet tal-bniedem.

2.   Id-dokument tal-Kummissjoni

2.1

Il-Komunikazzjoni li qiegħda tiġi analizzata tipproponi li jinħoloq programm ġdid Ewropew ta' sorveljanza fl-ispazju u l-ittraċċar tal-oġġetti madwar id-dinja, imsejjaħ SST (Space Surveillance and Tracking - is-sorveljanza u l-insegwiment fl-ispazju).

2.2

Il-programm inħoloq bħala risposta għall-bżonn li jiġu protetti l-infrastrutturi spazjali Ewropej, b'mod partikolari dawk rappreżentati mill-programmi Galileo u Copernicus/GMES, kif ukoll il-varar Ewropew, mir-riskji marbutin mal-periklu ta' impatt ma' residwu spazjali.

2.3

Il-Komunikazzjoni tiddefinixxi wkoll il-qafas legali tal-programm u l-iskema tiegħu ta' finanzjament għall-perjodu 2014-2020.

2.4

Il-Komunikazzjoni hija akkumpanjata minn rapport (1), fejn fih ġew diskussi b'mod partikolari l-ħames skemi ta' finanzjament u governanza għall-programm, waqt li ġew stabbiliti l-karatteristiċi, l-ispejjeż u l-benefiċċji.

2.5

Qabel it-test innifsu hemm memorandum ta' spjegazzjoni li juri l-kuntest.

2.6

Il-kontribuzzjoni globali indikattiva tal-Unjoni għall-implimentazzjoni tal-programm SST hija ta' EUR 70 miljun għall-perjodu 2014-2020.

2.7

Din l-ispiża tkopri l-kontribut għat-tħaddim tas-sensers li diġà għandhom l-Istati Membri parteċipanti - normalment fl-istrutturi militari tagħhom - u servizz ta' twissija abbażi tad-data pprovduta mill-Istati Membri parteċipanti u pprovdut miċ-Ċentru Satelittari tal-Unjoni Ewropea (EUSC).

2.8

Il-parteċipazzjoni fil-programm hija fakultattiva u huwa previst li l-Istati Membri parteċipanti jkollhom sensers (teleskopji, radars) diġà jaħdmu u r-riżorsi tekniċi u tal-persunal neċessarji jew il-kompetenzi adegwati fil-qasam tal-ipproċessar tad-data.

2.9

Skont is-sommarju tal-valutazzjoni tal-impatt mehmuż mal-proposta, l-ispiża minima li tinħoloq minħabba l-kolliżjoni tar-residwi mas-satelliti operattivi Ewropej hija ta' EUR 140 miljun kull sena fl-Ewropa, li hija stmata li titla' għal EUR 210 miljuni minħabba t-tkabbir previst ta' 50 % fis-servizzi marbutin mas-settur tas-satellita fis-snin li ġejjin. Dawn iċ-ċifri jirrappreżentaw stima konservattiva ħafna u ma jinkludux it-telf "fil-livell lokali", jiġifieri t-telf ekonomiku minħabba l-qtugħ tas-servizzi li jiddependu mid-data tas-satellita.

2.10

Huwa importanti li jiġi nnotat li kważi t-telf kollu mhux ġej mit-telf fiżiku tas-satelliti iżda mit-tnaqqis tal-ħajja operattiva tagħhom minħabba l-manuvri li jittieħdu sabiex jiġu evitati l-kolliżjonijiet.

2.11

Minkejja li diversi Stati Membri llum għandhom is-servizz tagħhom ta' sorveljanza, il-Kummissjoni temmen li l-involviment tal-UE huwa meħtieġ biex jiġi aggregat l-investiment meħtieġ għall-finanzjament tal-proġett, biex jiġu stabbiliti l-aspetti tal-ġestjoni, tiġi definita politika tad-data u jiġi żgurat li l-kapaċitajiet eżistenti u futuri jiġu sfruttati b’mod ikkoordinat.

2.12

S'issa, l-iSpace Surveillance Network (SSN - Netwerk għas-Sorveljanza tal-Ispazju) tal-Istati Uniti, immexxi mid-Dipartiment tad-Difiża tal-Istati Uniti, huwa r-referenza għas-servizzi kollha ta' twissija. F'dan il-kuntest, il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar id-disponibbiltà b'xejn tal-informazzjoni tal-Istati Uniti titqies bħala insuffiċjenti, peress li din l-informazzjoni mhix eżatta biżżejjed u hija soġġetta għal ġestjoni li l-UE ma jistax ikollha kontroll fuqha.

2.13

Il-ħolqien ta' dan is-servizz għalhekk jidħol tajjeb fl-istrateġija li l-Ewropa tkun indipendenti f'oqsma meqjusa bħala kritiċi, u b'mod partikolari fl-aċċess għall-ispazju.

2.14

Attwalment, fl-Ewropa huwa stmat li l-65 % tas-sensers għas-satelliti f'orbita baxxa huma ġestiti totalment jew parzjalment minn istituzzjonijiet li għandhom rabta mad-difiża (2).

2.15

L-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA) mhix l-aġenzija adegwata sabiex timplimenta programm bħal dan peress li mhix attrezzata biex tipproċessa d-data riżervata bħalma hija dik li ġejja minn sensers ġestiti mill-istrutturi militari.

2.16

Il-korp Ewropew li għandu jieħu ħsieb l-attività operattiva tat-tħaddim tas-servizz maħluq għall-koordinazzjoni huwa ċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea (EUSC), aġenzija tal-UE stabbilita mill-azzjoni konġunta tal-Kunsill fl-20 ta' Lulju 2001 u li tipprovdi prodotti u servizzi ta' informazzjoni b'diversi livelli ta' klassifikazzjoni li nsiltu mill-analiżi tal-immaġni bis-satellita tad-dinja lill-utenti ċivili u militari. L-EUSC jista' jiffaċilita l-provvista ta' servizzi SST u ser jipparteċipa (f'kollaborazzjoni mal-Istati Membri parteċipanti) għat-twaqqif u l-funzjonament tas-sistema SST li hija waħda mill-għanijiet tal-programm ta' appoġġ għall-SST. Bħalissa, madankollu, l-istatut ta' dan il-korp ma jipprevedi l-ebda azzjoni fil-qasam tal-SST.

2.17

Huwa mistenni li għall-ġestjoni tal-programm ser ikun hemm bżonn madwar 50 membru tal-persunal (inklużi r-riżorsi umani li jkunu disponibbli mill-Istati Membri parteċipanti, l-EUSC u l-Kummissjoni).

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-KESE huwa tal-fehma li l-proposta ma tipprevedix il-ħolqien ta' strumenti u kompetenzi suffiċjenti għal-livell Ewropew għall-ġbir u l-analiżi tad-data, u għalhekk, fi tmiem il-perjodu ta' finanzjament ta' 5 snin ta' dan il-programm, l-Ewropa ser issib ruħha fl-istess sitwazzjoni tal-5 snin ta' qabel u probabbilment ikollha ġġedded dan il-ftehim biex tkompli tikseb id-data min-naħa tal-istrutturi tad-difiża tal-Istati Membri parteċipanti.

3.2

Fil-kuntest tal-finanzjament propost ta' EUR 70 miljun, m'hemm l-ebda rekwiżit fir-rigward tad-disponibbiltà, il-kwalità jew ir-rilevanza tad-data li l-istrutturi nazzjonali jridu jipprovdu. Għalhekk huwa diffiċli li jiġu stabbiliti kriterji ta' valutazzjoni għas-servizz mogħti. Dan ikun possibbli biss meta l-Kummissjoni tkun ippubblikat l-atti ta' implimentazzjoni li jridu jitfasslu.

3.3

L-Istati Membri huma tal-fehma li l-ESA ma tipprovdix biżżejjed garanziji għall-ipproċessar tad-data sensittiva - l-aġenzija maħtura għal dan il-għan għandha tkun l-EUSC. Huwa nnotat, madankollu, li fil-livell tal-Istati Membri individwali, il-pajjiżi li għandhom servizz ta' sorveljanza u traċċar (bħar-Renju Unit, Franza, il-Ġermanja), jagħmlu dan f'kuntest ta' kooperazzjoni bejn l-aġenziji spazjali u dawk tad-difiża, u dan jagħti x'jifhem li fil-prattika, il-mudell ta' kooperazzjoni bejn l-aġenziji spazjali u dawk tad-difiża fil-fatt huwa effiċjenti. Madankollu, mhux ċar għala l-ESA ġiet eskluża minn servizz ta' dan it-tip, anke meta jitqies li din diġà tipparteċipa fis-servizz globali ta' twissija u ġestjoni tal-katastrofi, jiġifieri l-Karta Internazzjonali "Spazju u Diżastri Prinċipali" (International Charter on Space and Major Disasters).

3.4

Il-programm SST huwa wieħed mit-tliet oqsma tal-Programm Preparatorju tas-Space Situation Awareness (SSA) (Għarfien tas-Sitwazzjoni Spazjali) li ilu jitħaddem b'mod preoperattiv mill-ESA sa mill-2009, u t-tnejn l-oħra huma Space Weather (it-temp spazjali) u Near-Earth Objects (l-oġġetti qrib id-dinja).

3.5

Il-Programm Preparatorju tal-SSA ġie ffinanzjat b'baġit ta' EUR 55 miljun. Mhix ċara x'inhi r-rabta bejn dawn iż-żewġ programmi. Fuq kollox, mhux ċar kif dan is-servizz ta' SST ser ikun jaħdem biswit servizz simili li jiġġenera u jiġġestixxi t-twissijiet relatati mar-riskji minn attività solari.

3.6

Huwa utli li jkun hemm paragun bejn kemm hi severa l-ħsara kkawżata minn kolliżjonijiet mar-residwi u dik li ġejja mill-attività ġeomanjetika tax-xemx. Skont studju mwettaq mill-Amministrazzjoni Nazzjonali dwar l-Oċeani u l-Atmosfera (National Oceanic and Atmospheric Administration - NOAA) tal-Istati Uniti (3), it-telf ekonomiku minħabba l-influwenza tat-tempesti solari fuq l-infrastruttura satellitari huwa enormi. Fl-2003, l-attività intensa tax-xemx qerdet l-ADEOS-2, satellita Ġappuniża li swiet USD 640 miljun. Fl-1997, tempesta manjetika wasslet għat-telfa tas-satellita għat-telekomunikazzjoni Telstar, li l-valur tagħha kien ta' USD 270 miljun, filwaqt li fl-1989 tempesta manjetika oħra ħolqot disa' sigħat ta' black-out (mingħajr elettriku) fiż-żona tal-Kanada, fejn id-danni ġew ikkalkulati għal USD 6 biljun

3.7

Huwa maħsub li supertempesta solari bħal dik li ġrat fl-1859 illum il-ġurnata tikkawża, mil-lat biss tal-ħsarat lis-satelliti f'orbita ġeostazzjonarja, telf ta' EUR 30 biljun, filwaqt li l-ħsara lill-grids tal-elettriku ttella' ċ-ċifra għal USD 1-2 triljun. Ikun hemm bżonn minn erba' sa għaxar snin sabiex jerġa' jkun hemm funzjonament totali (4).

3.8

Il-livell ta' riskju li ġej mill-attività solari għallinqas huwa daqs dak li ġej mir-residwi. Madankollu, iqis li t-tnejn li huma għandhom jiġu ġestiti b'mod konġunt, bħalma ġie previst mill-Konferenza li saret f'Madrid, f'Marzu 2011. Madankollu, il-Komunikazzjoni ma tiċċarax min għandu jimplimenta servizz ta' tħaddim relatat mat-twissijiet marbutin mal-attivitajiet tax-xemx.

3.9

Il-KESE jqis li l-proposta għandha tqis il-protezzjoni tal-infrastruttura spazjali Ewropea, inkluża wkoll attività komplementari li għandha l-għan li tissorvelja t-temp spazjali l-iskadenzi għall-implimentazzjoni u l-integrazzjoni bejn iż-żewġ sistemi.

4.   Kummenti partikolari/speċifiċi

4.1

L-Artikolu 5(2) jipprevedi li ma jinbnewx kapaċitajiet ġodda iżda għandhom biss jerġgħu jintużaw dawk eżistenti tal-Istati Membri. Madankollu, fil-Kapitolu 2 tal-Memorandum ta' Spjegazzjoni hemm indikat ċar li l-kapaċitajiet eżistenti mhumiex biżżejjed. Għalhekk mhux ċar biżżejjed liema tip ta' sistema għandha titwettaq b'dettall, anke b'rabta mal-ħames tipi mniżżla fir-rapport mehmuż (Valutazzjoni tal-Impatt).

4.2

Il-karatteristiċi tekniċi ta' din is-sistema mhumiex definiti b'mod espliċitu. Filwaqt li l-għanijiet tagħha huma definiti, id-deċiżjoni dwar minn x'hiex għandha tkun magħmula titħalla għal diskussjoni fil-futur bejn l-Istati Membri.

4.3

Rabta bejn l-użu militari u dak ċivili. Is-sistema hija mibnija bħala sistema ċivili. Madankollu, il-maġġoranza tal-informazzjoni ġejja mill-qasam militari. M'hemm l-ebda rekwiżit jew protokoll espliċitu li jobbliga lill-qasam militari li jipprovdi din l-informazzjoni lill-qasam ċivili. Anke hawnhekk il-proposta tgħid li l-kwistjoni ser tiġi solvuta fil-futur.

4.4

Rabta bejn l-Istati Membri u l-UE. Il-proposta tgħid li s-sensers kollha huma u għandhom jibqgħu f'idejn l-Istati Membri individwali. Ma jidhirx li hemm kundizzjonijiet espliċiti li jiggarantixxu livell minimu ta' fluss ta' data u informazzjoni.

4.5

Definizzjoni tas-servizz. Il-proposta ma tipprovdix dan b'mod espliċitu. Għalhekk mhuwiex possibbli li jiġi stmat jekk dan huwiex biżżejjed għall-proġetti stabbiliti mill-programm.

4.6

Fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Settembru 2008 intitolata "Jitwettaq progress fil-Politika Spazjali Ewropea", il-Kunsill jenfasizza l-ħtieġa li "tiġi żviluppata kapaċità biex jiġu ssodisfatti l-ħtiġijiet tal-utenti għal għarfien komprensiv tas-sitwzzjoni tal-ambjent spazjali".

4.7

Huwa importanti li jinżamm ir-ritmu tal-iżvilupp kemm tal-programm SST kif ukoll tal-programmi attwali tal-SSA.

4.8

L-"indikaturi tar-riżultati u tal-impatt" fil-punt 1.4.4 huma pjuttost superfluwi, u jipprovdu ftit elementi mil-lat operattiv, sabiex wara tkun tista' tiġi evalwata l-effikaċja tal-programm.

4.9

Apparti mid-definizzjonijiet tal-governanza, il-mudell operattiv tas-sistema mhux definit tajjeb.

Il-parteċipazzjoni tal-Istati Membri mhix obbligatorja. Liema hija l-bażi minima sabiex is-servizz ikun jista' jaħdem?

Brussell, 10 ta’ Lulju 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni, Valutazzjoni tal-Impatt, SWD(2013) 55 final.

(2)  Study on Capability Gaps concerning Space Situational Awareness, ONERA, 2007.

(3)  Value of a Weather-ready Nation, 2011, NOAA.

(4)  Ara n-National Research Council. (2008), Severe Space Weather Events. Understanding Societal and Economic Impacts: A Workshop Report. Washington, DC: The National Academies Press.


Top