Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013AE4263

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-potenzjal ekonomiku mhux esplorat tal-kompetittività tal-UE — Ir-riforma tal-intrapriżi pubbliċi” (Opinjoni esploratorja)

    ĠU C 327, 12.11.2013, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    12.11.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 327/1


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-potenzjal ekonomiku mhux esplorat tal-kompetittività tal-UE — Ir-riforma tal-intrapriżi pubbliċi” (Opinjoni esploratorja)

    2013/C 327/01

    Relatur: is-Sur HENCKS

    Nhar il-15 ta’ April 2013, is-Sur Vytautas Leškevičius, Viċi Ministru għall-Affarijiet Barranin, f’isem il-Presidenza Litwana futura tal-Kunsill, talab lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iħejji opinjoni esploratorja dwar

    Il-potenzjal ekonomiku mhux esplorat tal-kompetittività tal-UE – ir-riforma tal-intrapriżi pubbliċi.

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-27 ta' Ġunju 2013.

    Matul l-491 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-10 u l-11 ta' Lulju 2013 (seduta tal-10 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’170 vot favur, 10 voti kontra u 2 astensjonijiet.

    1.   Kuntest

    1.1

    L-għan ta' din l-Opinjoni esploratorja tal-KESE hu li tikkjarifika l-kontribut speċifiku li jistgħu jagħtu l-intrapriżi pubbliċi għall-kompetittività tal-UE. Għandha l-għan li tidentifika l-isfidi partikolari li jeżistu f'dan il-qasam għall-politiki u l-istituzzjonijiet Ewropej.

    1.2

    Din l-Opinjoni tidħol fil-qafas tat-Trattati, li jagħtu setgħa diskrezzjonali kbira lill-Istati Membri fir-rigward tad-definizzjoni, l-organizzazzjoni u l-finanzjament tas-servizzi ta' interess ġenerali tagħhom. Bl-istess mod, skont it-Trattati, l-Istati Membri għandhom il-kompetenza fir-rigward tal-għażla u l-istatus (privat, pubbliku jew sħubija pubblika/privata) tal-intrapriżi inkarigati mill-eżekuzzjoni tal-missjonijiet tagħhom ta' servizz pubbliku (1).

    1.3

    Awtorità pubblika tista' tiddeċiedi li tirrikorri għal intrapriża pubblika bħala wieħed mill-mezzi ta' azzjoni tagħha fuq il-bażi ta' każ b'każ u skont l-analiżi ta' settur, l-objettivi u l-missjonijiet stabbiliti, u l-orjentazzjonijiet li għandhom jiġu promossi fit-tul.

    1.4

    Skont id-Direttiva 80/723/KEE tal-Kummissjoni tal-25 ta' Ġunju 1980 dwar it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri u l-intrapriżi pubbliċi, "impriżapubblika" tfisser: "kull impriża li fuqha l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jeżerċitaw influ[w]enza dominanti diretta jew indiretta bis-saħħa tal-pussess li għandhom tagħha, il-parteċipazzjoni finanzjarja tagħhom fiha, jew ir-regoli li jiggwidawha.

    Influ[w]enza dominanti mill-parti tal-awtoritajiet pubbliċi għandha tkun meqjusa meta dawn l-awtoritajiet, direttament jew indirettament rigward impriża:

    a)

    ikollhom il-biċċa il-kbira tal-kapital sottoskritt tal-impriża; jew

    b)

    ikunu jikkontrollaw il-maġġoranza tal-voti marbutin mal-ishma maħruġa mill-impriżi; jew

    c)

    jistgħu jaħtru iktar minn nofs il-membri tal-korp amministrattiv, tal-maniġment jew tas-superviżuri tal-impriża."

    1.5

    Fil-passat, il-pajjiżi Ewropej kollha ħolqu intrapriżi pubbliċi, kemm b'mod dirett kif ukoll billi nnazzjonalizzaw jew immuniċipalizzaw l-intrapriżi privati. Għamlu dan għal firxa wiesgħa ta' raġunijiet:

    biex jimplimentaw objettivi strateġiċi relatati mas-sigurtà esterna jew interna, jew mas-sigurtà tal-provvista ta' ċerti prodotti jew servizzi essenzjali;

    biex joħolqu l-infrastruttura meħtieġa għall-ħajja ekonomika u soċjali;

    biex jimmobilizzaw investiment kbir (b'mod partikolari wara kull gwerra dinjija);

    biex jippromovu attivitajiet ġodda li mhux bilfors irendu l-qligħ fil-perjodu qasir;

    biex jikkoreġu n-nuqqasijiet tas-suq (il-monopolju naturali, l-esternalizzazzjoni) jew tal-inizjattiva privata;

    biex jindirizzaw is-sitwazzjonijiet ta' kriżi finanzjarja, ekonomika, soċjali jew ambjentali;

    biex jimplimentaw missjonijiet ta' servizz pubbliku.

    1.6

    Il-miżuri ta' effikaċja, ta' effiċjenza, u fejn ikun meħtieġ, il-bżonn ta' riforma tal-intrapriżi pubbliċi ma jistgħux jiġu limitati għall-indikaturi tas-soltu tal-qligħ mill-attivitajiet ekonomiċi, iżda għandhom jinkludu dawn l-objettivi u l-missjonijiet kollha li ġew allokati lilhom mill-awtoritajiet pubbliċi.

    1.7

    Skont id-definizzjoni Ewropea uffiċjali, il-kompetittività "hija l-kapaċità li jittejjeb b'mod sostenibbli l-livell ta' għajxien tal-abitanti u li dawn jingħataw livell għoli ta' impjieg u ta' koeżjoni soċjali".

    1.8

    Kull sena l-produttività tal-Unjoni qed tmur ftit lura. Dan it-tnaqqis huwa sinonimu mad-deterjorazzjoni tal-kompetittività. Fost l-indikaturi li jiżvelaw dan it-tnaqqis hemm il-livell insuffiċjenti ta' innovazzjoni, in-nuqqas ta' investiment fl-infrastrutturi u t-teknoloġiji kif ukoll fil-kapital uman.

    1.9

    Il-kompetittività tal-Unjoni Ewropea u l-attraenza tagħha, għaldaqstant, jiddependu mill-investiment li jsir fl-infrastruttura, fl-edukazzjoni u t-taħriġ, ir-riċerka u l-iżvilupp, is-saħħa u l-protezzjoni soċjali, il-protezzjoni tal-ambjent, eċċ. – dawn huma kollha oqsma li għalihom l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jużaw l-intrapriżi pubbliċi bħala mezz ta' intervent, fost affarijiet oħra.

    1.10

    Iżda l-Istat u l-awtoritajiet pubbliċi reġjonali jew lokali mhumiex virtużi min-natura tagħhom u għalhekk jeżistu wkoll nuqqasijiet tal-intrapriżi pubbliċi li jistgħu jwasslu

    għal kontroll amministrattiv, burokratiku jew "politiku";

    in-nuqqas ta' responsabbiltà tal-awtorità pubblika, li tista' tillimita ruħha għal objettivi esklużivament finanzjarji jew patrimonjali;

    l-istrumentalizzazzjoni tal-intrapriża pubblika għal finijiet oħra apparti dawk prinċipali tagħha.

    1.11

    L-intrapriża pubblika tista' tirriżulta minn strateġiji difensivi jew offensivi min-naħa tal-awtorità pubblika kompetenti:

    strateġiji difensivi biex tillimita l-effetti tal-kriżi, taġixxi ta' "pompier" f'każ ta' falliment ta' intrapriża jew issalva l-impjiegi, tinnazzjonalizzaha temporanjament sakemm jinsab min jista' jerġa' jagħti ħajja mill-ġdid lill-intrapriżi kkonċernati, tippenalizza abbużi evidenti ta' intrapriża privata, eċċ.;

    strateġiji offensivi biex tippromovi politika industrijali jew teknoloġiji ġodda, timplimenta politika pubblika, tiżviluppa objettivi politiċi ġodda, tippromovi għanijiet ġodda (bijodiversità, enerġiji rinnovabbli, tranżizzjoni enerġetika), tiġġenera mod ġdid ta' żvilupp (sostenibbli, inklużiv).

    1.12

    Dan jimplika li l-awtorità pubblika tassumi r-responsabbiltajiet tagħha biex tiddefinixxi l-orjentazzjonijiet strateġiċi filwaqt li tħalli livell għoli ta' awtonomija għat-tmexxija tal-intrapriża. L-awtorità pubblika għandha tal-anqas tiżgura li jiġu organizzati kontroll u regolamentazzjoni pubbliċi ġenwini, li jirrikjedu l-implimentazzjoni ta' governanza tal-intrapriżi pubbliċi tagħha li huma bbażati fuq il-parteċipazzjoni tal-partijiet ikkonċernati kollha, kif ukoll ta' rappreżentanti tal-persunal tal-intrapriżi.

    1.13

    Fir-rigward tas-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali li l-Istati Membri jimplimentaw permezz tal-intrapriżi pubbliċi tagħhom, dawn l-intrapriżi jipproponu attivitajiet ta' natura industrijali u kummerċjali, sikwit f'kompetizzjoni diretta mal-attivitajiet ta' intrapriżi oħra.

    1.14

    Fost l-intrapriżi pubbliċi li jiżviluppaw f'ambjent liberalizzat u kompetittiv ta' min isemmi l-ewwel u qabel kollox l-industriji li jużaw in-netwerks (tal-elettriku, gass, komunikazzjoni elettronika, trasport, posta), li l-aċċessibbiltà u l-provvista kontinwa tagħhom bi kwalità tajba u prezz affordabbli huma indispensabbli, mhux biss għaċ-ċittadini iżda wkoll għall-parti l-kbira tal-intrapriżi privati. Għaldaqstant, jaqdu rwol fundamentali għall-ekonomija nazzjonali u l-kompetittività globali ta' Stat Membru. Dan japplika wkoll għal setturi oħra bħal dak awdjoviżiv, tal-akkomodazzjoni, u tal-kura tas-saħħa jew soċjali, fejn in-nuqqasijiet tas-suq ma jippermettux lil kull ċittadin biex, b'xi mod jew ieħor, jibbenefika mid-drittijiet fundamentali tiegħu.

    2.   L-għan tat-talba għal opinjoni esploratorja

    2.1

    Fl-ittra ta' konsultazzjoni, il-Presidenza Litwana futura talbet b'mod partikolari li ssir enfasi fuq it-titjib tal-effikaċja tal-intrapriżi pubbliċi u fuq l-importanza tagħhom għall-kompetittività nazzjonali. Il-Presidenza titlob analiżi tas-sitwazzjoni attwali u tal-prattiki tajba (jew ħżiena) li madankollu għadha nieqsa fil-livell tal-UE, hekk kif inhi nieqsa wkoll ir-riforma strutturali fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-effikaċja ta' dan it-tip ta' intrapriża fil-kuntest tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika u tal-impatti tagħha fuq is-suq intern.

    2.2

    Għalkemm il-leġislazzjoni tal-UE tikkonċerna biss xi oqsma speċifiċi tal-attivitajiet tal-intrapriżi pubbliċi (għajnuna mill-Istat, u servizz ta' interess ekonomiku ġenerali), il-Presidenza Litwana futura tipproponi li, fir-rigward tar-riforma tal-intrapriżi pubbliċi, l-inizjattivi fil-livell Ewropew jiġu limitati għal miżuri mhux leġislattivi u li ma jiġux stabbiliti objettivi dwar il-qafas leġislattiv il-ġdid. Il-privatizzazzjoni eventwali tal-intrapriżi pubbliċi għandha tibqa' tkun il-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri.

    2.3

    Fl-aħħar, il-Presidenza Litwana futura tesprimi d-dispjaċir tagħha li s'issa, fl-inizjattivi u d-dokumenti eżistenti jew previsti tal-Kummissjoni Ewropea, ma kienx hemm dibattitu ġenerali dwar ir-riforma tal-intrapriżi pubbliċi, il-ġestjoni tagħhom, it-titjib tal-effikaċja tagħhom u l-kontribut tagħhom għall-kompetittività u għall-ksib tal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020. Il-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew s'issa ffokaw fuq żewġ aspetti biss: ir-rispett tar-regoli fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat u r-regoli dwar il-provvista ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali.

    3.   Il-proposti tal-KESE

    3.1

    Il-KESE jappoġġja t-talba tal-Presidenza Litwana futura għal analiżi tas-sitwazzjoni attwali u tal-prattiki tajba (jew ħżiena) kif ukoll għal riforma strutturali fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-effikaċja ta' dan it-tip ta' intrapriża fil-kuntest tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika u tal-impatti tagħha fuq is-suq intern.

    3.2

    It-trattati jinkludu obbligu msaħħaħ għall-Unjoni u l-Istati Membri biex jiżguraw il-funzjonament tajjeb tas-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali, b'mod partikolari billi tiġi żviluppata dinamika progressiva ta' evalwazzjoni tal-prestazzjoni ta' dawn is-servizzi. Sakemm dan ma jinkisibx, l-evalwazzjonijiet tal-prestazzjoni ma jkunux jistgħu jindirizzaw il-bżonnijiet taċ-ċittadini u tal-ekonomija fil-livell nazzjonali u Ewropew.

    3.3

    Tali evalwazzjoni għandha sservi biex iżżid l-effikaċja u l-effiċjenza tas-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali u l-adattament tagħhom għall-evoluzzjonijiet tal-bżonnijiet taċ-ċittadini u tal-intrapriżi. Barra minn hekk, għandha tipprovdi lill-awtoritajiet pubbliċi l-elementi li jippermettulhom jagħmlu l-aktar għażliet rilevanti. Bl-istess mod, ser ikollha rwol essenzjali x'taqdi biex tasal għal arbitraġġ armonjuż bejn is-suq u l-interess ġenerali, kif ukoll bejn l-objettivi ekonomiċi, soċjali u ambjentali.

    3.4

    Fl-Opinjoni tiegħu dwar "Evalwazzjoni indipendenti tas-servizzi ta' interess ġenerali"  (2) il-KESE ressaq proposti konkreti biex fil-livell tal-Unjoni jiġu stabbiliti l-modalitajiet ta' skambju, konfrontazzjoni, tqabbil u ta' koordinazzjoni. Għalhekk, it-tqanqil tal-proċess ta’ din l-evalwazzjoni indipendenti ser jaqa’ f’idejn l-Unjoni Ewropea, filwaqt li jiġu rispettati l-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-prinċipji li jidhru fil-Protokoll mehmuż mat-Trattati riformati, b’definizzjoni kemm ta’ metodoloġija ta’ evalwazzjoni armonizzata fil-livell Ewropew, ibbażata fuq indikaturi komuni, kif ukoll tal-mezzi għat-tħaddim tagħha, permezz ta’ djalogu mar-rappreżentanti tal-partijiet interessati.

    3.5

    Fil-kuntest ta' dawn ir-riflessjonijiet dwar il-mod kif l-intrapriżi pubbliċi jistgħu jikkontribwixxu aktar għar-rilanċ ekonomiku u għall-kompetittività tal-Unjoni, il-KESE, f'diversi opinjonijiet, wera t-tħassib tiegħu dwar il-kwistjoni tas-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali Ewropej.

    3.6

    Fit-8 ta' Ottubru 2001 ġie stabbilit statut għal kumpaniji Ewropej. Dan l-istatut, li ilu jintuża mit-8 ta' Ottubru 2004, joffri l-possibbiltà lill-intrapriżi li joperaw f'diversi Stati Membri biex jissieħbu f'kumpanija waħda taħt il-liġi Ewropea u b'hekk japplikaw l-istess regoli: sistema unika ta' ġestjoni u tal-pubblikazzjoni tal-informazzjoni finanzjarja. Il-kumpaniji li jadottaw dan l-istatut b'hekk jevitaw li jkollhom jikkonformaw mal-leġislazzjoni nazzjonali ta' kull Stat Membru fejn ikollhom il-fergħat tagħhom, u għaldaqstant dan iwassal għal tnaqqis fl-ispejjeż amministrattivi tagħhom.

    3.7

    F'dan il-kuntest, jeħtieġ li tiġi analizzata l-implimentazzjoni ta' statut tal-intrapriża pubblika Ewropea, bħal dik li tnediet mill-Kummissjoni Ewropea fl-2011 fir-rigward ta' Galileo (3) li llum il-ġurnata hija "intrapriża pubblika Ewropea de facto".

    3.8

    B'mod partikolari jistgħu jiġu mmirati l-intrapriżi pubbliċi Ewropej għan-netwerks il-kbar tal-infrastruttura trans-Ewropea, li huma definiti bħala politika komuni fit-trattati, fir-rigward tal-enerġija jew it-trasport, b'kooperazzjoni mal-intrapriżi nazzjonali jew lokali f'dawn is-setturi sabiex jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet u l-kompetenzi l-ġodda li jinsabu fit-Trattat ta' Lisbona, b'mod partikolari fir-rigward tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-enerġija (Artikolu 194 tat-TFUE).

    3.9

    Fl-Opinjoni tiegħu dwar il-Green Paper – Lejn netwerk Ewropew ta’ enerġija sikura, sostenibbli u kompetittiva  (4), il-KESE esprima x-xewqa tiegħu li jsiru studji dwar kemm huwa f'waqtu u fattibbli li jinħoloq SIĠ Ewropew dwar l-enerġija għaċ-ċittadini, b’approċċ komuni f’termini ta’ prezz, fiskalità, regoli finanzjarji, sigurtà, kontinwità, żvilupp ekonomiku u preservazzjoni tal-klima.

    3.10

    F'din l-istess Green Paper il-Kummissjoni targumenta favur it-twaqqif ta’ operatur Ewropew tas-sistema ta’ trasportazzjoni tal-gass billi progressivament tinħoloq kumpanija indipendenti li tkun inkarigata mill-ġestjoni ta' netwerk uniku tat-trasport tal-gass fl-UE kollha.

    3.11

    Tali servizzi komunitarji, irrispettivament mill-istatus ta' min iwettaqhom (pubbliku, privat, sħubija pubblika-privata), jistgħu jikkontribwixxu valur miżjud f'oqsma essenzjali u multinazzjonali jew transnazzjonali bħas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, is-sigurtà tar-riżorsi tal-ilma, il-preservazzjoni tal-bijodiversità, iż-żamma tal-kwalità tal-arja, is-sigurtà interna u esterna, eċċ., peress li dawn is-servizzi jkunu jistgħu jitwettqu b'mod aktar effikaċi fil-livell Ewropew kif ukoll fil-livell nazzjonali u lokali.

    3.12

    F'dan il-kuntest, il-KESE huwa favur is-sħubijiet pubbliċi (l-Unjoni u l-Istati Membri) u privati sabiex tiżdied is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, u sabiex ikun hemm ġestjoni integrata tan-netwerks interkonnessi tal-enerġija (gass, elettriku, żejt). Iħeġġeġ ukoll l-iżvilupp tan-netwerk ta' turbini tar-riħ fuq il-baħar u l-konnessjoni tal-parks eoliċi man-netwerk fuq l-art – dan jista' jnaqqas b'mod sinifikanti l-ispejjeż tal-esplojtazzjoni u l-investiment u jħeġġeġ aktar l-investiment fi proġetti ġodda ta' netwerks (5).

    3.13

    Fil-qafas tal-kompetenzi ta’ kull Stat Membru, pereżempju fil-qasam tat-taħlita tal-enerġija, il-kwistjonijiet soċjali u dawk tas-soċjetà mqajma bil-ġestjoni u l-użu tar-riżorsi naturali, tal-enerġija nukleari, tat-tibdil fil-klima u tal-ġestjoni sostenibbli u tas-sigurtà, ma jiqfux fil-fruntieri tradizzjonali tal-Istati u l-uniku mod kif jiġu indirizzati b’mod sodisfaċenti huwa permezz ta’ kunċett Ewropew għall-interess ġenerali u s-servizzi xierqa.

    3.14

    Nistgħu wkoll nistaqsu dwar l-attivitajiet ekonomiċi tal-aġenziji eżekuttivi Ewropej.

    3.15

    Bħalissa jeżistu sitt aġenziji (6), li għall-perjodu 2007-2013 jinkludu programmi li jirrappreżentaw madwar EUR 28 biljun. Il-biċċa l-kbira ta' dawn il-programmi jikkonċernaw oqsma fejn l-UE għandha l-kompetenza li tappoġġja lill-Istati Membri.

    3.16

    Minn naħa, nistgħu nqisu dawn l-aġenziji eżekuttivi bħala forma ta' sottokuntrattar ta' ċerti funzjonijiet tal-Kummissjoni u għaldaqstant nistgħu nistaqsu kemm verament huma independenti, mentri min-naħa l-oħra l-missjonijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom iwasslu biex dawn jintervjenu direttament f'attivitajiet ekonomiċi u soċjali. Tbegħidna daqshekk mid-definizzjoni estensiva stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea tal-kunċett ta' attività ekonomika u ta' intrapriża?

    Brussell, 10 ta’ Lulju 2013.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Henri MALOSSE


    (1)  It-Trattati għandhom ikunu bla ebda preġudizzju għas-sistema ta' proprjetà fl-Istati Membri. L-Artikolu 345 tat-TFUE jispeċifika li l-UE hija newtrali rigward in-natura pubblika jew privata tal-azzjonisti tal-intrapriżi u ma taffettwax is-sistema ta' proprjetà tal-Istati Membri.

    (2)  ĠU C 162, 25.6.2008, p. 42.

    (3)  Impact assessment on the Proposal for a Regulation on further implementation of the European satellite navigation programme (2014-2020) [Valutazzjoni tal-impatt tal-Proposta għal Regolament dwar l-implimentazzjoni tal-programm Ewropew ta' navigazzjoni bis-satellita (2014-2020)] (SEC(2011)1446).

    (4)  ĠU C 306, 16.12.2009, p. 51.

    (5)  ĠU C 128, 18.5.2010, p. 65.

    (6)  L-Aġenzija Eżekuttiva tan-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-TEA), l-Aġenzija Eżekuttiva tal-Kunsill Ewropew għar-Riċerka (ERC), l-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka (REA), l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (EACI), l-Aġenzija Eżekuttiva għas-Saħħa u l-Konsumaturi (EAHC) u l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura (EACEA).


    Top