Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013XC0924(03)

    Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 50(2)(a), tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi ta’ kwalità għall-prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

    ĠU C 275, 24.9.2013, p. 15–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    24.9.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 275/15


    Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 50(2)(a), tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi ta’ kwalità għall-prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

    2013/C 275/06

    Din il-pubblikazzjoni tagħti d-dritt għal oġġezzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

    APPLIKAZZJONI GĦAL EMENDA

    IR-REGOLAMENT (KE) Nru 510/2006 TAL-KUNSILL

    dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u għall-oġġetti tal-ikel  (2)

    APPLIKAZZJONI GĦAL EMENDA SKONT L-ARTIKOLU 9

    “MELON DU HAUT-POITOU”

    Nru KE: FR-PGI-0105-0029-13.10.2011

    IĠP ( X ) DPO ( )

    1.   Intestatura fl-Ispeċifikazzjonijiet tal-prodott affettwata mill-emenda

    Isem il-prodott

    Deskrizzjoni tal-prodott

    Żona ġeografika

    Prova tal-oriġini

    Metodu ta’ produzzjoni

    Rabta

    Tikkettar

    Rekwiżiti nazzjonali

    Oħrajn [li għad iridu jiġu speċifikati]

    2.   Tip ta’ emenda/i

    Emenda tad-Dokument Uniku jew tas-Sommarju

    Emenda tal-Ispeċifikazzjonijiet tad-DPO jew tal-IĠP irreġistrati li għalihom ma ġie ppubblikat l-ebda Dokument Uniku jew Sommarju

    Emenda tal-Ispeċifikazzjonijiet li ma teħtieġ l-ebda emenda tad-Dokument Uniku ppubblikat (l-Artikolu 9(3), tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

    Emenda temporanja tal-ispeċifikazzjonijiet li tirriżulta mill-adozzjoni ta’ miżuri sanitarji jew fitosanitarji obbligatorji mill-awtoritajiet pubbliċi (l-Artikolu 9(4), tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

    3.   Emenda/i

    Il-grupp xtaq, wara aktar minn 13-il sena ta’ eżistenza tal-IĠP (R(KE) Nru 2784/98 tat-22 ta’Diċembru 1998), kemm li jaġġorna u jadatta l-ispeċifikazzjonijiet għal-leġiżlazzjoni nazzjonali, kif ukoll li jsaħħaħ ir-rabta mat-territorju tal-IĠP, b’mod partikolari permezz tal-kitba mill-ġdid ta’ ċerti punti ewlenin fosthom iż-żona ġeografika, ir-reġistrazzjoni u l-monitoraġġ tal-varjetajiet, il-kundizzjonijiet ta’ tħawwil u ħsad bl-idejn u l-kundizzjonijiet ta’ klassifikazzjoni tal-prodott.

    3.1.   Deskrizzjoni tal-prodott

    Il-piż massimu tal-“Melon du Haut-Poitou” żdied minn 1 200 g għal 1 350 g minħabba l-iżvilupp fl-iskala tad-daqsijiet stabbilita fuq livell interprofessjonali fil-qasam tal-frott u l-ħaxix frisk fi Franza; il-konsiderazzjoni ta’ daqs xi ftit akbar m’għandhiex xi effett partikolari fuq il-karatteristiċi tal-“Melon du Haut-Poitou” li diġà kienet allinjata fuq l-iskala preċedenti b’1 200 g.

    Il-kulur tal-qoxra tal-bettieħa wkoll ġie ppreċiżat sabiex jiddeskrivi aħjar l-istat ta’ maturità tal-bettieħa maqtugħa.

    It-tolleranza inizjali ta’ ċertu persentaġġ ta’ laħam artab tneħħiet, peress li kwalunkwe bettieħa li jkollha laħam artab mhijiex sejra tibqa’ tgawdi mill-IĠP.

    Żdied punt ġdid li jikkonsisti f’deskrizzjoni organolettika tal-prodott IĠP, riżultat ta’ tidwiq regolari li l-grupp ilu jagħmel għal aktar minn għaxar snin.

    Il-metodi ta’ ppakkjar huma speċifikati: il-bettieħ jinbiegħ sħiħ u ppakkjat fi trejs b’kompartimenti individwali jew ippakkjat waħda waħda sabiex tinżamm il-kwalità tiegħu.

    Żdied ukoll il-kunċett tal-omoġenjità tal-lottijiet ta’ bettieħ: “Il-lott ta’ bettieħ ippakkjat għandu kwalità, forma u dehra omoġenji bħal dawk tal-bettieħ sostanzjalment fl-istess stat ta’ żvilupp, ta’ maturità u ta’ lewn.”

    3.2.   Żona ġeografika

    Id-deskrizzjoni inizjali taż-żona skont id-distretti tneħħiet u minflokha hemm lista aktar dettaljata u ċara tal-muniċipalitajiet ikkonċernati; id-dettalji tal-operazzjonijiet li jseħħu fiż-żona tneħħew ukoll.

    L-applikazzjoni tinkludi estensjoni prinċipalment limitata għat-tramuntana u l-grigal taż-żona attwali tal-IĠP, rispettivament fid-dipartiment ta’ Maine-et-Loire (għall-muniċipalitajiet ta’ Dénezé-sous-Doué, Louresse-Rochemenier, Les Verchers-sur-Layon) u fid-dipartiment tal-Indre-et-Loire (għall-muniċipalitajiet ta’ Assay, Braslou, Chaveignes, Courcoué, La Tour-Saint-Gélin, Léméré, Luzé, Marigny-Marmande, Razines, Verneuil-le-Château, Antogny–le-Tillac, Marcilly-sur-Vienne, Pussigny, Anché, Brizay, Chezelles, Rilly-sur-Vienne, Sazilly, Tavant, Theneuil).

    L-applikazzjoni tinkludi wkoll tiċkin fil-lvant u fin-nofsinhar taż-żona attwali tal-IĠP b’mod partikolari fid-dipartiment ta’ Vienne (Port-de-Piles, Buxeuil, Saint-Remy-sur-Creuse, Leugny, Oyré, Saint-Sauveur, Senillé, Saint-Cyr, Dissay, Saint-Georges-les-Baillargeaux, Montamisé, Buxerolles, Biard, Poitiers u Mignaloux-Beauvoir), kif ukoll xi korrezzjonijiet materjali meta mqabbla maż-żona rreġistrata fl-1995 (ommissjoni/żieda tal-muniċipalitajiet ta’ Assay u ta’ Beaumont fil-kontinwità taż-żona).

    Din l-applikazzjoni ġiet studjata minn qabel sabiex jinżammu l-fatturi tar-rabta mal-oriġini kif definiti għal din l-IĠP. Il-muniċipalitajiet kollha li ġew miżjuda jmissu mal-konfini jew jinsabu fl-estensjoni taż-żona attwali. Huma kollha għandhom ħamrija taflija u kalkarea kif meħtieġ fl-ispeċifikazzjonijiet.

    Id-deskrizzjoni ġdida tar-rabta mal-oriġini serviet biex ikunu ċċarati aktar il-limiti naturali lejn il-lvant taż-żona ġeografika tal-“Melon du Haut-Poitou”. Ma baqgħux jissemmew l-widien ta’ Thouet, Vienne u Clain iżda x-xmajjar: il-Loire fin-naħa ta’ Anjou, u l-Vienne fin-naħa ta’ Tours. Barra minn hekk, ġie stabbilit li ċerti żoni fil-lvant u fin-nofsinhar taż-żona attwali, ftit li xejn għandhom x'jaqsmu maż-żoni ta' koltivazzjoni tradizzjonali tal-“Melon du Haut-Poitou”: miksija l-aktar b’għoljiet ta’ madwar 100-130 metru, li jħarsu fuq pjanuri miftuħa ħafna li jintemmu f’mergħat jew spiss boskijet l-aktar tas-siġar tal-luq. Saret applikazzjoni għat-tnaqqis taż-żona biex jiġu esklużi dawn iż-żoni. Ta’ min jinnota li għadd ta’ muniċipalitajiet li jinsabu f’dawn iż-żoni ma kellhomx produzzjoni skont it-tradizzjoni minn meta ġiet rikonoxxuta l-IĠP.

    3.3.   Metodu ta’ produzzjoni

    —   għażla ta’ varjetajiet:

    Il-proċedura u l-kriterji tal-għażla tal-varjetajiet il-ġodda tal-bettieħ bl-IĠP “Melon du Haut-Poitou” ġew speċifikati:

    dawn il-kriterji huma kemm kriterji tekniċi (fosthom il-potenzjal ta’ produzzjoni, il-prekoċità, it-tul taċ-ċiklu, il-faċilità tal-ġbir, ir-reżistenza/it-tolleranza għall-mard) kif ukoll kriterji ta’ kwalità intrinsika tal-prodott (fosthom il-kontenut ta’ zokkor (IR), l-ebusija, il-kontroll ta’ laħam artab, il-kulur tal-laħam),

    il-proċedura tal-għażla tal-varjetajiet issir f’żewġ stadji: 1/il-verifika tal-kriterji tekniċi f'żewġ esperimenti fuq ħamrija taflija u kalkarea fiż-żona ġeografika, bir-riżultati ta’ dawn il-provi jiġu soġġetti għall-opinjoni tal-grupp; 2/il-monitoraġġ regolari tal-prodott b’tidwiq waqt il-kampanja ta' sperimentazzjoni minn kumitat ta’ dewwieqa magħmula b’mod partikolari minn konsumaturi, persuni li kienu attivi fl-agrikultura u sidien ta’ ristoranti, filwaqt li jitħallew barra l-operaturi tal-IĠP. Fuq il-bażi tal-opinjoni finali ta’ dan il-kumitat fl-aħħar tal-kampanja, il-grupp jiddeċiedi jekk jintroduċix varjetà ġdida fil-lista ta’ varjetajiet bl-IĠP.

    Issa din il-proċedura sejra tinkludi wkoll il-monitoraġġ u l-esklużjoni possibbli ta’ varjetajiet awtorizzati:

    il-kumitat ta’ dewwieqa msemmi hawn fuq jista’ fil-fatt jagħti opinjoni kuntrarja fi tmiem il-kampanja rigward varjetajiet attwalment prodotti taħt l-IĠP, minħabba li ma jibqgħux jikkorrispondu għall-karatteristiċi mixtieqa u għat-tip “Melon du Haut-Poitou”,

    fuq il-bażi ta’ din l-opinjoni il-grupp imbagħad jiddeċiedi li jeskludi dik il-varjetà partikolari mil-lista tal-varjetajiet taħt l-IĠP.

    —   żriegħ – ħdim tal-ħamrija:

    Il-konsolidazzjoni ta’ din il-parti tiċċara d-diversi modi ta’ żriegħ u l-perjodi ta’ tħawwil tal-bettieħ: jew permezz ta’ tħawwil dirett, jew biż-żriegħ temporanju fis-serra qabel it-tħawwil (f’tubi ta’ ħamrija, tubi iżgħar jew kontenituri żgħar). Barra minn hekk, iż-żmien minimu jew massimu ta’ kemm iddum iż-żerriegħa fis-serra kien aġġustat ftit (mill-inqas ħamest ijiem fiż-żewġ każijiet) skont prattiċi osservati għal diversi snin.

    —   tħawwil:

    Huwa mfakkar u speċifikat li t-tħawwil isir bl-idejn.

    L-iskadenzi għat-tneħħija tal-inċirati jew tat-tined ta’ protezzjoni tax-xtieli żgħar huma aġġustati skont il-kundizzjonijiet tat-temp osservati f’dawn l-aħħar snin (b’kont meħud tas-snin b’temp ħażin: ġlata tard li qabel kienet kważi ineżistenti u issa saret possibbiltà, perjodu ta’ kesħa itwal li jibqa’ dieħel fir-rebbiegħa…). L-iskadenza għat-tqegħid tat-tined ta’ protezzjoni jew tal-inċirati (15 u 20 ta’ Mejju) tneħħiet għall-istess raġunijiet.

    —   kundizzjonijiet tal-ħsad u tal-għażla tal-frott:

     

    Rigward il-metodi partikolari tal-ħsad, id-data tal-bidu tal-ħsad tal-bettieħ IĠP tressqet għall-1 ta’ Lulju minħabba l-kundizzjonijiet tat-temp li spiss kienu qegħdin ikunu osservati għal diversi snin.

     

    Huwa mfakkar u ċċarat li l-ħsad isir bl-idejn f’diversi passaġġi suċċessivi fl-għelieqi, l-ewwel passaġġ ma jistax jintuża għall-produzzjoni tal-bettieħ tal-IĠP. Peress li l-projbizzjoni fuq l-aħħar żewġ passaġġi ma kinitx meqjusa sodisfaċenti mil-lat ta’ kontroll, din tneħħiet u minflokha għandha ssir osservazzjoni speċifika ta’ dawn l-aħħar lottijiet waqt il-klassifikazzjoni (ara l-punt li jmiss).

     

    Id-dispożizzjonijiet ta’ kuljum rigward temperatura massima u skadenza ta’ ħin tneħħew għaliex ma tqisux sodisfaċenti mil-lat ta’ kontroll. Billi l-varjetajiet magħżula “melon charentais” tat-tip cantaloupe qegħdin jiġu mġedda, illum dawn huma tat-tip “bil-flieli”, “tax-xibka”, bil-qoxra ħoxna, aktar reżistenti għas-sħana, għall-kesħa u għad-daqqiet, li m’għadux jiġġustifika miżuri bħal dawn ta’ kontroll ta’ kuljum.

     

    Il-metodi tal-ħsad huma speċifikati f’dak li jirrigwarda d-daqsijiet massimi tal-kaxxi jew tal-kontenituri għall-ħsad u l-projbizzjoni tal-użu tal-karrijiet minflok il-kaxex jew il-kontenituri. Dawn it-termini għandhom l-għan li jipprevjenu li l-frott jaqa’ u li jżomm il-kwalità tiegħu.

     

    Rigward l-għażla tal-frott fuq il-pjanta waqt il-ħsad, dan il-punt inkiteb mill-ġdid sabiex jiġu ċċarati l-kriterji osservati u segwiti mill-produtturi sabiex jiddeterminaw l-istadju ottimali ta’ maturità tal-bettieħ li għandhom jinġabru fl-IĠP. B’hekk, għalqa tidħol għall-ħsad meta skont il-varjetà kkunsidrata (bikrija, semi-bikrija, staġjonali), il-produttur jinnota l-preżenza ta’ mill-inqas wieħed mill-kriterji ta’ maturità msemmija fl-ispeċifikazzjonijiet (tibdil tal-qoxra fl-isfar, sfura tal-weraq jew id-distakk taz-zokk).

     

    Il-medja tal-produzzjoni massima għal kull azjenda mogħtija fl-ispeċifikazzjonijiet ġiet speċifikata sabiex jiġu individwati l-artijiet tajbin għall-IĠP u li jiġu effettivament imħawla bil-varjetajiet adattati għall-IĠP biss. Hija ġiet aġġustata ukoll (minn 10 t/ha għal 12 t/ha) sabiex jiġu kkunsidrati kemm il-produzzjonijiet effettivament osservati fis-snin reċenti, speċjalment matul l-aqwa staġuni, kif ukoll il-progress li sar fuq il-varjetajiet ġodda ta’ bettieħ.

    —   Wasla/Għażla/kalibrazzjoni/tqegħid fit-trejs tal-frott u klassifikazzjoni tal-frott:

    Mal-wasla tiegħu, il-bettieħ m’għadux jinħasel b’mod sistematiku. Il-ħasil huwa utli biss meta l-frott ikun maħmuġ kemm jekk ikun għall-IĠP kif ukoll jekk le. Din id-dispożizzjoni mhux speċifika għaldaqstant tneħħiet mill-ispeċifikazzjonijiet.

    Il-kundizzjonijiet tal-għażla u tal-kalibrazzjoni tal-betttieħ huma speċifikati billi ġew espressament marbuta mal-karatteristiċi fiżiċi tal-“Melon du Haut-Poitou” (Parti 4 deskrizzjoni tal-prodott).

    Il-kundizzjonijiet għall-klassifikazzjoni tal-frott ġew ukoll speċifikati billi ġew espressament marbuta mal-karatteristiċi l-oħrajn tal-“Melon du Haut-Poitou” fil-parti 4 Deskrizzjoni tal-prodott: varjetà, karatteristika fiżika (nuqqas ta’ laħam mifqugħ), kimiċi (kontenut ta’ zokkor), ippakkjar uniformi.

    Fl-aħħar nett, ġie miżjud punt speċifiku relatat ma’ tmiem il-ħsad tal-“Melon du Haut-Poitou”, minflok ir-regola li tħassret li tipprojbixxi l-aħħar żewġ passaġġi (ara l-punt preċedenti). Meta l-ħsad ikun avvanzat sew, il-produtturi u l-produtturi kunsinnaturi għandhom jiddeterminaw tmiem il-ħsad ta’ biċċa art bl-IĠP meta jaraw effettivament waqt il-klassifikazzjoni tal-lottijiet wieħed minn dawn il-kriterji: il-frott ikollu forma, kulur u/jew kwalità interna omoġenji, jew il-preżenza ta’ frott inqas rappreżentattiv tal-varjetà kkunsidrata.

    —   Ippakkjar, ħażna tal-betttieħ:

    L-ippakkjar tal-“Melons du Haut-Poitou”, jiġifieri t-tħejjija adegwata tal-prodott bir-regoli speċifiċi tiegħu ta’ għażla, kalibrazzjoni u klassifikazzjoni, l-ippakkjar limitat speċifikat hawn taħt u l-obbligu li titqiegħed stiker individwali fuq kull bettieħa, issir minnufih wara l-ħsad direttament mill-produtturi-kunsinnaturi jew mill-kunsinnaturi fuq talba tal-produtturi li ma jkunux kunsinnaturi. Dan għandu jsir fiż-żona ġeografika sabiex jiġu ppreservati l-karatteristiċi kwalitattivi tal-frott bħal maturità perfetta, id-dehra, l-integrità u l-omoġenjità tal-prodotti u l-freskezza tagħhom u b’hekk tkun evitata kull manipulazzjoni oħra jew riskji ta’ ħsara waqt it-trasport filwaqt li tkun żgurata wkoll it-traċċabbiltà meħtieġa fid-diversi stadji ta’ bejgħ tal-bettieħ.

    Din it-taqsima tispeċifika wkoll it-tipi ta’ ppakkjar kif definiti fil-parti tad-deskrizzjoni tal-prodott: il-bettieħ jiġi ppakkjat skont il-kategorija tal-kalibru fi trejs b’kompartimenti individwali jew ippakkjat waħda waħda; in-numru massimu ta’ bettieħ għal kull trej ġie aġġustat (15 minflok 16) u d-daqs ta’ 16 m’għadux jeżisti.

    Il-perjodu massimu bejn il-ħsad u l-ippakkjar (sitt sigħat) tneħħa u minfloku tnaqqas iż-żmien totali mill-mument tal-ħsad sa dak tal-kunsinna (48 siegħa minflok Formula siegħa kif kien qabel).

    3.4.   Tikkettar

    Dan il-kapitolu ġie speċifikat aktar f’dak li jirrigwarda l-informazzjoni addizzjonali li għandha tidher fuq il-prodott IĠP (stiker individwali fuq kull bettieħa u twaħħil tal-logo tal-grupp).

    3.5.   Rekwiżiti nazzjonali

    Rigward il-bidliet leġiżlattivi u regolatorji nazzjonali, il-parti “Rekwiżiti nazzjonali” ġiet ippreżentata fil-forma ta’ tabella tal-punti prinċipali li għandhom ikunu kkontrollati, il-valuri ta’ referenza tagħhom u l-metodu ta’ valutazzjoni tagħhom.

    DOKUMENT UNIKU

    IR-REGOLAMENT (KE) Nru 510/2006 TAL-KUNSILL

    dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u għall-oġġetti tal-ikel  (3)

    “MELON DU HAUT-POITOU”

    Nru KE: FR-PGI-0105-0029-13.10.2011

    IĠP ( X ) DPO ( )

    1.   Isem

    “Melon du Haut-Poitou”

    2.   Stat membru jew pajjiż terz

    Franza

    3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

    3.1.   Tip ta’ prodott

    Klassi 1.6:

    Frott, ħxejjex u ċereali friski jew ipproċessati

    3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem fil-punt 1

    Il-“Melon du Haut-Poitou” hija bettieħa tat-tip Charentais safra. Il-frotta hija tonda bil-flieli viżibbli sew u qoxra ġeneralment miksija b’vini xi ftit jew wisq ħoxnin skont il-varjetà. Hija għandha dawn il-karatteristiċi li ġejjin:

    Dehra: sħiħa, nadifa, mingħajr umdità fuq barra jew traċċi ta’ prodotti ta’ trattament, b’saħħitha, jiġifieri mhux attakkata mill-insettti jew mard u bla difetti kbar li jistgħu jaffettwaw it-togħma jew id-dehra tagħha: deformazzjoni, daqqiet, tbajja’ ta’ kulur,

    Piż: bejn minimu ta’ 550 g u massimu ta’ 1 350 g,

    Il-lewn tal-qoxra: aħdar jagħti kemmxejn fl-isfar sa isfar għal kollox,

    Nuqqas ta’ laħam artab,

    Kontenut ta’ zokkor imkejjel skont l-indiċi refrattiv (IR) daqs 12° Brix jew ogħla.

    Il-Melon du Haut-Poitou hija kkaratterizzata minn togħma ħelwa u aromi qawwija. Meta tingidem hija iebsa u mmerqa ħafna u fl-istess ħin iddub fil-ħalq. Il-kulur tagħha huwa oranġjo pjuttost skur.

    3.3.   Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

    3.4.   Għalf għall-annimali (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss)

    3.5.   Stadji speċifiċi tal-produzzjoni li għandhom iseħħu fiż-żona ġeografika delimitata

    Ix-xogħol kollu ta’ produzzjoni għandu jsir fiż-żona ġeografika.

    3.6.   Regoli speċifiċi applikabbli għat-tqattigħ, għall-ħakk, għall-ippakkjar, eċċ.

    L-ippakkjar tal-“Melons du Haut-Poitou”, jiġifieri t-tħejjija xierqa tal-prodott bir-regoli speċifiċi tiegħu ta’ għażla, kalibrazzjoni u klassifikar, l-ippakkjar limitat magħżul speċifikat hawn taħt u l-obbligu li titqiegħed stiker individwali fuq kull bettieħa, isir minnufih wara l-ħsad direttament mill-produtturi-kunsinnaturi jew mill-kunsinnaturi fuq talba tal-produtturi li ma jkunux kunsinnaturi. Dan għandu jsir fiż-żona ġeografika sabiex jiġu ppreservati l-karatteristiċi kwalitattivi tal-frott bħal maturità perfetta, id-dehra, l-integrità u l-omoġenjità tal-prodotti u l-freskezza tagħhom u b’hekk tkun evitata kull manipulazzjoni oħra jew riskji ta’ ħsara waqt it-trasport filwaqt li tkun żgurata wkoll it-traċċabbiltà meħtieġa fid-diversi stadji ta’ bejgħ tal-bettieħ.

    Barra minn hekk, il-bettieħ jiġi ppakkjat skont il-kategorija tal-kalibru fi trejs b’kompartimenti individwali jew ippakkjat waħda waħda; in-numru massimu ta’ bettieħ f’kull trej huwa ta’ 15.

    Il-prejodu totali li għandu jkun irrispettat bejn il-ħsad u l-kunsinna huwa ta’ 48 siegħa.

    3.7.   Regoli speċifiċi għat-tikkettar

    It-tikketta tal-prodott IĠP “Melon du Haut-Poitou” tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

    l-isem tal-prodott: “Melon du Haut-Poitou”,

    il-kliem “indication géographique protégée” u l-logo IĠP tal-Unjoni Ewropea,

    stiker individwali bil-logo “Melon du Haut-Poitou” fuq kull frotta.

    4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

    Iż-żona ġeografika tal-“Melon du Haut-Poitou” tinsab bejn il-fruntieri naturali li fit-tramuntana huma ż-żona tal-baċin Pariġin li tmiss mal-għoljiet tal-muntanji Armorikani, fin-nofsinhar ix-xmara Auxances, u fil-punent u fil-lvant ix-xmajjar ta’ Thouet, u ta’ Vienne.

    Skont dawn il-fruntieri naturali, din iż-żona ġeografika testendi għal kull dipartiment ikkonċernat fuq id-distretti li ġejjin:

    Maine-et-Loire (49): Saumur sud, Montreuil- Bellay, Doué-la-Fontaine,

    Indre-et-Loire (37): Sainte-Maure-de-Touraine, Richelieu, L’Ile-Bouchard, Chinon,

    Deux-Sèvres (79): Airvault, Argenton-les-Vallées, l-ewwel distrett ta’ Thouars, it-tieni distrett ta’ Thouars, St-Varent,

    Vienne (86): Châtellerault-nord, Châtellerault-sud, Châtellerault-Ouest, Dangé-Saint-Romain, Saint-Gervais-les-trois-clochers, Lencloître, Mirebeau, Trois-Moutiers, l-ewwel distrett ta’ Poitiers, is-seba’ distrett ta’ Poitiers, Vouneuil-sur-Vienne, Loudun, Neuville-de-Poitou, Saint-Georges-lès-Baillargeaux, Moncontour, Monts-sur-Guesnes, Vouillé.

    Il-muniċipalitajiet f’dawn id-distretti li jiffurmaw iż-żona ġeografika tal-“Melon du Haut-Poitou” huma elenkati b’mod aktar preċiż fl-ispeċifikazzjonijiet.

    5.   Rabta maż-żona ġeografika

    5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika

    Iż-żona ġeografika tal-“Melon du Haut-Poitou” testendi fuq it-territorju tal-muniċipalitajiet tad-dipartimenti ta’ Vienne, tal-grigal ta’ Deux-Sèvres, tan-nofsinhar kemm ta’ Maine-et-Loire kif ukoll ta’ Indre-et-Loire.

    Il-produzzjoni tal-bettieħ f’dawn is-setturi ssir esklussivament f’ħamrija taflija u kalkarea. Din il-ħamrija mimlija ossiġnu hija omoġenja u b’saħħitha, fornuta sew b’nutrijenti u b’riservi tajbin ta’ ilma li jinġabar matul ix-xitwa. Hija ideali għat-tkabbir tal-bettieħ.

    L-“Haut-Poitou” huwa ġeneralment magħruf f’termini ta’ klima bħala reġjun sħun u xott, partikolarità msaħħa bil-karatteristiċi tal-ħamrija, li spiss tkun xotta. It-temperatura medja annwali hija pjuttost għolja (sħuna fis-sajf, mhux ħarxa fix-xitwa) u hija relattivament regolari matul is-sena kollha. Għalkemm ix-xita mhijiex regolari, l-abbiltà tal-ħamrija li taħżen l-ilma tax-xita tpatti għal dawn l-irregolaritajiet.

    Iż-żona ġeografika tal-“Melon du Haut-Poitou” hija reġjun ta’ produzzjoni antika tal-bettieħ.

    L-iżvilupp kbir tal-produzzjoni għen sabiex jinbidlu t-tekniki agrikoli u b’mod partikolari dawk qrib il-fażi aħħarija tal-produzzjoni fejn jiġu mmonitorjati aħjar il-bidliet kwantitattivi u kwalitattivi tal-varjetajiet tal-bettieħ prodott, permezz ta’ provi fl-għelieqi u tidwiq regolari tal-prodotti f’kull staġun. Il-ġbir ta’ dejta teknika u sensorjali għen għalhekk l-iżvilupp ta’ varjetajiet ta’ kwalità li llum huma magħrufa f’“Haut-Poitou”.

    5.2.   Speċifiċità tal-prodott

    Il-“Melon du Haut-Poitou” hija bettieħa tat-tip Charentais safra. Il-frotta hija tonda bil-flieli viżibbli sew, għandha qoxra safranija meta tkun saret u ġeneralment tkun miksija b’vini xi ftit jew wisq ħoxnin skont il-varjetà. Il-piż tagħha huwa bejn minimu ta’ 550 g u massimu ta’ 1 350 g, il-kontenut ta’ zokkor tagħha huwa ta’ 12°Brix jew aktar. Laħamha ma jkunx artab.

    Il-“Melon du Haut-Poitou” hija definita bħala bettieħa ħelwa ħafna, b'aromi qawwija. Meta tingidem hija iebsa u mmerqa ħafna u fl-istess ħin iddub fil-ħalq. Il-kulur tagħha huwa oranġjo pjuttost skur.

    Il-bettieħ ta’ Haut-Poitou għandhom fama antika kif jixhed artiklu minn “La vie Loudunaise”: mill-1896, waqt is-suq tradizzjonali ta’ Pitié, id-Dekan kien jirriserva postijiet b’xejn taħt il-bażilika lill-bejjiegħa tal-frott ta’ Guesnes: “Il-pellegrini kienu jieklu l-bettieħ fuq il-ħaxix, x’ma jħobbuhomx!”.

    Il-poplu Franċiż illum għad għandu għall-qalbu ħafna l-bettieħ tat-tip cantaloupe ta’ Charente li ġej minn “Haut-Poitou”. Il-kwalità għolja ta’ dawn il-prodotti twassal għalhekk biex tidderieġi lill-“Melons du Haut-Poitou” lejn swieq prestiġjużi bħall-ħwienet lussużi li jbiegħu ikel fin bħal Fauchon u Hédiard, sidien ta’ ristoranti kbar bħal Robuchon jew stabbilimenti oħrajn magħrufa f’Pariġi bħar-Ritz jew il-Georges V.

    5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew kwalità, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra speċifiċi tal-prodott (għall-IĠP)

    Il-“Melon du Haut-Poitou” sab, fil-Baċin ta’ “Haut-Poitou”, reġjun ta’ produzzjoni privileġġjat ħafna adattat għall-maturità tardiva tagħha u l-ħtiġijiet ta’ nutrijenti tagħha.

    L-istruttura bbilanċjata u l-ossiġnu li fiha l-ħamrija taflija u kalkarea jgħinu t-trasformazzjoni tal-materjal organiku f’nutrijenti meħtieġa għan-nutrizzjoni tajba tal-pjanta u għal-ħtiġijiet ta’ minerali tal-bettieħ.

    Il-fattur kalkareu attiv, faċilment assimilat mill-pjanta, jgħin billi jinġema’ fit-tessuti ċellulari fl-ebusija ta’ dawn tal-aħħar u għalhekk jagħti lill-bettieħa ebusija u fermezza tajba, reżistenza għad-daqqiet lill-qoxra u reżistenza għall-fenomenu ta’ rtubija.

    It-tisħin gradwali tal-ħamrija minħabba l-kontenut tajjeb ta’ tafal li fiha, kif ukoll ir-riservi ta’ ilma li jinġabar matul ix-xitwa, joffru lill-“Melon du Haut-Poitou” il-kundizzjonijiet kollha għal żvilupp regolari tal-pjanta mingħajr nuqqas ta’ ilma u ħsad tard tal-bettieħ meta jkun sar għal kollox.

    Grazzi għall-mikroklima eċċezzjonali (temperatura medja pjuttost għolja u regolari s-sena kollha) u għall-ħamrija taflija u kalkarea, wieħed jinnota malajr ħafna dan il-bettieħ ta’ kwalità, ferm ħelu b’togħma qawwija u kwalitajiet ta’ togħmiet magħrufa, iqarmeċ mal-gidma, ferm immerraq u jinħall fil-ħalq.

    Din il-kwalità speċifika hija riflessa fil-monitoraġġ organolettiku tal-bettieħ implimentat mill-1995 li, flimkien mar-riċerka ta’ varjetajiet ġodda, għen sabiex jintgħażlu l-varjetajiet li jikkonformaw mal-karatteristiċi proprji tal-prodott u b’hekk jikkonfermaw l-appartenenza tagħhom għat-tip “Melon du Haut-Poitou”.

    In-natura partikolari tal-ħamrija, l-effett tal-klima, u l-isforzi kontinwi tal-produtturi wasslu sabiex il-“Melon du Haut-Poitou” tikseb fama assikurata fost il-konsumaturi u diversi professjonisti involuti fil-qasam (sidien ta’ ristoranti, ħwienet lussużi li jbiegħu ikel fin iżda wkoll ditti ta’ distribuzzjoni wiesgħa), li jirrifletti wkoll l-importanza ekonomika kbira ta’ din il-produzzjoni fil-livell lokali.

    Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni

    (L-Artikolu 5(7), tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 (4))

    https://www.inao.gouv.fr/fichier/CDCIGPMelonDuHautPoitouV2.pdf


    (1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

    (2)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12. Issostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

    (3)  Sostitwit mir-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

    (4)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna nru 3.


    Top