EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013XC0808(02)

Abbozz Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru …/… tas- 17 ta’ Lulju 2013 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar l-għajnuna de minimis Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU C 229, 8.8.2013, p. 1–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Please be aware that this draft act does not constitute the final position of the institution.

8.8.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 229/1


ABBOZZ REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru …/…

tas-17 ta’ Lulju 2013

dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar l-għajnuna de minimis

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2013/C 229/02

IL-KUMMISSJONI EWROPEA

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 108(4) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 tas-7 ta' Mejju 1998 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għal ċertu kategoriji ta' għajnuna Statali orizzontali (1),

Wara li ppubblikat abbozz ta’ dan ir-Regolament (2),

Wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv dwar l-għajnuna mill-Istat,

Billi:

(1)

Il-finanzjament mill-Istat li jissodisfa l-kriterji tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“it-Trattat”) jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u jeħtieġ jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108(3) tat-Trattat. Madankollu, skont l-Artikolu 109 tat-Trattat, il-Kunsill jista’ jiddetermina x’inhuma l-kategoriji tal-għajnuna li huma eżentati minn dan ir-rekwiżit ta’ notifika. Skont l-Artikolu 108(4) tat-Trattat il-Kummissjoni tista’ tadotta regolamenti dwar dawn il-kategoriji ta’ għajnuna mill-Istat. Bis-saħħa tar-Regolament (KE) Nru 994/98 il-Kunsill iddeċieda, f’konformità mal-Artikolu 109 tat-Trattat, li għajnuna de minimis tista’ tikkostitwixxi kategorija bħal din. Fuq dik il-bażi, għajnuna de minimis, għajnuna mogħtija għall-istess impriża matul perjodu partikolari ta’ żmien li ma taqbiżx ċertu ammont fiss, hija meqjusa li ma tkunx tissodisfa l-kriterji kollha stipulati fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat u għalhekk mhix soġġetta għall-proċedura ta’ notifika.

(2)

Il-Kummissjoni, f’għadd kbir ta’ deċiżjonijiet, ikkjarifikat il-kunċett ta’ għajnuna skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. Il-Kummissjoni stqarret il-politika tagħha dwar limitu massimu de minimis, li skont l-Artikolu 107(1) tista’ titqies li ma tapplikax, għall-ewwel fl-avviż tagħha dwar ir-regola de minimis għall-għajnuna mill-Istat (3) u sussegwentement fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 69/2001 (4) u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1998/2006 (5). Fid-dawl tal-esperjenza miksuba bl-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1998/2006, jidher li jkun xieraq li jiġu riveduti xi wħud mill-kundizzjonijiet stipulati f'dak ir-Regolament u li dan jinbidel.

(3)

Huwa xieraq li jinżamm il-limitu massimu ta’ EUR 200 000 għall-ammont ta’ għajnuna de minimis li kull impriża tista’ tirċievi għal kull Stat Membru matul kwalunkwe perjodu ta’ tliet snin. Dak il-limitu jibqa’ meħtieġ sabiex jiżgura li kwalunkwe miżura li taqa' skont dan ir-Regolament ma jkollha l-ebda effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u/jew ma tfixkilx jew ma tkunx ta' theddida li tfixkel il-kompetizzjoni.

(4)

Għall-finijiet tar-regoli dwar il-kompetizzjoni stabbiliti fit-Trattat u għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament impriża hi entità involuta f’attività ekonomika, irrispettivament mill-istatus legali u mill-mod ta’ kif hija ffinanzjata (6). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li entitajiet li huma kkontrollati (fuq bażi legali jew fuq bażi de facto) mill-istess entità għandhom jitqiesu bħala impriża waħda (7). Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv, dan ir-Regolament għandu jipprovdi lista eżawrjenti ta’ kriterji ċari biex jiġi ddeterminat meta żewġ entitajiet jew aktar għandhom jitqiesu bħala impriża waħda. Il-Kummissjoni għażlet minn kriterji stabbiliti sew li jiddefinixxu “impriżi relatati” fid-definizzjoni ta’ SME fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 800/2008) (8) dawk il-kriterji li huma xierqa għall-iskop ta’ dan ir-Regolament. Dawk il-kriterji huma diġà familjari għal awtoritajiet pubbliċi u għandhom ikunu applikabbli, minħabba l-kamp ta' applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, lill-SMEs kif ukoll lill-impriżi l-kbar.

(5)

Sabiex jittieħed kont tad-daqs medju tal-impriżi ta’ daqs żgħir attivi fis-settur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq, huwa xieraq li jiġu stabbiliti l-limiti massimi għal EUR 100 000 għal impriżi li jwettqu trasport tal-merkanzija bit-triq għall-kiri u l-ħlas. Il-forniment ta’ servizz integrat fejn it-trasport attwali huwa biss element wieħed, bħal servizzi ta' rilokazzjoni, dawk postali jew servizzi ta' kurrier jew ġbir ta' skart u servizzi tal-ipproċessar, ma għandux jiġi kkunsidrat bħala servizz ta' trasport. Minħabba l-produzzjoni żejda fis-settur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq u l-għanijiet tal-politika tat-trasport rigward il-konġestjoni tat-toroq u t-trasport tal-merkanzija, għajnuna għall-akkwist ta’ vetturi għat-trasport tal-merkanzija bit-triq minn impriżi li jwettqu trasport tal-merkanzija bit-triq għal kiri u bi ħlas għandhom ikunu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Fid-dawl tal-iżvilupp fis-settur tat-trasport bit-triq tal-passiġġieri, ma għadux xieraq li japplika limitu massimu aktar baxx għal dan is-settur.

(6)

Minħabba r-regoli speċjali li japplikaw fis-setturi tal-produzzjoni primarja tal-prodotti agrikoli, is-sajd u l-akwakultura u r-riskju li ammonti iżgħar ta’ għajnuna minn dawk stipulati f’dan ir-Regolament jistgħu jissodisfaw il-kriterji tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat f’dawk is-setturi, dan ir-Regolament ma għandux japplika għal dawk is-setturi.

(7)

Meta jitqies ix-xebh bejn l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli, fuq naħa waħda, u ta’ prodotti mhux agrikoli fuq in-naħa l-oħra, dan ir-Regolament għandu japplika għall-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli, sakemm jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet. F’dan ir-rigward, la l-attivitajiet meħtieġa li jsiru fl-irziezet biex il-prodott jitħejja biex jinbiegħ għall-ewwel darba, bħall-ħsad, il-qtugħ u d-dris taċ-ċereali, jew l-ippakkjar tal-bajd, u lanqas l-ewwel bejgħ lill-pitkali jew lil min jipproċessa l-prodott ma għandhom jitqiesu bħala pproċessar jew kummerċjalizzazzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet (9) li, ladarba l-Unjoni lleġiżlat favur it-twaqqif ta’ organizzazzjoni komuni tas-suq f’settur partikolari tal-agrikoltura, l-Istati Membri huma obbligati li ma jieħdu ebda miżura li tista’ ddgħajjifha jew toħloq eċċezzjonijiet għaliha. Għal din ir-raġuni, dan ir-Regolament ma għandux japplika għal għajnuna li l-ammont tagħha huwa stabbilit fuq il-bażi tal-prezz jew tal-kwantità tal-prodotti mixtrija jew imqiegħda fis-suq. Lanqas ma għandu japplika għal sostenn marbut ma' obbligu li l-għajnuna tinqasam mal-produtturi primarji.

(8)

Dan ir-Regolament m’għandux japplika għal għajnuna għall-esportazzjoni jew għajnuna li tiffavorixxi prodotti domestiċi fuq prodotti importati. B’mod partikolari, ma għandux japplika għal għajnuna li tiffinanzja t-twaqqif u t-tħaddim ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni fi Stati Membri oħra jew pajjiżi terzi. Għajnuna għal spejjeż ta’ parteċipazzjoni f’fieri kummerċjali, jew ta’ studji jew servizzi ta’ konsulenza meħtieġa għat-tnedija ta’ prodott ġdid jew eżistenti f’suq ġdid normalment ma titqiesx li hija għajnuna għall-esportazzjoni.

(9)

Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal intrapriżi li jkunu f’diffikultà billi mhuwiex xieraq li jingħata appoġġ finanzjarju lil impriżi f’diffikultà 'l barra minn pjan ta’ ristrutturazzjoni. Barra minn hekk, hemm diffikultajiet marbuta mad-determinazzjoni tal-għotja grossa ekwivalenti għall-għajnuna mogħtija lil dawn it-tip ta' impriżi. Sabiex tkun provduta ċertezza legali, huwa xieraq li jiġu stabbiliti kriterji ċari li ma jkunux jeħtieġu valutazzjoni tal-partikolaritajiet kollha tas-sitwazzjoni ta’ impriża biex ikun stabbilit jekk impriża titqiesx li tinsab f’diffikultà għall-finijiet ta' dan ir-Regolament.

(10)

Il-perjodu rilevanti ta’ tliet snin li għandu jiġi kkunsidrat għar-raġunijiet ta' dan ir-Regolament għandu jkun ivvalutat fuq bażi rotanti sabiex, għal kull għotja ġdida ta’ għajnuna de minimis, l-ammont totali ta’ għajnuna de minimis mogħtija fis-sena fiskali kkonċernata kif ukoll matul is-sentejn fiskali ta’ qabel ikun irid jiġi determinat.

(11)

Fejn impriżi huma attivi f’setturi esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, kif ukoll f’setturi jew attivitajiet oħra, dan ir-Regolament għandu japplika għal dawk is-setturi jew l-attivitajiet oħra sakemm l-Istati Membri jiżguraw, permezz ta' mezzi adegwati bħas-separazzjoni tal-attivitajiet jew id-distinzjoni tal-ispejjeż, li l-attivitajiet f'setturi esklużi ma jibbenefikawx mill-għajnuna de minimis. L-istess prinċipju għandu japplika fejn impriżi huma attivi f’setturi li għalihom japplikaw il-limiti de minimis aktar baxxi. Jekk ma jistax ikun żgurat li l-attivitajiet f'setturi li għalihom japplikaw il-limiti de minimis aktar baxxi ma jibbenefikawx minn għajnuna de minimis biss sa dawn il-limiti aktar baxxi, l-inqas limitu għandu japplika għall-attivitajiet kollha tal-impriża.

(12)

Dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi regoli li jassiguraw li ma jkunx possibbli li jiġu evitati l-intensitajiet massimi tal-għajnuna stabbiliti f’Regolamenti speċifiċi jew deċiżjonijiet tal-Kummissjoni. Għandu jistipula wkoll regoli ċari dwar il-kumulazzjoni li huma faċli biex jiġu applikati.

(13)

Dan ir-Regolament ma jeskludix il-possibbiltà li miżura tista' ma titqiesx bħala għajnuna mill-Istat fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat abbażi ta' raġunijiet oħra minn dawk stabbiliti f’dan ir-Regolament, pereżempju minħabba li l-miżura tikkonforma mal-prinċipju tal-operatur tal-ekonomija tas-suq jew minħabba li l-miżura ma tinvolvix trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat.

(14)

Għall-finijiet ta’ trasparenza, trattament ugwali u monitoraġġ effettiv, dan ir-Regolament għandu japplika biss għall-għajnuna de minimis li għaliha jkun possibbli li tiġi kkalkulata bi preċiżjoni l-għotja grossa ekwivalenti ex ante mingħajr il-ħtieġa li ssir valutazzjoni tar-riskju (“għajnuna trasparenti”). Kalkolu preċiż bħal dan jista', pereżempju, isir għal għotjiet, sussidji fuq ir-rata tal-imgħax, eżenzjonijiet limitati tat-taxxa jew strumenti oħra li jistipulaw limitu li jista' jassigura li l-ogħla livell applikabbli ma jinqabiżx. Il-provvediment għall-iffissar ta' limitu jimplika li sakemm l-ammont preċiż tal-għajnuna mhuwiex magħruf jew għadu mhux magħruf, l-Istat Membru jkollu jassumi li l-ammont huwa daqs il-limitu sabiex ikun assigurat li bosta miżuri ta' għajnuna flimkien ma jeċċedux il-limitu stabbilit f’dan ir-Regolament u japplika r-regoli dwar il-kumulazzjoni.

(15)

L-Istati Membri kollha għandhom japplikaw l-istess metodu ta’ kalkolu, sabiex ikun hemm it-trasparenza, it-trattament indaqs u l-applikazzjoni korretta tal-limitu de minimis. Biex jiġi ffaċilitat il-kalkolu, jeħtieġ li l-ammont tal-għajnuniet mogħtija mod ieħor milli taħt il-forma ta’ għotja fi ħlas kontanti jkunu konvertiti fl-ekwivalenti ta' għotja grossa ekwivalenti. Il-kalkolu tal-għotja grossa ekwivalenti għal tipi trasparenti ta’ għajnuna barra minn għotjiet jew għajnuna li jkunu pagabbli f'bosta pagamenti jeħtieġ l-użu ta’ rati ta’ imgħax tas-suq li jkunu qed jintużaw fil-mument li tkun ingħatat tali għajnuna. Bl-għan li jkun hemm applikazzjoni uniformi, trasparenti u sempliċi tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament ir-rati tas-suq għandhom jitqiesu li huma r-rati ta' referenza, kif stipulat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-metodu li jistabbilixxi r-rati ta' referenza u ta' skont (10).

(16)

L-għajnuna fil-forma ta' self għandha titqies bħala għajnuna de minimis trasparenti jekk l-għotja grossa ekwivalenti tkun ġiet ikkalkulata abbażi ta' rati attwali ta' imgħax tas-suq fil-mument tal-għotja. Sabiex jiġi ssimplifikat it-trattament ta' self żgħir ta' tul qasir ta' żmien, dan ir-Regolament għandu jipprovdi għal dispożizzjoni ċara li tkun faċli biex tiġi applikata u li tqis kemm l-ammont tas-self kif ukoll it-tul tiegħu. Ibbażat fuq l-esperjenza tal-Kummissjoni, self li huwa assigurat b'kopertura kollaterali li tkopri mill-inqas 50 % tas-self u li ma jkunx iktar minn EUR 1 000 000 u tul ta' ħames snin jew EUR 500 000 u tul ta' għaxar snin jista' jkun ikkunsidrat li għandu għotja grossa ekwivalenti daqs il-limitu de minimis.

(17)

L-għajnuna inkluża f’injezzjonijiet ta’ kapital ma għandhiex tkun ikkunsidrata għajnuna de minimis trasparenti, sakemm l-ammont totali ta' injezzjoni mill-pubbliku ma jaqbiżx il-limitu de minimis. Għajnuna inkluża f’miżuri ta' finanzjament tar-riskju li tieħu l-forma ta' investimenti ta' ekwità jew kważi ekwità, kif imsemmi f'(il-linji gwida l-ġodda dwar finanzjament tar-riskju), ma għandhiex titqies bħala għajnuna de minimis trasparenti, sakemm il-miżura kkonċernata ma tipprovdix kapital li ma jaqbiżx il-limitu de minimis għal kull impriża fil-mira.

(18)

Għajnuna li tikkonsisti f’garanziji għandha titqies bħala trasparenti fejn l-għotja grossa ekwivalenti tkun ġiet ikkalkulata abbażi ta' primjums eżentati stabbiliti f’avviż tal-Kummissjoni għat-tip ta' impriża kkonċernata. Pereżempju, għall-impriżi żgħar u ta' daqs medju, l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ garanziji (11) jindika livelli ta' primjum annwali li 'l fuq minnu garanzija mill-Istat titqies bħala li ma tikkostitwixxix għajnuna. Sabiex jiġi ssimplifikat it-trattament ta' garanziji ta' żmien qasir li jassiguraw sa 80 % ta' self relattivament żgħir, dan ir-Regolament għandu jipprovdi għal dispożizzjoni ċara li tkun faċilment applikata li tqis kemm l-ammont tas-self sottostanti kif ukoll it-tul tal-garanzija. Dan il-limitu ma japplikax għal garanziji dwar tranżazzjonijiet sottostanti li ma jikkostitwixxux self, bħal pereżempju garanziji fuq tranżazzjonijiet ta' ishma. Fejn il-garanzija ma tkunx qabżet it-80 % tas-self sottostanti, l-ammont garantit ma jaqbiżx il-EUR 1 500 000 u t-tul tal-garanzija ma jaqbiżx ħames snin, il-garanzija tista’ titqies bħala għotja grossa ekwivalenti daqs il-limitu de minimis. L-istess japplika fejn il-garanzija ma tkunx qabżet it-80 % tas-self sottostanti, l-ammont garantit ma jaqbiżx l-EUR 750 000 u t-tul tal-garanzija ma jaqbiżx l-għaxar snin.

(19)

Meta self jew garanzija hija għal ammont iżgħar jew tul taż-żmien iqsar minn dawk speċifikati fil-premessi 16 u 18, l-għotja grossa ekwivalenti għandha tiġi kkalkulata billi jiġi multiplikat il-proporzjon bejn l-ammont attwali u l-ammont massimu indikat fil-premessi 16 u 18 permezz tal-proporzjon bejn it-tul attwali u ħames snin b’EUR 200 000. Għalhekk, pereżempju, self ta’ EUR 500 000 għal 2.5 snin għandu jitqies li jkollu ċertifikat ekwivalenti tal-għotja grossa ta’ EUR 50 000.

(20)

Wara li ssir notifika minn Stat Membru, il-Kummissjoni tista’ teżamina jekk miżura li ma tikkonsistix f’għotja, self, garanzija, injezzjoni ta’ kapital jew miżuri ta’ finanzjament ta' riskju twassalx għal forma ta' investiment ta' ekwità jew kważi ekwità li ma jaqbiżx il-limitu de minimis u tista’ għalhekk tkun koperta fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(21)

Il-Kummissjoni għandha d-dover li tiżgura li regoli ta' għajnuna mill-Istat huma konformi u skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni li jinsab fl-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw it-twettiq ta’ dan il-kompitu billi jistabbilixxu l-għodod meħtieġa sabiex jassiguraw li l-ammont totali tal-għajnuna de minimis mogħtija lill-istess impriża taħt ir-regola de minimis ma jaqbiżx il-limitu kumplessiv permissibbli.

(22)

Qabel ma jagħtu għajnuna de minimis l-Istati Membri għandhom jivverifikaw li l-limitu de minimis ma jinqabiżx mill-għajnuna de minimis ġdida u li l-kundizzjonijiet l-oħrajn ta' dan ir-Regolament jiġu mħarsa.

(23)

Sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri jkollhom dejta preċiża, affidabbli u kompluta biex ikun żgurat li bl-għoti de minimis ġdida massima ma jkunx qed jinqabeż il-limitu rispettiv tal-impriża, huwa meħtieġ li l-Istati Membri jkunu obbligati li jwaqqfu reġistru ċentrali ta’ għajnuna de minimis li jkun fih informazzjoni sħiħa dwar l-għajnuna kollha de minimis mogħtija skont dan ir-Regolament minn kwalunkwe awtorità fi ħdan dak l-Istat Membru. L-Istati Membri huma ħielsa li jfasslu r-reġistru tagħhom u jiddeċiedu dwar il-mekkaniżmu adatt biex jistabbilixxuh skont l-istruttura kostituzzjonali u amministrattiva tagħhom basta li jkun assigurat li r-reġistru jippermetti l-awtoritajiet pubbliċi kollha fl-Istat Membru li jivverifikaw l-ammont ta' għajnuna de minimis mogħtija lil kull impriża. L-Istati Membri għandu jkollhom biżżejjed żmien biex jistabbilixxu reġistru bħal dan.

(24)

Sakemm Stat Membru ma jkunx għadu stabbilixxa reġistru ċentrali u r-reġistru li jkopri perjodu ta’ tliet snin, l-Istat Membru għandu jinforma lill-impriża kkonċernata bl-ammont ta’ għajnuna de minimis mogħtija u l-karattru de minimis tagħha, billi jirreferi għal dan ir-Regolament. Barra minn hekk, qabel l-għoti ta’ għajnuna bħal din, l-Istat Membru kkonċernat għandu jirċievi dikjarazzjoni mingħand l-impriża dwar għajnuna oħra de minimis koperta minn dan ir-Regolament jew minn regolamenti de minimis oħra li waslu matul is-sena fiskali kkonċernata jew is-sentejn fiskali ta’ qabel.

(25)

Sabiex jippermettu lill-Kummissjoni biex tissorvelja l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u biex jiġi identifikat it-tfixkil potenzjali tal-kompetizzjoni, l-Istati Membri għandhom ikunu meħtieġa li jipprovdu informazzjoni bażika dwar l-ammonti mogħtija skont dan ir-Regolament fuq bażi annwali. Jekk Stat Membru informa lill-Kummissjoni meta d-dejta kollha mitluba fir-rapporti hija disponibbli pubblikament, l-Istat Membru ma għandux ikun mistenni minnhom li jipprovdi rapport lill-Kummissjoni.

(26)

Wara li tiġi kkunsidrata l-esperjenza tal-Kummissjoni, u b'mod partikolari l-frekwenza li biha huwa ġeneralment meħtieġ li tiġi riveduta l-politika tal-għajnuna Statali, ikun xieraq li jiġi limitat il-perjodu ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Jekk dan ir-Regolament jiskadi mingħajr ma jkun estiż, l-Istati Membri għandu jkollhom perjodu ta’ aġġustament ta’ sitt xhur f’dak li għandu x’jaqsam ma’ għajnuna de minimis koperta minn dan ir-Regolament,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-kamp ta' applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament japplika għal għajnuna mogħtija lill-intrapriżi fis-setturi kollha, ħlief għal:

(a)

għajnuna mogħtija lil impriżi għal attivitajiet fis-setturi tas-sajd u tal-akwakultura, kif koperti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 (12);

(b)

għajnuna mogħtija lil impriżi attivi fil-produzzjoni primarja ta' prodotti agrikoli;

(c)

għajnuna mogħtija lil impriżi attivi fl-ipproċessar u t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti agrikoli, fil-każi segwenti:

(i)

meta l-ammont tal-għajnuna jkun ffissat fuq il-bażi tal-prezz jew kwantità ta' prodotti bħal dawn mixtrija minn produtturi primarji jew imqiegħda fis-suq mill-impriżi kkonċernati,

(ii)

meta l-għajnuna tingħata bil-kundizzjoni li tingħata parzjalment jew kollha lill-produtturi primarji;

(d)

għajnuna lill-attivitajiet relatati mal-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi jew Stati Membri, l-aktar għajnuna marbuta direttament ma' kwantitajiet esportati, it-twaqqif u l-operazzjoni ta' netwerk ta' distribuzzjoni jew nefqa oħra kurrenti marbuta mal-attività tal-esportazzjoni;

(e)

għajnuna li tiddependi mill-użu ta’ prodotti domestiċi fuq prodotti importati;

(f)

għajnuna mogħtija lill-impriżi f’diffikultà kif definit fl-Artikolu 2(e).

2.   Jekk impriża hija attiva fis-setturi msemmija fil-punti (a), (b) jew (c) tal-ewwel paragrafu, kif ukoll f’setturi li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, dan ir-Regolament japplika għal għajnuna mogħtija fir-rigward dawk is-setturi jew attivitajiet tal-aħħar, bil-kundizzjoni li l-Istati Membri jiżguraw b'mezzi adatti bħalma huma s-separazzjoni tal-attivita' jew id-distinzjoni fl-ispejjeż li l-attivitjiet fis-setturi esklużi ma jibbenefikawx mill-għajnuna de minimis mogħtija skont dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

(a)

“prodotti agrikoli” tfisser prodotti elenkati fl-Anness I tat-Trattat, bl-eċċezzjoni tal-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru (għadu ma ġiex adottat; ara l-proposta tal-Kummissjoni COM(2011) 416) dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura;

(b)

“ipproċessar ta’ prodotti agrikoli” tfisser kwalunkwe operazzjoni fuq prodott agrikolu li tirriżulta fi prodott li huwa wkoll prodott agrikolu, ħlief fuq attivitajiet li jsiru f'razzett li huma neċessarji għall-preparazzjoni ta’ prodott minn annimal jew pjanta għall-ewwel bejgħ;

(c)

“il-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti agrikoli” tfisser iż-żamma jew il-wiri bl-iskop ta' bejgħ, ta' offerta għal bejgħ, ta' kunsinna jew ta' kwalunkwe mod ieħor ta' tqegħid fis-suq, minbarra l-ewwel bejgħ minn produttur primarju lil bejjiegħa sekondarji jew proċessuri u kwalunkwe attività li tħejji prodott għal dan l-ewwel bejgħ; bejgħ minn produttur primarju lill-konsumaturi aħħarin għandu jitqies bħala tqegħid fuq is-suq jekk isir f’post separat riservat għal dak il-għan;

(d)

“impriża waħda” għall-fini ta’ dan ir-Regolament tfisser l-entitajiet kollha li jkollhom mill-inqas waħda mir-relazzjonijiet li ġejjin ma’ xulxin:

(i)

entita waħda li jkollha l-maġġoranza tad-drittijiet tal-vot tal-azzjonisti jew tal-membri f’entità oħra;

(ii)

entità waħda li jkollha d-dritt taħtar jew tneħħi maġġoranza mill-membri tal-korp amministrattiv, tal-ġestjoni jew dak sorveljanti ta’ entità oħra;

(iii)

entità waħda għandha d-dritt teżerċita influwenza dominanti fuq entità oħra skont kuntratt illi tkun daħlet fih ma’ dik l-entità jew skont dispożizzjoni tal-memorandum jew tal-artikoli ta’ assoċjazzjoni tagħha;

(iv)

entità waħda, illi tkun azzjonista fi jew membru ta’ entità oħra, tikkontrolla waħedha, skont ftehim ma’ azzjonisti oħra fi jew membri ta’ dik l-entità, maġġoranza tad-drittijiet tal-voti tal-azzjonisti jew tal-membri f’dik l-entità.

Entitajiet li jkollhom waħda mir-relazzjonijiet imsemmija hawn fuq permezz ta’ waħda jew aktar entitajiet oħra jitqiesu wkoll bħala impriża waħda;

(e)

“impriża f’diffikultà” tfisser impriża li tissodisfa mill-inqas waħda minn dawn il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(i)

fil-każ ta’ kumpanija b’responsabbiltà limitata, aktar minn nofs il-kapital azzjonarju sottoskritt tagħha jkun sparixxa minħabba telf akkumulat; dan huwa l-każ meta jitnaqqas telf akkumulat minn riżervi (u l-elementi l-oħra kollha ġeneralment meqjusa bħala parti mill-fondi proprji tal-kumpanija) iwassal għal riżultat negattiv li jeċċedi nofs il-kapital azzjonarju sottoskritt;

(ii)

fil-każ ta’ kumpanija li fiha għallinqas xi membri li għandhom responsabbiltà limitata għad-dejn tal-kumpanija, aktar minn nofs il-kapital kif imniżżel fil-kontijiet tal-kumpanija, ikunu sparixxew minħabba telf akkumulat;

(iii)

l-impriża hija f’proċedimenti kollettivi ta’ insolvenza jew tissodisfa l-kriterji skont il-liġi domestika tagħha minħabba li tqiegħdet fi proċedimenti kollettivi għall-insolvenza fuq talba tal-kredituri tagħha;

(iv)

il-proporzjon tad-dejn bil-ktieb mal-ekwità hu ikbar minn 7,5;

(v)

il-proporzjon tal-qligħ tal-impriża qabel l-interessi u t-taxxi (EBIT) meta mqabbla mal-kopertura tal-imgħax kien anqas minn 1,0 għal dawn l-aħħar sentejn;

(vi)

l-impriża għandha rata ekwivalenti għal CCC+ (“kapaċità ta’ ħlas dipendenti fuq kundizzjonijiet favorevoli kontinwi”) jew inqas b’mill-inqas aġenzija waħda tal-klassifikazzjoni tal-kreditu rreġistrata skont ir-Regolament (KE) Nru 1060/2009 (13).

Għall-finijiet tal-punt (e) tal-ewwel subparagrafu, jista’ jagħti l-każ li SME li tkun ilha teżisti għal anqas minn tliet snin ma għandhiex titqies li hi f’diffikultà sakemm ma tirrispettax il-kondizzjoni stabbilita fil-punt (iii) ta’ dak il-punt.

Artikolu 3

Għajnuna de minimis

1.   Il-miżuri ta' għajnuna se jitqiesu li ma jissodisfawx il-kriterji tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat u għaldaqstant ikunu eżentati mill-ħtieġa tan-notifika fl-Artikolu 108(3) tat-Trattat, jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 8 ta' dan l-Artikolu u fl-Artikoli 4 u 5.

2.   L-għajnuna totali de minimis mogħtija lil kull Stat Membru lil xi impriża waħda kif definit fl-Artikolu 2(d) ma għandhiex taqbeż il-EUR 200 000 fuq kwalunkwe perjodu ta' tliet snin fiskali.

L-għajnuna totali de minimis mogħtija lil kull Stat Membru lil xi impriża waħda kif definit fl-Artikolu 2(d) li teżegwixxi trasport tal-merkanzija bit-triq għal kiri u ħlas ma għandhiex taqbeż il-EUR 100 000 fuq kwalunkwe perjodu ta' tliet snin fiskali. L-għajnuna de minimis ma għandhiex tintuża għall-akkwist ta’ vetturi għat-trasport tal-merkanzija bit-triq.

3.   Jekk impriża twettaq trasport tal-merkanzija bit-triq għal kiri jew bi ħlas u attivitajiet oħra li għalih japplika l-massimu ta’ EUR 200 000, il-limitu ta’ EUR 200 000 għandu japplika għall-impriża, sakemm l-Istati Membri jiżguraw b’mezzi xierqa bħas-separazzjoni tal-attivitajiet jew id-distinzjoni tal-ispejjeż li l-benefiċċju għall-attività tat-trasport bit-triq tal-merkanzija ma jaqbiżx il-EUR 100 000 u li l-ebda għajnuna de minimis ma tintuża għall-akkwist ta’ vetturi għat-trasport tal-merkanzija bit-triq.

4.   L-għajnuna de minimis tingħata fil-mument li d-dritt legali biex tinkiseb l-għajnuna jkun mogħti lill-impriża taħt ir-reġim nazzjonali legali applikabbli.

5.   Il-limiti stabbiliti fil-paragrafu 2 għandhom japplikaw irrispettivament mit-tip ta' għajnuna de minimis jew l-għan ta' tali għajnuna u rrispettivament minn jekk l-għajnuna mogħtija mill-Istat Membru hijiex finanzjata totalment jew parzjalment minn riżorsi ta' oriġini tal-Unjoni. Il-perjodu ta' tliet snin fiskali għandu jiġi ddeterminat b'referenza għas-snin fiskali użati mill-impriża fl-Istat Membru kkonċernat.

6.   Il-limiti stipulati fil-paragrafu 2 għandhom ikun espressi bħala għotja ta’ flus. Iċ-ċifri kollha użati għandhom ikunu grossi, jiġifieri, qabel kwalunkwe tnaqqis ta’ taxxa jew ta’ xi dritt ieħor. Meta tingħata l-għajnuna f'forma għajr għotja, l-ammont tal-għajnuna għandu jkun l-għotja grossa ekwivalenti għall-għajnuna.

Għajnuna pagabbli f’diversi pagamenti għandha tiġi skontata għall-valur tagħha fil-mument li tingħata. Ir-rata tal-interessi li għandha tintuża għal skopijiet ta’ skont għandha tkun ir-rata ta’ referenza applikabbli fil-mument tal-għotja.

7.   Fejn il-limitu de minimis stabbilit fil-paragrafu 2 jinqabeż permezz tal-għotja ta’ għajnuna ġdida de minimis, l-ebda waħda mill-għajnuna l-ġdida ma tista’ tibbenefika minn dan ir-Regolament.

8.   Fil-każ ta' fużjonijiet jew akkwiżizzjoniijiet, l-għajnuna kollha de minimis mogħtija lil kwalunkwe mill-impriżi li għadejjin minn fużjoni se tiġi kkunsidrata biex tiddetermina jekk xi għajnuna ġdida de minimis lill-impriża l-ġdida jew lill-impriża ta' akkwiżizzjoni taqbiżx il-limitu massimu, mingħajr ma jinxeħet dubju fuq l-għajnuna de minimis mogħtija legalment lill-fużjoni jew lill-akkwiżizzjoni.

Jekk impriża waħda tinqasam fi tnejn jew aktar minn żewġ impriżi separati, l-għajnuna de minimis mogħtija qabel il-qsim għandha tkun allokata lill-impriża li bbenefikat minnha, li fil-prinċipju hija l-impriża li tieħu ħsieb l-attivitajiet li għalihom l-għajnuna de minimis kienet użata. Jekk dik l-allokazzjoni ma tkunx possibbli, l-għajnuna de minimis għandha tiġi allokata proporzjonatament fuq il-bażi tal-valur skont il-kotba fil-kapital ta’ ekwità tal-impriżi l-ġodda.

Artikolu 4

Kalkolu tal-għotja grossa ekwivalenti

1.   Dan ir-Regolament għandu japplika biss għall-għajnuna li għaliha huwa possibbli li tista' tiġi kkalkulata b'mod preċiż l-għotja grossa ekwivalenti tal-għajnuna ex ante mingħajr il-ħtieġa ta' valutazzjoni tar-riskju (“għajnuna trasparenti”). B'mod partikolari l-miżuri ta' għajnuna msemmija fil-paragrafi 2 sa 6 għandhom jitqiesu bħala għajnuna trasparenti.

2.   L-għajnuna inkluża f’self għandha titqies bħala għajnuna de minimis trasparenti jekk:

(a)

is-self hu assigurat minn kopertura kollaterali ta' mill-inqas 50 % tas-self u s-self ma jaqbiżx la EUR 1 000 000 (u lanqas EUR 500 000 għal impriżi li qed iwettqu trasport tal-merkanzija bit-triq) u wkoll tul ta' ħames snin jew EUR 500 000 (jew EUR 250 000 għal impriżi li qed iwettqu trasport tal-merkanzija bit-triq) u tul ta' għaxar snin. Jekk xi self jammonta għal inqas minn dawk l-ammonti u/jew huwa mogħti għal perjodu ta' inqas minn ħames jew għaxar snin rispettivament, l-għotja grossa ekwivalenti ta' dak is-self għandu jkun ikkalkolat bħala proporzjon tal-limitu applikabbli stipulat fl-Artikolu 3(2); jew

(b)

l-għotja grossa ekwivalenti tkun ġiet ikkalkulata abbażi tar-rata ta’ referenza applikabbli fil-mument tal-għotja.

3.   Għajnuna fil-forma ta' injezzjonijiet ta’ kapital ma għandhiex tkun ikkunsidrata għajnuna de minimis trasparenti, sakemm l-ammont totali ta' injezzjoni mill-pubbliku ma jaqbiżx il-limitu de minimis.

4.   Għajnuna inkluża f’miżuri ta' finanzjament tar-riskju li tieħu l-forma ta' investimenti ta' ekwità jew kważi ekwità, ma għandhiex titqies bħala għajnuna de minimis trasparenti, sakemm il-miżura kkonċernata ma tipprovdix kapital li ma jaqbiżx il-limitu de minimis għal kull impriża fil-mira.

5.   L-għajnuna inkluża f’self għandha titqies bħala għajnuna de minimis trasparenti jekk:

(a)

il-garanzija ma taqbiżx it-80 % tas-self sottostanti u jew l-ammont garantit ma jaqbiżx l-EUR 1 500 000 (jew l-EUR 750 000 għal impriżi li qed iwettqu trasport tal-merkanzija bit-triq) u wkoll it-tul tal-garanzija ma jaqbiżx ħames snin jew l-ammont garantit ma jaqbiżx l-EUR 750 000 (jew l-EUR 375 000 għal impriżi li qed iwettqu trasport tal-merkanzija bit-triq) u t-tul tal-garanzija ma jaqbiżx għaxar snin. Jekk xi self jammonta għal inqas minn dawk l-ammonti u/jew huwa mogħti għal perjodu ta' inqas minn ħames jew għaxar snin rispettivament, l-għotja grossa ekwivalenti ta' dak is-self għandha tkun ikkalkolata bħala proporzjon tal-limitu applikabbli stipulat fl-Artikolu 3(2); jew

(b)

l-għotja grossa ekwivalenti ġiet ikkalkulata abbażi ta’ primjums eżentati stipulati f’avviż tal-Kummissjoni (14); jew

(c)

qabel ma tiġi implimentata, il-metodoloġija biex tiġi kkalkulata l-għotja grossa ekwivalenti tal-garanzija tkun ġiet aċċettata wara li ġiet notifikata din il-metodoloġija lill-Kummissjoni skont kwalunkwe regolament adottat mill-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, u l-metodoloġija approvata tindirizza espliċitament it-tip ta' garanziji u t-tip ta' tranżazzjoni sottostanti involuta fil-kuntest tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

6.   L-għajnuna inkluża fi strumenti oħra għandha titqies bħala għajnuna de minimis trasparenti sakemm l-istrument jipprovdi għall-iffissar li jassigura li l-limitu applikabbli ma jinqabiżx.

Artikolu 5

Kumulazzjoni

1.   Għajnuna de minimis skont dan ir-Regolament tista’ tiġi akkumulata ma' għajnuna de minimis skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 360/2012 (15) sa limiti stipulati f'dak ir-Regolament. Din tista’ tiġi akkumulata ma' għajnuna de minimis skont ir-regolamenti de minimis oħrajn sal-limitu stipulat fl-Artikolu 3(2).

2.   L-għajnuna de minimis ma għandhiex tiġi akkumulata mal-għajnuna tal-Istat fir-rigward tal-istess spejjeż jew finanzi eliġibbli jew mal-għajnuna tal-Istat għall-istess miżura ta' finanzjament tar-riskju, jekk din l-akkumulazzjoni tirriżulta f'intensità ta' għajnuna li taqbeż dak fissat fiċ-ċirkostanzi speċifiċi ta' kull każ f'regolament għall-eżenzjoni ġenerali jew deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni.

Artikolu 6

Monitoraġġ u rappurtar

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu reġistru ċentrali ta' għajnuna de minimis sal-31 ta' Diċembru 2015. Ir-reġistru ċentrali għandu jkun fih informazzjoni dwar kull benefiċjarju (inkluż huwiex intrapriża żgħira, medja jew kbira u s-settur ekonomiku (kodiċi NACE fil-Livell ta’ Diviżjoni (16)) tal-attività ewlenija tiegħu), id-data tal-għoti u l-għotja grossa ekwivalenti ta’ kull miżura ta’ għajnuna de minimis mogħtija skont dan ir-Regolament minn kwalunkwe awtorità f'dak l-Istat Membru. Ir-reġistru għandu jinkludi l-miżuri kollha de minimis mogħtija skont dan ir-Regolament mill-1 ta’ Jannar 2016 ’il quddiem.

2.   Il-paragrafu 3 għandu japplika sakemm Stat Membru jkun stabbilixxa reġistru ċentrali u r-reġistru jkun ikopri perjodu ta’ tliet snin.

3.   Meta Stat Membru jkollu l-intenzjoni li jagħti għajnuna de minimis skont dan ir-Regolament lil impriża, għandu jinforma lil dik l-impriża bil-miktub dwar l-ammont tal-għajnuna espressa bħala għotja grossa ekwivalenti u dwar in-natura de minimis tagħha, billi ssir referenza diretta għal dan ir-Regolament, u billi jiġi kkwotat it-titolu tiegħu u r-referenza ta' pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Fejn l-għajnuna de minimis hi mogħtija skont dan ir-Regolament lil impriżi differenti fuq il-bażi ta' skema u ammonti differenti ta' għajnuna individwali jingħataw lil dawk l-impriżi taħt dik l-iskema, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jagħżel li jissodisfa dak l-obbligu billi jinforma lill-impriżi dwar is-somma fissa li tikkorrispondi mal-ammont massimu ta’ għajnuna li tkun se tingħata taħt dik l-iskema. F’tali każ, is-somma fissa għandha tintuża biex tiddetermina jekk il-limitu stipulat fl-Artikolu 3(2) ġiex issodisfat. Qabel jagħti l-għajnuna, l-Istat Membru għandu wkoll jikseb dikjarazzjoni mingħand l-impriża kkonċernata, bil-miktub jew f’forma elettronika, dwar kwalunkwe għajnuna de minimis oħra li tkun ingħatatilha skont dan ir-Regolament jew skont regolamenti de minimis oħrajn matul is-sentejn fiskali ta’ qabel u fis-sena fiskali attwali.

4.   Stat Membru għandu jagħti l-għajnuna de minimis ġdida skont dan ir-Regolament biss wara li jkun ivverifika li dan ma jżidx l-ammont totali tal-għajnuna de minimis mogħtija lil impriża li tipprovdi servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali skont dan ir-Regolament għal livelli ogħla mil-limitu stipulat fl-Artikolu 3(2) u li l-kundizzjonijiet kollha fl-Artikoli 1 sa 5 ikunu rispettati.

5.   L-Istati Membri għandhom iżommu rekord u jiġbru l-informazzjoni kollha dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Dawn ir-rekords għandhom jinkludu l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jintwera li l-kundizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament ikunu ġew osservati. Ir-rekords li jkollhom x’jaqsmu ma’ għajnuna de minimis individwali għandhom jinżammu għal perjodu ta’ 10 snin fiskali mid-data li fiha tkun ingħatat l-għajnuna. Ir-rekords li jkollhom x'jaqsmu ma' skema ta' għajnuna de minimis għandhom jinżammu għal perjodu ta' 10 snin mid-data li fiha tkun ingħatat l-aħħar għajnuna individwali bit-tali iskema. B'talba bil-miktub, l-Istat Membru kkonċernat għandu jipprovdi lill-Kummissjoni, f'perjodu ta' 20 jum ta’ xogħol, jew tali perjodu itwal hekk kif jista' jiġi ffissat fit-talba, l-informazzjoni kollha li l-Kummissjoni tqis meħtieġa biex tanalizza jekk il-kundizzjonijiet ta' dan ir-Regolament ikunux ġew imħarsa, u b’mod partikolari l-ammont totali tal-għajnuna de minimis skont dan ir-Regolament jew taħt regolamenti de minimis oħra li tkun irċeviet xi impriża.

6.   L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament fuq bażi annwali. Ir-rapporti għandhom jinkludu:

(a)

l-ammont totali ta’ għajnuna de minimis mogħtija fl-Istat Membru kkonċernat skont dan ir-Regolament matul is-sena kalendarja ta’ qabel, skont is-settur ekonomiku u skont id-daqs (intrapriżi żgħar, ta’ daqs medju jew intrapriża kbira) tal-benefiċjarji;

(b)

l-għadd totali ta' benefiċjarji ta’ għajnuna de minimis mogħtija fl-Istat Membru kkonċernat skont dan ir-Regolament matul is-sena kalendarja ta’ qabel, skont is-settur ekonomiku u skont id-daqs (intrapriżi żgħar, ta’ daqs medju jew intrapriża kbira) tal-benefiċjarji;

(c)

kwalunkwe informazzjoni oħra mitluba mill-Kummissjoni rigward l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u li trid tiġi speċifikata fil-ħin qabel jiġi ppreżentat ir-rapport.

L-ewwel rapport għandu jiġi ppreżentat sat-30 ta' Ġunju 2017 u għandu jkopri s-sena kalendarja 2016. Jekk id-dejta kollha meħtieġa fir-rapporti ssir disponibbli pubblikament mill-Istat Membru, l-Istat Membru ma jkunx obbligat li jipprovdi rapport lill-Kummissjoni. Kull sena, il-Kummissjoni għandha tippubblika sinteżi tal-informazzjoni li tinsab fir-rapporti annwali, inkluż l-ammont totali ta’ għajnuna de minimis mogħtija minn kull Stat Membru skont dan ir-Regolament.

Artikolu 7

Dispożizzjonijiet tranżitorji

1.   Kull għajnuna de minimis mogħtija bejn it-2 ta’ Frar 2001 u t-30 ta’ Ġunju 2007 u li tissodisfa l-kundizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 69/2001, għandha titqies li ma tilħaqx il-kriterji kollha tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat u għandha għalhekk tkun eżentata mir-rekwiżit ta’ notifika kif stipulat fl-Artikolu 108(3) tat-Trattat.

2.   Kull għajnuna de minimis mogħtija bejn l-1 ta’ Jannar 2007 u t-30 ta’ Ġunju 2014, li tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1998/2006, għandha titqies li ma tilħaqx il-kriterji kollha tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat u għandha għalhekk tkun eżentata mir-rekwiżit ta’ notifika kif stipulat fl-Artikolu 108(3) tat-Trattat.

3.   Fl-aħħar tal-perjodu ta’ validità ta’ dan ir-Regolament, kwalunkwe għajnuna de minimis li tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament tista’ tkun implimentata b’mod validu għal perjodu ulterjuri ta’ sitt xhur.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ u perjodu ta’ validità

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ nhar l-1 ta’ Jannar 2014 u għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Lulju 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

[…] […]


(1)  ĠU L 142, 14.5.1998, p. 1.

(2)  ĠU C 229, 8.8.2013, p. 1.

(3)  ĠU C 68, 6.3.1996, p. 9.

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 69/2001 tat-12 ta' Jannar 2001 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għal għajnuna de minimis (ĠU L 10, 13.1.2001, p. 30).

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1998/2006 tal-15 ta’ Diċembru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat dwar l-għajnuna de minimis (ĠU L 379, 28.12.2006, p. 5).

(6)  Il-Kawża C-222/04 Ministero dell'Economia e delle Finanze v Cassa di Risparmio di Firenze SpA et al. [2006] Ġabra I-289.

(7)  Il-Kawża C-382/99, Netherlands v Commission [2002] Ġabra I-5163.

(8)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008 tas-6 ta’ Awwissu 2008 li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna bħala kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat (ĠU L 214, 9.8.2008, p. 3).

(9)  Il-Kawża C-456/00 France v Commission [2002] ECR I-11949.

(10)  ĠU C 14, 19.1.2008, p. 6.

(11)  ĠU C 155, 20.6.2008, p. 10.

(12)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 tas-17 ta' Diċembru 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura (ĠU L 17, 21.1.2000, p. 22).

(13)  Ir-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 1).

(14)  Bħalissa l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ garanzija (ĠU C 155, 20.6.2008, p. 10).

(15)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 360/2012 tal-25 ta’ April 2012 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal għajnuna de minimis mogħtija lil impriżi li jipprovdu servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (ĠU L 114, 26.4.2012, p. 8).

(16)  Skont l-Artikolu 2(1)(b) u l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni tal-istatistika ta’ attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti Regolamenti tal-KE dwar setturi speċifiċi tal-istatistika. Test b’rilevanza għaż-ŻEE, (ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1),


Top