EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013XC0613(04)

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kwantifikazzjoni tad-dannu f’kawżi għad-danni bbażati fuq ksur tal-Artikolu 101 jew 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU C 167, 13.6.2013, p. 19–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

13.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 167/19


Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kwantifikazzjoni tad-dannu f’kawżi għad-danni bbażati fuq ksur tal-Artikolu 101 jew 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2013/C 167/07

1.   KUMPENS GĦALL-VITTMI TAL-KSUR TAL-LIĠI TAL-KOMPETIZZJONI: L-ISFIDA TAL-KWANTIFIKAZZJONI TAD-DANNI MĠARRBA

1.

Ksur tal-Artikoli 101 jew 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”), minn hawn ’il quddiem “ir-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni”) jikkawża ħsara kbira lill-ekonomija kollha kemm hi u jfixkel il-funzjonament tajjeb tas-suq intern. Sabiex jiġi evitat tali dannu, il-Kummissjoni għandha l-poter li timponi multi fuq l-impriżi u l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE (1). L-għan tal-multi imposti mill-Kummissjoni huwa biex iservu ta' deterrent, jiġifieri s-sanzjonar tal-impriżi kkonċernati (deterrenza speċifika) u jiskoraġġixxu impriżi oħra milli jinvolvu ruħhom fi, jew ikomplu, imġiba li tmur kontra l-Artikoli 101 u 102 TFUE (deterrenza ġenerali) (2).

2.

Barra minn hekk, ksur tal-Artikoli 101 jew 102 TFUE jikkawża ħsara kbira lill-konsumaturi u l-impriżi. Kull persuna li tkun sofriet danni minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE għandha dritt għal kumpens. Dan huwa garantit mil-liġi tal-UE, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament enfasizzat (3). Filwaqt li l-għan tal-multi huwa li jservu ta’ deterrent, il-punt tat-talbiet għad-danni huwa li jpatti għad-dannu kkawżat minn ksur. Aktar rimedji effettivi għall-konsumaturi u għall-impriżi biex jitolbu kumpens għad-danni, minnhom infushom, jipproduċu wkoll effetti ta’ benefiċċju f’termini ta’ li jiskoraġġixxu ksur fil-futur, u li jassiguraw li jkun hemm aktar konformità ma’ dawk ir-regoli (4).

3.

Diffikultà kbira li jiltaqgħu magħha l-qrati, it-tribunali u l-partijiet f’azzjonijiet għad-danni hija kif għandu jiġi kwantifikat id-dannu sofrut. Il-kwantifikazzjoni hija bbażata fuq it-tqabbil tal-pożizzjoni attwali tar-rikorrenti mal-pożizzjoni li huma kienu jsibu ruħhom fiha kieku ma kienx seħħ il-ksur. F'kull valutazzjoni ipotetika ta’ kif il-kundizzjonijiet tas-suq u l-interazzjonijiet tal-parteċipanti fis-suq kienu jevolvu mingħajr il-ksur, spiss iqumu kwistjonijiet ekonomiċi u tal-liġi tal-kompetizzjoni kumplessi u speċifiċi. Il-qrati u l-partijiet huma dejjem iktar konfrontati b'dawn il-kwistjonijiet u bil-kunsiderazzjoni tal-metodi u t-tekniki disponibbli biex jindirizzawhom.

2.   L-INTERAZZJONI TAR-REGOLI U L-PRINĊIPJI TAL-LIĠI TAL-UE U L-LIĠI NAZZJONALI

2.1.   Acquis communautaire

4.

L-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE huma kwistjoni ta’ politika pubblika (5) u huma ċentrali għall-funzjonament tas-suq intern, li jinkludi sistema li tassigura li l-kompetizzjoni ma tiġix imfixkla (6). Dawn id-dispożizzjonijiet tat-Trattat joħolqu drittijiet u obbligi għall-individwi, kemm jekk huma impriżi kif ukoll konsumaturi. Dawn id-drittijiet isiru parti mill-assi legali ta’ dawn l-individwi (7) u huma protetti taħt il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (8). Il-qrati nazzjonali għandhom id-dmir skont il-liġi tal-UE biex jinfurzaw dawn id-drittijiet u l-obbligi b'mod sħiħ u effettiv f’kull proċediment li jinġieb quddiemhom.

5.

Fost id-drittijiet garantiti mil-liġi tal-UE hemm id-dritt għal kumpens ta’ dannu kkawżat minħabba ksur tal-Artikolu 101 jew 102 TFUE: l-effettività sħiħa tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE tkun mhedda jekk il-partijiet danneġġjati ma jkunux jistgħu jitolbu kumpens għad-danni kkawżati lilhom b’infrazzjoni ta’ dawn ir-regoli. Kull persuna għandha d-dritt li titlob kumpens għal dannu subit meta jkun hemm rabta kawżali bejn l-imsemmi dannu u akkordju jew prattika projbita mir-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni. (9)

6.

Il-kumpens għad-dannu mġarrab ifisser li l-parti inġurjata titqiegħed fil-pożizzjoni li kienet tkun fiha kieku ma kienx hemm ksur tal-Artikolu 101 jew 102 tat-TFUE. Il-partijiet li jsofru ħsara minn ksur direttament effettiv tar-regoli tal-UE għandhom għalhekk ikollhom il-valur reali tat-telf sħiħ tagħhom mogħti lura lilhom: id-dritt għal kumpens sħiħ ikopri telf attwali (damnum emergens), kif ukoll kumpens għal telf ta’ qligħ (lucrum cessans) li jkunu ġarrbu b’riżultat tal-ksur (10); u intitolament tal-imgħax minn meta seħħ id-dannu (11).

7.

Billi ma hemmx regoli tal-UE li jirregolaw azzjonijiet ta' dannu għall-ksur tal-Artikolu 101 jew 102 TFUE, hija kompetenza tas-sistema legali domestika ta’ kull Stat Membru li tistabbilixxi regoli dettaljati li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt għal kumpens garantit mid-dritt tal-UE. Dawn ir-regoli ma għandhomx, madankollu, jagħmlu l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lill-individwi mid-dritt tal-UE eċċessivament diffiċli jew prattikament impossibbli (il-prinċipju tal-effettività). Lanqas ma jistgħu jkunu inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni għal ksur ta’ drittijiet simili mogħtija mil-liġi domestika (il-prinċipju tal-ekwivalenza) (12).

2.2.   Il-liġi nazzjonali u l-interazzjoni tagħha mal-prinċipji tal-liġi tal-UE

8.

Dwar il-kwistjoni tal-kwantifikazzjoni tad-dannu, sal-punt li tali eżerċizzju mhux kopert bil-liġi tal-UE, ir-regoli legali tal-Istati Membri jiddeterminaw l-istandard adatt tal-prova u l-grad ta’ preċiżjoni meħtieġa biex jiġi muri l-ammont ta’ ħsara mġarrba. Ir-regoli nazzjonali jipprovdu wkoll għal allokazzjoni tal-oneru tal-prova u tar-responsabbiltajiet rispettivi tal-partijiet li jagħmlu sottomissjonijiet fattwali lill-qorti. Il-liġi nazzjonali tista’ tistipula li l-oneru tal-prova jiċċaqlaq malli l-kwerelant ikun ġab provi dwar ċertu sett ta’ fatturi, u jista’ jipprovdi għal regoli ssimplifikati ta’ kalkolu u preżunzjonijiet ta' natura inkonfutabbli jew li ma jistax isir argument kontrihom. Il-liġi nazzjonali tiddetermina wkoll safejn u kif il-qrati għandhom is-setgħa li jikkwantifikaw id-dannu kkawżat fuq il-bażi tal-aħjar stimi approssimattivi jew kunsiderazzjonijiet ekwitabbli. Dawn ir-regoli nazzjonali kollha u l-proċeduri li jirregolaw il-kwantifikazzjoni tal-ħsara għandhom jiġu stabbiliti u applikati f’każijiet individwali b’mod li jippermettu lill-partijiet li ġarrbu danni minn ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE biex jiksbu kumpens sħiħ għad-dannu mġarrab mingħajr ebda diffikultajiet sproporzjonati; fl-ebda ċirkostanza ma jistgħu jkunu inqas effettivi minn azzjonijiet simili bbażati fuq il-liġi domestika.

9.

Konsegwenza waħda tal-prinċipju tal-effettività hija li r-regoli legali nazzjonali applikabbli u l-interpretazzjoni tagħhom għandhom jirriflettu d-diffikultajiet u limiti inerenti għall-kwantifkazzjoni tad-dannu f’kawżi ta’ kompetizzjoni. Il-kwantifikazzjoni ta’ dan id-dannu teħtieġ tiġi mqabbla mal-pożizzjoni attwali tal-parti danneġġjata li din il-parti kienet tkun fiha mingħajr il-ksur. Din hija xi ħaġa li ma tistax tiġi osservata fir-realtà; huwa impossibbli li wieħed ikun jaf b’ċertezza kif il-kundizzjonijiet tas-suq u l-interazzjonijiet bejn l-parteċipanti tas-suq kienu jevolvu fin-nuqqas tal-ksur. Dak kollu li huwa possibbli huwa stima tax-xenarju probabbli li kien jeżisti mingħajr il-ksur. Il-kwantifikazzjoni tad-dannu f’kawżi ta’ kompetizzjoni hi, min-natura tagħha, karatterizzata minn limiti konsiderevoli għal-livell ta’ ċertezza u ta' preċiżjoni li jista’ jkun mistenni. Xi drabi estimi approssimattivi biss huma possibbli (13).

3.   GWIDA DWAR IL-KWANTIFIKAZZJONI TAD-DANNU

10.

Kontra dan l-isfond, is-servizzi tal-Kummissjoni fasslu Gwida Prattika dwar il-kwantifikazzjoni tad-dannu f’azzjonijiet għad-danni bbażati fuq infrazzjoni tal-Artikolu 101 jew 102 TFUE (il-“Gwida Prattika”).

11.

L-għan ta’ din il-Gwida Prattika huwa li toffri għajnuna lill-qrati nazzjonali u l-partijiet involuti f’kawżi għad-danni billi tagħmel aktar disponibbli l-informazzjoni dwar il-kwantifikazzjoni tad-dannu kkawżat mill-ksur tar-regoli tal-antitrust tal-UE. Għaldaqstant hija tipprovdi tagħrif dwar diversi forom ta’ ħsara tipikament ikkawżata mill-prattiki antikompetittivi u, b’mod partikolari, tistipula tagħrif dwar il-metodi u tekniki disponibbli biex jikkwantifikaw tali dannu. L-għoti ta' ċirkolazzjoni usa' lil din l-informazzjoni jżid l-effettività ta’ azzjonijiet għad-danni. Għandu wkoll jagħmel tali azzjonijiet aktar prevedibbli, u b’hekk tiżdied iċ-ċertezza legali għall-partijiet kollha involuti. Din il-Gwida Prattika tista' tgħin ukoll lill-partijiet biex isibu riżoluzzjoni kunsenswali għat-tilwimiet tagħhom, kemm jekk ikunu fil-kuntest tal-proċedimenti ġudizzjarji kif ukoll jekk ikunu lil hinn minnhom jew jekk ikunu parti f'mekkaniżmi ta’ riżoluzzjoni tat-tilwimiet alternattivi.

12.

Din il-Gwida Prattika hija purament informattiva u ma torbotx lill-qrati nazzjonali jew lill-partijiet. Hija għalhekk ma tibdlix ir-regoli legali tal-Istati Membri li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni u ma taffettwax id-drittijiet u l-obbligi tal-Istati Membri jew ta’ persuni naturali jew legali taħt il-liġi tal-UE.

13.

B’mod partikolari, il-gwida prattika ma għandhiex tinftiehem bħala li tgħolli jew tbaxxi l-istandard tal-prova jew il-livell ta’ dettall tas-sottomissjonijiet fattwali meħtieġa mill-partijiet fis-sistemi legali tal-Istati Membri. Lanqas ma għandha tinftiehem bħala li taffettwa r-regoli u l-prattiki fl-Istati Membri dwar l-oneru tal-prova. Il-qrati nazzjonali spiss adottaw, fi ħdan is-sistemi legali tagħhom, approċċi prammatiċi biex jiġi ddeterminat l-ammont ta’ ħsarat li jridu jingħataw, inkluż l-użu ta’ suppożizzjonijiet, sostituzzjonijiet fl-oneru tal-prova, jew is-setgħa tal-qrati li jagħmlu l-aħjar stima approssimattiva. Il-gwida prattika hija maħsuba biex tipprovdi informazzjoni li tista’ tintuża fi ħdan il-kwadru tar-regoli u l-prattiki legali nazzjonali, mhux minflokhom. Skont ir-regoli legali applikabbli u fuq l-ispeċifiċitajiet ta’ kull każ, għalhekk jista’ jkun ukoll biżżejjed għall-partijiet li jipprovdu fatti u evidenza dwar l-ammont ta' danni li huma anqas dettaljati minn dawk meħtieġa minn xi metodi u tekniki msemmija fil-Gwida Prattika.

14.

Il-Gwida Prattika tispjega l-karatteristiċi partikolari, inklużi il-punti pożittivi u d-dgħjufijiet ta’ diversi metodi u tekniki disponibbli biex jikkwantifikaw id-dannu tal-antitrust. Hija kompetenza tal-liġi applikabbli li tiddetermina liema approċċ għall-kwantifikazzjoni jista’ jitqies xieraq fiċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ każ partikolari. Kunsiderazzjonijiet rilevanti jinkludu, flimkien mal-istandard u l-oneru tal-prova taħt ir-regoli legali applikabbli, id-disponibbiltà tad-dejta, l-ispejjeż u ż-żmien involuti u l-proporzjonalità tagħhom b’rabta mal-valur tat-talba għad-danni.

15.

Il-Gwida Prattika tippreżenta u tiddiskuti wkoll firxa ta’ eżempji prattiċi. Dawn juru l-effetti tipiċi li l-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE għandu tendenza li jkollu, u kif il-metodi u t-tekniki msemmija hawn fuq għall-kwantifikazzjoni tad-dannu jistgħu jiġu applikati fil-prattika.

16.

It-tagħrif ekonomiku dwar il-ħsara kkawżata mill-ksur tal-liġijiet tal-antitrust u l-metodi u t-tekniki għall-kwantifikazzjoni ta’ dan id-dannu jistgħu jevolvu matul iż-żmien flimkien ma’ riċerka teoretika u empirika u l-prattika ġudizzjarja f’dan il-qasam. Din il-Gwida Prattika għaldaqstant ma għandhiex titqies bħala rappreżentazzjoni komprensiva jew definittiva tat-tagħrif u l-metodi disponibbli.


(1)  Ara l-Artikolu 23(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 dwar l-implimentazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat, ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1. B'effett mill-1 ta' Diċembru 2009, l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat tal-KE saru l-Artikoli 101 u 102 TFUE. Is-sustanza tagħhom ma nbidlitx.

(2)  Il-linji gwida tal-Kummissjoni dwar il-metodu ta’ kif jiġu stabbiliti multi imposti skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, ĠU C 210, 1.9.2006, p. 2. fil-paragrafu 4.

(3)  Il-Kawża C-453/99, Courage u Crehan,[2001] ECR I-6297, il-Kawżi Konġunti C-295-298/04, Manfredi, [2006] ECR I-6619; Kawża C-360/09, Pfleiderer, [2011] ECR I-5161 u l-Kawża C-199/11, il-Komunità Ewropea v. Otis NV u oħrajn, [2012], għadhom mhux rapportati.

(4)  Il-Kawża C-453/99 Courage u Crehan [2001] ECR I-6297, 27; il-Kawżi Konġunti C-295-298/04, Manfredi, [2006] ECR I-6619, 91.

(5)  Il-Kawżi Konġunti C-295-298/04, Manfredi [2006] ECR I-6619, 31.

(6)  Il-Protokoll (Nru 27) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar is-suq intern u l-kompetizzjoni.

(7)  Il-Kawża C-453/99 Courage u Crehan [2001] ECR I-6297,19 u 23; il-Kawżi Konġunti C-295-298/04, Manfredi, [2006] ECR I-6619, 39.

(8)  Ara l-Artikolu 17 tal-Karta għall-protezzjoni tal-assi ta' individwu; id-dritt għal rimedju effettiv għal ksur tad-drittijiet garantiti mil-liġi tal-Unjoni huwa ddikjarat fl-Artikolu 47 tal-Karta.

(9)  Il-Kawża C-360/09, Pfleiderer, [2011] ECR I-5161, 28; kawża C-199/11, Il-Komunità Ewropea v. Otis NV u oħrajn, [2012], għadhom mhux rapportati, 43.

(10)  Il-Kawżi Konġunti C-295-298/04, Manfredi, [2006] ECR I-6619,95-96 u l-Kawżi Konġunti C-46/93 and C-48/93 Brasserie du Pêcheur u Factortame [1996] ECR I-1029, 87.

(11)  Il-Kawżi Konġunti C-295-298/04, Manfredi, [2006] ECR I-6619, 97, li jirreferu għall-Kawża C-271/91 Marshall [1993] ECR I-4367, 31.

(12)  Il-Kawża C-453/99 Courage u Crehan [2001] ECR I-6297, 29; il-Kawżi Konġunti C-295-298/04, Manfredi, [2006] ECR I-6619, 62.

(13)  Il-limiti ta’ dawn il-valutazzjonijiet ta’ sitwazzjoni ipotetika, ġew rikonoxxuti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-kwantifikazzjoni tat-telf ta’ qligħ f’kawża għad-danni kontra l-Komunità Ewropea, ara l-Kawżi Konġunti C-104/89 u C-37/90 Mulder u oħrajn v il-Kunsill [2000] ECR I-203, fil-paragrafu 79.


Top