Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013XC0426(01)

    Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas- 6 ta' Marzu 2013 rigward proċediment dwar l-impożizzjoni ta' multi skont l-Artikolu 23(2)(c) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 għan-nuqqas ta' konformità ma' impenn li sar vinkolanti b'deċiżjoni tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (Każ COMP/39.530 – Microsoft (irbit)) (notifikata bid-dokument C(2013) 1210 final)

    ĠU C 120, 26.4.2013, p. 15–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    26.4.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 120/15


    Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

    tas-6 ta' Marzu 2013

    rigward proċediment dwar l-impożizzjoni ta' multi skont l-Artikolu 23(2)(c) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 għan-nuqqas ta' konformità ma' impenn li sar vinkolanti b'deċiżjoni tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003

    (Każ COMP/39.530 – Microsoft (irbit))

    (notifikata bid-dokument C(2013) 1210 final)

    (It-Test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

    2013/C 120/06

    Fis-6 ta'Marzu 2013, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni rigward proċediment dwar l-impożizzjoni ta' multi skont l-Artikolu 23(2)(c) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003  (1) għan-nuqqas ta' konformità ma' impenn li sar vinkolanti b'deċiżjoni tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003. Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 30 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, il-Kummissjoni b’dan qiegħda tippubblika l-isem tal-parti u l-kuntest ewlieni tad-deċiżjoni, inklużi kwalunkwe pieni imposti, wara li kkunsidrat l-interess leġittimu tal-impriża fil-ħarsien tas-sigrieti kummerċjali tagħha.

    Il-kuntest tal-każ

    (1)

    Fis-16 ta' Diċembru 2009, il-Kummissjoni adottat Deċiżjoni dwar proċediment skont l-Artikolu 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, li għamlet vinkolanti l-impenji offruti minn Microsoft Corporation (“Microsoft”) biex tissodisfa t-tħassib tal-Kummissjoni, kif deskrit fid-Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet tal-14 ta' Jannar 2009 (“l-Impenji”). (2)

    (2)

    It-tħassib preliminari tal-Kummissjoni rigward l-irbit tal-web browser tal-Microsoft, l-Internet Explorer (“IE”), mal-client PC operating system dominanti tagħha il-Windows.

    (3)

    Sabiex tindirizza t-tħassib preliminari tal-Kummissjoni, Microsoft impenjat ruħha partikolarment li toffri lill-utenti tal-Windows għażla b'mod imparzjali fost web browsers differenti permezz ta' Skrin għall-Għażla fil-Windows XP, Windows Vista, Windows 7 u fil-Windows client PC operating systems mibjugħa waraWindows 7. Microsoft impenjat li turi l-Iskrin għall-Għażla lill-utenti tal-Windows fi-Żone Ekonomika Ewropea (“ŻEE”) li għandhom l-IE ssettjat bħala d-default web browser.

    Proċedura

    (4)

    Fis-17 ta' Ġunju 2012, il-Kummissjoni ġiet infurmata li possibbilment il-Microsoft naqset li żżomm mal-Impenji tagħha. Fl-4 ta' Lulju 2012, Microsoft irrikonoxxiet li naqset li turi l-Iskrin għall-Għażla lill-utenti tal-Windows 7 Service Pack 1 (“Windows 7 SP 1”).

    (5)

    Fis-16 ta' Lulju 2012, il-Kummissjoni ddeċidiet li terġa' tiftaħ u li tibda l-proċedimenti. Fl-24 ta' Ottubru 2012, il-Kummissjoni adottat Dikjarazzjoni ta' Oġġezzjonijiet. Fis-6 ta' Novembru 2012, Microsoft ingħatat aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni. Fit-2 ta' Diċembru 2012, Microsoft wieġbet għad-Dikjarazzjoni ta' Oġġezzjonijiet.

    (6)

    Fl-4 ta’ Marzu 2013, il-Kumitat Konsultattiv dwar Prattiċi Restrittivi u Pożizzjonijiet Dominanti ħareġ opinjoni favorevoli. Fil-5 ta' Marzu 2013, l-Uffiċjal tas-Seduta ħareġ ir-rapport finali tiegħu.

    Valutazzjoni legali u multi

    (7)

    Il-ksur jikkonsisti fin-nuqqas ta' konformità minn Microsoft mat-Taqsima 2 tal-Impenji billi ma wrietx l-Iskrin għall-Għażla lill-utenti fiż-ŻEE li għandhom l-IE ssettjat bħala d-default web browser.

    (8)

    Fid-dawl tal-argumenti ta' Microsoft, il-Kummissjoni kkonkludiet li n-nuqqas ta' konformità minn Microsoft dam 14-il xahar mis-17 ta' Mejju 2011 sas-16 ta' Lulju 2012. Il-Kummissjoni qieset ukoll li n-numru ta' utenti affetwati min-nuqqas ta' konformità minn Microsoft mat-Taqsima 2 tal-Impenji kien madwar 15,3 miljun.

    Negliġenza

    (9)

    Serje ta' żbalji u omissjonijiet tekniċi wasslu għan-nuqqas ta' Microsoft li tipprovdi Skrin għall-Għażla lill-utenti affetwati. Madankollu minħabba r-riżorsi u l-għarfien tagħha, Microsoft kellha tkun kapaċi li tevita tali żbalji u kellha jkollha proċessi aħjar biex tiżgura li l-Iskrin għall-Għażla kien jidher kif suppost lill-utenti affetwati.

    (10)

    Il-Kummissjoni kkonkludiet li Microsoft aġixxiet b'mod negliġenti.

    Gravità

    (11)

    Il-Kummissjoni tenfasizza li indipendentement miċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ, nuqqas ta' konformità ma' deċiżjoni ta' impenn huwa, fi prinċipju, ksur serju tal-liġi tal-Unjoni. (3)

    (12)

    F'dan il-każ in-nuqqas ta' konformità minn Microsoft mat-Taqsima 2 tal-Impenji huwa fil-qalba tat-tħassib tal-Kummissjoni dwar il-kompetizzjoni u l-obbligi tal-Microsoft kif stabbiliti fl-Impenji. In-numru ta' utenti affettwati, madwar 15,3 miljun, kien sinifikanti.

    (13)

    Għalhekk il-Kummissjoni tqis il-ksur li sar minn Microsoft bħala wieħed serju.

    It-tul ta’ żmien

    (14)

    It-tul ta' żmien tan-nuqqas ta' konformità minn Microsoft mat-Taqsima 2 tal-Impenji kien ta' 14-il xahar. Meta stabbilixxiet l-ammont tal-multa, il-Kummissjoni qieset li 14-il xahar huma parti sostanzjali mit-tul ta' żmien sħiħ tat-Taqsima 2 tal-Impenji (4 snin u 39 ġimgħa).

    Fatturi mitiganti

    (15)

    Id-Deċiżjoni kkonkludiet li l-fatt li Microsoft għenet lill-Kummissjoni biex tinvestiga b'mod aktar effiċjenti l-każ billi tipprovdi evidenza tan-nuqqas ta' konformità huwa fattur mitiganti. Microsoft ħarġet riżorsi biex tagħmel investigazzjoni fil-fond biex issib ir-raġuni għan-nuqqas ta' konformità.

    Effett deterrenti

    (16)

    Sabiex tiżgura li l-multa jkollha effett deterrenti, il-Kummissjoni qieset id-daqs u r-riżorsi ta' Microsoft. Għalhekk il-Kummissjoni qieset il-fatt li d-dħul ta' Microsoft fis-sena fiskali ta' bejn Lulju 2011 u Ġunju 2012, l-aħħar sena kompleta ta' Microsoft, kien USD 73,723 miljun (EUR 55,088 miljun).

    Il-multa

    (17)

    Fid-dawl tal-fatturi kollha deskritti hawn fuq, il-Kummissjoni stabbiliet il-livell tal-multa għal EUR 561 000 000, li jikkorrispondi għal 1.02 % tad-dħul ta' Microsoft fissena fiskali ta' bejn Lulju 2011 sa Ġunju 2012


    (1)  ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1.

    (2)  ĠU C 36, 13.2.2010, p. 7.

    (3)  Ara b'analoġija il-Kawża T-141/08 E.ON Energie AG vs il-Kummissjoni [2010] ECR II-5761, paragrafu 279.


    Top