Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012AR2077

    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Il-Kapitali Ewropej tal-Kultura għas-Snin 2020 sal-2033”

    ĠU C 17, 19.1.2013, p. 97–103 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    19.1.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 17/97


    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Il-Kapitali Ewropej tal-Kultura għas-Snin 2020 sal-2033”

    2013/C 17/15

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    jappoġġja bil-qawwa t-tkomplija tal-inizjattiva li tinkorpora r-rikkezza kulturali Ewropea fid-diversità sħiħa tagħha u li permezz tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini tappoġġja l-iżvilupp fit-tul ta’ spazju kulturali komuni Ewropew;

    jenfasizza l-bżonn li l-bliet applikanti jiżviluppaw programm kulturali speċifiku skont ir-riżorsi lokali u reġjonali tagħhom u jagħtuh dimensjoni Ewropea b’saħħitha. Dan il-programm għandu jkun ibbażat fuq direzzjoni strateġika effettiva u sostenibbli u għandu jkollu effetti pożittivi fit-tul fuq is-settur tal-kultura u l-post li qed iġorr it-titlu lil hinn mit-tul ta’ sena tal-inizjattiva;

    isejjaħ għall-parteċipazzjoni attiva tal-gruppi soċjali, reliġjużi, etniċi u kulturali kollha u ta’ kull età anki fl-implimentazzjoni tal-programm kulturali. Jeħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari liż-żgħażagħ sabiex dawn jitjibulhom l-opportunitajiet li jipparteċipaw fil-ħajja kulturali;

    jerġa’ jinsisti fuq il-bżonn li jiġu involuti ż-żoni ta’ madwar il-kapitali tal-kultura kif ukoll ir-reġjun estiż tal-madwar sabiex tiġi ffaċilitata wkoll il-parteċipazzjoni taż-żoni ġeografiċi li kibru u li ħafna drabi jestendu lil hinn mill-fruntieri tal-Istati Membri;

    jiġbed l-attenzjoni lejn il-benefiċċji li ġejjin mir-rwol importanti tal-Kumitat tar-Reġjuni b’rabta ma’ din l-inizjattiva. Għalhekk iqis raġonevoli u bżonjużi l-ħatra u l-parteċipazzjoni ta’ mill-inqas membru elett wieħed tal-Kumitat tar-Reġjuni fil-Bord Ewropew.

    Relatur

    Is-Sinjura VITOUCH (AT/PSE), Membru tal-Kunsill tal-Belt ta’ Vjenna

    Dokument ta’ referenza

    Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi Azzjoni tal-Unjoni għall-Kapitali Ewropej tal-Kultura għas-snin 2020 sal-2033

    COM(2012) 407 final

    I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    Kuntest ġenerali

    1.

    iqis l-inizjattiva tal-Kapitali Ewropej tal-Kultura bħala waħda mill-iktar miżuri ambizzjużi, estiżi u effettivi tal-UE fil-qasam tal-kultura li tenfasizza r-rikkezza, d-diversità u l-karatteristiċi komuni tal-iżvilupp kulturali lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew;

    2.

    jappoġġja bil-qawwa t-tkomplija tal-inizjattiva li tinkorpora r-rikkezza kulturali Ewropea fid-diversità sħiħa tagħha u li permezz tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini tappoġġja l-iżvilupp fit-tul ta’ spazju kulturali komuni Ewropew;

    3.

    jiġbed l-attenzjoni lejn il-benefiċċji li ġejjin mir-rwol importanti tal-Kumitat tar-Reġjuni b’rabta ma’ din l-inizjattiva. Għalhekk iqis raġonevoli u bżonjużi l-ħatra u l-parteċipazzjoni ta’ mill-inqas membru elett wieħed tal-Kumitat tar-Reġjuni fil-Bord Ewropew;

    4.

    jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea u jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu bil-kunsiderazzjoni estensiva li ngħataw l-aspetti lokali u reġjonali, billi dawn ġew enfasizzati fl-Opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KtR dwar “Il-Ġejjieni tal-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura” (1), li ser tħaffef il-parteċipazzjoni attiva tal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

    5.

    jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-Unjoni Ewropea, fil-qasam tal-kultura, skont l-Artikolu 6 tat-TFUE, hija responsabbli biss mill-miżuri, l-appoġġ, il-koordinazzjoni jew il-komplementarjetà tal-miżuri tal-Istati Membri u li skont l-Artikolu 3(3) tat-TUE għandha d-dmir li tħares ir-rikkezza tad-diversità kulturali u lingwistika tagħha u tipprovdi għall-ħarsien u l-iżvilupp tal-wirt kulturali tal-Ewropa;

    6.

    jinnota li l-proposta hija konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Il-Kumitat tar-Reġjuni jenfasizza madanakollu li dan il-prinċipju u t-tip ta’ kompetenza għandu jkollhom impatt fuq il-proċeduri proposti (post fuq il-Bord Ewropew, nomina, kriterji) sabiex b’hekk jirriflettu l-ispirtu tat-Trattati;

    Kummenti ġenerali

    7.

    jenfasizza l-bżonn li l-bliet applikanti jiżviluppaw programm kulturali speċifiku skont ir-riżorsi lokali u reġjonali tagħhom u jagħtuh dimensjoni Ewropea b’saħħitha. Dan il-programm għandu jkun ibbażat fuq direzzjoni strateġika effettiva u sostenibbli u għandu jkollu effetti pożittivi fit-tul fuq is-settur tal-kultura u l-post li qed iġorr it-titlu lil hinn mit-tul ta’ sena tal-inizjattiva;

    8.

    isejjaħ għall-parteċipazzjoni attiva tal-gruppi soċjali, reliġjużi, etniċi u kulturali kollha u ta’ kull età anki fl-implimentazzjoni tal-programm kulturali. Jeħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari liż-żgħażagħ sabiex dawn jitjibulhom l-opportunitajiet li jipparteċipaw fil-ħajja kulturali;

    9.

    jenfasizza mill-ġdid il-fehma tiegħu li b’mod partikolari l-kunċett tad-djalogu interkulturali flimkien mal-koeżjoni soċjali u territorjali jistgħu jagħtu kontribut fit-trażmissjoni tal-prinċipji tal-ħajja privata, soċjali u taċ-ċittadini bħas-solidarjetà, ir-responsabbiltà, it-tolleranza u r-rispett (2). Dawn il-prijoritajiet jippermettu lill-individwi kif ukoll lill-gruppi soċjali differenti li minkejja l-isfond kulturali differenti tagħhom jikkomunikaw flimkien u jgħixu flimkien abbażi tal-valuri Ewropej;

    10.

    fl-inizjattiva jara wkoll appoġġ sostenibbli u effettiv tal-industriji kulturali u kreattivi lokali u reġjonali u jenfasizza fl-istess waqt il-valur intrinsiku tal-produzzjoni artistika u kulturali Ewropea u l-promozzjoni u l-adozzjoni tagħha;

    11.

    jenfasizza l-bżonn ta’ żmien ta’ tħejjija profonda mifruxa fuq bosta snin, appoġġ espert (tħejjija tar-rakkomandazzjonijiet, evalwazzjoni u monitoraġġ) kif ukoll iż-żamma tal-istruttura li fuqha hija mibnija l-inizjattiva, jiġifieri dik ta’ sena sħiħa. Il-Kumitat tar-Reġjuni jilqa’ b’rabta ma’ dan it-titjib tal-evalwazzjoni mill-belt ikkonċernata stess b’akkumpanjament fuq livell Ewropew;

    12.

    jappoġġja l-proċess attwali ta’ selezzjoni li huwa magħmul minn żewġ fażijiet. L-ewwel fażi hija bbażata fuq sistema ta’ rotazzjoni bejn l-Istati Membri tal-UE. Din tipprovdi lill-bliet u r-reġjuni tal-Istati Membri tal-UE kollha l-istess opportunitajiet huma u japplikaw u tipprovdi wkoll bilanċ ġeografiku bejn il-postijiet tal-bliet ospitanti fl-UE;

    13.

    jiġbed l-attenzjoni lejn is-sinifikat ta’ strateġija fit-tul permezz tal-kapitali tal-kultura. Is-suċċess tagħha jiddependi fost elementi oħra mill-appoġġ politiku tal-livelli kollha, governanza tajba fl-oqsma kkonċernati kollha, il-ħatra ta’ tmexxija artistikament indipendenti u d-disponibbiltà tar-riżorsi finanzjarji affidabbli u għal bosta snin;

    14.

    jirrakkomanda li jsiru sforzi partikolari sabiex fil-qafas tal-proċess tal-għażla u permezz tal-miżuri adatti, jiġu mħeġġa japplikaw firxa wiesgħa ta’ bliet u reġjuni;

    15.

    jaqbel ma’ żieda fil-viżibbiltà tal-miżuri bħala inizjattiva tal-Unjoni Ewropea. Din għandha tkun element vinkolanti tal-istrateġija tal-Komunikazzjoni tal-Kapitali tal-Kultura li tintgħażel;

    16.

    jerġa’ jinsisti fuq il-bżonn li jiġu involuti ż-żoni ta’ madwar il-kapitali tal-kultura kif ukoll ir-reġjun estiż tal-madwar sabiex tiġi ffaċilitata wkoll il-parteċipazzjoni taż-żoni ġeografiċi li kibru u li ħafna drabi jestendu lil hinn mill-fruntieri tal-Istati Membri;

    17.

    jittama li l-Kummissjoni Ewropea tinkoraġġixxi l-użu tal-esperjenzi tal-kapitali kulturali Ewropej fid-dimensjonijiet transnazzjonali u transkonfinali tagħhom, peress li minn naħa dawn il-kapitali kulturali jaħdmu bħala “binomi transnazzjonali” u barra minn hekk il-kunċett ta’ “kapitali kulturali” qed ikollu dejjem aktar komponent transkonfinali fundamentali;

    18.

    iqis l-inizjattiva bħala kontribut potenzjali fil-Politika Ewropea tal-Viċinat kif ukoll fir-relazzjoni ma’ pajjiżi Ewropej oħra billi ma tgħinx biss biex issaħħaħ il-kooperazzjoni kulturali fl-UE iżda anki tgħin sabiex jiġu żviluppati rabtiet iktar mill-qrib bejn l-UE u l-pajjiżi qraba tagħha fil-Lvant u n-Nofsinhar bil-għan tal-promozzjoni tal-prosperità, l-istabbiltà u s-sigurtà fil-fruntieri esterni tal-UE. Għalhekk il-parteċipazzjoni fl-inizjattiva m’għandhiex tkun miftuħa biss għall-bliet mill-pajjiżi kandidati u l-kandidati potenzjali iżda anki għall-pajjiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat kif ukoll il-pajjiżi tal-EFTA.

    19.

    jirrakkomanda li s-sinerġiji jintużaw bl-iktar mod effettiv possibbli bil-għan li jsir l-aħjar użu mir-riżorsi finanzjarji disponibbli. B’rabta ma’ dan il-Kumitat jappella għall-iżvilupp ta’ mekkaniżmu affidabbli li jipprovdi l-inizjattiva b’appoġġ interkonness fil-qafas tal-bosta programmi tal-iżvilupp tal-UE;

    20.

    jilqa’ l-possibbiltà li fl-assenza ta’ kandidati bil-kwalifiki meħtieġa ma tinħatar l-ebda belt għat-titlu;

    Kummenti dwar artikoli speċifiċi

    Artikolu 5 –Kriterji

    21.

    jaqbel mal-iżvilupp ta’ kriterji tal-għażla espliċiti, trasparenti u ċari li jipprovdu lill-applikanti potenzjali b’iktar ċertezza huma u jħejju l-istrateġiji fit-tul tagħhom u b’mira strateġika mtejba huma u jwettquhom;

    22.

    jenfasizza l-importanza tal-ħolqien ta’ miżuri ġodda u sostenibbli li jippermettu lil bosta gruppi soċjali li jieħdu sehem u jaġixxu fl-attivitajiet kulturali b’mod partikolari ż-żgħażagħ, l-emarġinati u l-iżvantaġġjati, inklużi l-minoranzi. Għandha tingħata attenzjoni partikolari wkoll għall-aċċessibbiltà tal-attivitajiet tal-programm għall-persuni b’diżabilità u għall-anzjani;

    23.

    jenfasizza li l-kriterji m’għandhomx iwasslu għall-influwenza tal-Unjoni Ewropea fuq il-kontenut kulturali anki jekk din ma tkunx diretta;

    Artikolu 6 – Bord Ewropew u Artikolu 11 –Nomina

    24.

    jenfasizza l-importanza tal-Bord Ewropew għal din l-inizjattiva u huwa kritiku tar-riformi li tipproponi l-Kummissjoni Ewropea fir-rigward tal-ħatra tal-membri tal-bord. Huwa, b’mod partikolari, ma jilqax il-preselezzjoni tal-membri tal-bord kif ukoll it-telfa sħiħa tal-membri mill-Istati Membru kkonċernat;

    25.

    jenfasizza b’mod partikolari li l-introduzzjoni tal-Kummissjoni Ewropea ta’ forma ġdida ta’ nomina, li ġiet proposta wkoll fl-abbozz għal deċiżjoni u li tieħu post is-sistema attwali ta’ nomina mill-Kunsill, tista’ toħloq ir-riskju ta’ effett negattiv fuq l-identifikazzjoni simbolika u materjali tal-Istati Membri ma’ din l-inizjattiva u kemm jilqugħa;

    26.

    jipproponi għalhekk li tinżamm il-proċedura attwali tal-għażla tal-membri tal-bord Ewropew iżda f’forma modifikata. Barra minn hekk il-Kunsill għandu jkompli jaħtar il-Kapitali tal-Kultura;

    Artikolu 10 – Dispożizzjonijiet dwar pajjiżi mhux membri fl-UE

    27.

    huwa favur li l-inizjattiva tinfetaħ għal pajjiżi Ewropej oħra (il-pajjiżi tal-EFTA) u l-pajjiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat flimkien ma’ applikazzjonijiet mill-bliet fil-pajjiżi kandidati u fil-pajjiżi kandidati potenzjali;

    28.

    jemmen li flimkien mal-inizjattiva tal-Premju Melina Mercouri, li huwa l-kontribut finanzjarju tal-UE għal kull Kapitali tal-Kultura għandhom ikunu eżaminati l-possibilitajiet ta’ fondi oħra tal-UE u r-rikors għal finanzjamenti innovattivi, inkluż permezz tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI);

    29.

    fid-dawl ta’ bilanċ bejn il-bliet tal-Istati Membri jitlob li fil-perjodu ta’ bejn l-2020 u l-2033, kull belt tipparteċipa biss f’kompetizzjoni waħda għall-pajjiżi kandidati, għall-kandidati potenzjali, għall-pajjiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat u tal-EFTA.

    II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET SABIEX JITRESSQU L-EMENDI

    Emenda 1

    Artikolu 3(3)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    L-ibliet f’pajjiżi kandidati u pajjiżi kandidati potenzjali għandhom ukoll ikollhom il-possibbiltà li japplikaw għat-titolu ta’ Kapitali Ewropea tal-Kultura fil-qafas ta’ kompetizzjoni miftuħa organizzata kull tielet sena fl-istess żmien mal-kompetizzjonijiet fiż-żewġ Stati Membri, b’konformità mal-kalendarju fl-anness.

    Id-dispożizzjonijiet speċifiċi għall-ibliet f’pajjiżi kandidati u pajjiżi kandidati potenzjali huma stabbiliti fl-Artikolu 10.

    L-ibliet f’pajjiżi kandidati, u pajjiżi kandidati potenzjali, pajjiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat u tal-EFTA għandhom ukoll ikollhom il-possibbiltà li japplikaw għat-titolu ta’ Kapitali Ewropea tal-Kultura fil-qafas ta’ kompetizzjoni miftuħa organizzata kull tielet sena fl-istess żmien mal-kompetizzjonijiet fiż-żewġ Stati Membri, b’konformità mal-kalendarju fl-anness.

    Id-dispożizzjonijiet speċifiċi għal dawn il-ibliet f’pajjiżi kandidati u pajjiżi kandidati potenzjali huma stabbiliti fl-Artikolu 10.

    Raġuni

    Lista ta’ parteċipanti differenti skont il-programm ta’ appoġġ jew inizjattiva ftit li xejn tagħmel sens. Qed nipproponu għalhekk estensjoni tal-lista tal-Istati li jistgħu jipparteċipaw.

    Emenda 2

    Artikolu 4(1)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    Il-kompetizzjoni għat-titolu tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura għandha tkun miftuħa biss għall-ibliet. L-ibliet kandidati jistgħu jinvolvu r-reġjuni fil-madwar tagħhom. Madankollu, l-applikazzjonijiet għandhom isiru taħt l-isem tal-belt ewlenija u, jekk tingħażel, it-titolu jingħata lil din il-belt.

    Il-kompetizzjoni għat-titolu tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura għandha tkun miftuħa biss għall-ibliet. L-ibliet kandidati jistgħu jinvolvu r-reġjuni fil-madwar tagħhom jew iż-żona tal-madwar. Madankollu, l-applikazzjonijiet għandhom isiru taħt l-isem tal-belt ewlenija u, jekk tingħażel, it-titolu jingħata lil din il-belt.

    Raġuni

    Apparti r-reġjuni fil-madwar immedjat għandu jkun possibbli wkoll li tiġi involuta ż-żona tal-madwar.

    Emenda 3

    Artikoli 5(5b)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    il-ħolqien ta’ opportunitajiet ġodda u sostenibbli għal firxa wiesgħa ta’ ċittadini biex jattendu jew jipparteċipaw f'attivitajiet kulturali, partikolarment iż-żgħażagħ u l-emarġinati u l-iżvantaġġjati, inklużi l-minoranzi. Attenzjoni speċjali għandha tingħata wkoll, fejn ikun possibli, għall-aċċessibbiltà ta’ dawn l-attivitajiet għall-persuni b'diżabilità u għall-anzjani;

    il-ħolqien ta’ opportunitajiet ġodda u sostenibbli għal firxa wiesgħa ta’ ċittadini biex jattendu jew jipparteċipaw f'attivitajiet kulturali, partikolarment iż-żgħażagħ u l-emarġinati u l-iżvantaġġjati, inklużi l-minoranzi. Attenzjoni speċjali għandha tingħata wkoll, fejn ikun possibli, għall-aċċessibbiltà tal-attivitajiet għall-persuni b'diżabilità u għall-anzjani;

    Raġuni

    L-aċċess għall-persuni b’diżabilità u għall-anzjani m’għandux ikun limitat mill-bidu.

    Emenda 4

    Artikolu 6(1-3)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    1.

    Bord Ewropew ta’ esperti indipendenti ("Bord Ewropew") għandu jiġi stabbilit biex iwettaq il-proċeduri tal-għażla u l-monitoraġġ.

    2.

    Il-bord Ewropew għandu jkun jikkonsisti minn 10 membri. Dawn għandhom ikunu ċittadini tal-Unjoni. Huma għandhom ikunu esperti indipendenti b’esperjenza u kompetenza sostanzjali fis-settur kulturali, fl-iżvilupp kulturali tal-ibliet jew fl-organizzazzjoni tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura. Huma għandhom ukoll ikunu kapaċi jiddedikaw numru xieraq ta’ ġranet tax-xogħol fis-sena lill-bord Ewropew.

    Il-Kummissjoni għandha tagħżel minn qabel grupp ta’ membri tal-bord potenzjali wara l-organizzazzjoni ta’ sejħa ta’ turija ta’ interess. Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni sussegwentement għandhom jagħżlu tliet esperti kull wieħed minn dan il-grupp u jaħtruhom skont il-proċeduri rispettivi tagħhom. Il-Kumitat tar-Reġjuni għandu jagħżel espert u jaħtru/jaħtarha skont il-proċeduri tiegħu.

    Kull istituzzjoni u entità għandha tfittex li tiżgura li l-kompetenzi tal-esperti li hija taħtar ikunu kemm jista’ jkun komplementari, u li dawk l-esperti jintgħażlu minn medda adegwatament ibbilanċjata ġeografikament.

    Il-bord Ewropew għandu jinnomina l-president tiegħu.

    3.

    Il-membri tal-bord Ewropew għandhom jinħatru għal perjodu ta’ tliet snin. Iżda, b'deroga rigward l-ewwel bord li jrid jiġi stabbilit bid-Deċiżjoni preżenti, il-Parlament Ewropew għandu jaħtar it-tliet esperti tiegħu għal tliet snin, il-Kunsill għal sena, il-Kummissjoni għal sentejn u l-Kumitat tar-Reġjuni għandu jaħtar l-espert tiegħu għal sena sabiex ikun hemm sostituzzjoni rateali tal-membri tal-bord u b’hekk ma jkunx hemm telf ta’ esperjenza u know-how bħala konsegwenza kieku l-membri kollha kellhom jinbidlu simultanjament.

    1.

    Bord Ewropew ta’ esperti indipendenti ("Bord Ewropew") għandu jiġi stabbilit biex iwettaq il-proċeduri tal-għażla u l-monitoraġġ.

    2.

    Il-bord Ewropew għandu jkun jikkonsisti minn 110-il membru. Dawn għandhom ikunu ċittadini tal-Unjoni. Huma għandu jkollhom għandhom ikunu esperti indipendenti b’esperjenza u kompetenza sostanzjali fis-settur kulturali, fl-iżvilupp kulturali fil-livell lokali, reġjonali jew muniċipali tal-ibliet jew fl-organizzazzjoni tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura. Huma għandhom ukoll ikunu kapaċi jiddedikaw biżżejjed żmien numru xieraq ta’ ġranet tax-xogħol fis-sena lill-bord Ewropew.

    Il-Kummissjoni għandha tagħżel minn qabel grupp ta’ membri tal-bord potenzjali wara l-organizzazzjoni ta’ sejħa ta’ turija ta’ interess. Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jagħżlu tliet membri esperti kull wieħed minn dan il-grupp u jaħtruhom skont il-proċeduri rispettivi tagħhom. Il-Kumitat tar-Reġjuni għandu jagħżel espert membru u jaħtru/jaħtarha skont il-proċeduri tiegħu. Għandu jinħatar membru mill-Istat Membru kkonċernat f’konsultazzjoni mal-Kummissjoni. Fil-każ tal-applikazzjoni skont Artikolu 10, dan il-membru ser jiġi sostitut minn membru ieħor li taħtar il-Kummissjoni.

    Kull istituzzjoni u korp għandhom ifittxu li jiżguraw li l-kompetenzi tal-esperti membri li huma jagħżlu jkunu kemm jista' jkun komplementari, u li dawk l-espert il-membri jiġu minn medda adegwatament ibbilanċjata ġeografikament.

    Il-bord Ewropew għandu jinnomina l-president tiegħu.

    3.

    Il-membri tal-bord Ewropew maħtura mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Kumitat tar-Reġjuni għandhom jinħatru għal perjodu ta’ tliet erba’ snin. Iżda, b’deroga rigward l-ewwel bord li jrid jiġi stabbilit bid-Deċiżjoni preżenti, il-Parlament Ewropew għandu jaħtar it-tliet esperti tiegħu għal tliet snin, il-Kunsill għandu jaħtar il-membri tiegħu għal sentejn, għal sena,u il-Kummissjoni għal sentejn tliet snin u l-Kumitat tar-Reġjuni għandu jaħtar l-espert tiegħu għal sena sabiex ikun hemm sostituzzjoni rateali tal-membri tal-bord u b’hekk ma jkunx hemm telf ta’ esperjenza u know-how bħala konsegwenza kieku l-membri kollha kellhom jinbidlu simultanjament.

    Raġuni

    Il-KtR iqis b’mod kritiku l-preselezzjoni tal-membri tal-bord tal-għażla mill-Kummissjoni. Qed jipproponi bażikament għalhekk li tinżamm is-sistema attwali iżda f’forma kemxejn mibdula. Ir-rappreżentazzjoni tal-Istati Membri rilevanti fil-bord tal-għażla jeħtieġ li jiġi pruvat li hija ta’ valur.

    Emenda 5

    Artikolu 10 (1), (2) u (3)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    Dispożizzjonijiet dwar pajjiżi kandidati u pajjiżi kandidati potenzjali

    1.

    Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-organizzazzjoni tal-kompetizzjoni bejn l-ibliet fil-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi kandidati potenzjali.

    2.

    Il-Kummissjoni għandha tippubblika fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sejħa għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet sitt snin qabel il-bidu tas-sena tat-titolu. Din is-sejħa għandha tkun miftuħa għall-ibliet fil-pajjiżi kandidati u fil-pajjiżi kandidati potenzjali kollha, kemm-il darba dawn il-pajjiżi jipparteċipaw fil-Programm Ewropa Kreattiva jew fil-programmi tal-Unjoni sussegwenti ta’ appoġġ għall-kultura fid-data tal-pubblikazzjoni tas-sejħa.

    Iżda, għal raġunijiet ta’ ekwità mal-ibliet fl-Istati Membri, kull belt għandha biss titħalla tieħu sehem f'kompetizzjoni waħda għall-ibliet fil-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi kandidati potenzjali matul il-perjodu mill-2020 sal-2033, u ma għandux ikun possibbli li belt li ħadet sehem f’din il-kompetizzjoni tieħu sehem f’kull kompetizzjoni sussegwenti fi Stat Membru ġdid skont ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 3(2) matul l-istess perjodu.

    Barra minn hekk, ukoll għal raġunijiet ta’ ekwità mal-Istati Membri, kull pajjiż kandidat jew pajjiż kandidat potenzjali għandu jitħalla jospita t-titolu darba biss matul il-perjodu mill-2020 sal-2033. Għalhekk, l-ibliet minn pajjiżi li kienu diġà ngħataw it-titolu ma għandhomx jitħallew jieħdu sehem f'kompetizzjonijiet sussegwenti matul dak l-istess perjodu.

    3.

    Il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 4 u l-kriterji stipulati fl-Artikolu 5 għandhom japplikaw għall-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi kandidati potenzjali.

    Dispożizzjonijiet dwar pajjiżi oħra kandidati u pajjiżi kandidati potenzjali

    1.

    Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-organizzazzjoni tal-kompetizzjoni bejn l-ibliet fil-pajjiżi kandidati, i u l-pajjiżi kandidati potenzjali, u l-pajjiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat u tal-EFTA.

    2.

    Il-Kummissjoni għandha tippubblika fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sejħa għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet sitt snin qabel il-bidu tas-sena tat-titolu. Din is-sejħa għandha tkun miftuħa għall-ibliet fil-pajjiżi kandidati u fil-pajjiżi kandidati potenzjali kollha, kemm-il darba dawn il-pajjiżi jipparteċipaw fil-Programm Ewropa Kreattiva jew fil-programmi tal-Unjoni sussegwenti ta’ appoġġ għall-kultura fid-data tal-pubblikazzjoni tas-sejħa.

    Iżda, għal raġunijiet ta’ ekwità mal-ibliet fl-Istati Membri, kull belt għandha biss titħalla tieħu sehem f'kompetizzjoni waħda għall-ibliet fil-pajjiżi kandidati, i u l-pajjiżi kandidati potenzjali, u l-pajjiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat u tal-EFTA matul il-perjodu mill-2020 sal-2033, u ma għandux ikun possibbli li belt li ħadet sehem f’din il-kompetizzjoni tieħu sehem f’kull kompetizzjoni sussegwenti fi Stat Membru ġdid skont ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 3(2) matul l-istess perjodu.

    Barra minn hekk, ukoll għal raġunijiet ta’ ekwità mal-Istati Membri, kull pajjiż kandidat jew pajjiż kandidat potenzjali għandu jitħalla jospita t-titolu darba biss matul il-perjodu mill-2020 sal-2033. Għalhekk, l-ibliet minn pajjiżi li kienu diġà ngħataw it-titolu ma għandhomx jitħallew jieħdu sehem f'kompetizzjonijiet sussegwenti matul dak l-istess perjodu.

    3.

    Il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 4 u l-kriterji stipulati fl-Artikolu 5 għandhom japplikaw għal dawn il-pajjiżi għall-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi kandidati potenzjali.

    Raġuni

    Lista ta’ parteċipanti differenti skont il-programm ta’ appoġġ jew inizjattiva ftit li xejn tagħmel sens. Qed nipproponu għalhekk estensjoni tal-lista tal-Istati li jistgħu jipparteċipaw. Piż finanzjarju eċċessiv għandu jiġi evitat permezz tas-soluzzjonijiet adatti.

    Emenda 6

    Artikolu 11

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti implimentattivi, tinnomina uffiċjalment il-Kapitali Ewropej tal-Kultura, wara li tikkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-bord Ewropew. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat tar-Reġjuni bl-għażla tagħha.

    Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti implimentattivi, tinnomina uffiċjalment il-Kapitali Ewropej tal-Kultura, wara li tikkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-bord Ewropew. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat tar-Reġjuni bl-għażla tagħha.

    1.

    Bi ftehim mal-Istati Membri kkonċernati, il-Kummissjoni tinnomina belt sabiex tinħatar Kapitali Ewropea. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat tar-Reġjuni mhux iktar minn erba’ snin qabel il-bidu tal-avveniment in kwistjoni.

    In-notifika għandha tkun akkumpanjata minn ġustifikazzjoni għan-nomina bbażata fuq ir-rapporti tal-bord tal-għażla.

    In-nomina għandha tqis ir-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-bord tal-għażla.

    2.

    Il-Parlament Ewropew jista’ jressaq opinjoni lill-Kummissjoni mhux aktar tard minn tliet xhur wara li jaslu n-nominazzjonijiet.

    3.

    Il-Kunsill, hu u jaġixxi fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni magħmula fid-dawl tal-opinjoni tal-Parlament Ewropew u l-ġustifikazzjonijiet imsejsa fuq ir-rapporti tal-bordijiet tal-għażla, għandu jaħtar uffiċjalment l-ibliet imsemmija bħala Kapitali Ewropej tal-Kultura għas-sena li għaliha ġew nominati.

    Raġuni

    In-nomina tal-Kunsill hija ġustifikata abbażi tas-sinifikat tal-ħatra tal-Kapitali tal-Kultura. Artikolu 291(2) tat-TFUE jipprovdi espliċitament għall-possibbiltà li s-setgħat ta’ implimentazzjoni jingħataw lill-Kunsill fil-każijiet ġustifikati.

    Brussell, 30 ta’ Novembru 2012.

    Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

    Ramón Luis VALCÁRCEL SISO


    (1)  CdR 191/2011 fin.

    (2)  CdR 191/2011 fin.


    Top