This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52012AR1119
Opinion of the Committee of the Regions on ‘Towards a 7th Environment Action Programme: better implementation of EU environment law’
Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Lejn is-Seba’ Programm ta’ Azzjoni Ambjentali: implimentazzjoni aħjar tal-liġi tal-UE dwar l-ambjent”
Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Lejn is-Seba’ Programm ta’ Azzjoni Ambjentali: implimentazzjoni aħjar tal-liġi tal-UE dwar l-ambjent”
ĠU C 17, 19.1.2013, p. 30–36
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
19.1.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 17/30 |
Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Lejn is-Seba’ Programm ta’ Azzjoni Ambjentali: implimentazzjoni aħjar tal-liġi tal-UE dwar l-ambjent”
2013/C 17/07
IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
— |
jitlob li s-Seba’ Programm ta’ Azzjoni Ambjentali jappoġġja lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fir-rwol tagħhom fl-implimentazzjoni, b’mod partikolari bl-inklużjoni ta’ elementi bħal: parteċipazzjoni lokali u reġjonali akbar fil-proċess kollu tat-tfassil, it-traspożizzjoni u l-evalwazzjoni tal-leġislazzjoni tal-UE; politiki effettivi ibbażati fuq is-sors u l-espansjoni tal-possibbiltajiet għall-irkupru tal-ispejjeż għall-awtoritajiet lokali u reġjonali; enfasi fuq il-ġestjoni sostenibbli tal-ambjent urban, u t-twaqqif ta’ skadenza taż-żmien raġonevoli bejn l-adozzjoni tal-liġijiet u r-reviżjoni sussegwenti tagħhom; |
— |
jappoġġja t-titjib tal-istrutturar, it-tixrid proattiv u l-aċċessibbiltà tal-informazzjoni inkluż l-iżvilupp tal-implimentazzjoni strutturata u l-oqfsa tal-informazzjoni (SIIFs); l-appoġġ finanzjarju għandu jkun possibbli fil-qafas tal-assistenza teknika provduta mill-Fondi Strutturali 2007-2014 kif ukoll mill-programm futur LIFE; |
— |
jemmen li s-Seba’ Programm ta’ Azzjoni Ambjentali għandu jwassal biex l-UE u l-Istati Membri jimpenjaw ruħhom li jintroduċu strumenti ġodda u mtejba għall-implimentazzjoni bħal qafas ġenerali tal-UE dwar l-ispezzjonijiet u s-sorveljanza ambjentali; setgħat ta’ spezzjonali għall-Kummissjoni Ewropea; kriterji ġenerali għall-ġestjoni tal-ilmenti fil-livell nazzjonali u Direttiva dwar l-aċċess għall-ġustizzja; |
— |
jilqa’ l-“Ftehimiet ta’ implimentazzjoni ta’ sħubija” proposti; madankollu m’għandhomx jiġu mifthiema biss bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Istat Membru, iżda għandhom jinvolvu wkoll awtorità lokali u reġjonali, jew aktar, bil-għan li tiġi riflessa b’mod adegwat il-governanza f’diversi livelli; |
— |
jirrakkomanda li jittejbu r-riżultati ambjentali permezz tal-metodi innovattivi tal-governanza f’diversi livelli, anke billi jiġi estiż il-Patt tas-Sindki għall-użu effiċjenti tar-riżorsi u l-iżvilupp addizzjonali tal-Premju tal-Belt Kapitali Ekoloġika tal-Ewropa |
— |
jilqa’ l-appoġġ li l-Kummissjoni Ewropea tagħti fil-Komunikazzjoni tagħha lill-proposta tal-KtR li jiġi koorganizzat forum regolari biex jiġu diskussi l-problemi u s-soluzzjonijiet lokali u reġjonali fl-applikazzjoni tal-liġi tal-UE dwar l-ambjent. |
Relatur |
Il-Kunsilliera CANVER (UK/PSE), il-Borough ta’ Londra ta’ Haringey |
Dokument ta’ referenza |
Komunikazzjoni dwar Nisfruttaw aħjar il-benefiċċji tal-miżuri ambjentali tal-UE: nibnu l-fiduċja permezz ta’ għarfien u rispons aħjar COM(2012) 95 final |
I. RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA
IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
A. Kummenti ġenerali
1. |
ifakkar li din l-Opinjoni għandha tliet għanijiet:
|
2. |
jagħraf li filwaqt li l-Komunikazzjoni tal-2008 dwar l-implimentazzjoni tal-liġi ambjentali tal-UE (1) ffukat fuq is-setgħat ta’ infurzar tal-Kummissjoni Ewropea biex tittratta ksur fil-liġi tal-UE dwar l-ambjent, din il-Komunikazzjoni tal-2012 hija ffukata fuq kif tista’ titjieb l-implimentazzjoni permezz ta’ governanza tajba fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali. Dan jirrifletti l-kritika u r-rakkomandazzjonijiet preċedenti tal-KtR (2); |
3. |
jinnota li l-Komunikazzjoni għandha l-għan li ssaħħaħ id-djalogu mal-partijiet interessati, fosthom il-gvernijiet lokali u reġjonali, dwar kif jistgħu jaħdmu flimkien aħjar biex itejbu l-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE billi jtejbu l-ġbir u l-qsim tal-għarfien, ikollhom sjieda akbar u jirreaġixxu lkoll għall-indirizzar effettiv tal-problemi fil-prattika. Il-KtR jappoġġja l-fehma li l-għarfien u r-rispons huma elementi komplementarji tal-implimentazzjoni; |
4. |
jemmen li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom il-potenzjal biex jiksbu koerenza akbar fl-implimentazzjoni u l-infurzar b’diversi modi, b’mod partikolari billi jistabbilixxu miri u strateġiji ambjentali għall-perjodu fit-tul; permezz tal-mobilizzazzjoni taċ-ċittadini tagħhom; billi jistabbilixxu dipartimenti u servizzi li jaħdmu sew; jużaw il-fondi tal-UE biex jinvestu fl-infrastruttura ambjentali u s-servizzi tal-ekosistemi; permezz tal-adattament għat-tibdil fil-klima u t-tnaqqis tar-riskju tad-diżastri; billi japplikaw id-Direttivi SEA u EIA; u billi jippromovu t-trasparenza u l-aċċess għall-ġustizzja (3); |
5. |
madankollu, jagħraf li l-kompiti u r-regoli l-ġodda imposti mill-UE fuq il-gvern lokali u reġjonali f’dan il-qasam jistgħu jwasslu għal piż amministrattiv u żieda fl-ispejjeż. Il-KtR jaħseb li inizjattivi ġodda għandhom jiġu implimentati b’tali mod li ma jiżdiedx il-piż tal-ispejjeż u dak amministrattiv fuq il-gvernijiet lokali u reġjonali. Il-KtR għalhekk jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex twettaq valutazzjonijiet tal-impatt kif ukoll studji dwar dan is-suġġett. Filwaqt li jfakkar il-pożizzjonijiet stabbiliti sew tiegħu dwar il-piżijiet amministrattivi u fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat (4), jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex twettaq valutazzjoni tal-impatt fid-dettall dwar il-piż amministrattiv u regolatorju ta’ kwalunkwe inizjattiva ġdida tal-UE li tiġi stabbilita b’riżultat ta’ din il-Komunikazzjoni; |
B. Nagħmlu l-implimentazzjoni prijorità tas-Seba’ Programm ta’ Azzjoni Ambjentali
6. |
itenni l-fehma tiegħu li jinħtieġ is-Seba’ Programm ta’ Azzjoni Ambjentali, peress li l-Programm ta’ Azzjoni Ambjentali attwali skada fit-22 ta’ Lulju 2012 u hemm bżonn li tiġi żgurata l-kontinwità. Is-Seba’ Programm ta’ Azzjoni Ambjentali għandu jiżgura li l-għażliet ambjentali tal-UE jibqgħu ċari u prevedibbli biżżejjed għall-amministrazzjonijiet lokali u reġjonali (5); |
7. |
ifakkar fir-rakkomandazzjonijiet preċedenti tiegħu dwar in-natura ġenerali u l-prijoritajiet tas-Seba’ Programm ta’ Azzjoni Ambjentali (6), li enfasizzaw b’mod partikolari l-bżonn li s-Seba’ Programm ta’ Azzjoni Ambjentali jikkontribwixxi għall-ksib ta’ Ewropa li tagħmel użu effiċjenti mir-riżorsi fi ħdan il-qafas tal-Istrateġija Ewropa 2020 u viżjoni fit-tul tal-politika tal-UE dwar l-ambjent. Għandu wkoll jistabbilixxi miri, skedi ta’ żmien u azzjonijiet ċari għall-2020. Hemm bżonn li jiġu kkunsidrati bir-reqqa d-Dikjarazzjoni ta’ Rio+20 kif ġiet adottata mill-UNCSD fit-22 ta’ Ġunju 2012 u l-enfasi tagħha fuq ekonomija ekoloġika inklużiva u l-Għanijiet għal Żvilupp Sostenibbli għal wara l-2015, kif ukoll il-kontribut tal-KtR għas-Summit ta’ Rio (7); |
8. |
bi tħassib jinnota li l-acquis tal-UE dwar l-ambjent għadu ma ġiex implimentat biżżejjed u li l-implimentazzjoni sħiħa u l-infurzar fil-livelli kollha huma kruċjali biex jitjiebu l-qagħda tal-ambjent u s-saħħa pubblika, jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti għal kulħadd,tiġi stabbilita ċertezza regolatorja għall-industrija, u jiġu evitati distorsjonijiet fis-swieq (8). Sa tmiem l-2009, 18,8 % (544) tal-proċedimenti kollha kontra Stati Membri tal-UE minħabba ksur tal-leġislazzjoni tal-UE kienu relatati mal-ambjent; dan jindika d-dannu kontinwu lill-ambjent u d-distorsjoni tal-kompetizzjoni (9); |
9. |
jinnota, pereżempju, li huwa stmat li l-ispejjeż tan-nonimplimentazzjoni tal-leġislazzjoni attwali tal-UE dwar l-ambjent bejn wieħed u ieħor jammontaw għal madwar EUR 50 biljun fis-sena u jinkludu spejjeż marbuta mas-saħħa u spejjeż diretti għall-ambjent (10). Spejjeż oħra tan-nonimplimentazzjoni jinkludu l-opportunitajiet kummerċjali mitlufa, id-diversi spejjeż ta’ konformità, id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fost l-industriji tal-UE kif ukoll żieda fl-ispejjeż b’rabta mal-każijiet ta’ ksur. Huwa stmat li l-implimentazzjoni sħiħa tal-leġislazzjoni kolha dwar l-iskart tista’ twassal għal introjtu addizzjonali ta’ EUR 42 biljun għall-industrija tal-iskart (u tar-riċiklaġġ) u żieda ta’ madwar 400 000 impjieg ġdid (11). Huwa stmat li l-industrija ambjentali tal-UE għandha introjtu annwali ta’ aktar minn EUR 300 biljun, u għalhekk in-nuqqas ta’ ċertezza dwar il-linji gwida għall-implimentazzjoni u l-iskedi ta’ żmien jistgħu jwasslu għal spejjeż konsiderevoli f’termini ta’ opportunitajiet mitlufa (12). Jekk, minħabba każ ta’ ksur, ikollu jsir investiment fuq perjodu qasir ħafna x’aktarx li dan l-investiment ikun ogħla milli f’każ fejn l-implimentazzjoni tkun ġiet ippjanata aħjar; |
10. |
jitlob li l-implimentazzjoni tajba ssir objettiv prijoritarju tas-Seba’ Programm ta’ Azzjoni Ambjentali bil-għan li jiġi żgurat impenn għall-ksib ta’ riżultati ambjentali aħjar, b’mod partikolari dawk stabbiliti fil-Pjan Direzzjonali għal Ewropa b’Użu Effiċjenti tar-Riżorsi, il-Pjan Direzzjonali għal ekonomija b’użu baxx ta’ karbonju u l-Istrateġija dwar il-bijodiversità 2020; |
11. |
jitlob li s-Seba’ Programm ta’ Azzjoni Ambjentali jappoġġja lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fir-rwol tagħhom fl-implimentazzjoni, b’mod partikolari bl-inklużjoni ta’ elementi bħal:
|
12. |
jemmen li s-Seba’ Programm ta’ Azzjoni Ambjentali għandu jwassal biex l-UE u l-Istati Membri jimpenjaw ruħhom li jintroduċu strumenti ġodda u mtejba għall-implimentazzjoni, u jibnu wkoll fuq l-inizjattivi stabbiliti fil-Komunikazzjoni u deskritti fis-sezzjonijiet C u D, fosthom (13):
|
C. Intejbu l-għarfien dwar l-implimentazzjoni
13. |
għandu l-istess tħassib bħall-Kummissjoni Ewropea dwar l-isforzi inugwali ta’ monitoraġġ madwar l-Ewropa, fejn l-informazzjoni li qed tiġi ġenerata spiss mhux qed tkun kompluta, inkompatibbli jew mhux aġġornata. Mhux qed titqiegħed biżżejjed informazzjoni utli onlajn u spiss din mhux qed tiġi ppubblikata b’mod sistematiku. Il-KtR jirrikonoxxi li informazzjoni aħjar u aktar aċċessibbli fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali tippermetti li problemi ambjentali ewlenin jiġu identifikati minn qabel, u b’hekk jiġu ffrankati l-flus fil-perjodu fit-tul; |
14. |
jenfasizza r-rwol prinċipali li jaqdu l-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-ġbir tal-għarfien dwar l-implimentazzjoni. L-għan għandu jkun li jiġu żgurati l-konsistenza u l-kompatibbiltà tal-informazzjoni fil-livell nazzjonali u tal-UE u li din l-informazzjoni tkun effettiva u affidabbli; |
15. |
jemmen li t-trasparenza hija importanti biex jiġu stimolati implimentazzjoni u infurzar aħjar. Hemm bżonn li jiġu promossi l-investimenti fis-sistemi tal-informazzjoni onlajn li jagħmlu l-informazzjoni dwar l-ambjent u l-implimentazzjoni disponibbli lill-pubbliku ġenerali u lill-istituzzjonijiet pubbliċi, b’aktar sforzi fil-livelli governattivi kollha biex jixxerred u jiġi provdut b’mod proattiv l-aċċess għall-informazzjoni dwar l-ambjent; |
Sistemi tal-informazzjoni aktar effettivi dwar l-implimentazzjoni fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali
16. |
jinsisti li hi u ttejjeb id-Direttiva dwar l-aċċess għall-informazzjoni, kif previst fil-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni Ewropea għandha tiżgura li l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali tagħhom jimplimentaw sew ir-rekwiżiti minimi eżistenti tad-Direttiva, b’mod partikolari dawk dwar tixrid aktar proattivi, aġġornat u sistematiku tal-informazzjoni liċ-ċittadini, b’konformità mal-Konvenzjoni ta’ Aarhus (14); |
17. |
jappoġġja l-iżvilupp tal-implimentazzjoni strutturata u l-oqfsa tal-informazzjoni (SIIFs) għal-liġijiet kollha ewlenin tal-UE dwar l-ambjent, kif propost mill-Kummissjoni Ewropea. Madankollu, l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ informazzjoni simili għandu jkun effettiv u effiċjenti, b’tali mod li s-sistemi tal-Istati Membri individwali jintużaw aħjar u b’mod prattiku u flessibbli. Jitlob lill-Istati Membri biex jikkooperaw mal-Kummissjoni Ewropea bil-għan li jiġu implimentati tali SIIFs bil-parteċipazzjoni tal-gvern lokali u reġjonali; Il-KtR jemmen li l-SIIFs, flimkien mal-firxa ta’ inizjattivi ta’ Sistemi Komuni ta’ Informazzjoni Ambjentali (SEIS), għandhom iwasslu għal sistemi ta’ informazzjoni trasparenti fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali li jagħmlu l-informazzjoni aċċessibbli onlajn u jistgħu jippermettu li l-implimentazzjoni tiġi traċċata bl-aktar mod effiċjenti u fil-ħin, mill-awtoritajiet lokali u reġjonali, iċ-ċittadini, l-esperti u n-negozji (15); |
18. |
iqis li hemm bżonn ta’ aktar koordinazzjoni u armonizzazzjoni tad-domandi għad-data li jsiru lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, b’konformità mal-prinċipju “ipproduċi oġġett darba u użah bosta drabi”. Id-data ġġenerata bħala parti mill-obbligi ta’ rapportar taħt leġislazzjoni waħda sikwit tkun rilevanti għal atti leġislattivi oħra; |
19. |
madankollu jenfasizza li hemm bżonn jittejbu d-definizzjonijiet fid-Direttivi tal-UE biex ikun hemm kundizzjonijiet ekwivalenti fil-qasam tal-monitoraġġ u r-rappurtar, l-informazzjoni pubblika u l-infurzar, pereżempju l-possibbiltajiet differenti ta’ ġestjoni tal-iskart u flussi tal-iskart fid-Direttiva Qafas dwar l-Iskart; |
20. |
jagħti importanza kbira lill-impenn tal-Kummissjoni Ewropea biex tanalizza kif il-fondi tal-UE jistgħu jintużaw biex fl-Istati Membri, ir-reġjuni u l-muniċipalitajiet jiġu żviluppati, aġġornati u mnedija SIIFs u sistemi rilevanti ta’ informazzjoni interoperabbli, taħriġ rilevanti u żieda fil-kapaċità amministrattiva fejn ikun hemm bżonn. B’mod partikolari, dan l-appoġġ għandu jkun possibbli fil-qafas tal-assistenza teknika provduta mill-Fondi Strutturali 2007-2014 kif ukoll mill-programm futur LIFE; |
21. |
jitlob lill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) tanalizza, permezz ta’ proġetti piloti, kif il-pressjonijiet ta’ monitoraġġ u ta’ rappurtar fuq l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jitnaqqsu bis-saħħa tal-ICT u l-gvern elettroniku mingħajr ma jintlaqat l-impatt tal-leġislazzjoni; |
22. |
jappoġġja l-inizjattivi tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Istati Membri biex jisfruttaw l-opportunitajiet, inkluż f’termini ta’ tnaqqis tal-ispejjeż tal-monitoraġġ, ta’ tekniki għall-osservazzjoni tad-dinja, bħall-Monitoraġġ Globali tal-Ambjent u s-Sigurtà (GMES), biex titjieb l-effikaċja tal-monitoraġġ tal-implimentazzjoni fil-prattika (16). Dan jista’ jinkludi l-promozzjoni ta’ proġetti pilota mal-awtoritajiet lokali u reġjonali; |
23. |
jenfasizza l-importanza tad-Direttivi SEA u EIA bħala strumenti għall-parteċipazzjoni pubblika fil-livell lokali u reġjonali fil-qasam tal-politika ambjentali u jtenni t-talba tiegħu biex fir-reviżjoni li jmiss tad-Direttiva EIA jissaħħu l-arranġamenti biex il-konsultazzjonijiet pubbliċi dwar l-EIA jibdew kmieni kemm jista’ jkun, pereżempju fl-istadju preliminari tad-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni u tal-iskrining, biex b’hekk ukoll l-istadji suċċessivi u l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet mill-awtoritajiet kompetenti jsiru aktar malajr, u biex jiġu inklużi rekwiżiti minimi dwar kif id-dokumentazzjoni dwar l-EIA tista’ tkun disponibbli għall-pubbliku kkonċernat (17); |
Intejbu l-informazzjon fil-livell tal-UE
24. |
jappoġġja l-ħtieġa ta’ data u mapep ġeoreferenzati onlajn dwar l-ambjent, li jitqassmu aħjar, b’mod sistematiku u proattiv madwar l-UE kollha, bil-għan li jinħolqu kundizzjonijiet ekwivalenti u jiġu kkomplementati sistemi ta’ informazzjoni mtejba fi ħdan l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali; |
25. |
jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li testendi l-approċċ użat fid-Direttiva dwar l-ilma għall-għawm għal-liġijiet rilevanti kollha tal-UE dwar l-ambjent, filwaqt li tibni wkoll fuq eżerċizzji pilota li qed jitħejjew bħalissa mill-EEA dwar il-kwalità tal-arja u l-iskart; |
26. |
jirrikonoxxi r-rwol tal-EEA fl-ipproċċessar tad-data tal-monitoraġġ li ressqu l-Istati Membri lill-Kummissjoni, u jappoġġja wkoll ir-rwol dejjem akbar tagħha fl-appoġġ tal-analizi mill-Kummissjoni Ewropea tar-rapporti ta’ implimentazzjoni tal-Istati Membri; jitlob għal rwol akbar ta’ koordinazzjoni tal-EEA fl-iżgurar tal-konsistenza u l-kompatibbiltà fil-ġbir u t-tqabbil tad-data differenti fil-livell tal-UE, kif isir permezz ta’ diversi għodod, pereżempju INSPIRE, SEIS, GMES, GEOSS u EyeonEarth; |
27. |
jistenna li l-Kummissjoni Ewropea timxi ’l quddiem bis-SEIS (Sistema Komuni ta’ Informazzjoni Ambjentali) u li tippreżenta l-Pjan ta’ Implimentazzjoni tas-SEIS dalwaqt fl-2012, tispjega s-sitwazzjoni attwali u tistabbilixxi kif jista’ jsir titjib; |
28. |
jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tippubblika l-istudji dwar il-verifika tal-konformità li tikkummissjona b’mod regolari dwar l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni tal-UE dwar l-ambjent mis-27 Stat Membru bil-għan li tippermetti diskussjonijiet demokratiċi dwar il-qagħda tal-liġi dwar l-ambjent; |
D. Intejbu r-rispons
Intejbu l-ispezzjonijiet u s-sorveljanza
29. |
itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni Ewropea biex tressaq qafas ġenerali tal-UE dwar l-ispezzjonijiet u s-sorveljanza ambjentali (18). Qafas bħal dan għandu jippermetti lill-Istati Membri japplikaw il-linji gwida b’mod flessibbli filwaqt li jiksbu livell għoli ta’ konsistenza fl-applikazzjoni; |
30. |
mil-lat ta’ regolamentazzjoni aħjar, il-qafas Ewropew għall-ispezzjonijiet għandu jsir il-qafas ċentrali tal-leġislazzjoni ambjentali tal-UE. Id-dispożizzjonijiet speċjali fid-direttivi settorjali tal-UE għall-ambjent għandhom jiġu evitati kemm jista’ jkun. F’każ li dawn id-dispożizzjonijiet speċjali fid-direttivi settorjali jkunu indispensabbli, għandhom ikunu konformi mal-qafas; |
31. |
jemmen li qafas għall-UE kollha għall-ispezzjonijiet nazzjonali jista’ jnaqqas il-kompetizzjoni mhux ġusta bejn ir-reġjuni u l-muniċipalitajiet tal-UE minħabba sistemi differenti ta’ spezzjonar jew in-nuqqas tagħhom, jiżgura kundizzjonijiet ekwivalenti għall-azzjoni legali u jtejjeb il-kooperazzjoni transkonfinali u l-konsistenza madwar l-UE. Il-forma u l-kontenut tal-ispezzjonijiet għandhom jiġu regolati mill-pajjiż u żviluppati fil-livell lokali u reġjonali, iżda fuq il-bażi tal-prinċipji ġenerali stabbiliti mill-qafas tal-UE, inkluż approċċ armonizzat u bbażat fuq ir-riskju (19) u l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, bil-kooperazzjoni tal-aġenziji nazzjonali għall-protezzjoni tal-ambjent, tista’ taqdi rwol importanti fl-identifikar u l-promozzjoni tagħhom; |
32. |
jemmen li l-Kummissjoni Ewropea għandu jkollha l-possibbiltà li tinvestiga każijiet fejn ikun hemm suspett li l-liġi tal-UE dwar l-ambjent ma tkunx ġiet irrispettata. Bħalissa jeżistu possibbiltajiet ta’ investigazzjoni bħal dawn fl-oqsma tal-unjoni doganali, l-agrikoltura, is-sajd, il-politika reġjonali, il-kompetizzjoni, il-politika veterinarja u dik finanzjarja (20). Il-possibbiltajiet ta’ investigazzjoni simili mill-Kummissjoni Ewropea jistgħu jkunu f’kunflitt fl-Istati Membri. Dawn l-investigazzjonijiet għalhekk għandhom iqisu r-regoli applikabbli għall-monitoraġġ tal-intergovernanza fis-seħħ fl-Istat Membru partikolari. Barra minn hekk, l-investigazzjonijiet mill-Kummissjoni Ewropea għandhom isiru kemm jista’ jkun skont il-proċedura ta’ ksur normali tal-UE; |
33. |
iqis li huwa essenzjali li, bħala azzjoni komplementari, il-Kummissjoni Ewropea tressaq rapport dwar modi possibbli biex jissaħħaħ in-Netwerk tal-UE għall-Implimentazzjoni u l-Infurzar tal-Liġi Ambjentali (IMPEL), inkluż b’mod partikolari l-iżgurar ta’ appoġġ finanzjarju adegwat fit-tul għall-IMPEL, iż-żieda fl-użu sistematiku tal-IMPEL għal spezzjonijiet ta’ reviżjoni bejn il-pari, u l-ħidma tiegħu fir-rigward tal-identifikazzjoni u l-qsim tal-prattika tajba, kif ukoll li din il-ħidma tiġi estiża għal-livelli lokali u reġjonali (21); |
Ġestjoni aħjar tal-ilmenti u l-medjazzjoni fil-livell nazzjonali
34. |
jesprimi t-tħassib tiegħu dwar id-defiċits u n-nuqqas ta’ rimedji f’ħafna sistemi ta’ ġestjoni tal-ilmenti li jwasslu biex iċ-ċittadini jindirizzaw lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament Ewropew jew lill-Ombudsman tal-UE, li huma mgħobbija wisq bl-ilmenti; |
35. |
jappoġġja l-proposti għal kriterji ġenerali għall-ġestjoni nazzjonali tal-ilmenti, inkluż għar-riżoluzzjoni tat-tilwim bħall-medjazzjoni, abbażi ta’ dispożizzjoni speċifika reċenti dwar mekkaniżmi nazzjonali għar-riżoluzzjoni tal-ilmenti u t-tilwim fil-leġislazzjoni tal-konsumatur (22). Il-kriterji jistgħu jinkludu pereżempju salvagwardji ġenerali dwar il-kunfidenzjalità u l-puntwalità, dwar il-bżonn li tiġi provduta informazzjoni onlajn għaċ-ċittadini dwar kif ġiet solvuta problema u biex iċ-ċittadini u l-NGOs ikollhom istituzzjonijiet lokali indipendenti fejn iressqu l-ilmenti, filwaqt li jitqiesu l-obbligi tal-aċċess għall-ġustizzja li jirriżultaw mill-Konvenzjoni ta’ Aarhus mingħajr ma jintlaqat id-dritt ġenerali li jitressaq ilment quddiem l-istituzzjonijiet tal-UE; |
Intejbu l-aċċess għall-ġustizzja
36. |
jinnota li għalkemm il-proposta tal-2003 għal Direttiva dwar l-aċċess għall-ġustizzja fir-rigward ta’ kwistjonijiet ambjentali għadha ma ġietx adottata bħala strument legali, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE kkonfermat li l-qrati nazzjonali għandhom jinterpretaw l-aċċess għar-regoli tal-ġustizzja b’mod li jkun konformi mal-Konvenzjoni ta’ Aarhus (23). Minħabba ġurisprudenza li tipprevedi aċċess akbar għall-qrati għaċ-ċittadini u l-NGOs, il-qrati nazzjonali, l-awtoritajiet lokali u reġjonali u dawk li għandhom interessi ekonomiċi u ambjentali issa qed jiffaċċjaw inċertezza dwar kif jindirizzaw din l-isfida; |
37. |
għaldaqstant itenni li hemm bżonn li titnieda mill-ġdid id-Direttiva dwar l-aċċess għall-ġustizzja, li bħalissa tinsab imwaqqfa (24). B’hekk jistgħu jiġu eliminati d-differenzi eżistenti f’ħafna Stati Membri peress li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 9(3) u (4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Iwassal ukoll għal titjib fir-rwol tal-pubbliku bħala xprun ta’ infurzar aħjar tal-liġi dwar l-ambjent fil-livelli kollha. Din il-Komunikazzjoni ma tesprimix b’mod espliċitu l-mod kif il-Kummissjoni Ewropea beħsiebha ssolvi din il-kwistjoni; |
Intejbu r-riżultati ambjentali permezz tal-bini tal-kapaċità u l-implimentazzjoni tal-ftehimiet li jimpenjaw l-Istati Membri
38. |
jilqa’ l-appoġġ li l-Kummissjoni Ewropea tagħti fil-Komunikazzjoni tagħha lill-proposta tal-KtR li jiġi koorganizzat forum regolari biex jiġu diskussi l-problemi u s-soluzzjonijiet lokali u reġjonali fl-applikazzjoni tal-liġi tal-UE dwar l-ambjent (25). Forum bħal dan jista’ jwassal għal djalogu kontinwu u l-iskambju ta’ esperjenza bejn dawk li jaħdmu fil-qasam tal-ambjent fi ħdan l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-assoċjazzjonijiet tagħhom u fi ħdan il-pjattaformi u n-netwerks konsultattivi tal-KtR, flimkien mal-Kummissjoni Ewropea; |
39. |
jilqa’ l-fatt li l-istrument il-ġdid ta’ “Ftehimiet ta’ implimentazzjoni ta’ sħubija” tal-Kummissjoni Ewropea jirrifletti b’mod wiesa’ talba preċedenti tal-KtR (26) lill-UE biex testendi l-ħidma pilota li diġà kienet saret mill-Kummissjoni Ewropea fl-2002 dwar ftehimiet u kuntratti tripartitiċi (27). Il-KtR jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tipprovdi aktar informazzjoni u gwida dwar kif beħsieba tfassal u timplimenta l-istrument; |
40. |
jemmen li l-ftehimiet ta’ implimentazzjoni ta’ sħubija m’għandhomx jiġu mifthiema biss bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Istat Membru, iżda għandhom jinvolvu wkoll awtorità lokali u reġjonali, jew aktar, bil-għan li tiġi riflessa b’mod adegwat il-governanza f’diversi livelli, u b’hekk isiru ftehim ta’ implimentazzjoni tripartit; |
41. |
jemmen li l-ftehimiet ta’ implimentazzjoni tripartitiċi jistgħu jikkontribwixxu għall-ksib tal-implimentazzjoni ta’ ċerti politiki ambjentali tal-UE meta l-istrumenti tradizzjonali ma jkunux biżżejjed biex isolvu problemi ambjentali u ta’ nuqqas ta’ konformità emerġenti jew kontinwi. Il-ftehimiet għandhom iwasslu għal impenn ċar min-naħa tal-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jistabbilixxu l-miżuri meħtieġa, kif ukoll min-naħa tal-UE biex tipprovdi appoġġ. Dawn l-impenji għandhom jiġu formalizzati b’objettivi u skedi ta’ żmien li jistgħu jinkisbu u li huma disponibbli pubblikament sabiex ikunu soġġetti għal skrutinju; |
Intejbu r-riżultati ambjentali permezz tal-metodi innovattivi tal-governanza f’diversi livelli
42. |
jiddispjaċih li l-Komunikazzjoni ma tirriflettix il-propsota tal-KtR li, b’mod konġunt, jiġu kkunsidrati modi speċifiċi dwar kif jista’ jiġi estiż il-Patt tas-Sindki biex ikopri oqsma ewlenin tal-Pjan Direzzjonali għal Ewropa b’Użu Effiċjenti tar-Riżorsi, bħall-bijodiversità u l-użu tal-art, il-ġestjoni tal-iskart u tal-ilma u t-tniġġis (28). Il-KtR jemmen li dan jista’ jiffaċilita l-implimentazzjoni tal-politika tal-UE dwar l-ambjent b’metodu innovattiv ta’ governanza f’diversi livelli, li jippromovi l-impenn proattiv tal-awtoritajiet lokali u reġjonali għall-implimentazzjoni minflok jibbaża fuq l-infurzar sempliċi tal-liġi tal-UE; |
43. |
jiddispjaċih li l-Komunikazzjoni ma tirreferix għall-Premju tal-Belt Kapitali Ekoloġika tal-Ewropa mogħti mill-Kummissjoni Ewropea, premju li l-KtR jappoġġja bis-sħiħ bħala mezz importanti biex jiġu enfasizzati l-bliet li jagħtu eżempju u li huma innovaturi fl-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE dwar l-ambjent, u li jaqsmu l-esperjenzi tagħhom ma’ bliet oħra. Għal dan il-għan, il-KtR itenni r-rakkomandazzjonijiet li għamel fl-2010 dwar l-iżvilupp ulterjuri tal-Premju (29); |
44. |
jenfasizza li l-problemi ambjentali u tat-tibdil fil-klima ma jistgħux jiġu solvuti minn livell amministrattiv wieħed, u lanqas il-politika tal-UE ma tista’ tiġi implimentata minn livell wieħed ta’ governanza. Hemm bżonn approċċ f’diversi livelli fejn kull livell ta’ gvern (Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali) għandu jassumi r-responsabbiltà tiegħu u jadotta l-miżuri li jistgħu u għandhom jiġu adottati fil-livell tiegħu. Il-Kumitat jappoġġja approċċ f’diversi livelli u jirrakkomanda li jitwaqqfu gruppi b’membri minn diversi livelli amministrattivi fl-Istati Membri fejn esperti minn diversi livelli ta’ governanza jaħdmu flimkien biex ifasslu pjani ta’ implimentazzjoni nazzjonali (30). |
E. Is-sussidjarjetà, il-proporzjonalità u regolamentazzjoni aħjar
45. |
ifakkar li l-politika ambjentali hija qasam fejn il-kompetenzi huma kondiviżi bejn l-UE u l-Istati Membri, u b’hekk japplika l-prinċipju tas-sussidjarjetà; |
46. |
jinnota li l-Kummissjoni Ewropea ma tagħmel l-ebda valutazzjoni tal-għażliet differenti spjegati f’termini tal-kompattibbiltà tagħhom mal-prinċipju tas-sussidjarjetà; iqis li l-għażliet preżentati fil-Komunikazzjoni huma miftuħa għad-diskussjoni u r-riflessjoni f’dan l-istadju, u għalhekk għadhom mhux żviluppati biżżejjed biex il-KtR jifforma opinjoni definittiva u ħafna jiddependi minn jekk (u kif) il-Kummissjoni Ewropea tiddeċidix li tkompli b’xi wħud minnhom; |
47. |
b’din ir-riżerva, jieħu nota tal-kontributi tan-Netwerk għall-Monitoraġġ tas-Sussidjarjetà, li ġeneralment jindikaw li l-għażliet fil-Komunikazzjoni, meta jkunu formulati bis-sħiħ, mhux suppost jirrappreżżentaw ksur sinifikanti tas-sussidjarjetà (31). |
48. |
madankollu jinnota li għalkemm in-Netwerk għall-Monitoraġġ tas-Sussidjarjetà jappoġġja l-aġġornament tal-qafas eżistenti għall-ispezzjonijiet, jista’ jagħti l-każ li n-Netwerk jopponi li dan l-aġġornament ikun vinkolanti u li jinħoloq korp ta’ spezzjoni tal-UE. Bl-istess mod, filwaqt li l-kriterji għall-ġestjoni tal-ilmenti huma appoġġjati mill-Istati Membri, xi membri tan-Netwerk għall-Monitoraġġ tas-Sussidjarjetà jippreferu li dawn ma jkunux rakkomandazzjonijiet vinkolanti. Jidher li hija idea aċċettata li l-UE tiddefinixxi l-kundizzjonijiet għal aċċess effiċjenti u effettiv għall-qrati nazzjonali fir-rigward tal-liġi tal-UE dwar l-ambjent. |
Brussell, 30 ta’ Novembru 2012.
Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni
Ramón Luis VALCÁRCEL SISO
(1) COM(2008) 773 final.
(2) CdR 164/2010 fin.
(3) CdR 164/2010 fin, CdR 38/2010 fin, CdR 199/2009 fin, CdR 89/2009 fin.
(4) “L-abbozzi ta’ atti leġislattivi għandhom iqisu l-ħtieġa li kwalunkwe piż, kemm finanzjarju kif ukoll amministrattiv, li jaqa’ fuq l-Unjoni, fuq il-gvernijiet nazzjonali, fuq l-awtoritajiet reġjonali jew lokali, fuq l-operaturi ekonomiċi u fuq iċ-ċittadini, ikun minimizzat kemm jista’ jkun u jkun proporzjonat ma’ l-objettiv li jrid jintlaħaq.” [Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, Protokoll Nru 2, Artikolu 5].
(5) CdR 164/2010 fin, Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta’ April 2012 (2011/2194(INI)).
(6) CdR 164/2010 fin.
(7) CdR 187/2011 fin.
(8) Ara wkoll ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta’ April 2012 (2011/2194(INI)), il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar “Intejbu l-Istrumenti tal-Politika Ambjentali”, 20 ta’ Diċembru 2010.
(9) Is-sit elettroniku tal-Kummissjoni Ewropea “Statistics on environmental infringements” (Statistika dwar il-ksur tal-liġi dwar l-ambjent – mhux disponibbli bil-Malti).
(10) L-istudju “The costs of not implimenting the environmental acquis” (L-ispiża tan-nonimplimentazzjoni tal-acquis dwar l-ambjent) (mhux disponibbli bil-Malti), COWI 2011, ikkummissjonat mill-Kummissjoni Ewropea.
(11) Studju “Implementing EU Waste Legislation for Green Growth” (L-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni tal-UE dwar l-iskart għal tkabbir ekoloġiku) (mhux disponibbli bil-Malti), Bio Intelligence Service 2011, ikkummissjonat mill-Kummissjoni Ewropea.
(12) L-istudju “The costs of not implementing the environmental acquis” (L-ispejjeż tan-nonimplimentazzjoni tal-acquis dwar l-ambjent”) (mhux disponibbli bil-Malti), COWI 2011.
(13) CdR 164/2010 fin, CdR 140/2011 fin.
Ara wkoll ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta’ April 2012 (2011/2194(INI)), il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-Seba’ Programm ta’ Azzjoni Ambjentali, 11 ta’ Ġunju 2012, il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar “Is-Sitt Programm ta’ Azzjoni tal-Komunità Ambjentali u t-triq ’il quddiem: Lejn is-Seba’ Programm ta’ Azzjoni Ambjentali tal-UE”, 10 ta’ Ottubru 2011.
(14) Il-Konvenzjoni NU/KEE dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali.
(15) Il-Kummissjoni Ewropea tagħti bħala eżempju: għall-implimentazzjoni nazzjonali, reġjonali u lokali tar-regoli tal-UE dwar l-ilma tax-xorb, għandna nkunu nistgħu nidentifikaw fuq mappa l-punti ta’ estrazzjoni, iż-żoni ta’ protezzjoni tas-sors, l-impjanti tal-ipproċessar u n-netwerks tad-distribuzzjoni u għandu jkollna rabtiet mal-informazzjoni relatata bħall-programmi għat-tnaqqis tat-tnixxijiet (Kummissjoni Ewropea, MEMO/12/159) (mhux disponibbli bil-Malti).
(16) Ara wkoll CdR 163/2011 fin.
(17) CdR 38/2010 fin.
(18) CdR 164/2010 fin.
(19) CdR 164/2010 fin.
(20) Ara wkoll ClientEarth 2012: The 7th Environment Action Programme and Enforcement.
(21) Ara wkoll CdR 164/2010 fin, IMPEL 2012 Response to the 7EAP consultation (Ir-Rispons tal-IMPEL 2012 għall-konsultazzjoni dwar is-Seba’ Programm ta’ Azzjoni Ambjentali) (mhux disponibbli bil-Malti), ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament tal-20 ta’ April 2012 (2011/2194(INI), il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar “Intejbu l-Istrumenti tal-Politika Ambjentali”, 20 ta’ Diċembru 2010.
(22) Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE; ĠU L 211, 14.8.2009.
(23) Il-Kawża C-240/09.
(24) CdR 164/2010 fin.
(25) COM(2012) 95 final, p. 10. Ittra tal-Kummissarju Potocnik tal-5 ta’ Lulju 2012.
(26) CdR 164/2010 fin.
(27) CdR 89/2009 fin, COM(2002) 709 finali.
(28) CdR 140/2011 fin, CdR 164/2010 fin, COM(2011) 571 final.
(29) CdR 164/2010 fin.
(30) It-twaqqif ta’ dawn il-gruppi ġie rrakkomandat f’CdR 164/2010 fin.
(31) Ir-riżultati huma disponibbli hawnhekk: http://extranet.cor.europa.eu/subsidiarity/Pages/default.aspx