Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012XR2263

    Riżoluzzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “In-negozjati li għaddejjin bħalissa dwar il-qafas finanzjarju pluriennali”

    ĠU C 17, 19.1.2013, p. 6–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    19.1.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 17/6


    Riżoluzzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “In-negozjati li għaddejjin bħalissa dwar il-qafas finanzjarju pluriennali”

    2013/C 17/02

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    wara li kkunsidra l-Opinjoni riveduta tiegħu dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali wara l-2013 li ġiet adottata fid-9 ta’ Ottubru 2012;

    wara li kkunsidra l-abbozz ta’ konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew;

    1.

    jiddispjaċih li l-Kunsill Ewropew tat-22 u t-23 ta’ Novembru 2012 ma setax jilħaq ftehim dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali l-ġdid wara l-2013;

    2.

    jenfasizza l-importanza li jintlaħaq ftehim u jwissi dwar il-konsegwenzi tad-dewmien għat-tħejjija tal-programmazzjoni, b’mod partikolari tal-Qafas Strateġiku Komuni għall-fondi wara l-2014 li se jkollhom impatt serju fuq l-investimenti li jridu jsiru fir-reġjuni u l-bliet tal-UE;

    3.

    jieħu nota tar-rikonoxximent mill-Kunsill Ewropew li “Il-baġit Ewropew huwa importanti għall-koeżjoni tal-Unjoni u għall-impjiegi u t-tkabbir fil-pajjiżi kollha tagħna”; madankollu, dan ir-rikonoxximent mhuwiex kompatibbli mal-proposti għat-tnaqqis fil-politika ta’ koeżjoni minn xi Stati Membri; jenfasizza li fi kwalunkwe każ hemm bżonn iktar ħin biex jingħataw iktar dettalji dwar il-konsegwenzi konkreti taċ-ċifri fuq il-politiki u l-proposti li qed jiġu negozjati bħalissa;

    4.

    jenfasizza li fl-istess ħin il-Kumitat tar-Reġjuni, bħala korp tal-UE li jirrappreżenta lill-awtoritajiet lokali u reġjonali, huwa għalkollox konxju mill-problemi ekonomiċi li qed jiffaċċjaw il-membri tal-UE u jemmen li l-ewwel prijorità għandha tkun l-istabbiliment ta’ ekonomiji b’saħħithom, b’inqas burokrazija, li jwasslu għal aktar opportunitajiet ta’ impjieg fl-Istati Membri;

    5.

    itenni l-appell tiegħu għal baġit pluriennali tal-UE kredibbli bħala għodda ta’ investiment għall-benefiċċju tal-Istati Membri u r-reġjuni kollha tal-UE tal-inqas fl-istess livell f’termini ta’ approprjazzjonijiet ta’ impenn bħala perċentwal tad-Dħul Nazzjonali Gross (DNG) bħal dak li ġie miftiehem għall-perjodu ta’ programmazzjoni attwali 2007-2013 u jappoġġja l-appell tal-Parlament Ewropew għal baġit li jista’ jniedi tkabbir mill-ġdid, b’konformità mal-għanijiet tal-Ewropa 2020 u li jirreaġixxi b’mod adegwat għall-bżonnijiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali f’termini ta’ koeżjoni territorjali, ekonomika u soċjali;

    6.

    jenfasizza l-importanza tar-rwol tal-Parlament Ewropew fil-proċess tan-negozjar, mhux biss fir-rigward tal-proċedura ta’ approvazzjoni applikabbli għall-QFP kollu kemm hu, imma anke meta jitqies li għadd sinifikanti ta’ kwistjonijiet fl-abbozz ta’ konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew (il-verżjoni tat-22 ta’ Novembru 2012), u b’mod partikolari l-punti relatati mas-sottointestatura 1(b) (il-koeżjoni), l-intestatura 2 (il-PAK), u dawk relatati mal-Qafas Strateġiku Komuni kif ukoll il-kwistjonijiet orizzontali, huma soġġetti għall-kodeċiżjoni;

    7.

    ifakkar li t-Trattati (Artikolu 312 tat-TFUE) jinkludu dispożizzjonijiet speċifiċi biex tiġi indirizzata l-possibbiltà li l-QFP ma jiġix adottat qabel ma jiskadu l-bażijiet legali tal-programmi kollha tal-UE tal-infiq pluriennali fl-aħħar tal-2013, apparti mill-ewwel pilastru tal-Politika Agrikola Komuni (PAK);

    8.

    jopponi t-tnaqqis għall-baġit ta’ koeżjoni. Ifakkar li l-politika ta’ koeżjoni hija għodda ta’ investiment li tistimola l-kompetittività b’mod sostenibbli u tikkontribwixxi għat-tnaqqis fid-disparitajiet bejn ir-reġjuni;

    9.

    ifakkar li għall-kwistjonijiet relatati mal-politika ta’ koeżjoni, koperti mill-Artikolu 177, bħall-metodu għad-distribuzzjoni tal-allokazzjonijiet nazzjonali u l-limiti fuq il-livelli għall-politika ta’ koeżjoni u l-iżvilupp rurali, tapplika l-proċedura ta’ kodeċiżjoni b’konsultazzjoni obbligatorja tal-KtR u d-dritt permanenti tiegħu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ibbażat fuq l-Artikolu 263(3);

    10.

    b’segwitu tal-Opinjonijiet li adotta mill-bidu tal-2012 dwar id-diversi proposti leġislattivi tal-Kummissjoni, itenni li:

    a.

    rigward is-sottointestatura 1(a), 1(b) u l-Fondi koperti mill-Qafas Strateġiku Pluriennali (QSP):

    jappoġġja finanzjament iktar b’saħħtu għar-riċerka u l-innovazzjoni;

    jappella għar-riintegrazzjoni tal-baġit propost inizjalment għall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa għall-finanzjament tal-investimenti fin-netwerks Trans-Ewropej, jappoġġja l-ħolqien ta’ QSP għaż-żewġ Fondi Strutturali u l-Fond ta’ Koeżjoni, il-FAEŻR u l-FEMS;

    itenni li, b’mod ċar u sod, huwa kontra kwalunkwe forma ta’ kundizzjonalità makroekonomika;

    bi pjaċir jinnota li l-proposta biex tiġi stabbilita kategorija ta’ reġjuni “fi transizzjoni” u l-bżonn li titqies is-sitwazzjoni speċifika u unika tar-reġjuni ultraperiferiċi ġew adottati;

    itenni li għandha tinżamm xibka ta’ sigurtà għar-reġjuni kollha li ma jibqgħux jaqgħu taħt l-objettiv ta’ konverġenza li tkun tikkonsisti minn żewġ terzi tal-allokazzjoni attwali;

    jappoġġja l-fatt li għandhom jiġu żgurati l-livell ta’ riżorsi maħsuba għar-reġjuni u l-Istati Membri l-anqas żviluppati u t-tnaqqis tad-disparitajiet fl-intensitajiet medji tal-għajnuna per capita peress li dan huwa l-objettiv ta’ prijorità tal-politika ta’ koeżjoni;

    jiddispjaċih li l-abbozz ta’ konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew jipproponu tnaqqis ta’ 26 % għall-objettiv tal-koeżjoni territorjali Ewropea; madankollu, bi pjaċir jinnota li l-appell tal-KtR biex ir-rata ta’ kofinanzjament tiżdied għal 85 % intlaqgħet;

    jappoġġja t-twaqqif ta’ rata ta’ kofinanzjament li tkun 10 punti perċentwali ogħla għall-Istati Membri li jkunu qed jiffaċċjaw diffikultajiet baġitarji;

    jappoġġja li l-VAT mhux rikuperabbli tkun infiq eliġibbli għal kontribuzzjoni mill-Fondi tal-QSK;

    itenni l-oġġezzjonijiet tiegħu għar-riżerva ta’ prestazzjoni li ġiet proposta;

    b.

    rigward l-intestatura 2:

    jiddeplora li l-abbozz ta’ konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew jipproponu limitazzjoni tal-pagamenti diretti mill-Istati Membri fuq bażi volontarja;

    iħeġġeġ li l-appoġġ dirett jinqasam b’mod aktar ġust bejn l-Istati Membri b’pagamenti diretti għal kull ettaru ta’ inqas minn 90 % tal-medja tal-UE matul il-perjodu li jmiss, u b’hekk jinbeda l-proċess dinamiku li jingħalaq id-distakk sa mill-bidu tal-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss u tinkiseb il-medja tal-UE sa nofs il-perspettiva finanzjarja li jmiss;

    jilqa’ r-rata ta’ 30 % għall-ekoloġizzazzjoni;

    jappoġġja l-għażla ta’ trasferimenti baġitarji mill-ewwel pilastru għat-tieni wieħed;

    jappoġġja l-inklużjoni tar-reġjuni fi transizzjoni fir-regolament dwar l-iżvilupp rurali;

    jopponi l-ħolqien ta’ riżerva ġdida għall-kriżijiet fis-settur tal-agrikoltura u b’mod partikolari l-proposta tar-rimborż għall-ammonti li ma jintefqux fil-forma ta’ pagamenti diretti;

    11.

    bi pjaċir jinnota li l-abbozz ta’ konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew żammew il-programm tal-għajnuna għall-ikel lill-persuni l-iktar fil-bżonn, iżda jopponi bil-qawwa li l-fondi jiġu mill-allokazzjoni tal-FSE;

    12.

    iqis li t-tnaqqis b’47 % tal-ammonti assenjati għall-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEAG) meta mqabbla mal-baġit attwali tiegħu huwa kompletament kontradittorju fil-kuntest tal-kriżi li għadha għaddejja. Jifhem li l-abbozz ta’ konklużjonijiet tal-Kunsill tfasslu fuq is-suppożizzjoni li l-FEAG ma japplikax għas-settur tal-agrikoltura;

    Dħul u riżorsi proprji

    13.

    jiddispjaċih li n-negozjati ffokaw fuq it-tnaqqis fl-infiq tal-baġit tal-UE, mingħajr ma taw l-attenzjoni dovuta lid-dħul u lill-bżonn kruċjali tar-riforma tas-sistema attwali biex l-UE tkun tista’ tiddisponi minn riżorsi proprji u l-għan li jiġi eliminat is-sett attwali ta’ korrezzjonijiet u eżenzjonijiet finanzjarji;

    14.

    bi pjaċir jinnota l-proposta li żewġ terzi tal-ammonti miġbura mill-Istati Membri li ħadu l-impenn li jintroduċu Taxxa fuq it-Transazzjonijiet Finanzjarji (TTF) fil-qafas tal-proċedura ta’ kooperazzjoni msaħħa għandhom jiġu intaxxati għal riżorsa proprja ġdida fil-baġit tal-UE u li l-kontribuzzjoni bbażata fuq id-DNG ta’ dawn l-Istati Membri għall-baġit tal-UE ser titnaqqas kif dovut;

    15.

    jagħti istruzzjonijiet lill-President tal-Kumitat tar-Reġjuni biex iressaq din ir-riżoluzzjoni quddiem il-President tal-Kummissjoni Ewropea, il-President tal-Kunsill Ewropew, i-President tal-Parlament Ewropew, il-Presidenza Ċiprijotta tal-Kunsill tal-UE u l-Presidenza futura Irlandiża u dik Litwana tal-Kunsill.

    Brussell, 30 ta’ Novembru 2012.

    Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

    Ramón Luis VALCÁRCEL SISO


    Top