Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012TN0310

    Kawża T-310/12: Rikors ippreżentat fit- 12 ta' Lulju 2012 — Yuanping Changyuan Chemicals vs Il-Kunsill

    ĠU C 273, 8.9.2012, p. 20–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    8.9.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 273/20


    Rikors ippreżentat fit-12 ta' Lulju 2012 — Yuanping Changyuan Chemicals vs Il-Kunsill

    (Kawża T-310/12)

    2012/C 273/34

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrenti: Yuanping Changyuan Chemicals Co. Ltd (Yuan Ping City, Xin Zhou, Iċ-Ċina) (rappreżentant: V. Akritidis, avukat)

    Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

    Talbiet

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 325/2012, tat-12 ta’ April 2012, li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tal-aċidu ossaliku li joriġina mill-Indja u mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 106, p. 1);

    tordna li l-ispejjeż kollha kkawżati mir-rikorrenti matul il-proċeduri preżenti għandhom jitħallsu mill-konvenut.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

    (1)

    L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, p. 51) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”), li jistipula li l-ħsara tirreferi għall-ħsara lill-“Industrija tal-Unjoni”; u ksur tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku dwar id-definizzjoni tal-Industrija tal-Unjoni, billi l-konvenut iddefinixxa l-Industrija tal-Unjoni b’mod żbaljat billi inkluda żewġ produtturi li ma kkooperawx, li minnhom wieħed kien waqqaf il-produzzjoni ħafna snin qabel il-perijodu ta’ investigazzjoni.

    (2)

    It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku, li jeħtieġ l-evalwazzjoni tal-ħsara lill-Industrija tal-Unjoni tkun ibbażata fuq provi pożittivi wara evalwazzjoni oġġettiva tal-fatturi rilevanti kollha, billi l-konvenut ikkommetta żball manifest ta’ evalwazzjoni meta analizza l-fatturi ta’ ħsara fuq il-bażi ta’ żewġ settijiet separati u konfliġġenti ta’ data (fatturi mikro- u makro-ekonomiċi) b’mod selettiv.

    (3)

    It-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, li jeħtieġ li dazji jiġu imposti biss sa fejn huma neċessarji sabiex jikkumpensaw l-effetti ta’ dumping dannuż; l-Artikolu 14(1) tar-Regolament bażiku, li jeħtieġ li dazji jinġabru b’mod indipendenti mid-dazji tad-dwana, taxxi u u piżijiet oħra; u l-Artikoli 20(1) and 20(2) tar-Regolament bażiku, li jeħtieġu l-iżvelar tal-fatti u kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom huma imposti dazji anti-dumping, billi l-konvenut ikkommetta serje ta’ żbalji manifesti fil-kalkolu tal-marġni ta’ ħsara kif ukoll naqas milli jipproduċi dikjarazzjoni tar-raġunijiet.

    (4)

    Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 20(5) tar-Regolament bażiku, li jipprovdi għal perijodu minimu ta’ 10 ijiem sabiex jiġu sottomessi kummenti dwar xi żvelar definittiv kif ukoll tal-prinċipji ġenerali ta’ non-diskriminazzjoni, u d-dmir ta’ amministrazzjoni tajba, billi l-konvenut ta lill-applikant limitu ta’ żmien iqsar sabiex iwieġeb għall-iżvelar definittiv tal-investigazzjoni milli l-limitu ta’ żmien li ngħata lill-partijiet l-oħra fil-proċedimenti.


    Top