Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012TN0295

Kawża T-295/12: Rikors ippreżentat fl- 4 ta’ Lulju 2012 — Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni

ĠU C 273, 8.9.2012, p. 15–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

8.9.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 273/15


Rikors ippreżentat fl-4 ta’ Lulju 2012 — Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-295/12)

2012/C 273/26

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (rappreżentanti: T. Henze u J. Möller, kif ukoll T. Lübbig u M. Klasse, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-25 ta’ April 2012 dwar Għajnuna mill-Istat SA.25051 (C 19/2010) (ex NN 23/2010) tal-Ġermanja favur Zweckverband Tierkörperbeseitigung f’Rheinland-Pfalz, f’Saarland, f’Rheingau-Taunus-Kreis u fil-Landkreis Limburg-Weilburg (Nru C(2012) 2557 finali);

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka seba’ motivi.

(1)

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikoli 107(1) u 106(2) TFUE sa fejn il-Kummissjoni kkontestat li t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ kapaċitajiet supplimentari taz-Zweckverband kien servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali u sa fejn hija eċċediet b’mod sostanzjali l-limiti tas-setgħa diskrezzjonali mogħtija lilha mill-qrati tal-Unjoni. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-istħarriġ tagħha tas-setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri li jiddefnixxu s-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali huwa limitat, fid-dawl tal-ġurisprudenza stabbilita tal-qrati tal-Unjoni, biss għal “iżbalji manifesti ta’ diskrezzjoni” u ma tistax tissostitwixxi d-diskrezzjoni tagħha ma’ dik tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru.

(2)

It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE sa fejn il-Kummissjoni kkonstatat b’mod żbaljat l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku abbażi ta’ eżami żbaljat tal-kriterji Altmark, li jipprovdu li kumpens inkambju għall-eżekuzzjoni ta’ obbligi ekonomiċi ma jimplikax vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Il-Kummissjoni wettqet żball fl-eżami ta’ kull wieħed mill-kriterji Altmark. B’mod partikolari, fir-rigward tat-tielet kriterju Altmark, il-Kummissjoni ma llimitatx ruħha għall-kwistjoni dwar jekk il-kumpens kien marx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex ikopri l-ispejjeż inkorsi mill-eżekuzzjoni tal-obbligi ekonomiċi. Minflok, il-Kummissjoni illegalment ivverifikat jekk id-daqs tar-riżervi supplimentari li tqiegħdu għad-dispożizzjoni miz-Zweckverband Tierkörperbeseitigung kienx inadegwat fid-dawl tas-sitwazzjonijiet ta’ epidemija possibbli, li hija kkonfermat, minkejja rapporti tal-esperti li juru l-kontra ta’ dan.

(3)

It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE minħabba l-konstatazzjonijiet żbaljati dwar ir-rekwiżit ta’ effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri u distorsjoni tal-kompetizzjoni. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li huwa minnu li Zweckverband Tierkörperbeseitigung tibbenefika legalment, fil-qasam tar-rimi, minn monopolju reġjonali, qasam li fih ma hija esposta għal ebda kompetizzjoni legali. Madankollu, il-Kummissjoni ma tasalx għall-konklużjoni neċessarja li ma jistax ikun hemm, anki potenzjalment, effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri jew distorsjoni tal-kompetizzjoni fid-dawl tal-fatt li z-Zweckverband Tierkörperbeseitigung assolutament ma hijiex kompetitur ta’ impriżi oħra, b’mod partikolari impriżi li joriġinaw minn Stati Membri li jixtiequ jistabbilixxu ruħhom.

(4)

Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 106(2) TFUE minħabba l-evalwazzjoni żbaljata tal-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni stabbiliti f’din id-dispożizzjoni. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma tiħux inkunsiderazzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, il-fatt li, skont din id-dispożizzjoni, hija għandha tivverifika jekk il-kumpens għal servizzi ta’ interess ġenerali jammontax għal kumpens eċċessiv. Madankollu, hija ma tistax tevita l-kundizzjonijiet tad-dispożizzjoni billi tikkonfuta l-ammont tal-ispejjeż tas-servizz, l-adegwatezza tad-deċiżjonijiet politiċi adottati mill-awtoritajiet nazzjonali f’dan il-qasam jew l-effettività ekonomika tal-kummerċjant.

(5)

Il-ħames motiv huwa bbażat fuq ksur tat-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, kif ukoll ksur tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà tad-dritt tal-Unjoni, sa fejn il-Kummissjoni kisret b’mod manifest s-setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri u d-diviżjonijiet ta’ dawn l-Istati tad-delimitazzjoni u tad-definizzjoni tas-servizzi ta’ interess ġenerali billi ssostitwixxiet d-diskrezzjoni tagħha stess ma’ dik tal-awtoritajiet kompetenti (ksur tal-Artikolu 14 TFUE u tal-Artikolu 5(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea).

(6)

Is-sitt motiv huwa bbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni u fuq ksur tal-projbizzjoni ġenerali ta’ diskriminazzjoni prevista fid-dritt tal-Unjoni, sa fejn il-Kummissjoni ma llimitatx l-istħarriġ tagħha tad-definizzjoni ta’ servizz ekonomiku għall-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni.

(7)

Is-seba’ motiv huwa bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata (ksur tal-Artikolu 296(2) TFUE). Fil-fatt, il-Kummissjoni ma tindikax li l-awtoritajiet kompetenti, il-leġiżlatur u l-Bundesverwaltungsgericht, wettqu “ksur manifest ta’ evalwazzjoni” fis-sens tal-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni meta kklassifikat it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-kapaċità supplimentari bħala servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali.


Top