EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011TN0646

Kawża T-646/11: Rikors ippreżentat fis- 27 ta’ Ġunju 2012 — CD vs Il-Kunsill

ĠU C 258, 25.8.2012, p. 21–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

25.8.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 258/21


Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Ġunju 2012 — CD vs Il-Kunsill

(Kawża T-646/11)

2012/C 258/40

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: CD (Minsk, il-Bjelorussja) (rappreżentant: M. Michalauskas, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/666/PESK, tal-10 ta’ Ottubru 2011, li temenda [d-Deċiżjoni] tal-Kunsill 2010/639/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Bjelorussja, fir-rigward tar-rikorrent;

tannulla r-Regolament Implimentattiv tal-Kunsill (UE) Nru 1000/2011, tal-10 ta’ Ottubru 2011, li jimplimenta l-Artikolu 8a(1) tar-Regolament (KE) Nru 765/2006 dwar miżuri restrittivi fir-rigward tal-Bjelorussja, fir-rigward tar-rikorrent;

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill, tal-11 ta’ Novembru 2011, li tirrifjuta li tneħħi lir-rikorrent mill-Anness III A tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/639/PESK, tal- 25 ta’ Ottubru 2010, dwar miżuri restrittivi kontra ċerti uffiċjali tal-Bjelorussja, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/69/PESK, tal-31 ta’ Jannar 2011;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrent jinvoka ħames motivi.

(1)

L-ewwel motiv ibbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti u fuq ksur tad-dritt tad-difiża, peress li l-motivazzjoni tal-atti kkontestati ma tippermettix li r-rikorrent jikkontesta l-validità tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali u li din tal-aħħar teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità tagħhom.

(2)

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ responsabbiltà personali, fejn l-atti kkontestati jistabbilixxu responsabbiltà u sanzjonijiet mingħajr ma jikkaratterizzaw l-involviment personali tar-rikorrent fil-fatti li jiġġustifikaw dawn is-sanzjonijiet.

(3)

It-tielet motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ bażi ġuridika, peress li l-atti kkontestati ma jurux l-eżistenza ta’ regola ta’ dritt pożittiv li nkisret mir-rikorrent.

(4)

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni, fejn l-atti kkontestati huma neqsin minn kull ġustifikazzjoni fattwali.

(5)

Il-ħames motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li l-involviment personali tar-rikorrent fid-deċiżjoni kollettiva li għaliha huwa ġie ssanzjonat ma huwiex importanti daqs il-ksur.


Top