EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CA0019

Kawża C-19/11: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat- 28 ta’ Ġunju 2012 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Bundesgerichtshof — il-Ġermanja) — Markus Geltl vs Daimler AG (Direttivi 2003/6/KE u 2003/124/KE — Informazzjoni minn ġewwa — Kunċett ta’ “informazzjoni ta’ natura preċiża” — Fażijiet intermedjarji ta’ proċess mifrux fuq perijodu ta’ żmien — Riferiment għal sett ta’ ċirkustanzi jew għal okkażjoni li fir-rigward tagħha wieħed jista’ raġonevolment jaħseb li ser iseħħ jew li ser titwettaq — Interpretazzjoni tal-kliem “jista b’mod raġonevoli jiġi mistenni” — Pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-bidla ta’ uffiċjal ta’ kumpannija)

ĠU C 258, 25.8.2012, p. 5–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

25.8.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 258/5


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-28 ta’ Ġunju 2012 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Bundesgerichtshof — il-Ġermanja) — Markus Geltl vs Daimler AG

(Kawża C-19/11) (1)

(Direttivi 2003/6/KE u 2003/124/KE - Informazzjoni minn ġewwa - Kunċett ta’ “informazzjoni ta’ natura preċiża” - Fażijiet intermedjarji ta’ proċess mifrux fuq perijodu ta’ żmien - Riferiment għal sett ta’ ċirkustanzi jew għal okkażjoni li fir-rigward tagħha wieħed jista’ raġonevolment jaħseb li ser iseħħ jew li ser titwettaq - Interpretazzjoni tal-kliem “jista b’mod raġonevoli jiġi mistenni” - Pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-bidla ta’ uffiċjal ta’ kumpannija)

2012/C 258/08

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesgerichtshofs

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Markus Geltl

Konvenuta: Daimler AG

fil-preżenza ta’: Lothar Meier et

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari — Bundesgerichtshof — Interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-28 ta’ Jannar 2003, dwar insider dealing u manipulazzjoni tas-suq (abbuż tas-suq) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 367), kif ukoll tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2003/124/KE, tat-22 ta’ Diċembru 2003, li timplimenta d-Direttiva 2003/6/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 6, p. 348) — Interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “informazzjoni minn ġewwa” — Riżenja tal-President Direttur Ġenerali ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata — Teħid inkunsiderazzjoni eventwali, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura preċiża ta’ tali informazzjoni, tad-diversi konsultazzjonijiet u azzjonijiet li ppreċedew l-avveniment inkwistjoni

Dispożittiv

(1)

L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-28 ta’ Jannar 2003, dwar insider dealing u manipulazzjoni tas-suq (abbuż tas-suq) u l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2003/124/KE, tat-22 ta’ Diċembru 2003, li timplimenta d-Direttiva 2003/6 rigward id-definizzjoni u l-iżvelar pubbliku tat-tagħrif minn ġewwa u d-definizzjoni tal-manipulazzjoni tas-swieq, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fir-rigward ta’ proċess mifrux fuq perijodu ta’ żmien intiż li titwettaq ċirkustanza partikolari jew li sseħħ okkażjoni partikolari, jistgħu jikkostitwixxu informazzjoni ta’ natura preċiża fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet mhux biss din iċ-ċirkustanza jew din l-okkażjoni, iżda wkoll il-fażijiet intermedjarji ta’ dan il-proċess li huma marbuta mat-twettiq tagħhom.

(2)

L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2003/124 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “sett ta’ ċirkostanzi […] li jista’ b’mod raġjonevoli jiġi mistenni li jiġi fl-eżistenza jew okkażjoni li […] tiġi mistennija b’mod raġjonevoli li tiġri” jirrigwarda ċ-ċirkustanzi jew l-okkażjonijiet futuri li minnhom jidher, abbażi ta’ evalwazzjoni globali tal-elementi diġà disponibbli, li hemm possibbiltà reali li dawn ser iseħħu jew li ser jitwettqu. Madankollu, dan il-kunċett ma għandux jiġi interpretat fis-sens li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-portata tal-effett ta’ dan is-sett ta’ ċirkustanzi jew ta’ din l-okkażjoni fuq l-andament tal-istrumenti finanzjarji kkonċernati.


(1)  ĠU C 113, 09.04.2011.


Top