EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012XC0705(03)

Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

ĠU C 197, 5.7.2012, p. 29–32 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

5.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 197/29


Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

2012/C 197/09

Din il-pubblikazzjoni tagħti d-dritt għal oġġezzjoni għad-domanda skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni

DOKUMENT UNIKU

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

AGNELLO DEL CENTRO ITALIA

KE Nru: IT-PGI-0005-0808-18.05.2010

IĠP ( X ) DPO ( )

1.   Isem:

“Agnello del Centro Italia”

2.   Stat Membru jew Pajjiż terz:

L-Italja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel:

3.1.   Tip ta' prodott:

Klassi 1.1.

Laħam frisk (u l-ġewwieni tal-annimali)

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li japplika għalih l-isem fl-punt 1:

L-Agnello del Centro Italia jirriżulta mill-maċell tal-ħrief, li jkunu iżgħar minn 12-il xahar, u li jkunu ġejjin mir-razez lokali u t-taħliet bejniethom, li ġejjin: Appenninica, Bergamasca, Biellese, Fabrianese, Merinizzata Italiana, Pomarancina, Sopravissana, Zerasca; Comisana, Cornella Bianca, Cornigliese (Corniglio), Garfagnina Bianca, Gentile di Puglia, Massese, Pagliarola, Pecora delle Langhe. Il-karkassi jinqasmu fi tliet tipi, kkarratterizzati kif ġej: Ħaruf ħafif, li jiżen bejn it-8,01u t-13,0 kg; l-ammont ta' xaħam ikun fl-ambitu tal-klassi 1; 2; 3 kif hemm spjegat fit-“Tabella Komunitarja tal-klassifikazzjoni tal-karkassi tal-ħrief ħfief”. Ħaruf tqil, li jiżen daqs jew iżjed minn 13,01 kg; f’konformità mal-ambitu tal-klassi: U; R; O; l-ammont ta' xaħam ikun fl-ambitu tal-klassi: 2; 3; 4 kif hemm spjegat fit-“Tabella Komunitarja tal-klassifikazzjoni tal-karkassi tal-ovini”. Ħaruf kastrat, li jiżen daqs jew iżjed minn 20,0 kg; f’konformità mal-ambitu tal-klassi: E; U; R; l-ammont ta' xaħam ikun fl-ambitu tal-klassi: 2; 3; 4; kif hemm spjegat fit-“Tabella Komunitarja tal-klassifikazzjoni tal-karkassi tal-ovini”.

Il-pH tal-laħam titkejjel fuq il-musklu Longissimus toraci u jkollha valur ta' bejn 6,15 u 6,80 jekk tittieħed wara li jitlestew il-proċeduri kollha tal-maċell u qabel mal-karkassi jiddaħħlu fil-friġġ; jew bejn il-5,15 u 5,80 jekk tittieħed bejn 24 u 30 siegħa wara l-maċell.

3.3.   Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss):

3.4.   Għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss):

Il-ħrief jistgħu jieħdu biss ħalib tal-omm sal-ftim. Wara, il-bażi alimentari tkun magħmula minn għalf prodott minn elementi naturali tal-pjanura, tal-mergħa, ħaxix u/jew grani, kollha kemm huma ġejjin miż-żona ġeografika. Jistgħu jieħdu integraturi minerali u/jew bil-vitamini, tal-għalf sa kwantità massima ta’ 0.4 kg kuljum għal kull ħaruf.

3.5.   Stadji speċifiċi tal-produzzjoni li għandhom jitwettqu fiż-żona ġeografika identifikata:

Il-ħrief jitwieldu u jitrabbew fl-istess azjendi agrikoli li jinsabu fiż-żona ġeografika tal-produzzjoni li hija deskritta fil-punt li jmiss nru 4.

3.6.   Regoli speċifiċi għat-tqattigħ, għat-tħakkik, għall-ippakkjar, eċċ.:

3.7.   Regoli speċifiċi għat-tikkettar:

Il-laħam tal-Agnello del Centro Italia jrid ikollu t-tikketta fuqu u jkollu miegħu l-informazzjoni li ġejja: il-logo tal-Agnello del Centro Italia; it-tip tal-prodott (Ħafif – Tqil – Kastrat); is-simbolu grafiku tal-UE.

Image

4.   Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika:

Iż-żona ġeografika tal-produzzjoni tal-Agnello del Centro Italia tinkludi t-territorji tar-reġjuni li ġejjin; Abruzzo, Lazio, Marche, Toscana, Umbria; Emilia-Romagna limitata għat-territorji interni tal-provinċja ta’ Bologna, Rimini, Forlì-Cesena, Ravenna u, parzjalment, it-territorji tal-provinċja ta’ Modena, Reggio nell’Emilia u Parma, delimitati matul l-awtostrada A1 Bologna-Milano li tibda mill-konfini tal-provinċja ta’ Bologna – fejn taqsam l-awtostrada A16 Parma-La Spezia u sal-konfini mar-reġjun ta’ Toscana – Passo della Cisa.

5.   Rabta maż-żona ġeografika:

5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika:

Iż-żona ġeografika tinsab fuq tliet livelli ta’ għoli: il-muntanji tal-Apennini li jikkostitwixxu l-assi ċentrali, fejn hemm prevalenza ta' ġir; l-għoljiet li huma prinċipalment taflin; u finalment il-pjanuri f’qiegħ il-wied li huma magħmula minn ħamrija alluvjonali.

Il-varjazzjoni ambjentali tikkondizzjona b’mod kwantitattiv u kwalitattiv il-produzzjoni veġetali u, minn qiegħ il-wied sal-ogħla punt, wieħed jista’ josserva kambjament progressiv fil-perċentwal tal-kompożizzjoni tar-riżorsi tal-mergħa.

B’hekk il-porzjon alimentari tal-ovini jinkludi mergħa u mergħa miżrugħa li huma prinċipalment magħmula minn grani tal-għalf u legumi.

It-trobbija tal-ovini hija perfettament adattata għall-partikolaritajiet u l-karatteristiċi ġeografiċi u klimatiċi diffiċli taż-żona tal-Italja ċentrali, u l-prattika tat-transumanza (iċ-ċaqliq tal-għanem minn staġun għall-ieħor), kemm orizzontali iżda fuq kollox vertikali, kemm fuq skala żgħira iżda wkoll fuq skala kbira ipprattikata mir-raħħala tal-imgħoddi biex wettqu l-integrazzjoni fost ir-riżorsi tal-għalf ta’ żoni diversi, fejn ittrasferixxwew il-merħliet fuq il-pjanuri tal-mergħa u sal-baħar matul ix-xitwa, u bil-kontra, fuq il-pjanura tal-Apennini matul il-perjodu tar-rebbiegħa u s-sajf. Dawn il-prattiċi jirrapreżentaw każ eżemplari ta’ integrazzjoni ekoloġika bejn sistemi lokali tal-produzzjoni u r-riżorsi disponibbli fl-ispazju ġeografiku ta’ referenza u jistgħu jiġu interpretati wkoll bħala mezz tal-awtorganizzazzjoni tal-impriżi tat-trobbija tal-merħliet biex jissuperaw mhux biss l-avversitajiet klimatiċi imma wkoll l-iżbilanċ li jeżisti bejn il-bżonnijiet alimentari tal-ovini u d-disponibbiltà tal-għalf.

5.2.   Speċifiċità tal-prodott:

Il-karatteristiċi tal-laħam tal-Agnello del Centro Italia jirreferu għar-rabta li teżisti bejn kemm il-ħrief jikbru maljar u r-rendiment tagħhom.

L-iżvilupp kmieni tad-dgħif irendi bilanċ tajjeb bejn il-laħam u l-għadam matul il-maċell, element li kumplessivament huwa vantaġġuż mil-lat kummerċjali. Fil-fatt għandu l-aħjar rendiment meta mqabbel ma’ laħam ieħor tal-ovini, b'mod partikolari ma' dawk li jipproduċu l-ħalib u li huma preżenti fis-suq lokali, fattur li jagħmluh apprezzat kemm mill-konsumatur kif ukoll mill-operaturi kummerċjali.

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra tal-prodott (għall-IĠP):

Il-prodott jinkiseb minn laħam li ġej mir-razza pura jew taħliet bejn ir-razez li trabbew fiż-żona tal-produzzjoni fejn uħud jieħdu isimhom miż-żoni ġeografiċi fejn urew l-aħjar adattament għall-ambjent u l-prestazzjoni produttiva. Din ir-rabta profonda bejn l-ambjent u l-patrimonju ġenetiku, li ġej minn razza magħrufa b’mod ġenerali bħala “Appenninica” u użata fil-produzzjoni tal-laħam tal-Agnello del Centro Italia, rendiet l-aħjar vantaġġ biex dawn l-ovini kibru aktar malajr meta mqabbla ma’ razez/tipi ġenetiċi oħrajn mrobbija fiż-żona.

Minbarra dan, huma l-ismijiet tal-istess razez ovini li jagħtu xiehda tar-rabta tagħhom maż-żona ġeografika. Fil-fatt, it-taħlit kontinwu bejn ir-razez, l-ibridazzjoni u l-għażla tal-popolazzjoni ovina tal-Italja Ċentrali ġġeneraw tipi li adattaw perfettament għall-karatteristiċi reali taż-żona, tant li ħadu l-isem tal-muniċipalitajiet fejn kisbu l-punt tal-aħjar rendiment produttiv: il-Fabrianese minn Fabriano; il-Pomarancina minn Pomarance; is-Sopravissana minn Visso li nfirxet madwar ir-reġjun tal-Marche fil-bidu tas-seklu għoxrin (’900) u minn dan ir-reġjun sal-Umbria, sal-Agro Romano, il-parti tal-Maremma li tinsab bejn it-Toscana u Lazio, u sal-Abruzzo, fejn il-prattika tat-transumanza saret il-protagonista tal-ispostamenti staġonali l-kbar. Ir-razza Massese, li orġinat minn Valle del Forno fil-provinċja ta’ Massa Carrara; il-popolazzjoni ta’ Garfagnina Bianca, li nfirxet fil-Valle del Serchio fil-Garfagnana u fil-Val di Magra (Lunigiana u ż-żona ta’ Pontremoli); u ż-Zerasca f’Lunigiana, fit-territorju ta’ Zeri, fil-provinċja ta’ Massa-Carrara.

Ir-reputazzjoni tal-Agnello del Centro Italia, għalhekk, tirriżulta mis-sintesi kwalitattiva li saret fuq ir-razez storikament preżenti fiż-żona, li l-valur produttiv tagħhom ikompli jiżdied minħabba alimentazzjoni ta' kwalità tajba, li nkisbet permezz ta’ sistema ta’ trobbija tal-merħliet li, minħabba l-fatt li jgħaddu mill-inqas 8 xhur fis-sena barra, għandhom il-possibbiltà li jagħmlu użu kbir mill-mergħat li fihom jikber ukoll għalf veġetali endemiku. Ir-reputazzjoni tirriżulta wkoll mill-kapaċitajiet amministrattivi ta' dawk li jrabbuhom u mill-monitoraġġ tagħhom biex itejbu l-kwalità u l-produttività.

L-Agnello del Centro Italia jgawdi minn reputazzjoni li ilha stabbilita sa mill-1961 minħabba dokument li ġie ppubblikat f'Settembru ta' dik is-sena mill-Associazione Nazionale della Pastorizia, fil-kuntest tar-Rassegna Interregionale ovina li sseħħ f'Castelluccio di Norcia (Perugia), fejn ġie ddikjarat li “l-għan huwa t-titjib fil-kundizzjonijiet tal-għejxien fiż-żoni muntanjużi li joħolqu l-kundizzjonijiet neċessarji għall-iżvilupp tal-merħla u b’mod partikolari tal-Agnello del Centro Italia.”

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni:

(L-Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

Qed jiġi kkomunikat ukoll li din l-Amministrazzjoni nediet il-proċedura nazzjonali ta' oġġezzjoni bil-pubblikazzjoni tal-proposta għar-rikonoxximent tal-indikazzjoni ġeografika protetta “Agnello de Centro Italia” fil-Gazzetta Ufficiale della Repubblica Italiana Nru 66 tal-20 ta’Marzu 2010.

It-test ikkonsolidat tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott jinsab fuq is-sit tal-internet li ġej: http://www.politicheagricole.it/flex/cm/pages/ServeBLOB.php/L/IT/IDPagina/3335

Jew

billi wieħed imur direttament fil-paġna ewlenija tas-sit elettroniku tal-Ministeru għall-Politika Agrikola, l-Ikel u l-Forestrija (http://www.politicheagricole.it ) u mbagħad jikklikkja fuq il-kliem “Qualità e sicurezza” (fuq in-naħa ta’ fuq tal-lemin tal-iskrin), u fl-aħħar jikklikkja fuq il-kliem “Disciplinari di Produzione all’esame dell’UE”.


(1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.


Top