Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012XX0515(01)

Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-liċenzji tas-sewqan li jinkludu l-funzjonalitajiet ta’ kard tas-sewwieqa

ĠU C 139, 15.5.2012, pp. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.5.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 139/1


Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-liċenzji tas-sewqan li jinkludu l-funzjonalitajiet ta’ kard tas-sewwieqa

2012/C 139/01

IL-KONTROLLUR EWROPEW GĦALL-PROTEZZJONI TAD-DATA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 16 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 7 u 8 tagħha,

Wara li kkunsidra d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (1),

Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dak id-data (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 28(2) tiegħu,

ADOTTA L-OPINJONI LI ĠEJJA

I.   INTRODUZZJONI

1.

Fil-11 ta’ Novembru 2011, il-Kummissjoni adottat proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-liċenzji tas-sewqan li jinkludu l-funzjonalitajiet ta’ kard tas-sewwieqa (“il-Proposta”) (3).

2.

Il-Proposta hija parti mill-miżuri mressqa mill-Kummissjoni sabiex tkabbar l-użu ta’ takografi diġitali fl-Unjoni Ewropea, kif imħabbar fil-Komunikazzjoni dwar it-“Takografu Diġitali: Pjan direzzjonali għall-attivitajiet futuri” (4). Il-Proposta tikkumplementa l-proposta għal Regolament dwar l-apparat ta’ reġistrazzjoni fit-trasport bit-triq li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 3821/85 adottat mill-Kummissjoni fid-19 ta’ Lulju 2011 (il-‘Proposta għal regolament dwar l-apparat ta’ reġistrazzjoni fit-trasport bit-triq’) (5), li l-KEPD ħareġ Opinjoni fuqu fil-5 ta’ Ottubru 2011 (6).

I.1.   Konsultazzjoni tal-KEPD

3.

Il-Kummissjoni bagħtet il-Proposta lill-KEPD għal konsultazzjoni fil-11 ta’ Novembru 2011, f’konformità mal-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

4.

Il-KEPD jiddispjaċih li ma ngħatax il-possibbiltà sabiex jipprovdi kummenti informali lill-Kummissjoni qabel l-adozzjoni tal-Proposta. Il-KEPD jirrakkomanda li r-referenza għal din il-konsultazzjoni ssir fil-preambolu tal-Proposta.

I.2.   Sfond ġenerali

5.

Il-Proposta tistabbilixxi l-bażi u l-modalitajiet legali għall-amalgamazzjoni tal-kard tas-sewwieqa professjonali mal-liċenzja tas-sewqan tagħhom, u b’hekk jiġi implimentat l-Artikolu 27 tal-Proposta għal regolament dwar l-apparat ta’ reġistrazzjoni fit-trasport bit-triq li fih ġie stabbilit il-prinċipju ta’ din l-amalgamazzjoni. L-Artikolu 27 tal-Proposta jgħid li b’effett mid-19 ta’ Jannar 2018, il-kards tas-sewwieqa għandhom jiġu inkorporati mal-liċenzji tas-sewqan u għandhom jinħarġu, jiġu mġedda, skambjati u mibdula f’konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/126/KE.

6.

Il-kard tas-sewwieqa (7) tagħmel parti mis-sistema tat-takografija stabbilita fir-Regolament (KEE) Nru 3821/85. Il-kard tas-sewwieqa tiġi allokata lis-sewwieq professjonali u tippermetti li d-detentur tal-kard jiġi identifikat mill-apparat ta’ reġistrazzjoni. Tippermetti wkoll li d-dejta relatata mal-attivitajiet tas-sewwieq tiġi maħżuna fil-kard, biex b’hekk, wara, tkun tista’ tiġi kkontrollata. Din fiha ċertu ammont ta’ dejta, li ġiet speċifikata fl-Anness IB għar-Regolament (KEE) Nru 3821/85, inkluż informazzjoni dwar il-liċenzja tas-sewqan; madankollu, dan l-anness, se jiġi rivedut sabiex jiġi aġġornat mal-progress teknoloġiku wara li l-Proposta għal regolament dwar l-apparat ta’ reġistrazzjoni fit-trasport bit-triq tiġi adottata.

7.

L-amalgamazzjoni tal-kard tas-sewwieqa professjonali mal-liċenzja tas-sewqan tagħhom ġiet identifikata mill-Kummissjoni, bħala riżultat ta’ konsultazzjoni bejn il-partijiet interessati u l-valutazzjoni tal-impatt (8), bħala soluzzjoni għat-tnaqqis tal-frodi kif ukoll għas-simplifikazzjoni tal-piż u l-ispejjeż fuq il-livell amministrattiv għall-ħruġ ta’ dawn id-dokumenti. L-għan ta’ din il-Proposta huwa li tippermetti l-“koeżistenza ta’ żewġ funzjonijiet amalgamati f’dokument wieħed, jiġifieri l-liċenzja tas-sewqan li jkollha l-funzjonalitajiet ta’ kard tas-sewwieqa” (9).

I.3.   Kwistjonijiet marbuta mal-protezzjoni tad-dejta mqajma mill-Proposta

8.

Kif diġà ġie enfasizzat mill-KEPD fl-Opinjoni tiegħu dwar il-Proposta għal regolament dwar l-apparat ta’ reġistrazzjoni fit-trasport bit-triq (10), l-amalgamazzjoni prevista tal-kard tas-sewwieqa mal-liċenzja tas-sewqan tista’ taffettwa l-protezzjoni attwali mogħtija lid-dejta tas-sewwieqa.

9.

Meta wieħed iqis l-ammont potenzjali ta’ informazzjoni rreġistrata dwar l-attivitajiet tas-sewwieqa u fejn jinsabu (bħad-data, il-ħin, id-distanza, il-ġeolokalizzazzjoni, il-veloċità, eċċ), il-kard tas-sewwieqa hija iktar minn sempliċement karta tal-identità li tiċċertifika li l-persuna hija sewwieq professjonali. Għaldaqstant, mill-perspettiva tal-protezzjoni tad-dejta din hija iktar intrużiva minħabba li hija mmirata lejn il-monitoraġġ tal-konformità ta’ persuna mar-regoli soċjali fil-qasam tat-trasport bit-triq.

10.

Għaldaqstant huwa essenzjali li l-ipproċessar tad-dejta fil-kuntest tal-liċenzji tas-sewqan li jinkorporaw il-kards tas-sewwieqa jitwettaq f’konformità mal-qafas tal-protezzjoni tad-dejta tal-UE, kif stabbilit fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 16 tat-Trattat tal-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea kif ukoll id-Direttiva 95/46/KE (11).

11.

F’din l-Opinjoni, il-KEPD se jiffoka l-analiżi tiegħu fuq żewġ kwistjonijiet ewlenin: (i) jekk huwiex indikat b’mod suffiċjenti li l-amalgamazzjoni tal-liċenzja tas-sewqan mal-kard tas-sewwieqa hijiex meħtieġa sabiex jiġu sodisfatti l-għanijiet segwiti fid-dawl tal-implikazzjonijiet tal-privatezza ta’ din l-amalgamazzjoni, u (ii) jekk huwiex assigurat b’mod suffiċjenti li l-ipproċessar tad-dejta dwar is-sewwieqa f’kard waħda jirrispettax il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

II.   ANALIŻI TAL-PROPOSTA

II.1.   Ħtieġa ta’ integrazzjoni tal-kards tas-sewwieqa mal-liċenzji tas-sewqan?

12.

L-integrazzjoni tal-kards tas-sewwieqa professjonali mal-liċenzji tas-sewqan tagħhom tqajjem xi tħassib mill-perspettiva tal-protezzjoni tad-dejta u tal-privatezza. L-ewwel u qabel kollox, il-KEPD jinnota li l-ħtieġa li l-kard tas-sewwieqa tiġi integrata mal-liċenzja tas-sewqan ma ntwerietx b’mod suffiċjenti. Il-Kummissjoni, fil-memorandum ta’ spjegazzjoni tagħha tal-Proposta tindika li din hija “soluzzjoni” li tgħin fil-ġlieda kontra l-frodi u l-użu ħażin tal-kards tas-sewwieqa; madankollu, mill-perspettiva tal-protezzjoni tad-dejta, din ma turix li tali amalgamazzjoni tkun l-aħjar mod biex tagħmel dan, u lanqas ma turi jekk jistgħux jiġu kkunsidrati mezzi oħra li huma inqas intrużivi.

13.

Għandu jitqies ukoll li l-amalgamazzjoni ta’ dawn iż-żewġ kards, li jaqdu żewġ għanijiet kompletament differenti, imur kontra l-prinċipju tal-limitazzjoni tal-iskop stabbilit fl-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva 95/46/KE. Il-kard tas-sewwieqa mhijiex biss karta tal-identità sempliċi li tiċċertifika li l-persuna hija sewwieq professjonali, hekk kif isservi għall-iskop ta’ monitoraġġ tal-konformità tas-sewwieq professjonali mar-regoli soċjali fit-trasport bit-triq. Il-Kummissjoni nnifisha tidentifika li se jkun hemm “żewġ funzjonijiet amalgamati f’dokument wieħed, jiġifieri l-liċenzja tas-sewqan li jkollha l-funzjonalitajet ta’ kard tas-sewwieqa” (12).

14.

Il-modalitajiet tal-amalgamazzjoni jippreżentaw ukoll riskji speċifiċi f’termini ta’ privatezza u protezzjoni tad-dejta, li għadhom ma ġewx indirizzati. L-obbligu skont l-Artikolu 1 tal-Proposta għall-Istati Membri sabiex jinkorporaw mikroċipp f’kull liċenzja tas-sewqan integrata ġdida li se tingħata lis-sewwieqa, iqajjem tħassib dwar jekk din il-miżura hijiex meħtieġa u proporzjonata fid-dawl tal-għanijiet tal-ipproċessar. L-impatt fuq l-ipproċessar tal-amalgamazzjoni taż-żewġ kards u tal-użu ta’ mikroċipp fil-liċenzja tas-sewqan integrata l-ġdida għandu jiġi vvalutat sew. Għaldaqstant, il-KEPD jirrakkomanda li l-integrazzjoni tal-kard tas-sewwieqa fil-liċenzja tas-sewqan għandha tiġi kkunsidrata biss wara li tkun twettqet valutazzjoni tal-impatt fuq il-privatezza u s-sigurtà. Dan għandu jissemma b’mod ċar fl-Artikolu 1 tal-Proposta.

15.

Għadu mhux ċar kif se titwettaq l-amalgamazzjoni tad-dokumenti tas-sewqan kollha fir-rigward tas-sewwieqa professjonali, u jekk il-liċenzja tas-sewqan integrata l-ġdida tinkludix ukoll id-dejta tagħhom dwar il-kapaċità tagħhom li jsuqu tipi ta’ vetturi oħrajn għal użu privat. Jekk iva, għandhom jiġu stabbilti mekkaniżmi ċari sabiex jiġi żgurat li kull parti mill-kard tiġi aċċessata biss minn dawk il-persuni li għandhom l-awtorizzazzjoni biex jagħmlu dan. Il-KEPD huwa mħasseb ukoll dwar il-fatt li din il-possibbiltà tista’ twassal sabiex l-Istati Membri jespandu l-użu tal-mikroċipp fil-liċenzji tas-sewqan kollha, inkluż dawk għall-użu privat. L-għażla għall-użu ta’ din it-teknoloġija fid-dokumenti ta’ identità relatati mal-kapaċità tas-sewqan tħalli impatt fuq il-protezzjoni tad-dejta u l-privatezza tal-individwi, b’mod partikolari, fir-rigward tat-tip u l-ammont ta’ informazzjoni li tista’ tinkludi u kwalunkwe għażla li tittieħed fuq dan ma għandhiex tkun ibbażata fuq il-faċilitajiet tekniċi. Id-deċiżjoni għandha tibqa’ soġġett għal dibattitu pubbliku trasparenti kif ukoll għad-definizzjoni fil-liġi tas-salvagwardji xierqa biex tiġi assigurata l-protezzjoni tal-privatezza u tad-dejta tal-individwi.

16.

Barra minn hekk, il-KEPD jenfasizza li l-użu tad-dejta dwar is-sewwieqa għandu wkoll jiġi vvalutat bir-reqqa fil-kuntest usa’ tas-sistemi ta’ trasport intelliġenti u sa liema punt id-dejta dwar is-sewwieqa tista’ tintuża ulterjorment u kkombinata ma’ dejta oħra miġbura minn sistemi oħra inkorporati fil-vettura (bħal eCall, eToll, eċc). Il-KEPD jistieden lil-leġiżlatur sabiex iqis il-prinċipji tal-ħtieġa, tal-proporzjonalità u tal-limitazzjoni tal-iskop meta jiżviluppa proposti leġiżlattivi futuri li jirrigwardaw l-użu u l-ipproċessar ulterjuri tad-dejta dwar is-sewwieqa fil-kuntest tas-sistemi ta’ trasport intelliġenti.

II.2.   Proporzjonalità tal-ipproċessar tad-dejta dwar is-sewwieqa professjonali

17.

Anki jekk l-amalgamazzjoni taż-żewġ kards tingħata prova tagħha bħala li hija meħtieġa, l-ipproċessar tad-dejta personali f’dik il-kard unika xorta waħda jkollu jikkonforma mal-prinċipji u r-regoli tal-protezzjoni tad-dejta stabbiliti fid-Direttiva 95/46/KE, u b’mod partikolari mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

18.

Il-KEPD jinnota li d-Direttiva 2006/126/KE tinkludi biss referenza sempliċi għar-“regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta” fl-Artikolu 1(2) tagħha mingħajr ma ssemmihom b’mod ċar. Huwa jirrakkomanda li f’Artikolu sostantiv tal-Proposta jiġi ċċarat li l-ipproċessar tad-dejta mwettaq fir-rigward tal-liċenzji tas-sewqan għandu jsir skont ir-regoli nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva 95/46/KE. Għandu jiġi enfasizzat li l-ipproċessar imwettaq fir-rigward tal-liċenzji tas-sewqan ma jinkludix biss id-dejta pproċessata fil-mikroċipp, iżda anki tipi oħrajn ta’ pproċessar ta’ dejta mwettqa b’rabta mal-kard, bħall-ħruġ tal-liċenzja tas-sewqan, il-monitoraġġ tal-validità tagħhom u l-kontrolli mwettqa minn awtoritajiet kompetenti li jissorveljaw ir-rispett tar-regoli soċjali fit-trasport bit-triq.

19.

Fir-rigward tad-dettalji tal-ipproċessar, il-premessa (2) tal-Proposta tgħid li l-‘liċenzji tas-sewqan u l-kards tas-sewqan jikkondividu disinn u sett ta’ oqsma ta’ dejta li huma kważi identiċi’. Din l-istqarrija hija qarrieqa minħabba żewġ raġunijiet: l-ewwel, l-oqsma tad-dejta eżatti li sejrin jiġu pproċessati fil-kard tas-sewwieqa għadhom mhux magħrufa; it-tieni, wieħed jista’ jassumi li dawn sejrin neċessarjament imorru lil hinn minn dawk li ġew definiti għal-liċenzja tas-sewqan, minħabba li l-iskop tal-kard tas-sewwieqa huwa li tissorvelja l-imġiba tas-sewwieq biex tiżgura l-konformità mar-regoli soċjali fit-trasport bit-triq.

20.

Filwaqt li l-kategoriji tad-dejta inklużi fil-liċenzja tas-sewqan huma stabbiliti b’mod ċar u fid-dettall fl-Annes I għad-Direttiva 2006/126/KE (13), l-ispeċifikazzjonijiet għad-dejta li għandha tinħażen fil-mikroċipp tal-liċenzja tas-sewqan għadhom ma ġewx iddefiniti mill-Kummissjoni. Pereżempju, għadu mhux ċar jekk il-mikroċipp hux se jkun fiha dejta bijometrika (bħal marki tas-swaba, jew sken tal-ħabba tal-għajn). Barra minn hekk, kif enfasizza l-KEPD fl-Opinjoni tiegħu dwar il-Proposta għal regolament dwar l-apparat ta’ reġistrazzjoni fit-trasport pubbliku (14), id-dettalji tal-ipproċessar fil-kard tas-sewwieqa għadhom lanqas ġew iddefiniti b’ċertezza u jiddependu fuq ir-reviżjoni tal-Annessi tar-Regolament (KEE) Nru 3821/85 dwar it-takografiji, li l-proċess tagħhom se jinbeda biss wara li tkun ġiet adottata l-proposta għall-emenda tar-regolament dwar it-takografiji. Għaldaqstant, f’dan l-istadju huwa diffiċli biex jiġi vvalutat b’ċertezza suffiċjenti jekk l-ipproċessar tad-dejta previst huwiex se jikkonforma mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

21.

Fir-rigward tal-limitu previst ta’ dejta li se tiġi pproċessata fil-mikroċipp li tirrigwarda d-dejta dwar is-sewwieqa, l-Artikolu 1 tal-Proposta jsemmi biss id-dejta dwar l-identifikazzjoni tal-kard tas-sewwieqa, kif imsemmi fis-Sezzjoni IV, punt 5.2 tal-Anness IB tar-Regolament (KEE) Nru 3821/85, filwaqt li min-naħa l-oħra, l-Artikolu 7(a) tal-Proposta jgħid li l-liċenzji tas-sewqan għandhom jinkorporaw il-‘funzjonalitajiet kollha meħtieġa biex b’hekk il-liċenzja ta-sewqan tkun tista’ tintuża wkoll bħala kard tas-sewwieqa’. Sabiex il-liċenzja tas-sewqan tkun tista’ tintuża bħala kard tas-sewwieqa, din għandha tinkorpora l-oqsma tad-dejta kollha ddefiniti għall-kard tas-sewwieqa, u mhux biss id-dejta ta’ identifikazzjoni tal-kard. Din id-dejta se tinkludi ħafna iktar informazzjoni milli fil-liċenzja tas-sewqan, eż dejta dwar l-attivitajiet tas-sewwieq (bħad-data, il-bidu u t-tmiem ta’ vjaġġ, id-distanza, id-dejta dwar il-ġeolokalizzazzjoni, il-ħin, il-veloċità, eċċ).

22.

Il-KEPD jenfasizza l-bżonn li jiġi segwit approċċ konsistenti meta jiġu żviluppati miżuri f’żewġ strumenti legali separati dwar il-liċenzji tas-sewqan li jinkorporaw kards tas-sewwieqa, minn naħa l-proposta għal Regolament dwar l-apparat tar-reġistrazzjoni fit-trasport bit-triq u min-naħa l-oħra l-proposta għall-emenda tad-Direttiva dwar il-liċenzji tas-sewqan, biex jiġi assigurat li d-disinn ġenerali tal-ipproċessar ikun favur il-privatezza, li jirrispetta l-prinċipji kollha tal-protezzjoni tad-dejta u b’mod partikolari l-proporzjonalità, u li jipprovdi garanziji suffiċjenti f’termini ta’ protezzjoni tad-dejta kif ukoll kunsiderazzjoni xierqa tad-drittijiet tas-suġġetti tad-dejta.

23.

B’mod partikolari, il-KEPD jirrakkomanda li għandha tiġi ddefinita lista ċara tad-dejta li għandha tiġi pproċessata fil-kard integrata fuq bażi ta’ test tal-ħtieġa. Fil-proposta għandu jiġi ċċarat kif id-drittijiet tas-suġġetti tad-dejta għall-informazzjoni dwar l-ipproċessar, għall-aċċess tad-dejta tagħhom u biex joġġezzjonaw, kif stabbilit fl-Artikoli 10, 11, 12 u 14 tad-Direttiva 95/46/KE, jistgħu jiġu eżerċitati b’mod effettiv fil-kuntest ta’ dan l-ipproċessar. Huwa jenfasizza wkoll li l-ipproċessar għandu jkun soġġett għal reviżjoni xierqa mill-awtoritajiet rilevanti għall-protezzjoni tad-dejta, f’konformità mal-liġi nazzjonali.

24.

Il-KEPD jenfasizza wkoll li għandhom jiġu ċċarati l-iskopijiet u ċ-ċirkostanzi li fihom tista’ tiġi aċċessata d-dejta, u minn min. Għandu jiġi ċċarat li l-aċċess għad-dejta inkluża fil-mikroċipp għandu jiġi permess biss għal skopijiet uffiċjali u ddefiniti b’mod ċar, iżda mhux għal skopijiet oħra (kummerċjali jew mhux kummerċjali). Barra minn hekk, għandu jiġi speċifikat b’mod ċar fil-Proposta min għandu awtorizzazzjoni għall-aċċess tad-dejta li tinsab fil-mikroċipp (jiġifieri liċenzja tas-sewqan professjonali, dejta dwar is-sewwieqa, liċenzja tas-sewqan privata) u taħt liema ċirkostanzi (pereżempju x’tip ta’ aċċess għad-dejta ta’ sewwieq li mhuwiex jaħdem minħabba btala jew mard?), hekk kif it-taħlita taż-żewġ strumenti toħloq inċertezza f’dan ir-rigward.

25.

Fl-aħħar nett, f’dak li għandu x’jaqsam mar-rekords tal-liċenzji tas-sewqan misruqa, mitlufa jew difettużi li jinkorporaw kard tas-sewwieqa (l-Artikolu 7c tal-Proposta), jeħtieġu jiġu ċċarati d-dejta jew il-kategoriji tad-dejta li għandhom jinżammu. Meta tiġi ddefinita din id-dejta, għandhom jiġu applikati l-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ minimizzazzjoni tad-dejta. Barra minn hekk għandu jiġi ċċarat min hi/huma l-awtorità(jiet) kompetenti li għandha/għandhom iżżomm/iżommu rekord ta’ din id-dejta.

III.   KONKLUŻJONI

26.

Il-KEPD jesprimi d-dubji tiegħu dwar il-ħtieġa u l-proporzjonalità tal-amalgamazzjoni tal-liċenzji tas-sewqan mal-kards tas-sewqan prevista fil-Proposta, li għandhom jintwerew. Għaldaqstant, għandu jiġi esplorat jekk jistgħux jintużaw mezzi oħra inqas intrużivi sabiex jintlaħaq l-istess għan tal-ġlieda kontra l-frodi u t-tnaqqis tal-ispejjeż fir-rigward tas-sewwieqa professjonali fit-trasport bit-triq.

27.

Il-KEPS b’mod partikolari jirrakkomanda li:

tiżdied referenza għal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-dejta, u b’mod partikolari d-Direttiva 95/56/KE, f’Artikolu sostantiv tal-Proposta;

fl-Artikolu 1 tal-Proposta jintqal li l-amalgamazzjoni tal-kards tas-sewwieqa mal-liċenzji tas-sewqan u l-użu tal-mikroċipp għandhom jiġu kkunsidrati biss wara li tkun twettqet valutazzjoni tal-impatt fuq is-sigurtà u l-privatezza;

jiġi segwit approċċ konsistenti meta jiġu żviluppati miżuri dwar il-liċenzji tas-sewqan li jinkorporaw kards tas-sewwieqa f’żewġ strumenti legali separati, jiġifieri r-Regolament dwar l-apparat tar-reġistrazzjoni fit-trasport bit-triq u d-Direttiva dwar il-liċenzji tas-sewqan, biex jiġi assigurat li d-disinn ġenerali tal-ipproċessar ikun favur il-privatezza, li jirrispetta l-prinċipji kollha tal-protezzjoni tad-dejta u b’mod partikolari l-proporzjonalità, u li jipprovdi garanziji suffiċjenti f’termini ta’ protezzjoni tad-dejta, inkluż l-eżerċitar effettiv tad-drittijiet tas-suġġett tad-dejta;

jiġu speċifikati b’iktar ċarezza u f’iktar dettall, fuq il-bażi ta’ test tal-ħtieġa, id-dejta jew il-kategoriji ta’ dejta li għandhom jiġu inklużi fil-mikroċipp, li jkunu jinkludu d-dejta kollha ddefinita fl-Anness IB aġġornat tar-Regolament (KEE) Nru 3821/85 kif ukoll id-dejta li se tiġi speċifikata mill-Kummissjoni li tirrigwarda l-mikroċipp fil-liċenzji tas-sewqan. Id-definizzjoni tad-dejta pproċessata u maħżuna fil-mikroċipp għandha tikkonforma b’mod partikolari mal-prinċipji ta’ proporzjonalità u minimizzazzjoni tad-dejta;

jiġu ċċarati ċ-ċirkustanzi skont liema jistgħu jiġu aċċessati ċerti kategoriji ta’ dejta, u minn min;

jiġi ddikjarat b’mod ċar fl-Artikolu 7c min għandu jżomm ir-rekords ta’ liċenzji tas-sewqan misruqa, mitlufa jew difettużi li jinkorporaw kard tas-sewwieqa, u li għandha tinżamm biss id-dejta li hija strettament meħtieġa għal dan l-iskop, f’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità u ta’ minimizzazzjoni tad-dejta.

Magħmula fi Brussell, is-17 ta’ Frar 2012.

Giovanni BUTTARELLI

Assistent Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta


(1)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(2)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(3)  COM(2011) 710 finali.

(4)  COM(2011) 454 finali.

(5)  Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 dwar l-apparat ta’ reġistrazzjoni fit-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, COM(2011) 451 finali.

(6)  Din hija disponibbli mill-websajt tal-KEPD fuq l-indirizz li ġej: http://www.edps.europa.eu/EDPSWEB/webdav/site/mySite/shared/Documents/Consultation/Opinions/2011/11-10-05_Tachographs_MT.pdf

(7)  Skont l-Artikolu 1(t) tal-Anness IB tar-Regolament (KEE) Nru 3821/85, kard tas-sewwieqa hija “kard takografika maħruġa mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru lil sewwieq partikolari. Il-kard tas-sewwieqa tidentifika s-sewwieq u tippermetti l-ħażna ta’ dejta dwar l-attività tas-sewwieq”.

(8)  Minkejja li ma saret l-ebda valutazzjoni tal-privatezza.

(9)  Ara l-Memorandum ta’ spjegazzjoni, COM(2011) 710 finali, paġna 3.

(10)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna nru 6.

(11)  Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

(12)  Ara l-Memorandum ta’ spjegazzjoni, COM(2011) 710 finali, paġna 3.

(13)  Dawn huma relatati prinċipalment mal-identità tas-sewwieq, id-data tat-twelid, il-post u l-awtorità ta’ ħruġ, it-tip ta’ vettura li għaliha ngħatat il-liċenzja, u jekk japplikawx ċerti restrizzjonijiet.

(14)  Ara n-nota 6 f’qiegħ il-paġna 1.


Top