Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012AE0151

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 1999/32/KE fir-rigward tal-kontenut ta’ kubrit fil-fjuwils tal-baħar” COM(2011) 439 final — 2011/0190 (COD)

    ĠU C 68, 6.3.2012, p. 70–73 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    6.3.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 68/70


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 1999/32/KE fir-rigward tal-kontenut ta’ kubrit fil-fjuwils tal-baħar”

    COM(2011) 439 final — 2011/0190 (COD)

    2012/C 68/13

    Relatur: is-Sur SIMONS

    Nhar l-1 ta’ Settembru 2011 u nhar it-13 ta’ Settembru 2011, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew rispettivament, iddeċiedew, b’konformità mal-Artikolu 192(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 1999/32/KE fir-rigward tal-kontenut ta’ kubrit fil-fjuwils tal-baħar

    COM(2011) 439 final – 2011/0190 COD.

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-21 ta’ Diċembru 2011.

    Matul l-477 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-18 u d-19 ta’ Jannar 2012 (seduta tat-18 ta’ Jannar 2012), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’110 voti favur, 46 vot kontra u 31 astensjoni.

    1.   Konklużjonijiet

    1.1   Il-KESE, bil-għan aħħari li l-vapuri jużaw fjuwil kważi ħieles għalkollox mill-kubrit, ifakkar fil-qbil tiegħu mad-deċiżjoni tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti (IMO) fl-2008 biex il-kontenut ta’ kubrit fil-fjuwils tal-baħar jitnaqqas b’mod drastiku sal-2020. Il-KESE jinsisti li kull stat membru tal-IMO għandu jirratifika mill-iktar fis il-Konvenzjoni rilevanti tal-IMO sabiex tiġi implimentata fil-livell internazzjonali.

    1.2   Il-KESE jappoġġja wkoll il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal tibdil lid-Direttiva 1999/32/KE fl-Anness VI dwar il-prevenzjoni tal-problemi tat-tniġġis tal-arja b’rabta mal-vapuri tal-Konvenzjoni MARPOL 73/78 tal-IMO, jiġifieri l-Konvenzjoni internazzjonali għall-prevenzjoni tat-tniġġis tal-baħar miż-żejt. Iżda ċerti proposti u konsegwenzi għad iridu jiġu analizzati iktar fil-fond.

    1.3   Għalhekk, il-KESE jitlob li fid-direttiva jiddaħħlu, b’xi mod jew ieħor, dispożizzjonijiet li jikkorrispondu perfettament mar-Regolament 18 dwar il-Kwalità taż-Żejt għal-Fjuwil, bil-klawżola tad-disponibbiltà tiegħu (it-talba għat-“tqegħid fis-suq”), l-obbligi ta’ rappurtar f’każ li vapur juża r-Regolament 18 u mal-klawżola “tan-nondisponibbiltà” tal-IMO.

    1.4   Il-KESE għandu xi dubji dwar jekk hijiex fattibbli l-proposta li sal-2020 jiddaħħal limitu ta’ kubrit ta’ 0,1 % għall-vapuri tal-passiġġieri li joperaw barra ż-Żoni ta’ Kontroll tal-Emissjonijiet tal-Kubrit (SECAs). Il-proposta ma ġietx analizzata biżżejjed. Madankollu, fl-interess tas-saħħa tal-passiġġieri u l-ekwipaġġ tal-vaupri tal-passiġġieri, jinsab inklinat li jappoġġa l-proposta. Il-livell ta’ preokkupazzjoni dwar saħħet iċ-ċittadini għandu jkun l-istess fl-UE kollha.

    1.5   Il-KESE huwa tal-fehma li l-projbizzjoni tal-kummerċ tal-fjuwils tal-baħar b’kontenut ta’ kubrit ta’ iktar minn 3,5 % tal-piż fil-fatt tillimita l-attraenza u l-użu tal-metodi ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet fuq il-vapuri (scrubbers). Dan il-punt għandu jiġi ċċarat.

    1.6   Il-KESE jinsab imħasseb dwar il-problemi li jistgħu jinħolqu jekk il-limitu ta’ 0,1 % ta’ kubrit jidħol fis-seħħ fis-SECAs mill-2015 ’l quddiem. Fir-rigward tal-effetti potenzjali, l-IMO ma ħarġet l-ebda rapport affidabbli. Il-Kumitat jirrakkomanda li fil-futur l-IMO twettaq analiżi minn qabel dwar effetti simili.

    1.7   Il-KESE huwa tal-fehma li l-metodi alternattivi tat-tnaqqis tal-emissjonijiet jew l-użu potenzjali ta’ fjuwils alternattivi għandhom jiġu analizzati u mtejba. Fid-dawl tan-nuqqas ta’ ċertezza dwar pereżempju d-disponibbiltà tal-fjuwil bi ftit kubrit fl-2015, jew ir-riskju ta’ bidla modali “bil-maqlub”, il-Kummissjoni, fil-komunikazzjoni tagħha li takkumpanja, tissuġġerixxi li jekk dawn l-inċertezzi jidhru li se jsiru realtà, id-data ta’ skadenza tal-implimentazzjoni għandha tinbidel. Il-KESE hu tal-parir li, jekk meħtieġ, dan isir fil-ħin sabiex jiġi żgurat li l-promozzjoni tal-investiment meħtieġ tibqa’ ssir. Ladarba, b’mod partikolari, l-2015 qiegħda toqrob malajr, id-data ta’ skadenza għall-implimentazzjoni tal-limitu ta’ 0,1 % għandha tiġi posposta għall-2020.

    2.   Daħla

    2.1   Il-fjuwil li jintuża għall-vapuri huwa l-irħas u l-inqas raffinat. Ħafna drabi jkun prodott sekondarju ta’ proċess ta’ raffinar ogħla taż-żejt. Bħalissa huwa sors sinifikanti ta’ tniġġis atmosferiku, b’mod partikolari d-diossidu tal-karbonju (4 % tat-total globali minn sorsi li joriġinaw mill-attività tal-bniedem) u l-ossidu tal-kubrit (9 %).

    2.2   Qabel ma daħlu fis-seħħ il-Konvenzjonijiet u l-Protokolli tal-IMO tan-Nazzjonijiet Uniti, u b’mod speċjali l-Konvenzjoni dwar il-prevenzjoni tat-tniġġis mill-vapuri (MARPOL), fl-1973 u l-1978 rispettivament u aktar tard il-protokoll tal-2008, il-fjuwils kienu permessi jkollhom kontenut ta’ kubrit ta’ 4,5 %.

    2.3   L-Anness VI tal-MARPOL tal-2008 jipprevedi tnaqqis drastiku progressiv għal 0,5 % b’mod ġenerali sal-2020 u b’posponiment potenzjali sal-2025.

    2.4   Il-partikoli tal-kubrit, li ġew prattikament eliminati mis-sorsi kollha bbażati fuq l-art (emissjonijiet tal-enerġija u tat-trasport bit-triq) huma magħrufa li jikkawżaw problemi respiratorji u tal-qalb, u hemm qbil ġenerali li l-ammont ta’ kubrit fil-fjuwils tal-baħar irid jitnaqqas.

    3.   Il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea

    3.1   Id-Direttiva 1999/32/KE (emendata mid-Direttiva 2005/33/KE) tirregola l-kontenut tal-kubrit għall-fjuwils tal-vapuri u tintroduċi ċerti regoli adottati fil-qafas tal-IMO fil-leġislazzjoni tal-UE.

    3.2   Id-Direttiva fil-forma attwali tagħha tinkludi b’mod partikolari dispożizzjonijiet iktar stretti għall-kontenut ta’ kubrit tal-fjuwils tal-vapuri li jintużaw f’postijiet b’rekwiżiti speċjali għall-ħarsien tal-ambjent, bħas-SECAs.

    3.3   Fl-14 ta’ Mejju 2003, il-KESE kien diġà ħareġ opinjoni dwar il-proposta għal Direttiva 1999/32/KE (1).

    3.4   Bl-appoġġ tal-Istati Membri tal-UE, f’Ottubru 2008, ir-regolamenti internazzjonali tal-IMO ġew riveduti u saru iktar stretti bl-implimentazzjoni tal-Anness VI tal-MARPOL (2).

    3.5   L-iktar bidliet notevoli fl-Anness VI tal-MARPOL li jolqtu t-tniġġis tad-diossidu tal-kubrit (SO2) huma dawn:

    it-tnaqqis ta’ 1,5 % fil-kontenut tal-kubrit mill-fjuwils kollha tat-trasport marittimu li jintużaw fis-SECAs, jiġifieri sa 1,00 % minn Lulju 2010 u sa 0,10 % sa Jannar 2015;

    it-tnaqqis ta’ 4,5 % fil-kontenut tal-kubrit mill-fjuwils kollha tat-trasport marittimu li jintużaw ġeneralment (barra s-SECAs) sa 3,5 % sa Jannar 2012 u sa 0,5 % sa Jannar 2020, soġġetti għal reviżjoni fl-2018, b’posponiment potenzjali sal-2025;

    is-sitwazzjoni attwali tal-użu ta’ medda wiesgħa ta’ metodi ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet (ekwivalenti), bħall-apparat, il-metodi, il-proċeduri jew il-fjuwils alternattivi.

    3.6   Biex tiġi żgurata l-konformità mal-liġi internazzjonali u biex fl-UE jiġu rispettati l-istandards ġodda stabbiliti fil-livell dinji fir-rigward tal-kontenut tal-kubrit, il-Kummissjoni tipproponi li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 1999/32/KE jikkonformaw mal-Anness VI rivedut tal-MARPOL (3). Dan ifisser:

    li d-Direttiva tinkludi l-emenda tal-2008 tal-Anness VI tal-MARPOL fir-rigward tal-kontenut tal-kubrit fil-fjuwils tat-trasport marittimu.

    li d-Direttiva tikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-IMO li jinkludu firxa usa’ ta’ metodi ekwivalenti ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet. Jeħtieġ ukoll li dawn id-dispożizzjonijiet jiġu implimentati b’miżuri ta’ garanzija addizzjonali biex jiġi evitat li l-metodi ekwivalenti ta’ tnaqqis ikollhom effetti negattivi u inaċċettabbli fuq l-ambjent.

    li tiġi adottata l-proċedura tal-IMO għall-kontroll tal-fjuwils.

    3.7   Il-Kummissjoni tipproponi l-miżuri komplementari li ġejjin:

    l-implimentazzjoni ta’ limitu ġdid ta’ 0,1 % għall-vapuri tal-passiġġieri barra l-postijiet tas-SECAs mill-2020 ’l quddiem;

    l-iżvilupp ta’ dokument ta’ gwida mhux vinkolanti għall-ispezzjoni u r-rappurtar ta’ konklużjonijiet. Fil-każ li dan ma jkollu l-ebda impatt, għandhom jiddaħħlu regolamenti vinkolanti.

    4.   Kummenti ġenerali

    4.1   Il-KESE huwa tal-fehma, tabilħaqq l-istess bħall-Kummissjoni Ewropea u ħafna partijiet interessati oħra, li l-għan aħħari, anke għal raġunijiet ta’ saħħa, huwa li l-vapuri jitħaddmu bi fjuwil kważi mingħajr kubrit. Barra minn hekk, huwa ferm fl-interess taċ-ċittadini u s-settur tat-trasport attiv fil-livell dinji li jkun hemm regolazzjoni dinjija.

    4.2   Il-KESE għaldaqstant jilqa’ d-deċiżjoni tal-IMO biex il-kontenut ta’ kubrit fil-fjuwils tal-baħar jitnaqqas b’mod drastiku. Fil-fehma tal-KESE, m’għandhiex issir distinzjoni bejn ir-regolazzjoni dinjija u dik tal-Unjoni Ewropea.

    4.3   Il-KESE jinsisti li kull Stat Membru tal-Konvenzjonijiet tal-IMO għandu jirratifika mill-aktar fis l-Anness VI tal-MARPOL 73/78, sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni fil-livell internazzjonali.

    4.4   Ir-Regolament 18 tal-Anness VI jistabbilixxi li kull Stat tal-Konvenzjoni għandu jappoġġja d-disponibbiltà tal-fjuwils ikkonċernati fil-portijiet u t-terminals u jinforma lill-IMO dwar id-disponibbiltà tagħhom. Madankollu, l-IMO, b’mod pjuttost realistiku, daħħlet ukoll klawżola tan-nondisponibbiltà.

    4.5   Il-KESE jinnota li l-klawżola tan-nondisponibbiltà tal-fjuwil ikkonċernat, kif hemm fl-Anness VI tal-MARPOL, ma tikkorrispondix mal-proposta għal emenda tad-Direttiva. Għalhekk, il-KESE jitlob li fid-direttiva jiddaħħlu, b’xi mod jew ieħor, dispożizzjonijiet li jikkorrispondu perfettament mar-Regolament 18 dwar il-Kwalità taż-Żejt għal-Fjuwil, bil-klawżola tad-disponibbiltà tiegħu (it-talba għat-“tqegħid fis-suq”), l-obbligi ta’ rappurtar f’każ li vapur juża r-Regolament 18 u mal-klawżola “tan-nondisponibbiltà” tal-IMO.

    4.6   Il-KESE għandu xi dubji dwar il-proposta l-ġdida tal-Kummissjoni li fl-2020 jiddaħħal limitu ta’ kubrit ta’ 0,1 % għall-vapuri tal-passiġġieri li joperaw barra s-SECAs. Il-proposta ma ġietx investigata biżżejjed. Madankollu, fl-interess tas-saħħa tal-passiġġieri u l-ekwipaġġ tal-vapuri tal-passiġġieri, jinsab inklinat li jappoġġja l-proposta. Il-livell ta’ preokkupazzjoni dwar saħħet iċ-ċittadini għandu jkun l-istess fl-UE kollha.

    4.7   Il-proposta ta’ SECAs ġodda għandha tiġi trattata skont il-proċedura tal-IMO, b’kunsiderazzjoni tal-istandards xjentifiċi, ambjentali u ekonomiċi. L-Artikolu 4(a)(2) il-ġdid mhuwiex ċar f’dan il-kuntest. Is-SECAs il-ġodda li ser jiġu approvati fl-IMO ser jiddaħħlu awtomatikament fid-Direttiva jew ser tinħoloq proċedura purament Ewropea li tippermetti lill-Kummissjoni li tistabbilixxi SECAs ġodda li mbagħad jiġu proposti lill-IMO? Hemm bżonn ta’ kjarifika.

    4.8   Fl-Artikolu 1.4 (l-Artikolu 1.3(a) il-ġdid) il-Kummissjoni tipproponi li l-Istati Membri jieħdu ħsieb li fit-territorju tagħhom ma jintuża jew jinbiegħ l-ebda fjuwil għall-vapuri b’kontenut ta’ kubrit ta’ iktar minn 3,5 %, biex jiġi evitat ir-riskju marbut ma’ dan l-użu, li jista’ jwassal għal konċentrazzjoni għolja fl-ilma użat. Madankollu, il-metodi ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet (scrubbing) għandhom jitqiesu u dawn jippermettu li jintuża l-fjuwil b’kontenut ogħla ta’ kubrit mingħajr ma jinqabżu l-istandards tal-IMO.

    4.9   Għad li mhumiex previsti fir-regolamenti tal-IMO, il-Kummissjoni tipproponi li permezz tal-metodi tat-tnaqqis kontinwu tal-emissjonijiet għandu jsir tnaqqis li mill-inqas ikun daqs it-tnaqqis li jsir permezz tal-fjuwils tal-baħar li jissodisfaw l-Artikoli 4a) u 4b). Dan il-għan diffiċli li jintlaħaq, billi jista’ jkun hemm interruzzjonijiet temporanji fl-elementi tat-tnaqqis tal-emissjonijiet u/jew li jistgħu jnaqqsu l-prestazzjoni ta’ dawn l-għodod minħabba pressjoni qawwija fuq il-muturi, li jista’ jirriżulta f’emissjonijiet temporanjament ogħla tal-kubrit. Dawn it-talbiet għandhom jitneħħew.

    4.10   B’konformità mal-kummenti fil-punt 4.8, il-Kumitat jenfasizza li fil-prattika l-vapuri ma jistgħux jissodisfaw il-kriterju mfisser fl-Artikolu 4(3) tal-Anness 2 tal-proposta li jgħid li għandhom “jiddokumentaw b’mod preċiż li kwalunkwe fluss ta’ skart li jintrema fil-baħar, inklużi portijiet u estwarji magħluqa ma jkollux impatti negattivi sinifikanti fuq, u ma joħloqx riskji għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent”. Il-KESE jqis li jkun aħjar li kieku hawnhekk issir referenza għat-talbiet tar-riżoluzzjoni tal-IMO MEPC184(59), li tipprojbixxi r-rimi fil-portijiet u d-dħul għall-portijiet u x-xmajjar.

    4.11   Għalkemm it-tnaqqis drastiku tal-kubrit fil-fjuwils tal-baħar kif ġie rregolat fl-2008 permezz tal-Anness VI tal-MARPOL mill-IMO intlaqa’ b’mod ġenerali u għandu jiġi adottat fid-Direttiva 1999/32/KE, id-deċiżjoni li mill-2015 ’l quddiem jiġi applikat limitu ta’ 0,1 % fil-postijiet tas-SECAs (4) ħolqot tħassib.

    4.12   Bħala reazzjoni għad-deċiżjoni tal-IMO rigward dan il-punt partikolari u fl-okkażjoni tal-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni fil-qafas tal-emenda tad-Direttiva 1999/32/KE diversi partijiet interessati insistew li l-ispejjeż relatati ser jiżdiedu jekk il-kontenut ta’ kubrit fil-fjuwils tal-baħar jiġi stabbilit għal massimu ta’ 0,1 %. F’ċerti studji, ġie stmat li l-użu ta’ dan il-fjuwil (distillat) iwassal għal żieda kbira fl-ispejjeż, skont il-parametri li jintużaw. Madankollu, studji oħrajn ma kkonfermawx li r-riskju jkun daqstant gravi.

    4.13   Madankollu, l-IMO fil-fatt m’għamlet l-ebda analiżi tal-impatt suffiċjenti qabel ma ħadet din id-deċiżjoni. Il-KESE jirrakkomanda li l-Istati Membri msieħba fl-IMO u l-Kummissjoni Ewropea jagħmlu pressjoni fuq l-IMO biex tagħmel studji tal-impatt rilevanti tal-effetti qabel ma tittieħed deċiżjoni.

    4.14   Bidla modali lejn it-trasport bit-triq tmur kontra l-istrateġija proposta fil-White Paper “Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti (Transport Strategy 2050)” ta’ Marzu 2011 (5). Din il-bidla modali ser twassal għal żieda qawwija fl-ispejjeż esterni fir-rigward tal-ambjent, l-iktar żieda partikolari fl-emissjonijiet tas-CO2, il-konġestjoni tat-traffiku, il-problema tal-istorbju, inċidenti, eċċ. F’dan il-kuntest, il-KESE jirrakkomanda li ma jittieħed l-ebda riskju b’bidla modali “bil-maqlub”.

    4.15   Il-partijiet interessati, ibbażati fit-tliet postijiet tas-SECAs, jibiżgħu li l-kompetittività tagħhom ser titnaqqas b’mod drastiku minħabba ż-żieda fl-ispejjeż tat-trasport, bit-theddida tat-trasferiment tal-produzzjoni lejn postijiet barra s-SECAs kemm fl-Ewropa kif ukoll fi bnadi oħra tad-dinja.

    5.   Kummenti speċifiċi

    5.1   Qed isir sforz proattiv biex tinħoloq “toolbox” biex tkun tista’ tiġi implimentata d-deċiżjoni tal-IMO li l-kontenut ta’ kubrit tal-fjuwils tal-vapuri jkun limitat għal massimu ta’ 0,1 %. mill-2015 ’l quddiem fil-postijiet tas-SECAs. F’dan il-kuntest, saret analiżi fil-fond ma’ diversi speċjalisti rigward id-disponibbiltà tal-fjuwil tal-baħar b’kontenut ta’ kubrit ta’ 0,1 %, l-użu tal-metodi ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet abbord il-bastimenti (scrubbers), u l-użu tal-LNG bħala fjuwil tal-baħar. Ma ngħatat l-ebda spjega dwar id-disponibbiltà.

    5.2   L-użu tal-metodi ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet (scrubbers/ħassiela) ġie ttestjat f’diversi proġetti pilota. Qed isiru avvanzi kbar fuq l-iscrubbers abbord li diġà qed jintużaw. Bit-tneħħija simultanja tal-NO2 u s-CO2 dan it-tagħmir jista’ juri l-kosteffettività tiegħu fil-futur qrib u għandu jibqa’ jiġi kkunsidrat. Ladarba, b’mod partikolari, l-2015 qiegħda toqrob malajr, id-data ta’ skadenza għall-implimentazzjoni tal-limitu ta’ 0,1 % għandha tiġi posposta għall-2020.

    5.3   L-użu tal-LNG bħala fjuwil tal-baħar alternattiv – bħala l-uniku fjuwil jew f’taħlita maż-żejt (sistema doppja) – intlaqa’ b’mod pożittiv mill-industrija tat-trasport marittimu, l-iktar fir-rigward tal-użu għat-trasport bil-baħar fuq distanzi qosra. Tnedew diversi proġetti pilota, l-iktar fl-Ewropa ta’ Fuq. Għaddejjin diskussjonijiet mal-partijiet involuti dwar il-problemi li għad iridu jiġu indirizzati bħat-telf tal-gassijiet tal-metanu li jżid l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra, il-possibbiltà tal-bunkering fid-diversi portijiet Ewropej u r-regolamenti tas-sigurtà fir-rigward tal-bunkering. Fost oħrajn, dan id-djalogu sar permezz tal-għaqda tas-sidien tal-vapuri ECSA, f’kooperazzjoni mal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA). Huwa ċar li s-soluzzjonijiet għall-problemi li fadal ser jieħdu ħafna żmien.

    5.4   L-industrija tat-trasport marittimu qed taħdem fuq it-tliet elementi tat-“toolbox”. Billi din il-ħidma mhux ser titlesta sal-2015, hemm ħafna partijiet li jappoġġjaw il-posponiment tal-implimentazzjoni permezz ta’ deroga fi ħdan l-IMO.

    5.5   Il-Kummissjoni, kif qalet fil-Komunikazzjoni tagħha stess, issuġġeriet li d-data tal-implimentazzjoni tinbidel jekk l-inċertezzi jidhru li ser isiru fatti. Il-KESE hu tal-parir li, jekk meħtieġ, dan isir fil-ħin sabiex l-investiment meħtieġ jibqa’ jsir.

    5.6   Il-Kummissjoni hija konxja li l-applikazzjoni tad-deċiżjoni tal-IMO fl-Anness VI tal-MARPOL biex mill-2015 ’l quddiem fis-SECAs ikun hemm limitu ta’ 0,1 % għall-kontenut tal-kubrit fil-fjuwils tal-baħar, ser tirriżulta f’żieda konsiderevoli fl-ispejjeż relatati. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 1999/32/KE tidħol fid-dettall sew dwar din il-kwistjoni (6).

    5.7   Il-Kummissjoni tqis li l-metodi addizzjonali għall-konformità mal-istandards permezz ta’ miżuri teknoloġiċi – bħall-metodi ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet (scrubbers/ħassiela), il-fjuwils alternattivi (LNG) u t-trasferiment tal-elettriku mill-art lejn il-vapuri – li ġew previsti fl-Anness VI tal-MARPOL kif ukoll fil-proposta għal-reviżjoni tad-Direttiva 1999/32/KE, ser jirrikjedu investiment kapitali konsiderevoli kemm mill-individwi kif ukoll mis-settur pubbliku.

    5.7.1   Għal dan il-għan, ġew stabbiliti għadd ta’ miżuri ta’ akkumpanjament fuq il-perjodu l-qasir bħala appoġġ għas-settur permezz ta’ strumenti finanzjarji tal-UE eżistenti bħall-programm għan-netwerk trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T), il-programm Marco Polo II, il-faċilità Ewropea għat-trasport nadif (ECTF), il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), u l-possibbiltà li jintużaw dawn il-fondi għall-Istati Membri bħala appoġġ għall-miżuri fuq il-vapuri u l-iżvilupp ta’ infrastruttura fuq l-art.

    5.7.2   Fir-rigward tal-perjodu l-medju l-Kummissjoni qed tiżviluppa approċċ komprensiv, bħal strument għat-trasport sostenibbli bl-ilma.

    5.7.3   Il-KESE jilqa’ dawn l-inizjattivi kollha tal-Kummissjoni, filwaqt li jenfasizza li l-ispejjeż tal-implimentazzjoni ta’ metodi alternattivi huma għoljin ħafna. It-teknoloġiji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet, partikolarment meta jiġu użati għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-NO2 u s-CO2, jistgħu jkunu aktar kosteffettivi. Il-programmi ta’ appoġġ imsemmijin mill-Kummissjoni huma pożittivi fihom innifishom, iżda bir-riżorsi u l-kalendarju attwali ftit li xejn jistgħu jikkontribwixxu biex inaqqsu l-ispejjeż tal-implimentazzjoni sal-2015.

    5.8   Fir-rigward tat-twaqqif tal-proċedura ta’ monitoraġġ tal-IMO għall-fjuwils, il-KESE jenfasizza li hemm differenza bejn il-proċedura ta’ monitoraġġ tal-IMO u l-istandard tal-Organizzazzjoni tal-Istandards Internazzjonali. Dan il-punt għandu jiġi ċċarat.

    Brussell, 18 ta’ Jannar 2012.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Staffan NILSSON


    (1)  CESE 580/2003, ĠU C 208, 3.9.2003, p. 27-29 (mhux disponibbli bil-Malti).

    (2)  Riżoluzzjoni MEPC.176(58) tal-10 ta’ Ottubru 2008 (l-Anness VI rivedut tal-MARPOL).

    (3)  COM(2011) 439 final.

    (4)  Is-SECAs fl-UE jinsabu fil-Baħar tal-Lvant, fil-Baħar tat-Tramuntana u fil-Kanal Ingliż.

    (5)  COM(2011) 144 finali.

    (6)  COM(2011) 441 final, 17.07.2011.


    Top