Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012AE0155

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ skambju ta’ informazzjoni fir-rigward tal-ftehimiet intergovernattivi bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi fil-qasam tal-enerġija” COM(2011) 540 finali — 2011/0238 (COD)

    ĠU C 68, 6.3.2012, p. 65–69 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    6.3.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 68/65


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ skambju ta’ informazzjoni fir-rigward tal-ftehimiet intergovernattivi bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi fil-qasam tal-enerġija”

    COM(2011) 540 finali — 2011/0238 (COD)

    2012/C 68/12

    Relatur: is-Sur PEEL

    Nhar is-27 ta’ Settembru 2011, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ddeċieda, b'konformità mal-Artikolu 194(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ skambju ta’ informazzjoni fir-rigward tal-ftehimiet intergovernattivi bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi fil-qasam tal-enerġija

    COM(2011) 540 finali – 2011/0238 (COD).

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-20 ta’ Diċembru 2011.

    Matul l-477 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-18 u d-19 ta’ Jannar 2012 (seduta tat-18 ta’ Jannar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'177 vot favur, vot wieħed kontra u 10 astensjonijiet.

    1.   Rakkomandazzjonijiet u konklużjonijiet

    1.1   L-enerġija hija essenzjali għall-istandard tal-għajxien u l-kwalità tal-ħajja tagħna (1). Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-Proposta għal Deċiżjoni ppubblikata mill-Kummissjoni bil-għan li tistabbilixxi mekkaniżmu għall-iskambju tal-informazzjoni rigward il-ftehimiet intergovernattivi bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi fil-qasam tal-enerġija. Fil-fehma tagħna, dan huwa pass adatt lejn l-implimentazzjoni effettiva ta’ politika esterna komuni tal-UE fil-qasam tal-enerġija, b'konformità kemm mat-Trattat ta’ Lisbona (Artikolu 194 tat-TFUE (2)) kif ukoll mal-Istrateġija Enerġija 2020 tal-UE (3), u mal-konklużjonijiet dwar l-enerġija tal-Kunsill Ewropew tal-4 ta’ Frar 2011. Din ix-xorta ta’ sistema effettiva u obbligatorja għall-iskambju tal-informazzjoni kif proposta – bis-sehem attiv tal-Kummissjoni meta l-Istati Membri jkunu qed jinnegozjaw ftehimiet intergovernattivi fil-qasam tal-enerġija mal-pajjiżi msieħba – imissha diġà twaqqfet.

    1.2   Għal dan il-għan, il-Kumitat jilqa' b'sodisfazzjon ukoll il-fatt li fil-Proposta għal Direttiva ġie inkluż ukoll l-iskambju tal-informazzjoni dwar ftehimiet bilaterali eżistenti fil-qasam tal-enerġija; il-Kummissjoni tantiċipa li hemm madwar 30 ftehima intergovernattiva bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi dwar iż-żejt, madwar 60 dwar il-gass, iżda inqas dwar l-elettriku.

    1.2.1   Il-Kumitat huwa mistagħġeb li għadu ma jeżistix mekkaniżmu ta’ informazzjoni ta’ din ix-xorta, jew bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, jew inkella bejn l-Istati Membri nnifishom, filwaqt li tiġi garantita kunfidenzjalità sħiħa. Nixtiequ nosservaw li, filwaqt li bħalissa la l-Kummissjoni u lanqas l-Istati Membri individwali ma għandhom stampa ġenerali rigward imsieħeb kummerċjali partikolari, l-imsieħba ewlenin ċertament ser ikollhom! Huwa importanti ħafna li l-Ewropa taġixxi b'leħen wieħed biex tiżgura provvista adegwata, stabbli u sigura ta’ enerġija fil-futur qarib kif ukoll tkompli tibni suq uniku effettiv għall-enerġija. L-istimi jissuġġerixxu li d-domanda globali għall-enerġija – meta nqisu li r-riżervi disponibbli mhumiex bla tmiem – tista' tiżdied b'madwar 40 % fi żmien 20 sena, l-iżjed minħabba ż-żieda fil-kompetizzjoni minn ekonomiji emerġenti, iżda probabbli hemm iżjed kumplikazzjonijiet minħabba miżuri li għadhom mhux previsti biex jiġġieldu kontra l-effetti tat-tibdil fil-klima.

    1.3   Il-Kumitat jilqa' b'sodisfazzjon ukoll il-fatt li fl-Artikolu 5 tal-Proposta ġiet inkluża stqarrija uffiċjali mill-Kummissjoni, li fi ħdanha qed jiġu nnegozjati l-ftehimiet, li tikkonferma li l-proġett ma jiksirx ir-regoli tas-suq intern, bil-kundizzjoni li dan jinħareġ mingħajr dewmien bla bżonn u fiż-żmien previst. Kif enfasizza diġà l-Kumitat fl-opinjoni tiegħu dwar politika komprensiva tal-UE fil-qasam tal-investiment internazzjonali (4), li fiha ħafna mill-kwistjonijiet indirizzati hawnhekk issemmew diġà, iċ-ċertezza legali għall-investituri hija essenzjali.

    1.3.1   Iżda, ninsabu mħassbin dwar is-suġġeriment li l-fatt li l-Kummissjoni ma tgħid xejn f'erba' xhur għandu jindika qbil min-naħa tagħha. Napprezzaw il-fatt li, għal raġunijiet proċedurali, mhuwiex prattiku jew faċli li l-Kummissjoni tagħti kunsens formali f'kull każ iżda, kemm peress li tkun intalbet investigazzjoni tal-kompatibbiltà u f'ġieħ iċ-ċarezza, inħeġġu li tingħata indikazzjoni pożittiva, anke jekk informali, safejn hu possibbli, jew inkella twissija kmieni biżżejjed f'każ li jista' jkun hemm problema li titlob investigazzjoni iżjed fil-fond.

    1.4   Jeħtieġ li l-ftehimiet fil-qasam tal-enerġija jkunu ggwidati kemm minn konsiderazzjonijiet strateġiċi kif ukoll kummerċjali. Filwaqt li jżomm f'moħħu l-bżonn li jinżammu l-prinċipji tal-proporzjonalità u t-trasparenza, il-Kumitat xorta waħda jiddispjaċih li l-ftehimiet ta’ ħidma li jinvolvu l-operaturi kummerċjali mhumiex inklużi fil-Proposta, b'mod partikolari fid-dawl tal-messaġġ sod fil-Memorandum ta’ Spjegazzjoni tagħha (Kapitolu I) dwar trasportaturi partikolari li jakkwistaw monopolju jew kważi monopolju, li jmur kontra l-liġi tal-UE. Inħeġġu lill-Kummissjoni biex, tal-inqas, tieħu miżuri attivi bil-għan li jkollha aċċess sħiħ għal dawk il-partijiet tal-ftehimiet kummerċjali fejn jitqies li jistgħu jiġu involuti implikazzjonijiet regolatorji fil-livell tal-UE, l-iżjed fejn dawn jistgħu jidhru bħala annessi għall-Ftehimiet Intergovernattivi. Ninsabu partikolarment imħassbin dwar it-theddid potenzjali li jista' jinqala' fejn is-sħubijiet strateġiċi jistgħu jwasslu għall-adozzjoni infurzata ta’ prattiki imposti minn interessi li mhumiex fil-livell tal-UE, f'każi fejn dawn jistgħu jkunu ta’ ħsara.

    1.4.1   Barra minn hekk, nenfasizzaw li l-konsumaturi Ewropej mhux ser japprezzaw mill-ewwel id-differenza bejn ftehimiet esterni intergovernattivi jew privati fil-qasam tal-enerġija – il-konsegwenzi fuq il-prezzijiet, l-għażla ta’ provvedituri, it-taħlita tal-enerġija u konsiderazzjonijiet rilevanti oħra japplikaw f'kull każ.

    1.4.2   Il-Kumitat iħeġġeġ azzjoni ġusta iżda soda li permezz tagħha, inevitabbilment, ċerti fornituri minn pajjiżi terzi ser ikollhom interessi strateġiċi u kummerċjali li huma differenti minn dawk tal-UE. Għandna dubju dwar kemm tista' verament isseħħ fil-prattika l-intenzjoni tal-Kummissjoni li dawn il-fornituri jsaħħu l-konformità tagħhom mar-regoli tas-suq intern tal-UE. Madankollu, il-Kumitat huwa tal-fehma li, safejn possibbli, in-negozjati jsiru fi spirtu ta’ sħubija, sens ta’ ġustizzja u fiduċja reċiproka.

    1.5   Iżda, il-Kumitat jiddispjaċih b'mod partikolari għan-nuqqas ta’ valutazzjoni kompleta tal-impatt, għax dan kien jagħmilha possibbli li jkun hemm previżjoni aħjar u miftuħa tar-reazzjonijiet li probabbilment ikollhom l-Istati Membri. Naturalment, l-enerġija hija kompetenza maqsuma bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, u għal ħafna hija marbuta mill-qrib ma’ kif jifhmu s-sovranità. Din taħdem fuq kull naħa: xi wħud ifittxu livell ogħla ta’ appoġġ filwaqt li oħrajn jistgħu jaraw indħil bla bżonn, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda t-telf tal-kontroll tagħhom fuq il-mandat tan-negozjar u l-awtonomija tagħhom, f'liema każ il-mekkaniżmu ġdid huwa perċepit bħala tentattiv illeċitu biex jittrasferixxu l-kompetenzi tagħhom fil-qasam tal-politika tal-enerġija lill-UE. Il-Kummissjoni ma tgawdix mill-istess setgħat hawnhekk bħalma għandha fil-qasam tal-investiment, f'liema qasam qed tiġi proposta azzjoni simili rigward it-Trattati Bilaterali dwar l-Investiment (hemm ħafna iżjed minn dawn), iżda fejn il-kawtela tkun fl-interess ta’ kulħadd.

    1.5.1   Jeħtieġ li l-Kummissjoni turi li hija konxja ta’ dawn ir-riżervi mill-Istati Membri li jistgħu jħossuhom mhedda b'dan, u għandha tittratta kwalunkwe tranżizzjoni bir-reqqa biex issaħħaħ l-idea li jiġi aċċettat għalkollox li wieħed mill-iskopijiet prinċipali tal-iskambju tal-informazzjoni propost huwa li jsaħħaħ il-pożizzjoni tal-Istati Membri fin-negozjati tagħhom ma’ pajjiżi terżi. Il-kooperazzjoni sħiħa mal-awtoritajiet regolatorji tal-Istati Membri ser tkun importanti ħafna f'dan il-każ. Filwaqt li jilqa' b'sodisfazzjon l-enfasi fuq l-appoġġ lill-Istati Membri fin-negozjati, huwa tal-fehma li ser ikun essenzjali li l-każijiet bikrin fejn il-Kummissjoni ssir involuta b'mod attiv fin-negozjati jagħtu prova tal-effettività tagħhom u għandhom jagħtu biżżejjed riżultati biex jgħinu li jingħelbu ċerti preokkupazzjonijiet inevitabbli.

    1.5.2   Il-Kumitat jixtieq li jiġi ċċarrat iżjed kif l-Artikolu 7, li jkopri l-kunfidenzjalità, ser ikun implimentat fil-prattika peress li l-elementi essenzjali kollha ta’ kuntratt ta’ negozju (inklużi l-prezzijiet u l-kundizzjonijiet) huma, bħala sigrieti kummerċjali, kunfidenzjali. Din ser tkun kwistjoni prinċipali biex tiġi aċċettata d-Deċiżjoni. Fin-nuqqas ta’ politika tal-UE fil-qasam tal-enerġija li tkun stabbilita bis-sħiħ, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom ikomplu jħabirku biex jibnu l-fiduċja reċiproka meħtieġa bejn il-partijiet interessati kollha: din il-Proposta għal Deċiżjoni tista' sservi biss bħala punt tat-tluq.

    1.6   Għandna dubju dwar kemm il-proposta mhux ser ikollha implikazzjonijiet baġitarji, kif ġie affermat. Fid-dawl tad-domandi dejjem jikbru imposti mill-politika Ewropea fil-qasam tal-enerġija ma nistgħux nemmnu li l-attivitajiet frekwenti previsti fil-qasam tal-monitoraġġ u l-konsulenza jistgħu jiġu pprovduti mingħajr riżorsi addizzjonali.

    1.7   Il-Kumitat iħeġġeġ li l-ewwel valutazzjoni ta’ nofs it-term għandha ssir wara sentejn, pjuttost milli wara erba' snin, għax sadanittant ikun hemm biżżejjed esperjenza u data biex tiġi vvalutata l-effettività tal-mekkaniżmu.

    1.8   Rigward l-implikazzjonijiet usa' tal-Proposta, li huma koperti l-iżjed fil-Komunikazzjoni ta’ akkumpanjament, li tkopri kamp ta’ applikazzjoni iżjed wiesgħa, il-Kumitat jilqa' b'sodisfazzjon l-għan globali min-naħa tal-Kummissjoni li ssaħħaħ id-dimensjoni esterna tal-politika ġenerali tal-UE fil-qasam tal-enerġija. L-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, is-sigurtà u l-istabbiltà huma relatati ma’ xulxin biċ-ċar, iżda jiddispjaċina li mhijiex totalment ċara r-rabta mat-tliet għanijiet l-iżjed stabbiliti ta’ enerġija kompetittiva, sostenibbli u sigura, anke peress li l-enerġija kompetittiva u l-enerġija sostenibbli mhux dejjem huma kompatibbli.

    1.8.1   Il-Kumitat jiddispjaċih ukoll li, filwaqt li l-Proposta tittratta l-iżjed it-teknikalitajiet u l-proċeduri, aspetti li huma relatati mill-qrib, fosthom ir-relazzjonijiet diplomatiċi u soċjoekonomiċi mal-pajjiżi ta’ provvista u dawk ta’ transitu, ma ġewx inklużi b'mod speċifiku (u sa ċertu punt biss fil-Komunikazzjoni).

    1.8.2   Lanqas ma huwa ċar li din il-Proposta hija marbuta bis-sħiħ u influwenzata kif ukoll tinfluwenza l-aspetti usa' relatati mal-kummerċ fil-qasam tal-enerġija. Naturalment, in-negozjati kummerċjali ilhom kompetenza tal-UE għal għexieren ta’ snin; f'dan il-qasam, l-enerġija taqdi rwol importanti ħafna fl-ewwel negozjati tal-UE ta’ din ix-xorta u li fetħu t-triq għal oħrajn, u li issa kważi waslu fi tmiemhom, bil-għan li jintlaħaq ftehim ta’ kummerċ ħieles profond u komprensiv (Deep and Comprehensive Free Trade Agreement – DCFTA) mal-Ukraina, pajjiż prinċipali għall-UE fil-qasam tat-transitu tal-enerġija. In-negozjati fil-qasam tad-DCFTA wkoll qed jiġu kkunsidrati għal pajjiżi oħra ġirien tal-UE, kemm fis-Sħubija tal-Lvant u fis-Sħubija Ewro-Mediterranja, fejn l-enerġija għandha wkoll taqdi rwol prinċipali.

    1.8.3   Il-Kumitat iħeġġeġ b'mod speċifiku lill-Kummissjoni sabiex, meta tkun qed tinnegozja l-aspetti komprensivi prinċipali – marbuta mal-enerġija – tal-ftehim ġdid propost bejn l-UE u r-Russja, għandha tingħata attenzjoni speċjali għall-pożizzjoni unika tat-tliet Stati Baltiċi, peress li n-netwerks tal-enerġija tagħhom huma sinkronizzati mas-sistema Russa pjuttost milli dik tal-UE.

    1.9   Fl-aħħar nett, il-Kumitat jiddispjaċih profondament li ma hemm l-ebda referenza, la fil-Proposta u lanqas fil-Komunikazzjoni ta’ akkumpanjament, għal kwalunkwe mekkaniżmu li jkopri s-sehem tas-soċjetà ċivili. Dan għandu jiġi rettifikat. Diġà hemm mekkaniżmi formali li huma – jew dalwaqt ikunu – fil-proċess li jiġu stabbiliti għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta’ Ftehimiet tal-UE li ġew konklużi dan l-aħħar dwar il-Kummerċ Ħieles, partikolarment il-ftehim mal-Korea t'Isfel, filwaqt li hemm stabbilit ukoll Forum attiv għas-Soċjetà Ċivili għas-Sħubija tal-Lvant.

    1.9.1   Madankollu, nilqgħu b'sodisfazzjon li finalment il-Kumitat ġie inkluż fil-ħidma tal-Pjattforma Tematika tas-Sħubija tal-Lvant fil-qasam tal-enerġija, anke minħabba l-fatt li s-sehem tas-soċjetà ċivili diġà huwa stabbilit sew fil-laqgħat tat-tliet pjattaformi l-oħra.

    2.   Sfond

    2.1   Fl-4 ta' Frar 2011, il-Kunsill Ewropew qabel li kien jeħtieġ li l-Unjoni u l-Istati Membri jtejbu l-koordinazzjoni tal-attivitajiet esterni tagħhom fil-qasam tal-enerġija u talab lill-Istati Membri biex, mill-1 ta’ Jannar 2012 'il quddiem, jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar kull ftehim bilaterali ġdid u eżistenti fil-qasam tal-enerġija ma’ pajjiżi terzi.

    2.2   F'Settembru, il-Kummissjoni Ewropea għalhekk ippubblikat żewġ dokumenti dwar il-ħolqien ta’ politika esterna tal-UE fil-qasam tal-enerġija: “Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ skambju ta’ informazzjoni fir-rigward tal-ftehimiet intergovernattivi bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi fil-qasam tal-enerġija” (5) u Komunikazzjoni dwar “Il-Politika dwar l-Enerġija tal-UE: Involviment mal-Imsieħba lil hinn mill-Fruntieri Tagħna” (6).

    2.3   Huwa biss id-dokument leġislattiv, li jistabbilixxi l-mekkaniżmu għall-implimentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Frar 2011, li dwaru l-Kumitat intalab iħejji opinjoni. Il-Komunikazzjoni tkopri kamp ta’ applikazzjoni ħafna usa' u tittratta l-Proposta għal Deċiżjoni b'mod marġinali biss. Jiddispjaċina li hemm din il-limitazzjoni għax il-Proposta tkopri ħafna aspetti prinċipali li nixtiequ nikkummentaw dwarhom, bħall-enerġija sostenibbli, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u kwistjonijiet oħra rilevanti għall-iżvilupp sostenibbli, kif ukoll aspetti oħra bħar-relazzjonijiet tal-UE mar-Russja, iċ-Ċina, ekonomiji oħra li qed jikbru b'rata mgħaġġla u, b'mod ġenerali, il-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp.

    2.3.1   Il-Kummissjoni għamlitha ċara li l-Komunikazzjoni ser twassal għal għadd ta’ proposti, u din il-Proposta għal Deċiżjoni hija waħda minnhom, għalkemm hija waħda fost dawk li huma importanti iżjed.

    2.4   Id-domandi globali għall-enerġija u d-dipendenza tal-UE minn karburanti fossili importati qed jiżdiedu. Kif tgħid il-Komunikazzjoni, l-UE inġenerali timporta 60 % tal-gass tagħha u 'l fuq minn 80 % taż-żejt, u fl-istess ħin qed tiffaċċja kompetizzjoni dejjem tikber minn bnadi oħra, b'mod partikolari l-ekonomiji emerġenti. Id-domanda globali tal-enerġija tista' tiżdied b'40 % fl-20 sena li ġejjin filwaqt li miżuri imprevisti marbuta mat-tibdil fil-klima jistgħu jkomplu jaggravaw is-sitwazzjoni. Ħafna Stati Membri jistgħu jiddependu biss minn għadd żgħir ta’ fornituri tal-enerġija u għalhekk huma suxxettibbli għal konġestjonijiet u volatilità fil-prezzijiet, b'mod partikolari fil-każ tal-gass u ż-żejt. Għalhekk, hemm verament sens ta’ urġenza biex il-politika esterna tal-UE fil-qasam tal-enerġija titpoġġa fuq bażi ħafna iżjed soda. Huwa importanti ħafna li l-Ewropa taġixxi b'leħen wieħed biex tiżgura provvista adegwata, stabbli u sigura ta’ enerġija fil-futur qarib, kif ukoll tkompli tibni suq uniku effettiv għall-enerġija.

    2.5   Ftit li xejn hawn strumenti effettivi disponibbli għal dan. Huwa antiċipat li l-enerġija ser tagħmel parti prinċipali mid-DCFTA bejn l-UE u l-Ukraina, u li daqt jintemm. Min-naħa tagħha, il-Komunità tal-Enerġija tirregola r-relazzjonijiet tal-UE dwar l-enerġija ma’ disa' pajjiżi msieħba (7) fl-Ewropa tal-Lvant u tax-Xlokk. Approċċ strateġiku għat-tul fil-livell internazzjonali jitlob dispożiżżjonijiet istituzzjonali ħafna iżjed strutturati u konsistenti. L-istrateġija tal-UE Enerġija 2020 tagħmel sewwa tidentifika t-tisħiħ tad-dimensjoni esterna tal-politika tal-UE dwar l-enerġija bħala prijorità ewlenija, li l-Proposta għal Direttiva għandha l-għan li tindirizza.

    2.6   Il-Proposta għal Deċiżjoni titlob li l-Istati Membri jaqsmu l-informazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea dwar l-intenzjonijiet tagħhom li jikkonkludu ftehimiet intergovernattivi dwar l-enerġija ma’ pajjiżi terzi. Permezz ta’ mekkaniżmu ta’ kontroll tal-kompatibbiltà (Artikolu 5), il-Kummissjoni tixtieq tiżgura li dawn it-tipi ta’ ftehimiet jikkonformaw mar-regoli tas-suq intern. Wieħed mill-benefiċċji prinċipali huwa l-ħolqien ta’ ċertezza legali għall-investiment (8). Il-Kummissjoni tisħaq li l-mekkaniżmu l-ġdid huwa miżura ta’ koordinazzjoni li għandu l-għan li jappoġġja lill-Istati Membri u jsaħħaħ il-kapaċità tan-negozjar tagħhom pjuttost milli jissostitwixxiha jew jillimita d-disponibbiltà tagħhom li jikkonkludu ftehimiet ta’ dan it-tip. L-Artikolu 7 jenfasizza li hemm dispożizzjonijiet li jiggarantixxu l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni, kwistjoni li hija estremament delikata.

    2.7   Iżda, il-Kumitat jiddispjaċih li l-ftehimiet bejn l-operaturi kummerċjali ma jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, b'mod partikolari fid-dawl tat-twissija ċara tal-Kummissjoni dwar trasportaturi partikolari li jakkwistaw monopolju jew kważi monopolju, li jmur kontra l-liġi tal-UE (9). Inħeġġu lill-Kummissjoni biex, tal-inqas, tieħu miżuri attivi bil-għan li jkollha aċċess sħiħ għal dawk il-partijiet tal-ftehimiet kummerċjali fejn jitqies li jistgħu jiġu involuti implikazzjonijiet regolatorji fil-livell tal-UE, l-iżjed fejn dawn jistgħu jidhru bħala annessi għall-Ftehimiet Intergovernattivi.

    3.   Il-KESE: appoġġ sod għal politika barranija Ewropea fil-qasam tal-enerġija fuq il-bażi tas-sigurtà tal-provvista

    3.1   F'Marzu 2011, il-Kumitat talab (10) b'mod ċar li l-politika barranija komuni tal-UE dwar l-enerġija tissaħħaħ b'rata mgħaġġla u gradwali. Bi tweġiba għat-talba tal-Presidenza Ungeriża – li kellha l-presidenza f'idejha dik il-ħabta – il-KESE saħaq dwar it-teħid ta’ miżuri konkreti bil-għan li l-politiki interni u esterni jkunu allinjati aħjar, u bil-għan li jiġi adottat approċċ integrat u konsistenti. Talab ukoll għal qafas istituzzjonali ġdid għall-enerġija, orjentazzjoni strateġika multilaterali lill-politika f'dan il-qasam u l-implimentazzjoni effettiva ta’ sħubijiet privileġġjati fil-qasam tal-enerġija mal-pajjiżi ġirien tal-UE.

    3.2   Fl-2009, il-Kumitat (11) talab li l-UE tadotta strateġija esterna komprensiva fil-qasam tal-enerġija għall-UE u l-mezzi biex tiġi implimentata b'mod effettiv. Mil-lat tal-perspettiva għat-tul, identifika s-sigurtà fil-provvista tal-enerġija u l-politika tal-klima bħala ż-żewġ pilastri prinċipali tar-relazzjonijiet internazzjonali tal-UE fil-qasam tal-enerġija. Huwa enfasizza l-importanza tat-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija biex inaqqas id-dipendenza tal-UE minn fornituri esterni, iżda enfasizza wkoll li kellhom jitħeġġu l-ġenerazzjoni u l-użu sostenibbli tal-enerġija fil-pajjiżi terzi. Ġiet enfasizzata r-rabta soda bejn l-enerġija u l-politika rilevanti tal-kummerċ u l-obbligu li l-pajjiżi msieħba japplikaw regoli tas-suq bħar-reċiproċità, it-trattament indaqs, it-trasparenza, il-protezzjoni tal-investiment u r-rispett tal-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem. Fid-dawl tal-fatt li l-enerġija ser taqdi rwol dejjem iżjed prinċipali f'konflitti internazzjonali, nenfasizzaw mill-ġdid il-bżonn urġenti li l-interessi nazzjonali tal-Istati Membri jkunu bbilanċjati ma’ leħen Ewropew wieħed.

    3.3   Il-Kumitat (12) saħaq ukoll li l-promozzjoni ta’ enerġiji rinnovabbli u d-diversifikazzjoni tas-sorsi bl-ebda mod ma jistgħu jkunu separati minn azzjoni esterna Ewropea, speċifikament fir-reġjun Ewro-Mediterranju. Sabiex ikun hemm konformità mal-politika tal-UE dwar il-klima, għandhom jitneħħew is-sussidji dannużi għall-karburanti fossili fil-pajjiżi msieħba, jiżdiedu l-fondi għar-riċerka u l-iżvilupp fi proġetti ta’ enerġija rinnovabbli u jiġi promoss il-kummerċ fi prodotti u servizzi li jiffrankaw l-enerġija.

    4.   Ir-rwol tas-soċjetà ċivili

    4.1   Għal darb'oħra, il-fallimenti li wasslu għar-rewwixti fuq skala wiesgħa fid-dinja Għarbija fl-2011 xeħtu dawl fuq ir-rwol ċentrali tas-soċjetà ċivili fit-tranżizzjoni demokratika, fir-riforma kostituzzjonali u l-bini tal-istituzzjonijiet. Il-kontribut tas-soċjetà ċivili, u l-imsieħba soċjali b'mod partikolari, kemm f'dan ir-reġjun kif ukoll fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant (13), għandu jitqies bis-sħiħ sabiex jiġu żgurati proċessi trasparenti u inklużivi għat-teħid tad-deċiżjonijiet, bl-appoġġ tal-aċċettazzjoni pubblika. Il-Kumitat jinnota b'dispjaċir profond li la fil-Proposta u lanqas fil-Komunikazzjoni ma hemm referenza għal kwalunkwe mekkaniżmu li jkopri s-sehem tas-soċjetà ċivili – minkejja l-fatt li l-imsieħba soċjali ser ikunu involuti ħafna u ser ikun hemm bżonnhom biex jagħtu feedback essenzjali meta jinqalgħu l-problemi, u minkejja li hemm referenza speċifika għal “proġetti konġunti mmexxija mill-industrija” fil-Komunikazzjoni (14). Madankollu, nilqgħu b'sodisfazzjon li finalment il-Kumitat ġie inkluż fil-ħidma tal-Pjattforma Tematika tas-Sħubija tal-Lvant fil-qasam tal-enerġija, anke minħabba l-fatt li s-sehem tas-soċjetà ċivili diġà huwa stabbilit sew fil-laqgħat tat-tliet pjattaformi l-oħra.

    4.2   Barra minn hekk, diġà hemm mekkaniżmi formali li huma – jew dalwaqt ser ikunu – fil-proċess li jiġu stabbiliti għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta’ Ftehimiet tal-UE li ġew konklużi dan l-aħħar dwar il-Kummerċ Ħieles, partikolarment il-ftehim mal-Korea t'Isfel, filwaqt li hemm stabbilit ukoll Forum attiv għas-Soċjetà Ċivili għas-Sħubija tal-Lvant. Fil-kwistjonijiet tal-enerġija, il-leħen tas-soċjetà ċivili huwa daqstant importanti. Għandhom jiġu involuti l-konsumaturi nnifishom, li ta’ spiss iġarrbu l-konsegwenzi tal-fallimenti tas-suq b'mod sproporzjonat, anke għall-finijiet ta’ trasparenza u influwena ikbar u l-edukazzjoni pubblika.

    5.   Konsiderazzjonijiet strateġiċi usa'

    5.1   Il-Kumitat jappoġġja bis-sħiħ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li taqdi rwol ta’ tmexxija fit-twaqqif ta’ strateġija esterna tal-enerġija fil-livell tal-UE li tkun komprensiva u kkoordinata, u jitlob lill-Istati Membri jappoġġjaw l-isforzi tagħha fi spirtu ta’ solidarjetà u fiduċja reċiproka.

    5.2   Fil-fehma tal-KESE, is-solidarjetà hija s-sinsla ta’ politika ta’ enerġija komuni tal-UE, anke biex jiġu megħjuna dawk l-Istati Membri li m'għandhomx kapaċità tan-negozjar biżżejjed biex jiksbu enerġija bi prezzijiet ġusti u sostenibbli.

    5.3   Minbarra li hija konsumatur ewlieni tal-enerġija, l-UE hija wkoll fornitur prinċipali tat-teknoloġija, kif huwa rikonoxxut, u għandha wkoll xi wħud mill-ogħla standards fid-dinja ta’ trasparenza u regolamentazzjoni tas-suq, fost l-oħrajn fis-sikurezza nukleari u s-sikurezza ta’ tipi oħra ta’ enerġija.

    5.4   Nieħdu nota taċ-ċifri mogħtija fil-Komunikazzjoni (15), li juru li r-Russja, in-Norveġja u l-Alġerija flimkien jgħoddu għal 85 % tal-importazzjonijiet tal-UE ta’ gass naturali u kważi 50 % tal-importazzjonijiet tal-UE ta’ żejt mhux maħdum (f'dan l-aħħar każ, il-pajjiżi tal-OPEC jipprovdu 36 % taż-żejt). Ir-Russja wkoll taqdi rwol prinċipali fil-provvista tal-faħam u l-uranju lill-UE.

    5.5   Flimkien mal-aċċess għall-materja prima, l-aċċess għall-enerġija huwa konsiderazzjoni strateġika fundamentali għall-UE peress li d-domanda dinjija għall-enerġija ser tiżdied fl-20 sena li ġejjin. Nirrakkomandaw it-twaqqif ta’ sħubijiet strateġiċi mal-atturi dinjija prinċipali fil-qasam tal-enerġija (fornituri, pajjiżi ta’ transitu jew konsumaturi), li għandhom jinkludu l-kooperazzjoni għat-titjib tal-profittabbiltà u l-użu ta’ teknoloġiji b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju, u l-promozzjoni tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u r-rinnovazzjoni tal-enerġija u enfasi akbar (16) fuq is-sigurtà tal-provvista. B'mod partikolari, nistennew bil-ħerqa l-ftehim imminenti mal-Ukraina, li għandu jkopri s-sigurtà ta’ provvista bla interruzzjoni, l-ipprezzar u kwistjonijiet ewlenin oħra.

    5.6   Dan huwa partikolarment importanti għall-futur tal-politika kummerċjali tal-UE, iżda nilqgħu b'sodisfazzjon ukoll ir-referenza fil-Komunikazzjoni għal iżjed rabtiet bejn il-politika tal-enerġija u politiki relatati mal-iżvilupp, it-tkabbir, l-investiment u r-relazzjonijiet internazzjonali usa' tal-UE. Wieħed mill-għanijiet prinċipali tat-Trattat ta’ Lisbona kien li tqarreb lejn xulxin il-ġestjoni ta’ dawn l-oqsma diversi tal-politika tal-UE. Huwa importanti ħafna li l-politika tal-UE fil-qasam tal-enerġija issa tiġi taqbel bis-sħiħ ma’ dawn il-politiki, anke fl-iżvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli tal-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp.

    5.7   Nistennew li l-imsieħba tagħna fil-Komunità tal-Enerġija jħabirku biex jissodisfaw u jirrispettaw ir-regolamenti tal-UE rigward is-suq intern tal-enerġija. Ninsabu mħassbin dwar il-valutazzjoni kritika li saret mill-Kummissjoni Ewropea f'Marzu li għadda dwar il-kisbiet ta’ din il-Komunità (17). Għad hemm differenza konsiderevoli bejn l-impenji politiċi u l-implimentazzjoni reali tal-acquis tal-enerġija mill-membri tal-Komunità, li ġew ikkritikati mill-Kummissjoni wkoll talli żammew strutturi tas-suq li għadda żmienhom, fixklu l-investiment u kienu responsabbli għal distorsjoni tal-kompetizzjoni billi komplew jagħtu lill-fornituri pubbliċi vantaġġ permezz ta’ prezzijiet regolati. Għalhekk, għandna dubju dwar liema tip ta’ strument huwa l-aħjar biex l-UE tmexxi r-relazzjonijiet tagħha mal-imsieħba iżjed remoti tagħha u jekk għandhiex tmur lil hinn mill-mudell ta’ relazzjonijiet bejn il-fornitur u l-bejjiegħ lejn livell ogħla ta’ konverġenza tas-swieq tal-enerġija.

    5.8   Peress li r-Russja hija attwalment il-fornitur ewlieni tal-enerġija lill-UE, il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli taħdem bis-sħiħ biex tikseb Ftehim ġdid bejn l-UE u r-Russja, li għandu jinkludi ftehim komprensiv dwar l-enerġija. Ir-Russja hija daqstant dipendenti mid-daqs tas-suq offrut mill-UE. Dan it-tip ta’ ftehim ikun żvilupp kbir u avveniment ewlieni favur azzjoni komuni tal-UE fir-relazzjonijiet esterni fil-qasam tal-enerġija.

    5.8.1   Huwa u jiġi negozjat dan il-ftehim, għandha tingħata attenzjoni speċjali liċ-ċirkustanza unika tal-Istati Baltiċi fid-dawl tal-fatt li n-netwerks tal-enerġija tagħhom huma sinkronizzati mas-sistema Russa iżda mhux ma’ dik tal-UE, li jfisser li dawn it-tliet pajjiżi jiddependu esklużivament mir-Russja għall-istabbiltà u r-regolazzjoni tal-frekwenza tas-sistema tal-enerġija tagħhom.

    5.9   L-Alġerija, il-Libja, u r-reġjun Ewro-Mediterranju kollu kemm hu, huma wkoll żona vitali għall-kooperazzjoni esterna fil-qasam tal-enerġija.

    5.10   Fl-aħħar nett, il-Kumitat irrikonoxxa li l-Asja Ċentrali (18), fiha “ammont konsiderevoli ta’ riżervi potenzjali tal-enerġija li joffru lill-Ewropa sorsi addizzjonali u komplementari (minflok alternattivi) ta’ enerġija”, u talab li l-vijabbiltà ta’ rabtiet bħal dawn tkun ibbażata fuq raġunijiet prattiċi u ekonomiċi, u enfasizza li r-rabtiet tal-UE ma’ dak ir-reġjun għandhom ikunu “marbutin mill-qrib u b'mod reċiproku mal-involviment tal-UE mar-Russja, iċ-Ċina u t-Turkija”. Iċ-Ċina hija partikolarment importanti bħala konsumatur ewlieni ieħor tal-enerġija. Huwa essenzjali li anke f'dan il-każ issir enfasi partikolari fuq il-kooperazzjoni mill-qrib dwar kwistjonijiet marbuta mal-enerġija, it-teknoloġija u t-tibdil fil-klima.

    Brussell, 18 ta’ Jannar 2012.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Staffan NILSSON


    (1)  Giles Chichester, MEP, eks-President ta’ Kumitat tal-PE, Ottubru 2011.

    (2)  Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

    (3)  COM(2010) 639 finali.

    (4)  GU C 318, 29.10.2011, p. 150-154.

    (5)  COM(2011) 540 finali.

    (6)  COM(2011) 539 finali.

    (7)  L-Albanija, il-Bosnja-Ħerzegovina, il-Kroazja, Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Moldova, il-Montenegro, is-Serbja, l-Ukraina u l-Kosovo.

    (8)  Naturalment, dan irid jorbot mal-poteri u politika ġodda komprensivi tal-UE fil-qasam tal-investiment b'konformità mat-Trattat ta’ Lisbona – ara l-opinjoni tal-Kumitat ĠU C 318, 29.10.2011, p. 150-154.

    (9)  Memorandum ta’ Spjegazzjoni (Kapitolu I tal-COM(2011) 540 finali).

    (10)  GU C 132, 3.5.2011, p. 15-21.

    (11)  ĠU C 182, 4.8.2009, p. 8-12.

    (12)  ĠU C 376, 22.12.2011, p. 1.

    (13)  L-Ukraina, il-Moldova, il-Ġeorġja, l-Ażerbajġan u l-Bjelorussja.

    (14)  Kapitolu 1.3, p. 7.

    (15)  COM(2011) 539 finali, p.9 (nota 20 f'qiegħ il-paġna).

    (16)  ĠU C 318, 29.10.11, p. 150-154.

    (17)  COM(2011) 105 finali.

    (18)  GU C 248, 25.8.2011, p. 49-54.


    Top