Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012AE0145

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment” COM(2011) 452 finali — 2011/0202 (COD)

    ĠU C 68, 6.3.2012, p. 39–44 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    6.3.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 68/39


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment”

    COM(2011) 452 finali — 2011/0202 (COD)

    2012/C 68/07

    Relatur: is-Sur MORGAN

    Nhar it-30 ta’ Novembru 2011, u nhar is-17 ta’ Novembru 2011, il-Kunsill u l-Parlament rispettivament iddeċidew, b'konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment

    COM(2011) 452 finali – 2011/0202(COD).

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar id-19 ta’ Diċembru 2011.

    Matul l-477 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-18 u d-19 ta’ Jannar 2012 (seduta tat-18 ta’ Jannar 2012), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’ 179 vot favur, 2 voti kontra u 7 astensjonijiet.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1   Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-punti prinċipali tad-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti Kapitali IV (1) (CRD IV) u l-Ftehim ta’ Basel III, li fuqu hija bbażata. Madankollu, is-CRD IV ser iżżid l-ispejjeż bankarji, u dan huwa aspett importanti għan-negozji tal-UE, b'mod partikolari l-SMEs. Il-qafas ta’ Basel huwa ddisinjat għall-banek b'attivitajiet internazzjonali li kollha kemm huma għandhom iżommu mal-qafas.

    1.2   Id-Direttivi tal-UE dwar ir-Rekwiżiti Kapitali dejjem applikaw għall-banek kollha, u dan huwa importanti minħabba r-rwol ta’ appoġġ għall-ekonomija li jaqdu l-banek reġjonali u l-banek mhux b'ishma konġunti.

    L-SMEs jiddependu ħafna mill-finanzjament mill-banek, u għaldaqstant għandha tingħata l-attenzjoni sabiex tiġi evitata l-impożizzjoni ta’ penali f'forma ta’ spejjeż fuq l-SMEs tal-UE meta mqabbla mal-kompetituri internazzjonali tagħhom. Huwa f'dan il-kuntest li l-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tiffaċilita aktar żvilupp fl-attivitajiet bankarji etiċi u parteċipattivi (2).

    1.3   Mill-istudju ta’ impatt li sar mill-Kummissjoni ħareġ li l-SMEs ma jkunux partikolarment żvantaġġati mir-rekwiżiti ġodda ta’ kapital iżda l-Kumitat għad għandu d-dubji tiegħu u jitlob li l-Kummissjoni ssegwi mill-qrib l-iżvilupp tas-self tal-banek u t-tariffi tal-banek fir-rigward tal-SMEs. Barra minn hekk, il-KESE jappoġġja r-reviżjoni tal-klassifikazzjoni tar-riskju għas-self lill-SMEs li ser issir mill-Kummissjoni.

    1.4   Il-qafas il-ġdid jgħaqqad elementi mikroprudenzjali u makroprudenzjali. Mil-lat mikroprudenzjali, hemm kapital ogħla u ta’ kwalità aħjar, kopertura aħjar tar-riskji, l-introduzzjoni ta’ proporzjon ta’ ingranaġġ bħala protezzjoni għar-reġim ibbażat fuq ir-riskju, u approċċ ġdid lejn il-likwidità. Mil-lat makroprudenzjali, is-CRD IV tirrikjedi l-ħolqien ta’ riżervi kapitali fi żminijiet tajbin li jistgħu jservu ta’ protezzjoni f'perjodi ta’ stress kif ukoll miżuri oħra għall-indirizzar tar-riskju sistemiku u l-interkonnettività. Tal-inqas mil-lat kunċettwali, il-proposti jindirizzaw il-problemi kollha li ħarġet fid-dieher il-kriżi bankarja u li ġew spjegati fl-opinjoni preċedenti tal-KESE dwar is-CRD III (3).

    1.5   Fl-aħħar mill-aħħar, l-effet tal-leġislazzjoni ser jiddependi mill-implimentazzjoni tagħha u mill-atturi involuti. Il-kriżi bankarja ma nqalgħetx minħabba raġuni waħda; l-atturi kollha kienu responsabbli. Huwa ċar li d-diretturi responsabbli għall-governanza ta’ ħafna banek kellhom tort, iżda kellhom tort ukoll l-awdituri statutorji, l-aġenziji tal-klassifikazzjoni, l-investituri istituzzjonali u l-analisti, ir-regolaturi u s-superviżuri tal-Istati Membri, il-bankiera ċentrali, il-ministeri responsabbli għat-teżori, u l-politiċi, filwaqt li l-ekonomisti akkademiċi u dawk li jikkummentaw fil-mezzi tax-xandir ma rawx x'kien qed jiġri. Il-KESE jixtieq jemmen li l-atturi ħadu tagħlima mill-aħħar kriżi, iżda l-mod kif ġiet indirizzata l-kriżi tad-dejn sovran jindika mod ieħor. F'xi każijiet, ir-rikapitalizzazzjoni tal-banek ma ġietx indirizzata, it-testijiet tal-istress ma kinux konvinċenti (Dexia), l-awdituri ma talbux provvedimenti rigorużi kontra d-deprezzament tad-dejn sovran, filwaqt li l-politiċi, li applikaw rimedji politiċi għall-problemi ekonomiċi, huma responsabbli għat-telf ta’ kontroll fuq il-kriżi.

    1.6   Ir-Regolament il-ġdid għandu jiġi bbilanċjat bl-implimentazzjoni ta’ reġimi ta’ rkupru u ta’ soluzzjonijiet ibbażati fuq strumenti bħalma huma t-testmenti waqt il-ħajja. Filwaqt li l-Istat ser ikompli jipprovdi garanziji għal depożiti żgħar, għandu jiġi eliminat ir-riskju morali rrappreżentat mill-appoġġ statali illimitat lill-banek li jkunu fallew. Jekk is-sitwazzjoni tkun ċara biżżejjed, l-investituri, il-kredituri u d-diretturi jkollhom jieħdu responsabbiltà diretta għas-saħħa futura ta’ kull istituzzjoni ta’ kreditu.

    1.7   Sabiex jerġa' jkun hemm stabbiltà u fiduċja fis-swieq, il-Kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern tal-UE, fil-pjan tagħhom għar-riżoluzzjoni tal-kriżi tas-26 ta’ Ottubru 2011 qablu li jesiġu li għadd ta’ banek iżommu proporjzon kapitali ta’ 9 % f'kapital tal-ogħla kwalità sa Ġunju 2012, inkluż riżerva (buffer) eċċezzjonali u temporanja kontra r-riskji tad-dejn sovran. Dan kien neċessarju billi taħt il-proposta għal Regolament, it-tranżizzjoni għal rekwiżiti ġodda ta’ kapital kienet mistennija li sseħħ fuq medda ta’ snin. Minħabba din il-proposta, xi banek ser isibuha diffiċli ħafna li jsibu kapital ġdid, speċjalment għax iridu wkoll iħallsu dejn eżistenti, li hija kwistjoni kritika għax il-fondi kienu diġà spiċċaw sat-tieni nofs tal-2011. Il-Kumitat jirrikonoxxi li dawn il-miżuri huma eċċezzjonali iżda, minkejja dan, l-impatt huwa immedjat, tkun xi tkun l-għajnuna li fl-aħħar tkun disponibbli.

    1.7.1   Jekk dawn ir-rekwiżiti ta’ kapital japplikaw, jista' jkollhom effett tremend fuq il-banek li huma iżgħar u fuq il-banek lokali, li normalment huma iktar qrib tal-SMEs u tal-mikrointrapriżi milli huma l-banek internazzjonali. Jekk dawn il-banek isibuha diffiċli li jiġbru dan il-kapital, ser ikun iżjed diffiċli għall-SMEs li jkollhom aċċess għal finanzjament.

    1.8   Din il-proposta tqajjem żewġ punti prinċipali ta’ tħassib jekk tissokta l-kriżi ta’ finanzjament attwali. Għall-banek li ma jistgħux jew ma jridux iżidu kapital ġdid ta’ ekwità tal-Grad I fil-perjodu qasir, azzjoni li tista' ddgħajjef lilll-azzjonisti eżistenti, l-alternattiva hija li tonqos il-karta tal-bilanċ tagħhom biex il-kotba tas-self tagħhom jonqsu u b'hekk jiġu konformi mar-riżervi kapitali tagħhom. Fi żmien fejn l-Istati Membri kollha qed jippruvaw jagħtu spinta lill-ekonomiji tagħhom, l-irtirar tal-kreditu tal-bank jista' jkun diżastruż. Biex dan jiġi evitat, l-Istati Membri u l-awtoritajiet tal-UE għandhom jikkolaboraw mas-settur bankarju, iktar milli jikkonfrontawh b'mod kontinwu. Dawn għandhom ifittxu wkoll li jieħdu miżuri komprensivi li jħeġġu finanzjament alternattiv bħall-attività bankarja parteċipattiva, li ġiet indirizzata f'opinjoni preċedenti tal-KESE (4).

    1.9   It-tieni punt ta’ tħassib jolqot lil dawk il-banek li jżidu fondi proprji addizzjonali fis-swieq. Il-biċċa l-kbira tal-kapital disponibbli qiegħed f'Fondi ta’ Investimenti Sovrani u fil-banek tal-Asja u tal-Lvant Nofsani. Jeżisti periklu ġenwin li s-sjieda tas-sistema bankarja tal-UE ma tibqax taħt il-kontroll tal-Istati Membri tal-UE.

    1.10   Problema partikolari li ħarġet matul il-kriżi tad-dejn sovran hija l-evidenza ċara li, bil-kontra tal-linji gwida kemm fil-Ftehim kif ukoll fis-sensiela ta’ Direttivi dwar ir-Rekwiżiti Kapitali, id-dejn sovran jidher ċar li mhuwiex mingħajr riskju. Din hija dgħufija importanti tal-kwalità ta’ dispożizzjonijiet kapitali tar-Regolament. Għandha implikazzjonijiet serji ħafna għall-banek li ġew sfurzati mir-regolamenti biex jitgħabbew bid-dejn sovran. L-applikazzjoni mekkanistika tal-klassifikazzjoni mingħajr riskju għandha tiġi kkunsidrata mill-ġdid mir-regolaturi u l-banek ser ikollhom jirrevedu l-metodoloġiji interni tagħhom fir-rigward tar-riskju.

    1.11   L-effett kumulattiv fuq il-kapital, il-likwidità u l-effett ta’ lieva tas-CRD II, III u IV, ir-reġimi ta’ soluzzjoni futuri, l-interess dejjem akbar fi proposti tat-tip Volcker biex jiġi limitat il-kummerċ tal-kontijiet proprji tal-banek u fil-kunċett ta’ delimitazzjoni tas-settur bankarju bl-imnut u tas-settur bankarju tal-investiment x'aktarx ifissru li l-mudell kummerċjali, li ntuża b'mod li ħalla daqshekk qligħ mill-akbar banek tul l-aħħar għaxar snin, ser ikollu jerġa' jiġi żviluppat għaċ-ċirkostanzi ta’ awsterità u ta’ kapital ristrett tad-deċennju attwali. Huwa fl-interess tal-partijiet interessati kollha – dawk li jisselfu u dawk li jsellfu, l-impjegati u l-investituri – u s-soċjetà ġenerali li l-banek jistgħu jistabbilixxu mudell kummerċjali ġdid li żgur mhux ser iħalli daqshekk qligħ imma nittamaw li jkun aktar sostenibbli għas-snin li ġejjin.

    1.12   Fl-opinjoni tal-KESE, il-mudelli l-ġodda ta’ negozju għandhom ikunu etiċi u sostenibbli. Jeħtieġ li jitjiebu r-relazzjonijiet mal-konsumatur, li l-prattiki tan-negozju jkunu skrupolużament etiċi, u li l-istrutturi ta’ kumpens jiġu riveduti radikalment. L-atturi kollha kienu ħatja waqt l-iżvilupp tal-kriżi. Issa dawn għandhom jingħaqdu sabiex jibnu istituzzjonijiet ta’ kreditu li jkunu kapaċi jappoġġjaw l-ekonomija tal-UE fid-deċennju diffiċli li ġej.

    2.   Daħla

    2.1   Id-Direttivi tal-UE dwar ir-Rekwiżiti Kapitali huma mfassla biex jistabbilixxu l-qafas għas-suq bankarju intern. B'hekk, jittrasponu l-Ftehimiet ta’ Basel fil-liġi tal-UE. Il-Kumitat ta’ Basel ġie stabbilit fl-1975. Fl-1988, il-Kumitat iddeċieda li jintroduċi sistema ta’ kejl tal-kapital magħrufa bħala l-Ftehim ta’ Basel dwar il-Kapital. Din is-sistema pprovdiet għall-implimentazzjoni ta’ qafas għall-kejl tar-riskju ta’ kreditu. L-UE ttrasponiet il-Ftehim fl-ewwel Direttiva dwar ir-Rekwiżiti Kapitali (CRD) (5) dwar l-adegwatezza ta’ kapital ta’ ditti tal-investiment u l-istituzzjonijiet ta’ kreditu f'Marzu 1993.

    2.2   It-tieni Ftehim ta’ Basel (Basel II) ġie ppubblikat fl-2004. L-UE ttrasponiet dan f'CRD ġdida adottata f'Ġunju 2006, li kellha tidħol fis-seħħ f'Diċembru 2006. Il-KESE kien approva l-opinjoni tiegħu (6) dwar il-proposta tas-CRD fil-plenarja tiegħu f'Marzu 2005.

    2.3   Il-Kummissjoni adottat proposta ta’ emendi ewlenin tas-CRD f'Ottubru 2008 (CRD II). Parti minn din ir-reviżjoni tas-CRD kienet tikkostitwixxi risposta għar-rakkomandazzjonijiet tal-Forum għall-Istabbiltà Finanzjarja (FSF) tal-G7 u għall-kriżi tas-suq. It-test ġie ppubblikat f'Lulju 2009 bil-għan li jiġi implimentat f'Diċembru 2010.

    2.4   B'konsistenza mal-ħidma parallela li kienet qed issir f'Basel, il-Kummissjoni wettqet konsultazzjonijiet u ħarġet proposti (f'Lulju 2009) rigward emendi tal-portafoll tan-negozjar, ir-rititolizzazzjoni u r-rimunerazzjoni tal-bankierabħala parti mill-pakkett tas-CRD III. Il-KESE approva l-opinjoni tiegħu (7) fil-plenarja ta’ Jannar 2010.

    2.5   B'risposta għall-kriżi finanzjarja, it-tielet Ftehim ta’ Basel ġie ppubblikat f'Diċembru 2010. Ir-riżervi kapitali u tal-likwidità li ġew proposti huma ħafna ikbar minn qabel. Il-Ftehim ta’ Basel III jeżiġi li l-banek iżommu ekwità komuni ta’ 4,5 % (din kienet 2 % fil-Ftehim ta’ Basel II) u kapital ta’ Grad I ta’ 6 % (din kienet 4 % fil-Ftehim ta’ Basel II) ta’ assi skont ir-riskju. Il-Ftehim ta’ Basel III jintroduċi wkoll riżervi kapitali addizzjonali, (i) riżerva kapitali ta’ konservazzjoni obbligatorja ta’ 2,5 % u (ii) riżerva kontroċiklika diskrezzjonali, li tippermetti lir-regolaturi nazzjonali jirrikjedu sa 2,5 % addizzjonali ta’ kapital f'perjodi ta’ żieda kbira fil-kreditu. Minbarra dan, il-Ftehim ta’ Basel III jintroduċi proporzjon ta’ ingranaġġ minimu ta’ 3 % u żewġ proporzjonijiet ta’ likwidità obbligatorji. Il-Proporzjon tal-Kopertura tal-Likwidità jeżiġi li l-bank iżomm biżżejjed assi likwidi ta’ kwalità għolja bil-għan li dawn ikopru l-flussi tal-flus netti totali tiegħu għal 30 jum; il-Proporzjon ta’ Ffinanzjar Stabbli Nett jeżiġi li l-ammont disponibbli ta’ finanzjament stabbli jaqbeż l-ammont meħtieġ ta’ finanzjament stabbli matul perjodu ta’ sena bi stress estiż. Il-proposti għat-traspożizzjoni tal-Ftehim ta’ Basel III fis-CRD IV ġew ippubblikati f'Lulju 2011 u jiffurmaw il-bażi ta’ din l-opinjoni.

    3.   Sinteżi tal-proposti

    3.1   Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat proposti bil-għan li tinbidel l-imġiba tat-8 000 bank li joperaw fl-Ewropa. L-għan ġenerali ta’ din il-proposta huwa li tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-settur bankarju tal-UE filwaqt li tiżgura li l-banek ikomplu jiffinanzjaw l-attività u t-tkabbir ekonomiċi. Il-proposti tal-Kummissjoni għandhom tliet għanijiet konkreti.

    Il-proposta tirrikjedi li l-banek ikollhom aktar kapital u kapital aħjar biex ikunu f'pożizzjoni jirreżistu weħidhom għal xokkijiet futuri. L-istituzzjonijiet daħlu fl-aħħar kriżi b'kapital li kien insuffiċjenti kemm bħala kwantità kif ukoll bħala kwalità, u dan wassal għal appoġġ bla preċedent mill-awtoritajiet nazzjonali. Bil-proposta tagħha, il-Kummissjoni qed tinterpreta għall-Ewropa l-istandards internazzjonali dwar il-kapital bankarju li ġew miftiehma fil-livell tal-G20 (magħrufa l-aktar bħala l-Ftehim ta’ Basel III). L-Ewropa ser tassumi rwol ta’ tmexxija f'dan ir-rigward billi tapplika dawn ir-regoli għal aktar minn 8 000 bank, li jirrappreżentaw 53 % tal-assi globali.

    Il-Kummissjoni trid ukoll tistabbilixxi qafas ta’ governanza ġdid li jagħti setgħat ġodda lis-superviżuri biex jimmonitorjaw lill-banek aktar mill-qrib u jieħdu azzjoni meta huma jidentifikaw riskji, pereżempju billi jnaqqsu l-kreditu meta dan donnu jkun qed jiżviluppa f'“bużżieqa”.

    Billi tgħaqqad flimkien il-leġislazzjoni kollha applikabbli f'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tipproponi Ġabra Unika tar-Regoli għar-regolazzjoni tal-banek. B'hekk ser jittejbu kemm it-trasparenza u kemm l-infurzar.

    3.2   Il-proposta fiha żewġ partijiet: Direttiva li tirregola l-aċċess għal attivitajiet ta’ teħid ta’ depożitu u Regolament li jirregola l-mod kif jitwettqu l-attivitajiet tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment. Dawn iż-żewġ strumenti legali jiffurmaw pakkett, u għandhom jiġu eżaminati flimkien. Il-proposta hija akkumpanjata minn valutazzjoni tal-impatt, li turi li din ir-riforma ser tnaqqas b'mod konsiderevoli l-probabbiltà ta’ kriżi bankarja sistemika.

    3.3   Ir-Regolament jinkludi r-rekwiżiti prudenzjali dettaljati għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u jkopri:

    il-kapital: il-proposta tal-Kummissjoni żżid l-ammont ta’ fondi proprji li għandu jkollhom il-banek kif ukoll il-kwalità ta’ dawk il-fondi. Din tarmonizza wkoll it-tnaqqis mill-fondi proprji biex jiġi ddeterminat l-ammont nett tal-kapital regolatorju li jkun prudenti li jkun rikonoxxut għal finijiet regolatorji.

    il-likwidità: biex tittejjeb ir-reżiljenza fuq perjodu qasir tal-profil tar-riskju tal-likwidità tal-istituzzjonijiet finanzjarji, il-Kummissjoni tipproponi l-introduzzjoni ta’ Proporzjon tal-Kopertura tal-Likwidità (LCR), li l-kompożizzjoni u l-kalibrar preċiżi tagħhom ser jiġu ddeterminati wara perjodu ta’ osservazzjoni u analiżi fl-2015.

    il-proporzjon ta’ ingranaġġ: sabiex tkun limitata l-konċentrazzjoni eċċessiva ta’ ingranaġġ fuq il-karti tal-bilanċ tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment, il-Kummissjoni tipproponi wkoll li l-proporzjon ta’ ingranaġġ ikun soġġett għal valutazzjoni superviżorja. L-implikazzjonijiet tal-proporzjon ta’ ingranaġġ ser jiġu mmonitorjati mill-qrib qabel ma dan isir rekwiżit vinkolanti fl-1 ta’ Jannar 2018.

    ir-riskju ta’ kreditu tal-kontroparti: b'mod konsistenti mal-politika tal-Kummissjoni rigward id-derivati barra l-Borża (OTC – Over the Counter), qed isiru bidliet li jinkoraġġixxu lill-banek biex jikklerjaw dawn id-derivati permezz ta’ kklerjar f'CCPs (central counterparty clearing).

    ġabra unika ta’ regoli: il-kriżi finanzjarja ġibdet l-attenzjoni għall-periklu ta’ regoli nazzjonali diverġenti. Suq uniku jeħtieġ ġabra unika ta’ regoli. Ir-Regolament huwa direttament applikabbli mingħajr il-ħtieġa ta’ traspożizzjoni nazzjonali u b'hekk jelimina wieħed mis-sorsi li jwasslu għal dawn id-diverġenzi. Ir-Regolament jistabbilixxi wkoll sett uniku ta’ regoli dwar il-kapital.

    3.4   Id-Direttiva tkopri oqsma tad-Direttiva attwali dwar ir-Rekwiżiti Kapitali li fir-rigward tagħhom id-dispożizzjonijiet tal-UE għandhom jiġu trasposti mill-Istati Membri b'mod adatt għall-ambjent tagħhom, bħar-rekwiżiti dwar l-aċċess b'rabta mal-bidu u mal-eżerċitar tal-attivitajiet kummerċjali tal-banek, il-kundizzjonijiet biex jeżerċitaw il-libertà ta’ stabbiliment u tal-libertà li jkunu pprovduti servizzi, u d-definizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti u l-prinċipji li jirregolaw is-superviżjoni prudenzjali. L-elementi ġodda f'din id-Direttiva huma:

    governanza mtejba: il-proposta ssaħħaħ ir-rekwiżiti rigward il-proċessi u l-arranġamenti tal-governanza korporattiva u tintroduċi regoli ġodda bil-għan li jżidu l-effikaċja tas-sorveljanza tar-riskju mill-Bordijiet, itejbu l-istatus tal-uffiċċju tal-ġestjoni tar-riskji, u jiżguraw monitoraġġ effikaċi minn superviżuri tal-governanza tar-riskju.

    sanzjonijiet: jekk ikun hemm istituzzjonijiet li jiksru rekwiżiti tal-UE, il-proposta ser tiżgura li s-superviżuri kollha jkunu jistgħu japplikaw sanzjonijiet ġenwinament dissważivi, iżda wkoll effikaċi u proporzjonati – pereżempju, multi amministrattivi sa 10 % tal-fatturat annwali ta’ istituzzjoni, jew projbizzjoni temporanja fil-konfront ta’ membri tal-korp maniġerjali ta’ dik l-istituzzjoni.

    riżervi kapitali: hija tintroduċi żewġ riżervi kapitali apparti r-rekwiżiti kapitali minimi: riżerva kapitali ta’ konservazzjoni identika għall-banek kollha tal-UE u riżerva kapitali kontroċiklika, li tiġi ddeterminata fil-livell nazzjonali.

    superviżjoni mtejba: il-Kummissjoni tipproponi r-rinfurzar tas-sistema superviżorja biex din tkun tirrikjedi t-tħejjija ta’ kull sena ta’ programm superviżorju għal kull istituzzjoni sorveljata, abbażi ta’ valutazzjoni tar-riskju, użu ikbar u aktar sistematiku ta’ eżamijiet superviżorji fuq il-post, standards aktar robusti u valutazzjonijiet superviżorji aktar intrużivi u aktar immirati lejn il-futur.

    3.5   Fl-aħħar, il-proposta ser ikollha l-għan li tnaqqas kemm jista' jkun id-dipendenza tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu mill-klassifikazzjonijiet esterni tal-kreditu billi: a) tirrikjedi li d-deċiżjonijiet kollha ta’ investiment tal-banek ma jissejsux biss fuq il-klassifikazzjonijiet, iżda wkoll fuq l-opinjoni interna tagħhom stess dwar il-kreditu, u b) li l-banek b'għadd materjali ta’ skoperturi f'portafoll jiżviluppaw klassifikazzjonijiet interni għal dak il-portafoll minflok ma jiddependu mill-klassifikazzjonijiet esterni għall-kalkolu tar-rekwiżiti kapitali tagħhom.

    3.6   Skont l-istimi tal-Kummissjoni:

    il-proposta ser iżżid l-assi skont ir-riskju tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu l-kbar b'24,5 % u dawk tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu ż-żgħar b'4,1 %.

    il-ħtieġa li jinġabru fondi proprji ġodda minħabba r-rekwiżit il-ġdid u r-riżerva ta’ konservazzjoni hija stmata li tilħaq EUR 84 biljun sal-2015 u EUR 460 biljun sal-2019.

    4.   Il-perspettiva tal-KESE

    4.1   Il-KESE ma ġiex konsultat dwar id-Direttiva. Għaldaqstant, għajr għal żewġ eċċezzjonijiet, l-opinjoni tal-Kumitat hija limitata għar-Regolament.

    4.2   Is-CRD IV hija pass kbir 'il quddiem lejn ir-regolazzjoni tal-kapital. Hija ser iżżid sostanzjalment ir-rekwiżiti prudenzjali, ser tiżgura li l-kapital regolatorju verament jassorbi t-telf u ser tiskoraġġixxi wħud mill-attivitajiet riskjużi li għalihom is-sistema ta’ qabel il-kriżi kienet teżiġi ħafna inqas kapital milli meħtieġ. B'mod aktar ġenerali, kemm din il-kriżi u kemm dawk tal-passat urew li ammonti insuffiċjenti ta’ kapital u likwidità ta’ kwalità għolja joħolqu spejjeż ekonomiċi kbar lis-soċjetà meta l-banek ikunu qed jiffaċċjaw problemi. Huwa importanti li dan jiġi rrimedjat. Filwaqt li l-KESE jappoġġja t-tifsira ġenerali tar-Regolament, huwa għandu għadd ta’ riservi li qed jiġu spjegati f'din l-opinjoni.

    4.3   Jeħtieġ li l-banek ikollhom biżżejjed assi likwidi biex jiffaċċjaw il-problemi ta’ likwidità li jistgħu jiltaqgħu magħhom, mingħajr ħtieġa ta’ appoġġ pubbliku. Huwa biss f'ċirkostanzi estremi li l-bank ċentrali għandu jikkunsidra li jaġixxi bħala sellief ta’ emerġenza. Għalhekk, il-Proporzjon tal-Kopertura tal-Likwidità (LCR) jaqdi kompitu utli. Barra minn hekk, jeħtieġ li l-banek jillimitaw in-nuqqas ta’ tqabbil tal-maturità fil-karti tal-bilanċ tagħhom. Il-finanzjament ta’ assi fuq medda twila ħafna ta’ żmien b'obbligazzjonijiet fuq medda qasira ħafna ta’ żmien joħloq riskji mhux biss għall-bank innifsu, iżda wkoll għall-ekonomija ġenerali. Għaldaqstant, il-KESE jappoġġja l-proposta favur l-iżvilupp u l-introduzzjoni ta’ Proporzjon ta’ Ffinanzjar Stabbli Nett (NSFR) fiż-żmien opportun.

    4.4   Madankollu, ir-rekwiżiti tal-likwidità għandhom jiġu kkalibrati b'reqqa kbira sabiex ma joħolqux problemi serji ta’ rilokazzjoni fis-settur bankarju. Il-KESE jesprimi sodisfazzjon bil-fatt li l-proposti jipprovdu l-flessibilità li tippermetti li jsiru bidliet fl-NSFR u l-LCR sakemm is-superviżuri jiksbu esperjenza rigward l-impatt tagħhom. In-negozju tradizzjonali tal-banek kien it-trasformazzjoni tal-maturità, jiġifieri kienu jissellfu fuq medda qasira u jisilfu fuq medda twila ta’ żmien. Jekk ikun hemm wisq restrizzjonijiet f'dan ir-rigward, l-ekonomija tbati. Il-KESE huwa xettiku dwar karti tal-bilanċ tal-banek li jitqabblu mal-maturità.

    4.5   Hemm element ta’ proċikliċità inerenti fil-mod kif taħdem is-sistema finanzjarja. It-tendenza hi li r-riskji jiġu sottovalutati f'fażijiet ta’ tkabbir ekonomiku u sopravalutati fi żminijiet ta’ kriżi. Iżda l-kriżi li rriżultat wara l-falliment ta’ Lehman uriet kemm dawn il-varjazzjonijiet jistgħu jkunu estremi. Minbarra r-rekwiżiti kapitali u tal-likwidità tar-Regolament, id-Direttiva ser tintroduċi wkoll riżerva kapitali ta’ konservazzjoni u riżerva kapitali kontroċiklika. Il-KESE jilqa' dan il-fatt b'sodisfazzjon. B'riżultat ta’ dan, għandha tittejjeb l-istabbiltà finanzjarja fit-tul, filwaqt li din, min-naħa tagħha, għandha tkun ta’ appoġġ għat-tkabbir ekonomiku.

    4.5.1   Madankollu, l-applikazzjoni tar-regoli ta’ Basel għall-banek kollha, sistemiċi jew oħrajn, tista' tagħmel pressjoni partikolari fuq banek iżgħar tal-komunità. Il-Kumitat jistieden lis-superviżuri tal-Kummissjoni, l-Awtorità Bankarja Ewropea u l-Istati Membri sabiex jiżguraw li l-protezzjoni tal-kapital għal banek iżgħar huma adattati għall-mudelli ta’ negozju ta’ dawk il-banek.

    4.6   Il-kalkolu tar-rekwiżiti kapitali jiddependi mir-regoli tal-kontabbiltà applikati. Fl-investigazzjoni tagħha dwar ir-rwol tal-awdituri statutorji matul il-kriżi finanzjarja, il-House of Lords tar-Renju Unit sabet li l-applikazzjoni tal-IFRS kienet impediment materjali li jaffettwa l-eżattezza tal-karti tal-bilanċ. Matul dawn l-aħħar xhur, kien evidenti li l-banek fi Stat Membru wieħed jew aktar ma indikawx id-dejn sovran skont is-suq fir-rapporti lill-azzjonisti u b'hekk kien hemm applikazzjoni inkonsistenti tal-IFRS. Filwaqt li nżommu quddiem għajnejna l-fatt li l-IFRS hija sistema msejsa fuq prinċipji, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex taħdem mal-awtoritajiet responsabbli għall-istandards tal-kontabilità, il-professjoni tal-awdituri u s-superviżuri tal-Istati Membri sabiex jiġi żgurat li r-regolamenti armonizzati dwar l-adegwatezza tal-kapital ikunu appoġġjati minn prattiki tal-kontabbiltà armonizzati u preċiżi. L-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq għandha taqdi rwol importanti ta’ koordinazzjoni f'dan il-proċess. Dan huwa prerekwiżit kruċjali għal implimentazzjoni armonizzata tal-qafas prudenzjali l-ġdid.

    4.7   Naturalment, il-Kummissjoni ser tistenna li s-suċċess tas-CRD IV jiġi ġġudikat skont il-mod ta’ kif ir-reġimi ġodda tal-kapital u tal-likwidità jirreaġixxu għall-kriżijiet finanzjarji futuri. Il-KESE, konxju tal-iskala tal-kriżi ekonomika li bħalissa qed taħkem lill-UE, jinsab imħasseb li s-sistema l-ġdida ma fiha xejn li ser jirrestrinġi l-kreditu lill-ekonomija jew il-fluss ta’ krediti għall-esportazzjoni jew finanzjament tal-kummerċ. Jekk il-banek jistgħu biss jissodisfaw il-proporzjon kapitali u l-proporzjon tal-likwidità preskritti billi jċekknu l-karti tal-bilanċ tagħhom u jirrestrinġu l-kreditu, ir-Regolament ikun falla. Falliment bħal dan mhux ser ikun aċċettabbli. Il-Kumitat mhuwiex konvint mill-valutazzjoni tal-impatt li diġà twettqet, u jitlob li ssir valutazzjoni aktar dettaljata. Il-KESE jipproponi li d-disponibbiltà tal-kreditu għandha tkun moniterjata kontinwament (forsi permezz ta’ osservatorju bl-involviment tal-KESE) sakemm tintemm l-iskeda ta’ żmien tas-CRD IV (2019) u titlesta l-istrateġija UE 2020 (li jkollu jiddependi mill-appoġġ bankarju).

    4.8   Għalhekk, filwaqt li r-raġunijiet li jiġġustifikaw l-armonizzazzjoni massima jinftiehmu faċilment, il-kriżi ekonomika u l-fluss ta’ kreditu jistgħu jirrikjedu aġġustament sensittiv kemm tal-proporzjonijiet u kemm tal-iskedi biex jiġu ottimizzati l-prestazzjoni u l-irkupru tal-ekonomija ta’ kull Stat Membru individwali fis-snin li ġejjin.

    4.9   Il-kapital totali meħtieġ propost mir-Regolament huwa ta’ 8 %. Minn dan, il-proporzjon tal-kapital ta’ ekwità komuni huwa ta’ 4,5 %, il-kapital addizzjonali tal-Grad 1 huwa ta’ 1,5 % u tal-Grad 2 huwa ta’ 2 %. Barra minn hekk, ir-riżerva kapitali ta’ konservazzjoni hija ta’ 2,5 % f'ekwità komuni tal-Grad 1. Wara l-introduzzjoni gradwali tal-bidliet kollha sal-2019, il-kapital totali meħtieġ flimkien mar-riżerva ta’ konservazzjoni ser jammontaw għal 10,5 %. Ir-Regolament jirrikjedi livell massimu ta’ armonizzazzjoni, jiġifieri rekwiżiti kapitali prudenzjali omoġenji fl-Unjoni Ewropea kollha, miksuba bis-saħħa ta’ ġabra ġenwinament unika ta’ regoli. Ir-raġuni fundamentali hija li rekwiżiti aktar stretti mhux adatti u mhux koordinati fi Stati Membri individwali jistgħu jirriżultaw fiċ-ċaqliq tal-iskoperturi u r-riskji sottostanti għas-settur bankarju parallel, jew minn Stat Membru tal-UE għal Stat Membru ieħor. Huwa possibbli li xi wħud mill-Istati Membri li beħsiebhom jipproponu rati ogħla jagħżlu li jopponu din il-fehma qabel ma jiġi finalizzat ir-Regolament. Il-KESE ser jopponi azzjoni bħal din jekk din ikollha impatt ħażin fuq il-banek iż-żgħar jew fuq il-kreditu għall-SMEs.

    4.10   Il-qafas ta’ Basel huwa ddisinjat għall-banek b'attivitajiet internazzjonali. L-UE tagħmel id-Direttivi dwar ir-Rekwiżiti Kapitali applikabbli għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu tal-UE kollha. Il-qafas ta’ Basel xi ftit jew wisq jirrestrinġi d-definizzjoni tal-kapital f' ekwità komuni tal-Grad I għall-ishma u l-qligħ miżmum biss. Dan jista' joħloq problema għall-kumpaniji mhux b'ishma konġunti, bħalma huma l-kooperattivi, l-intrapriżi mutwali u l-banek tat-tfaddil fl-Ewropa. L-Artikolu 25 tas-CRD III fil-fatt jirrikonoxxi li dawn l-istituzzjonijiet jeħtieġu approċċ differenti fir-rigward tal-kapital bażi (tal-Grad I). Huwa essenzjali li d-dispożizzjonijiet finali tar-Regolament jaqblu mal-mudelli tan-negozju alternattivi ta’ dawn l-istituzzjonijiet.

    4.11   Minkejja li din mhix opinjoni dwar id-Direttiva, il-KESE jħoss li għandu jikkummenta dwar il-proposta li titnaqqas id-dipendenza tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu mill-klassifikazzjonijiet tal-kreditu (punt 3.5 hawn fuq). Fl-opinjoni tiegħu ta’ Mejju 2009 (8) dwar ir-regolamentazzjoni tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu, il-KESE ħeġġeġ lir-regolaturi tal-UE biex ma jiddependux eċċessivament mill-klassifikazzjonijiet, b'mod partikolari fid-dawl tal-esperjenza tat-titoli b'garanziji ipotekarji, li fir-rigward tagħhom instab li l-klassifikazzjonijiet huma bla valur. Għaldaqstant, il-KESE jilqa' l-proposta attwali b'sodisfazzjon peress li, għalkemm tibqa' tippermetti l-użu ta’ klassifikazzjonijiet esterni tal-kreditu, fil-fatt tirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li l-istituzzjonijiet regolati tagħhom ma jiddependux esklużivament jew b'mod mekkaniku mill-klassifikazzjonijiet esterni u li jkollhom metodoloġiji interni biex jivvalutaw l-affidabbiltà tal-kreditu. Hija timplika wkoll li meta l-metodoloġija interna ta’ istituzzjoni tkun timplika livell ogħla ta’ kapital minn dak implikat minn klassifikazzjoni esterna, għandha tiġi applikata l-metodoloġija interna.

    4.12   Problema partikolari li ħarġet matul il-kriżi tad-dejn sovran hija l-evidenza ċara li, bil-kontra tal-linji gwida kemm fil-Ftehim kif ukoll fis-sensiela ta’ Direttivi dwar ir-Rekwiżiti Kapitali, id-dejn sovran jidher ċar li mhuwiex mingħajr riskju. Din hija dgħufija importanti tal-kwalità ta’ dispożizzjonijiet kapitali tar-Regolament. Għandha implikazzjonijiet serji ħafna għall-banek li ġew sfurzati mir-regolamenti biex jitgħabbew bid-dejn sovran. L-applikazzjoni mekkanistika tal-klassifikazzjoni mingħajr riskju għandha tiġi kkunsidrata mill-ġdid mir-regolaturi u l-banek ser ikollhom jirrevedu l-metodoloġiji interni tagħhom fir-rigward tar-riskju.

    4.13   Il-KESE jaċċetta l-fatt li r-Regolament ser iżomm ir-rekwiżiti kapitali ta’ 75 % għas-self lill-SMEs, iżda għandu d-dubji tiegħu kemm dan ser ikun suffiċjenti fil-qagħda attwali. Il-Kumitat jemmen li l-kwistjoni ewlenija għall-SMEs hija kemm il-banek lesti jidħlu għal riskju. Fil-passat, il-banek kienu lesti jappoġġjaw SMEs promettenti u t-tkabbir tagħhom. Il-każijiet ta’ inadempjenza b'riżultat tal-kriżi finanzjarja u d-dgħufija ġenerali tal-karti tal-bilanċ tal-banek wasslu biex il-banek jibżgħu dejjem aktar mir-riskju. Għaldaqstant, sabiex jittaffa dan il-biża' mir-riskju, il-KESE jirrakkomanda li l-proporzjon jitnaqqas għal 50 % għall-SMEs. Il-Kumitat jaf li l-Kummissjoni beħsiebha terġa' tanalizza din il-kwistjoni.

    4.14   Huwa f'dan il-kuntest li l-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tiffaċilita aktar żvilupp fl-attivitajiet bankarji etiċi u parteċipattivi. Din il-forma ta’ attività bankarja parteċipattiva għaddiet il-prova tax-xokk tal-kriżi finanzjarja u għalkemm ġiet affettwata mir-riperkussjonijiet tal-kriżi, ċertament tat prova tal-flessibbiltà u l-valur tagħha. Minħabba l-pressjonijiet fuq is-sistema bankarja, din tista' toffri sors addizzjonali ta’ valur ta’ kreditu lill-SMEs. Għaldaqstant il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tressaq Direttiva relatata mal-attivitajiet bankarji etiċi u parteċipattivi, kif diġà ġie propost f'opinjoni preċedenti tal-KESE. (9)

    4.15   Meta jitqiesu flimkien, is-CRD II, III u IV huma ta’ piż kbir għall-operazzjonijiet bankarji billi jżidu l-piż regolatorju u l-ispejjeż tal-konformità filwaqt li jnaqqsu d-dħul fuq il-kapital u l-profittabbiltà fit-tul. Minħabba r-rwol tal-bankiera fil-kriżi reċenti u fil-kuntest tal-istrutturi ta’ kumpens tagħhom, li diffiċli biex wieħed jifhimhom, il-parti l-kbira taċ-ċittadini Ewropej x'aktarx iħossu li l-bankiera qed jingħataw dak li ħaqqhom. Iżda jeħtieġ li l-KESE jagħmel twissija. Sabiex ikun hemm prosperità fl-UE, irid ikun hemm prosperità fost il-banek. Biex huma jkunu jistgħu jagħtu l-kreditu, iridu jkunu jistgħu jagħmlu l-qligħ. Sfortunatament, il-banek tal-UE llum il-ġurnata ma jinsabux f'qagħda tajba. Huwa diffiċli jiġi stmat kemm għad tista' tagħmel ħsara l-kriżi tal-kreditu sovran lill-karti tal-bilanċ u lill-profittabbiltà għat-tul tal-banek tal-UE.

    4.16   F'dawn iċ-ċirkostanzi, l-abbozzar finali u l-implimentazzjoni sussegwenti tal-pakkett CRD IV ser ikunu ta’ importanza kruċjali għas-suċċess tal-proġett u, b'mod partikolari, għall-kapaċità tal-banek li jagħmlu l-bidliet neċessarji kif ukoll li jirkupraw. Minħabba l-effetti tal-kriżi tad-dejn sovran, il-banek f'reġjuni differenti tal-UE jistgħu ma jkunux kapaċi jimxu bl-istess pass. Il-leġislaturi u s-superviżuri għandhom ikunu ppreparati għal dan, anke jekk l-iskeda għall-implimentazzjoni testendi sal-2019.

    Brussell, 18 ta’ Jannar 2012.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Staffan NILSSON


    (1)  ĠU L 329, 14.12.2010, p. 3 – Opinjoni tal-KESE: ĠU C 339, 14.12.2010, p. 24-28.

    (2)  ĠU C 48, 15.02.2011, p. 33.

    (3)  ĠU C 228, 22.9.2009, p. 62-65.

    (4)  ĠU C 48, 15.02.2011, p. 33.

    (5)  ĠU L 141, 11.6.1993, p. 1-26.

    (6)  ĠU C 234, 22.9.2005, p. 8-13.

    (7)  ĠU C 339, 14.12.2010, p. 24-28.

    (8)  ĠU C 54, 19.2.2011, p. 37–41.

    (9)  ĠU C 48, 15.02.2011, p. 33.


    Top