Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012AE0144

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — Viżjoni strateġika għal standards Ewropej: Il-mixja 'l quddiem biex jittejjeb u jitħaffef it-tkabbir sostenibbli tal-ekonomija Ewropea sal-2020” COM(2011) 311 finali

    ĠU C 68, 6.3.2012, p. 35–38 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    6.3.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 68/35


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — Viżjoni strateġika għal standards Ewropej: Il-mixja 'l quddiem biex jittejjeb u jitħaffef it-tkabbir sostenibbli tal-ekonomija Ewropea sal-2020”

    COM(2011) 311 finali

    2012/C 68/06

    Relatur: is-Sur IOZIA

    Nhar l-1 ta’ Ġunju 2011, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew – Viżjoni strateġika għal standards Ewropej: Il-mixja 'l quddiem biex jittejjeb u jitħaffef it-tkabbir sostenibbli tal-ekonomija Ewropea sal-2020

    COM(2011) 311 finali.

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar id-19 ta’ Diċembru 2011.

    Matul l-477 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-18 u d-19 ta’ Jannar 2012 (seduta tad-19 ta’ Jannar 2012), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'158 vot favur, 6 voti kontra u 2 astensjonijiet.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jappoġġja b'impenn l-Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv u jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni. B'mod partikolari, l-adozzjoni ta’ standards komuni tal-UE tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ suq uniku kompetittiv bi prodotti u servizzi interoperattivi u innovattivi bbażati fuq l-istandards.

    1.2   L-istandards jistgħu jitqiesu bħala l-wirt taċ-ċiviltà tagħna: jirrappreżentaw l-għarfien tal-preżent u tal-imgħoddi u jridu jkunu progressisti biex jevolvu b'mod opportun. Iż-żmien meħtieg għall-iżvilupp tal-istandards għandu jitnaqqas sabiex il-bżonnijiet tas-soċjetà jkunu dejjem jistgħu jiġu riflessi. Il-KESE jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni biex tnaqqas dan il-perjodu b'50 % sal-2020, iżda mingħajr ma dan isir b'mod uniformi u mingħajr ma jiġu pperikolati l-konsultazzjonijiet meħtieġa u kultant twal mal-partijiet interessati. Dawn il-konsultazzjonijiet isiru b'mod aktar effikaċi fil-livell nazzjonali u jistgħu jingħataw kontribut permezz tal-azzjoni diretta tal-organizzazzjonijiet speċjalizzati Ewropej.

    1.3   Il-parteċipazzjoni fl-istandardizzazzjoni għandha tkun importanti daqs il-parteċipazzjoni fil-proċess leġislattiv. Jeħtieġ aktar parteċipazzjoni min-naħa tal-konsumaturi, l-SMEs u partijiet oħra interessati u din tista' tinkiseb permezz ta’ appoġġ finanzjarju. Reviżjoni bejn il-pari (peer review) tal-istandards nazzjonali min-naħa tal-partijiet interessati taf tiżgura li l-interessi tas-soċjetà jkunu rappreżentati fil-livelli kollha.

    1.4   L-istandards fl-akkwist pubbliku huma essenzjali sabiex is-suq uniku jiġi implimentat tajjeb.

    1.5   Il-KESE jikkonferma l-fehma preċedenti tiegħu: “l-ispeċifikazzjonijiet adottati minn forum u/jew konsorzji industrijali internazzjonali fis-settur tal-ICT għandhom jiġu aċċettati biss wara proċess ta’ approvazzjoni mill-Korpi Ewropej tal-Istandardizzazzjoni (ESOs), bil-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-SMEs, konsumaturi, operaturi tal-ambjent, ħaddiema u organizzazzjonijiet li għandhom interessi soċjali kbar. (1)

    1.6   Il-Kummissjoni tipproponi diversi azzjonijiet f'oqsma differenti. Peress li l-istandardizzazzjoni hija għodda importanti ħafna ta’ appoġġ għall-politika industrijali, l-innovazzjoni u l-kompetittività, il-KESE jappoġġja l-azzjonijiet proposti, speċjalment dawk relatati mar-rwol taċ-Ċentru Konġunt ta’ Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea, li huwa maħsub biex jivverifika li l-istandards xjentifiċi jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-ekonomiji Ewropej u nazzjonali fir-rigward tal-kompetittività, il-ħtiġijiet soċjali, il-kwistjonijiet ta’ sigurtà/sikurezza u l-impatt ambjentali (Azzjonijiet 1-5 tal-Komunikazzjoni).

    1.7   Rigward l-interess soċjetali, il-Kummissjoni tipprevedi li tingħata attenzjoni speċifika lis-sigurtà, is-sikurezza u l-protezzjoni, billi titlob lill-Istati Membri jiżguraw il-parteċipazzjoni ġenwina tal-konsumaturi, l-assoċjazzjonijiet ambjentali, il-persuni b'diżabbiltà u l-anzjani. Fil-fehma tal-KESE, dawn il-proposti huma ta’ valur kbir (Azzjonijiet 6-9).

    1.8   Il-KESE sa minn dejjem appoġġja l-idea li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jiġu involuti u jkollhom rwol effettiv, u jaqbel għalkollox mal-Kummissjoni Ewropea u mal-inizjattiva tagħha li twessa' u tiżgura proċess ta’ xogħol aktar inklużiv, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak Ewropew, abbażi ta’ kriterji rikonoxxuti, bħalma huma l-prinċipji tal-Ftehim tad-WHO dwar l-Ostakoli Tekniċi għall-Kummerċ (TBT). Għandu jingħata appoġġ finanzjarju lill-organizzazzjonijiet tal-SMEs, lill-konsumaturi, lit-trade unions u lil partijiet interessati rilevanti oħrajn (Azzjonijiet 10-15).

    1.9   Il-Kapitolu 5 tal-Komunikazzjoni jittratta l-iżvilupp tal-istandards fis-servizzi: il-KESE huwa favur il-fehma espressa f'dan il-kapitlu u jqis li l-idea li l-Grupp ta’ Livell Għoli dwar is-Servizzi tan-Negozju jingħata r-responsabbiltà, hekk kif propost fil-Komunikazzjoni “Lejn Att dwar is-Suq Uniku”, hija waħda siewja ħafna għas-setturi ekonomiċi kollha, saħansitra lil hinn mis-settur tas-servizzi (Azzjonijiet 16-18).

    1.10   Il-KESE jagħraf l-ispeċifiċità tas-suq tal-ICT u l-bżonn li l-istandards jiġu definiti malajr, ħaġa li tista' tiġi żviluppata permezz ta’ forums u konsorzji. Kif imsemmi hawn fuq, dawn l-istandards għandhom jiġu vvalidati permezz ta’ proċess tassew inklużiv. Ta' min wieħed jilqa' b'sodisfazzjon il-ħolqien ta’ forum għal diversi partijiet interessati. Il-KESE jirrakkomanda li dan il-forum isir fuq bażi regolari u mhux biss għal inizjattiva waħda. Il-KESE jixtieq jieħu sehem f'dan il-forum.

    L-istandards tal-ICT huma essenzjali fil-qasam tal-akkwisti pubbliċi elettroniċi u dak tal-gvern elettroniku inġenerali. Huwa kruċjali li tiġi garantita l-interoperabbiltà tal-ICT (Azzjonijiet 19-23).

    1.11   Il-proposti tal-aħħar jisħqu fuq ir-rwol li taqdi l-Ewropa fl-istandardizzazzjoni internazzjonali u fuq l-inizjattiva attiva mħabbra mill-Kummissjoni. Il-KESE huwa favur l-azzjonijiet proposti u jqis li huwa kruċjali għall-interess tal-UE li tieħu sehem attiv ħafna fl-attivitajiet internazzjonali, filwaqt li japprova d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tappoġġja l-ESOs f'xogħolhom fuq bażi bilaterali u multilaterali (Azzjonijiet 24-28).

    1.12   Ir-reviżjoni indipendenti, li għandha tiġi mnedija sa mhux aktar tard mill-2013, hija msejsa fuq l-interess tal-Kummissjoni fil-valutazzjoni tal-progress u l-konformità mal-miri: il-politika industrijali, l-innovazzjoni u l-iżvilupp teknoloġiku, mill-perspettiva tal-ħtiġijiet tas-suq f'termini ta’ inklużività u ta’ rappreżentattività. Il-KESE jaqbel għalkollox ma’ din il-proposta (Azzjoni 29).

    2.   Kummenti Generali

    2.1   Sistema ta’ standardizzazzjoni Ewropea effiċjenti essenzjalment ser tippermetti l-ħolqien ta’ prodotti u servizzi interoperattivi li jistgħu jiġi pprovduti bla xkiel madwar l-Ewropa, mhux biss f'każijiet transkonfinali, iżda wkoll fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali.

    2.2   Il-KESE jaqbel li l-istandards huma għodod effettivi ta’ politika u li jistgħu jikkontribwixxu għall-funzjonament tajjeb tas-suq uniku, b'mod partikolari fil-qasam tal-ICT u s-servizzi, fejn qed jiżviluppaw l-istandards ta’ proċess u produzzjoni.

    2.3   Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-użu ta’ standards fl-akkwist pubbliku, billi dan ser jistimola l-provvista ta’ prodotti u servizzi bbażati fuq l-istandards. Ix-xerrejja pubbliċi fl-UE għandhom jużaw standards dinjin jew Ewropej, meta dawn ikunu disponibbli, għal kull talba ta’ prodott jew servizz, filwaqt li l-użu ta’ standards propretarji u prodotti jew servizzi mhux interoperattivi għandu jiġi skoraġġut bis-sħiħ.

    2.4   Filwaqt li jinnota l-importanza tat-tneħħija permanenti tal-ostakoli għall-kummerċ, il-KESE japprezza l-impenn min-naħa tal-korpi nazzjonali kollha għall-istandards fl-Istati Membri biex jimplimentaw l-istandards Ewropej bħala standards nazzjonali identiċi u biex jirtiraw l-istandards nazzjonali eżistenti li jidħlu f'kunflitt magħhom, kif ukoll biex ma jiħdux azzjoni fil-futur li taf tkun ta’ ħsara għal din l-armonizzazzjoni.

    2.5   Il-KESE jaqbel li l-proċess ta’ standardizzazzjoni Ewropew għandu jitħaffef, jiġi ssemplifikat u mmodernizzat u jsir aktar inklużiv. L-użu ta’ skadenzi stretti speċifiċi, riżorsi esperti u l-parteċipazzjoni effettiva tal-partijiet interessati kollha (speċjalment l-SMEs, il-konsumaturi u partijiet interessati soċjetali oħra li spiss ikunu dgħajfa jew assenti fil-livell nazzjonali) għandhom jigu inklużi fit-talbiet tal-KE għal standards u finanzjament.

    2.5.1   Il-parteċipazzjoni fil-livell nazzjonali hija importanti ħafna wkoll. Il-proposti mill-korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni jiffurmaw il-bażi għal standard Ewropew. Huwa aktar faċli għall-konsumaturi u l-SMEs li jikkontribwixxu fil-livell nazzjonali.

    2.6   Peress li l-istandardizzazzjoni hija proċess volontarju mmexxi mis-suq u li s-suċċess tagħha jiddependi primarjament minn kemm tiġi aċċettata mis-suq, il-KESE jisħaq fuq l-importanza li l-SMEs, anke permezz tal-assoċjazzjonijiet tagħhom, ikunu involuti aħjar fil-fażijiet kollha tal-istandardizzazzjoni: konsultazzjonijiet dwar proġetti ġodda inklużi mandati, żvilupp ta’ standards u votazzjoni finali, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak Ewropew.

    3.   Kummenti speċifiċi

    3.1   Kunsiderazzjoni rigward l-ESOs  (2)

    3.2   Il-KESE jirrikonoxxi t-tnaqqis konsiderevoli fil-perjodu medju ta’ żvilupp tal-istandards Ewropej li saru dawn l-aħħar snin. Madankollu, għandu jsir aktar tnaqqis, iżda mhux għad-detriment tal-inklużività jew tal-kwalità. Iħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni ttejjeb u tħaffef il-proċeduri tagħha għall-iżvilupp ta’ mandati ta’ standardizzazzjoni u r-referenzar tal-istandards armonizzati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE. Il-KESE jilqa' l-intenzjoni ddikjarata tal-Kummissjoni li tnaqqas it-tul tal-proċess b'50 % sal-2020.

    3.2.1   Is-sħubija tal-gruppi ta’ ħidma tal-ESO u l-Kumitati Tekniċi jridu jkunu bilanċjati aħjar u jirrappreżentaw il-partijiet kollha tas-swieq involuti fil-kwistjoni tal-istandardizzazzjoni. Għandu jingħata finanzjament sabiex jiġi żgurat li l-mikrointrapriżi, il-konsumaturi u partijiet oħrajn interessati u l-assoċjazzjonijiet tagħhom jattendu l-workshops. Il-KESE jappoġġja d-deċiżjoni li s-sistema attwali ta’ inċentivi u appoġġi finanzjarji tiġi riveduta u razzjonalizzata sabiex jikbru l-opportunitajiet għall-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati kollha. Tkun ħaġa tajba ħafna li jkun hemm regolazzjoni unifikata tal-għodod eżistenti.

    3.2.2   Hemm bżonn monitoraġġ ġenwin sabiex tiġi evitata kull dupplikazzjoni tax-xogħol jew tar-riżultati fid-diversi gruppi ta’ ħidma fil-livell tal-UE (iffinanzjati mill-Kummissjoni Ewropea).

    3.2.3   Il-Korpi Nazzjonali tal-Istandardizzazzjoni (NSBs) jirrikjedu involviment sħiħ min-naħa tal-Istati Membri, b'mod partikolari appoġġ politiku, kif ukoll riżorsi tekniċi u finanzjarji.

    3.2.4   Filwaqt li wieħed mill-benefiċċji ewlenin tal-istandardizzazzjoni hi l-opportunità li jiġu prrovduti prodotti u servizzi interoperattivi, għandhom jiġu stabbiliti mekkaniżmu ċar, kif ukoll għodod għall-ittestjar u l-validazzjoni tal-istandards tal-UE sabiex jiġu żgurati ċikli ta’ żvilupp ta’ prodotti aktar mgħaġġlin.

    3.2.5   B'reazzjoni għat-tixjiħ tal-Ewropa, l-istandardizzazzjoni Ewropea taqdi wkoll rwol kruċjali fl-iżgurar tal-provvista ta’ prodotti u servizzi siguri u aċċessibbli lill-konsumaturi ta’ kull età u kapaċità. Dan huwa partikolarment importanti meta wieħed iqis l-importanza tal-istandards Ewropej fl-għoti ta’ appoġġ għall-kuntratti ta’ akkwist pubbliku.

    3.3   Linji gwida għall-implimentazzjoni: Xi korpi internazzjonali ta’ standardizzazzjoni ma joħorġux linji gwida għall-implimentazzjoni rigward l-użu tal-istandards li jkunu ġew żviluppati. L-ESOs għandhom jissodisfaw din il-ħtieġa, billi joħorgu linji gwida għall-implimentazzjoni li jkunu ċari u konċiżi sabiex jiġi żgurat li l-implimentazzjoni tkun tista' ssir bla xkiel.

    L-SMEs ser ikun jista' jkollhom aċċess għal swieq fejn jintużaw standards komuni, u b'hekk jonqsu d-diffikultajiet u l-ispejjeż għall-SMEs u titjieb il-kompetizzjoni.

    L-użu tal-istandards tal-UE għandu jitħeġġeġ fejn m'hemmx standards nazzjonali jew inkella għandha tiġi żgurata l-konverġenza tal-istandards nazzjonali mal-istandards tal-UE, billi jiġu pprovduti pjani direzzjonali ċari.

    3.4   Sensibilizzazzjoni u rappreżentazzjoni għall-SMEs: Għandhom jintużaw workshops immirati, taħriġ u attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni fil-livell reġjonali u nazzjonali, peress li l-SMEs jistgħu jintlaħqu aktar faċilment permezz tal-industrija lokali jew assoċjazzjonijiet ta’ SMEs u amministrazzjonijiet pubbliċi.

    3.4.1   L-SMEs ħafna drabi mhumiex konxji tal-mekkaniżmu għall-iżvilupp tal-istandards u jaqbdu u jaċċettaw prodotti bi standards predefiniti inkorporati. L-assoċjazzjonijiet ta’ SMEs fil-livell nazzjonali u f'dak tal-UE m'għandhomx ir-riżorsi meħtiega biex jikkontribwixxu għall-iżviluppi tal-istandardizzazzjoni u b'hekk l-influwenza tagħhom tkompli tonqos.

    3.4.2   Il-KESE jaqbel li l-pożizzjoni tal-assoċjazzjonijiet Ewropej li jirrappreżentaw lill-SMEs u lill-partijiet interessati soċjetali oħra għandha tissaħħaħ. Għandhom jiġu kkunsidrati serjament id-drittijiet ta’ votazzjoni għall-assoċjazzjonijiet ta’ SMEs tal-UE u l-partijiet interessati soċjetali fl-ESOs. Il-KESE interessat jieħu sehem f'dan id-dibattitu, li bħalissa huwa wieħed kontroversjali, bil-kundizzjoni li l-ESOs ikunu korpi privati.

    3.4.3   Il-KESE japprezza l-ħidma li twettqet s'issa, bl-appoġġ finanzjarju tal-Kummissjoni Ewropea, tan-NORMAPME, l-assoċjazzjoni Ewropea li tirrappreżenta s-snajja' u l-SMEs fir-rigward tal-istandardizzazzjoni u tal-ANEC, li tirrappreżenta lill-konsumaturi.

    3.4.4   Sabiex tikber is-sensibilizzazzjoni u jiżdied l-użu tal-istandards, il-KESE jissuġġerixxi li l-organizzazzjonijiet tal-istandardizzazzjoni fil-livell tal-UE u f'dak nazzjonali jipprovdu lill-utent aċċess semplifikat għall-istandards, inkluż sommarju tal-kontenut tagħhom. Jekk l-użu tal-istandards isir obbligatorju fil-qafas ta’ att leġislattiv, il-leġislatur għandu jagħmel mod li n-normi jkunu aċċessibbli daqs l-att stess.

    3.5   Edukazzjoni: Il-kunċetti ta’ standardizzazzjoni għandhom jiġu inklużi fil-programmi tal-iskejjel sekondarji u l-universitajiet Ewropej. Għandhom jiġu appoġġati inċentivi speċifiċi għall-istudenti u r-riċerkaturi sabiex jiżviluppaw soluzzjonijiet u applikazzjonijiet interoperattivi bbażati fuq l-istandards. Pereżempju, għandhom jingħataw faċilment il-fondi tal-UE għal studenti u riċerkaturi bħala entitajiet separati jew bħala gruppi transkonfinali.

    3.5.1   Il-Kummissjoni għandha twettaq monitoraġġ tat-tendenzi billi taħdem mill-qrib mal-industrija tal-ICT, iċ-ċentri ta’ riċerka u l-universitajiet, sabiex tiżgura li l-istandards jiġu żviluppati f'konformità mal-innovazzjoni tal-prodotti u s-servizzi. Il-Programm ta’ Ħidma għall-Istandardizzazzjoni għandu jkopri dan, billi jipprijoritizza l-azzjonijiet abbażi tal-imġibiet u l-ħtiġijiet f'termini ta’ adozzjoni mis-suq.

    3.6   L-istandards jirrappreżentaw proċess volontarju ta’ valutazzjoni tal-ħtiġijiet, ir-rekwiżiti u r-regoli li għandhom jiġu ssodisfati sabiex il-prodotti u s-servizzi relatati jiġu aċċettati aktar faċilment. Madankollu, dawn ir-regoli jinbidlu fi standards biss meta jiġu aċċettati mis-suq permezz ta’ adozzjoni usa' mill-utent. Għaldaqstant, is-sisen ta’ kwalunkwe ħidma ta’ standardizzazzjoni għandhom ikunu rekwiżiti bilancjati vis-à-vis l-partijiet interessati u l-kunsens. Madankollu, il-kumpaniji privati u pubbliċi l-kbar huma dawk li jieħdu sehem primarjament fl-iżvilupp tal-istandards, u dan jikkawża żbilanċ fir-rappreżentazzjoni tal-partijiet interessati.

    3.7   L-istandardizzazzjoni hija għodda importanti għall-kompetittività. Il-KESE jappella lill-Istati Membri sabiex jipprovdu qafas nazzjonali effettiv għall-istandardizzazzjoni, ikunu kapaċi jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ standards Ewropej u internazzjonali u jkunu kapaċi jipprovdu soluzzjonijiet ta’ standardizzazzjoni biex jissodisfaw ħtiġijiet li jkunu esklużivament nazzjonali.

    3.8   L-NSBs għandhom jissaħħu. Madankollu, dan jiddependi ħafna mill-politika industrijali nazzjonali u għalhekk il-livell ta’ impenn nazzjonali jvarja ħafna minn pajjiż għall-ieħor. Jistgħu jiġu żviluppati inċentivi speċifiċi, flimkien ma’ kampanja ta’ komunikazzjoni dwar l-aħjar prattika mill-Istati Membri li jħarsu lejn l-istandards bħala assi strategiku għall-kompetittività tagħhom.

    3.9   Il-KESE jaqbel dwar ir-rwol kruċjali li jaqdi l-iżvilupp tal-istandards għas-servizzi. Madankollu, huwa kruċjali li jiġi żgurat li l-istandards tas-servizzi jkunu mmexxija mis-suq u bbażati fuq il-kunsens.

    3.9.1   L-istandards nazzjonali jafu jxekklu t-twettiq tas-suq uniku. Huwa kruċjali li jiġu żviluppati standards fil-livell tal-UE qabel ma l-Istati Membri jibdew jiżviluppaw standards li jkunu speċifiċi għal kull pajjiż, li ħafna drabi ma jkunux interoperattivi.

    3.10   Il-KESE jappoġġja bis-sħih l-azzjoni tal-Kummissjoni Ewropea b'relazzjoni mal-istandards u l-interoperattività fil-qasam tal-ICT. B'mod partikolari, dan jikkonċerna l-possibbiltà li fl-akkwist pubbliku jintużaw standards tal-ICT li jkunu aċċettati b'mod wiesa' sabiex tinħoloq domanda għal servizzi interoperattivi mmexxija mis-settur pubbliku, li mbagħad taġixxi bħala mutur ewlieni għall-istandardizzazzjoni.

    3.10.1   Kif diġà ġie propost, “il-Kumitat iqis li huwa essenzjali li l-ESOs u l-Kummissjoni jwettqu kontrolli ta’ prevenzjoni sabiex ikun żgurat li l-ispeċifikazzjonijiet adotti minn forums u/jew konsorzji industrijali internazzjonali, li għandhom jintużaw bħala riferiment fl-akkwist pubbliku, ikunu tfasslu b'mod newtrali, ekwu u trasparenti, bil-parteċipazzjoni sħiħa tar-rappreżentanti tal-SMEs, il-konsumaturi l-ambjentalisti, il-ħaddiema u l-organizzazzjonijiet li għandhom interessi soċjali kbar”.

    3.11   Il-KESE huwa wkoll xettiku fir-rigward tal-proposta dwar it-titjib tal-kompetittività globali; il-politiki u l-istandards għandhom jiġu appoġġjati mil-leġislazzjoni, mhux bil-kontra. L-istandardizzazzjoni m'għandhiex tkun ta’ xkiel għall-innovazzjoni u l-iżvilupp.

    3.12   Il-prodotti u/jew is-servizzi bbażati fuq l-istandards li jirriżultaw minn inizjattivi ta’ suċċess b'finanzjament tal-UE għandhom jiġu inkorporati fl-inizjattivi relatati sussegwenti tal-UE sabiex tiġi eliminata d-dupplikazzjoni u tiġi promossa aktar espansjoni/adozzjoni ta’ dawn l-istandards.

    Brussells, 19 ta’ Jannar 2012.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Staffan NILSSON


    (1)  ĠU C 376, 22.12.2011, p. 58.

    (2)  ESOs: Korpi Ewropej tal-Istandardizzazzjoni (European standardisation bodies). It-tliet korpi uffiċjali Ewropej tal-istandardazzizzjoni huma dawn: CEN, CENELEC u ETSI.


    Top