Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012IE0148

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-impjieg taż-żgħażagħ, il-kwalifiki professjonali u l-mobbiltà” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    ĠU C 68, 6.3.2012, p. 11–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    6.3.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 68/11


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-impjieg taż-żgħażagħ, il-kwalifiki professjonali u l-mobbiltà” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    2012/C 68/02

    Relatur: is-Sinjura ANDERSEN

    Nhar l-14 ta’ Lulju 2011, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar:

    L-impjieg taż-żgħażagħ, il-kwalifiki professjonali u l-mobbiltà.

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-16 ta’ Diċembru 2011.

    Matul l-477 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-18 u d-19 ta’ Jannar 2012 (seduta tat-18 ta’ Jannar 2012), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’173 vot favur, vot wieħed (1) kontra u erba’ (4) astensjonijiet.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1   L-iżvilupp demografiku joħloq eżiġenzi kbar għas-suq tax-xogħol. Il-konsegwenzi tal-kriżi ekonomika juru li s-swieq tax-xogħol għandhom problemi strutturali. Iż-żgħażagħ, b’mod partikolari, qed isibuha diffiċli biex jidħlu verament fis-suq tax-xogħol minkejja li għandhom il-kwalifiki adegwati. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom jimplimentaw ir-riformi stabbiliti fl-Istrateġija Ewropa 2020 u fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma sabiex jerġa’ jibda t-tkabbir.

    1.2   Il-qgħad fost iż-żgħażagħ joħloq żvantaġġi ekonomiċi u soċjali kbar għas-soċjetà u għaż-żgħażagħ stess, u jnaqqas il-possibbiltajiet tat-tkabbir. Il-kompetittività tal-Ewropa ser tiddependi ħafna mill-ħaddiema kkwalifikati u qed tirriskja li taqa’ lura fit-tellieqa għall-ħaddiema speċjalizzati u bi kwalifiki għoljin.

    1.3   Ħadd ma jaf verament kif ser ikunu l-impjiegi ta’ għada, iżda t-taħriġ għandu jkun ibbażat fuq il-bżonn tas-swieq tax-xogħol u fuq il-kwistjonijiet li jridu jissolvew. Għandu jissaħħaħ ir-rikonoxximent tal-kwalifiki miksuba barra s-sistemi tat-taħriġ. Il-kurrikuli għandhom jiffokaw aktar fuq il-ħiliet ġenerali u innovattivi.

    1.4   L-ostakli bejn is-sistema edukattiva u s-suq tax-xogħol għandhom jitneħħew u għandu jiġi evitat li titpoġġa enfasi żejda fuq il-kunsiderazzjonijiet finanzjarji. Għandha tissaħħaħ aktar is-sħubija bejn l-intrapriżi u s-sistemi edukattivi f’dak li hu żvilupp tal-kurrikuli u tbassir tal-bżonnijiet futuri. It-taħriġ għandu jwassal għal impjieg.

    1.5   L-apprendistati u t-taħriġ b’żewġ binarji għandhom jiżdiedu fis-sistemi edukattivi, anke fil-każ tal-edukazzjoni għolja rilevanti u tat-taħriġ vokazzjonali. Is-sinerġiji bejn it-taħriġ u l-attività prattika fuq il-post tax-xogħol u t-tagħlim teoretiku jsaħħu l-kapaċità taż-żgħażagħ li jsibu impjieg, iwasslu għal dħul aħjar fis-suq tax-xogħol u jixprunaw l-iżvilupp tat-tagħlim.

    1.6   Il-pajjiżi li jkunu jixtiequ jdaħħlu s-sistema ta’ taħriġ b’żewġ binarji għandhom jingħataw l-għajnuna mill-Fond Soċjali Ewropew biex ikopru l-ispejjeż inizjali li jinħolqu mill-introduzzjoni ta’ din is-sistema.

    1.7   Suq tax-xogħol miftuħ u dinamiku jista’ jippromovi l-mobbiltà u joħloq l-opportunitajiet ta’ impjieg, speċjalment għaż-żgħażagħ. Skont l-Istrateġija Ewropa 2020 u l-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma, l-Istati Membri għandhom jimmodernizzaw is-swieq tax-xogħol tagħhom sabiex iżidu n-numru ta’ ħaddiema u jtejbu l-operat tagħhom.

    1.8   Permezz ta’ politika attiva tax-xogħol li tħeġġeġ lil dawk li jkunu qed ifittxu impjieg u lill-ħaddiema biex jibqgħu jitgħallmu tul ħajjithom kollha tissaħħaħ il-mobbiltà professjonali u ġeografika u b’hekk jinħolqu aktar opportunitajiet ta’ impjieg.

    2.   Introduzzjoni u għanijiet

    2.1   Iż-żgħażagħ Ewropej huma l-futur tal-Ewropa. Iżda bosta żgħażagħ m’għandhomx impjieg jew m’għandhomx il-kwalifiki adatti. Barra minn hekk, ħafna żgħażagħ qed isibuha diffiċli biex jidħlu fis-suq tax-xogħol minkejja li għandhom il-kwalifiki adegwati.

    2.2   Din l-opinjoni hija dwar l-opportunitajiet ta’ impjieg għaż-żgħażagħ. Dan jinkludi d-domanda futura għall-ħaddiema tekniċi u speċjalizzati, l-aċċess taż-żgħażagħ għas-suq tax-xogħol u l-mobbiltà professjonali. Hawnhekk qed nitkellmu fuq il-ħaddiema prinċipali b’taħriġ tekniku jew speċjalizzat jew li għandhom livell medju ta’ kwalifiki, li skont is-CEDEFOP fl-2020 ser jirrappreżentaw 50 % tal-ħaddiema futuri.

    2.3   Fl-opinjoni ser jitressqu proposti konkreti biex jittejbu l-opportunitajiet ta’ impjieg għaż-żgħażagħ u biex jiġi żgurat li l-intrapriżi jkollhom aċċess għall-kwalifiki adatti.

    2.4   Il-kunċett ta’ “kwalifiki” ikopri bosta aspetti, bħal pereżempju l-ħiliet soċjali u ġenerali kif ukoll il-ħiliet u l-kwalifiki tekniċi u speċjalizzati li jinkisbu sew fil-qafas ta’ sistema ta’ tagħlim u taħriġ formali u sew permezz tax-xogħol u tal-attivitajiet u r-relazzjonijiet soċjali u familjari.

    2.5   Din l-opinjoni għandha twieġeb żewġ mistoqsijiet li huma marbutin mill-qrib ma’ xulxin: (1) Xi kwalifiki ser ikun hemm bżonn fis-suq tax-xogħol tal-ġejjieni? u (2) Kif jistgħu jiġu żgurati l-integrazzjoni taż-żgħażagħ u l-opportunitajiet tal-mobbiltà professjonali?

    2.6   Il-Kummissjoni Ewropea nediet diversi inizjattivi ewlenin f’dan il-qasam. L-aktar reċenti huma “Żgħażagħ Attivi” u “Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi”. Dawn l-inizjattivi ewlenin għandhom importanza ċentrali u jinkludu diversi inizjattivi maħsuba biex itejbu l-opportunitajiet ta’ impjieg għaż-żgħażagħ. Fl-opinjonijiet rilevanti tal-KESE ssir referenza għal dan (1).

    3.   Il-qagħda attwali fl-Ewropa

    3.1   Minħabba l-iżvilupp demografiku l-popolazzjoni attiva qed tonqos: il-ġenerazzjoni anzjana ta’ żmien il-“baby boom” qed tirtira mis-suq tax-xogħol u postha qed jeħduh ġenerazzjonijiet iżgħar li twieldu fi żmien meta r-rata tat-twelid ma kinitx daqstant qawwija. B’hekk is-suq tax-xogħol qed jiffaċċja sfidi kbar, għaliex il-provvista kbira ta’ ħaddiema bi kwalifiki għoljin taqdi rwol deċiżiv għat-tkabbir fl-Ewropa.

    3.2   Skont l-aħħar edizzjoni tal-Quarterly employment and social situation review li tippubblika l-Kummissjoni Ewropea, l-irkupru tas-suq tax-xogħol isir bil-mod u b’mod inugwali. Qed jinħolqu l-impjiegi, iżda mhumiex biżżejjed. U l-qgħad fost iż-żgħażagħ (20,3 %), b’mod partikolari, jindika li hemm bżonn tittieħed azzjoni malajr u b’mod effettiv.

    3.3   Il-qgħad jolqot lill-kategoriji kollha taż-żgħażagħ, anke l-gruppi li għandhom il-problemi, indipendentement mill-edukazzjoni u t-taħriġ tagħhom. Però r-riskju li ma jsibux xogħol huwa akbar għaż-żgħażagħ b’inqas kwalifiki jew mingħajr esperjenza professjonali. Barra minn hekk, il-qgħad fit-tul żdied ukoll u f’Marzu 2011 tela’ għal 9,5 %. Ħafna żgħażagħ, b’mod partikolari, jinsabu fir-riskju li jkunu qiegħda għal perjodu twil ta’ żmien.

    3.4   Sew il-qgħad u sew in-nuqqas ta’ impjieg fost iż-żgħażagħ joħolqu żvantaġġi ekonomiċi u soċjali kbar għas-soċjetà u għaż-żgħażagħ stess, u jnaqqsu l-possibbiltajiet tat-tkabbir.

    3.5   Qabel il-kriżi kien hemm perjodu meta nħoloq numru relattivament kbir ta’ impjiegi. Skont il-Kummissjoni Ewropea, bejn l-1995 u l-2006 nħolqu 20 miljun impjieg ġdid.

    3.6   Mill-banda l-oħra, matul il-kriżi ntilfu mal-ħames miljun impjieg. Skont il-Eurofund, dawn kienu l-aktar impjiegi bi dħul baxx li kellhom il-persuni mingħajr kwalifiki. Madankollu, jeżistu differenzi kbar bejn l-Istati Membri individwali.

    3.7   Is-CEDEFOP jistima li bejn l-2010 u l-2020 ser jinħolqu madwar seba’ miljun impjieg ġdid u li ser ikun hemm mat-73 miljun post vakanti minħabba l-iżvilupp demografiku. Ħafna mill-impjiegi maħluqa ser jeħtieġu kwalifiki għoljin.

    3.8   Paradossalment, f’ċerti pajjiżi u setturi m’hemmx ħaddiema biżżejjed għalkemm fl-istess ħin hemm numru kbir ta’ nies qiegħda. Dan jindika li fis-swieq tax-xogħol Ewropej qed ikun hemm problemi strutturali b’mod kostanti. Pereżempju, fi tmiem l-2009 kien hemm 118 000 post vakanti fil-Pajjiżi l-Baxxi u l-Ġermanja u l-Polonja għandhom 87 800 u 18 300 post vakanti fis-settur tal-IT rispettivament.

    3.9   Il-kompetittività tas-settur privat ser tiddependi ħafna mill-ħaddiema bi kwalifiki għoljin. Jekk l-intrapriżi privati ma jsibux ħaddiema adatti fl-Ewropa, jista’ jagħti l-każ li jkunu obbligati jfittxuhom f’reġjuni oħra tad-dinja. L-iżvilupp demografiku ser iwassal ukoll biex ikun hemm bżonn aktar ħaddiema fl-oqsma tal-kura tal-anzjani kif ukoll fil-qasam tas-saħħa.

    4.   Il-bżonn ta’ ħaddiema fil-futur

    4.1   In-numru dejjem jonqos ta’ impjiegi u l-bżonn urġenti ta’ tkabbir jimplikaw li l-ġenerazzjonijiet futuri taż-żgħażagħ li jidħlu fis-suq tax-xogħol irid ikollhom livell għoli ta’ edukazzjoni u taħriġ li jikkorrispondi mal-bżonn attwali u futur. Dan ifisser li n-numru ta’ persuni li jieqfu mill-iskola qabel iż-żmien irid jonqos u li aktar żgħażagħ iridu jieħdu taħriġ vokazzjonali. Barra minn hekk, huwa essenzjali li s-suq tax-xogħol jitfassal b’tali mod li jippermetti liż-żgħażagħ jidħlu fih. Fl-aħħar snin ħareġ fid-dieher li t-tranżizzjoni mit-taħriġ għall-post tax-xogħol hija diffiċli. Barra minn dan, l-ostakli relatati mat-taħriġ u mal-liġi dwar l-impjieg qed jagħmluha aktar diffiċli biex persuna tibdel l-impjieg tagħha.

    4.2   L-UE u l-Istati Membri diġà ntrabtu li jagħmlu diversi riformi fil-qafas tal-Istrateġija Ewropa 2020, tal-prattiki tajbin u tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma. B’rabta ma’ dan, għadd ta’ Stati Membri pproponew riformi biex is-sistema edukattiva tagħhom tkun taqbel aktar mal-bżonnijiet tas-swieq tax-xogħol.

    4.3   L-Istrateġija Ewropa 2020 tistabbilixxi żewġ għanijiet ċentrali b’rabta mat-tagħlim u t-taħriġ. Però dawn huma għanijiet purament kwantitattivi. Huwa daqstant ieħor interessanti li s-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ ikunu kapaċi jpoġġu liż-żgħażagħ fit-triq tal-ħajja bil-kwalifiki adatti li huma mitlubin u li jistgħu jużawhom.

    4.4   Huwa mbassar li l-livell tal-edukazzjoni u t-taħriġ taċ-ċittadini fl-Ewropa ser ikompli jogħla, iżda jeżisti r-riskju ta’ polarizzazzjoni. Ċerti previżjonijiet jindikaw li aktarx l-għan li mill-inqas 40 % tal-persuni bejn it-30 u l-34 sena jkollhom livell ta’ edukazzjoni terzjarja ser jintlaħaq sal-2017.

    4.5   Għall-kuntrarju ta’ dan, il-previżjonijiet għall-għan li sal-2020 il-perċentwal ta’ dawk li jieqfu mill-iskola qabel iż-żmien ikun inqas minn 10 % mhumiex daqshekk tajbin. Skont is-CEDEFOP, pereżempju, fl-2020 mill-inqas 83 % tal-persuni bejn it-22 u l-24 sena (perċentwal li fl-2010 kien ta’ 78 %) ser ikunu temmew l-edukazzjoni sekondarja superjuri, jiġifieri t-taħriġ vokazzjonali jew il-livell postsekondarju. Il-fatt li ħafna żgħażagħ m’għandhomx kwalifiki huwa sfida kbira sabiex tiġi żgurata provvista ta’ ħaddiema bi kwalifiki għoljin, għaliex l-impjiegi tal-futur ser jirrikjedu l-aktar ħaddiema bi kwalifiki għoljin jew speċjalizzati. Għaldaqstant, l-ewwel u qabel kollox irridu nieħdu ħsieb li aktar żgħażagħ itemmu l-edukazzjoni tagħhom bi kwalifika, inklużi l-kwalifiki ta’ natura professjonali.

    4.6   Il-globalizzazzjoni u t-teknoloġiji l-ġodda ser ibiddlu s-suq tax-xogħol u dan ser ikun rifless, fost affarijiet oħra, f’ċikli tal-ħajja tal-prodotti dejjem iqsar. It-trasferiment tal-impjiegi bejn is-setturi u l-modi ġodda ta’ kif jiġi organizzat ix-xogħol ser joħolqu impjiegi ġodda, iżda wkoll il-ħtieġa ta’ ħiliet ġodda.

    4.7   B’hekk ser ikun hemm aktar bżonn ta’ tagħlim tul il-ħajja, ta’ edukazzjoni għall-adulti u tar-rieda li wieħed jadatta ruħu – fatturi li issa ser ikunu parti mill-ħajja tax-xogħol. Dan hu qasam ta’ responsabbiltà komuni fejn l-imsieħba soċjali u l-istabbilimenti tal-edukazzjoni, b’mod partikolari, jistgħu jsibu soluzzjonijiet innovattivi flimkien.

    4.8   Skont is-CEDEFOP, sal-2020 id-domanda għall-ħaddiema bi kwalifiki għoljin ser tiżdied bi kważi 16-il miljun u dik għall-ħaddiema bi kwalifiki medji ser tiżdied bi tliet miljuni u nofs. Min-naħa l-oħra, huwa mistenni li d-domanda għall-ħaddiema bi kwalifiki baxxi ser tonqos b’madwar 12-il miljun.

    4.9   Huwa mistenni li bejn l-2010 u l-2020 l-impjiegi fl-industriji primarji kif ukoll fil-produzzjoni u l-manifattura ser jonqsu b’mod sinifikanti. L-ogħla tkabbir ser isir fis-settur tas-servizzi, speċjalment fis-servizzi lill-intrapriżi, iżda s-setturi tad-distribuzzjoni, il-kejtering, is-saħħa u t-trasport ser jespandu wkoll. Is-setturi li jirrikjedu għarfien intensiv u dawk li jirrikjedu għarfien inqas intensiv, bħall-kummerċ bl-imnut, ser jikbru wkoll. Qed jissokta l-iżvilupp lejn ekonomija bbażata fuq l-għarfien u lejn dinja msejsa fuq l-innovazzjoni u li tinbidel malajr. Għalhekk huwa importanti li l-ħiliet speċjalizzati jissarrfu f’għarfien, li mbagħad iwassal għall-innovazzjonijiet u għal prodotti u servizzi ġodda. Ir-rieda li wieħed jadatta ruħu għadha parametru ċentrali kemm għall-individwi kif ukoll għas-sistema edukattiva sabiex dawn jissodisfaw il-bżonnijet tas-suq tax-xogħol.

    4.10   L-innovazzjoni hija element kruċjali fl-analiżi tal-mudelli tal-impjiegi u tal-ħiliet meħtieġa għall-futur. L-innovazzjoni hija l-kapaċità li jittejbu l-proċessi u l-metodi, iżda l-ħiliet ġenerali – bħall-kreattività, il-ħila li wieħed isolvi l-problemi, jikkoopera u jmexxi – għandhom rwol x’jaqdu wkoll. B’hekk, pereżempju, f’qasam tal-industrija b’għarfien intensiv jaħdmu bosta persuni li m’għandhomx kwalifiki għoljin, iżda li jikkontribwixxu għall-innovazzjoni billi jtejbu l-organizzazzjoni jew il-proċessi tax-xogħol.

    4.11   Xi studji juru li l-innovazzjoni li fuqha jissejjes it-tkabbir tiġi l-aktar mill-intrapriżi. L-intrapriżi jiżviluppaw bis-saħħa tal-kontribut u t-talbiet tal-klijenti, il-fornituri u l-persunal tagħhom.

    4.12   Madankollu, l-innovazzjoni m’għandhiex titqies bħala dixxiplina. Il-kapaċità tal-innovazzjoni toħloq eżiġenzi ġodda għas-sistema tal-edukazzjoni, bħal pereżempju l-kwistjoni ta’ kif jistgħu jissaħħu l-ħiliet innovattivi taż-żgħażagħ sabiex fil-ħajja tax-xogħol tagħhom ikunu jistgħu jagħtu kontribut dirett għall-ħolqien tal-ġid fis-soċjetà tagħna.

    5.   Il-ħaddiema prinċipali tal-ġejjieni u s-sistemi tal-edukazzjoni

    5.1   Ħadd ma jaf verament kif ser ikunu l-impjiegi ta’ għada. L-UE daqt tniedi panorama ta’ ħiliet fl-UE, filwaqt li ser jitwaqqfu Kunsilli għall-Ħiliet Settorjali (Sector Skills Councils) u l-bżonnijiet u n-nuqqasijiet tal-futur ser ikunu jistgħu jitbassru dejjem aħjar. Minħabba l-kompetizzjoni globali, l-iżvilupp tekniku kif ukoll l-immigrazzjoni u l-emigrazzjoni, il-flessibbiltà tas-sistema tal-edukazzjoni u l-abbiltà tagħha li tadatta ser ikunu fatturi deċiżivi.

    5.2   Barra minn hekk, ser ikun hemm bżonn koordinazzjoni u kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-istabbilimenti tal-edukazzjoni, il-gvernijiet u min iħaddem, pereżempju fit-tfassil tal-kurrikuli. Il-kwalifiki jiġu miksuba u żviluppati matul il-ħajja kollha permezz tat-taħriġ u tax-xogħol, però jistgħu jinkisbu wkoll barra mis-suq tax-xogħol, u dan għandu jiġu rikonoxxut aktar.

    5.3   It-taħriġ tal-ħaddiema prinċipali tal-ġejjieni jibda minn kmieni fl-iskola primarja, u l-kwalità tat-tagħlim f’dan il-livell għandha tittejjeb. It-tfal u ż-żgħażagħ għandhom jitgħallmu wkoll kif jitgħallmu u jiksbu għarfien ġdid. Huma importanti, pereżempju, l-orjentament akkademiku fl-iskola primarja u sekondarja kif ukoll il-pariri dwar il-karriera. Għal dan il-għan, l-għalliema għandhom bżonn jiksbu l-ħiliet meħtieġa.

    5.4   Is-sistema tat-taħriġ vokazzjonali hija indirizzata f’opinjonijiet oħrajn tal-KESE (2), iżda t-taħriġ vokazzjonali jaqdi rwol essenzjali biex jiġi żgurat li fil-futur ikun hemm il-kwalifiki adatti.

    5.5   It-taħriġ vokazzjonali issa qed jiffaċċja sfidi kbar. Dan jinkludi, pereżempju, l-immaġni u l-kwalità tat-taħriġ, il-ħtieġa li tiġi koperta l-firxa ta’ kwalifiki neċessarji fil-ħajja tax-xogħol u t-titjib tal-possibbiltajiet għad-dħul fis-suq tax-xogħol. F’bosta korsijiet vokazzjonali, ħafna nies ma jgħaddux minħabba n-nuqqas ta’ ħiliet bażiċi fost iż-żgħażagħ, pereżempju l-ħila li jaqraw. Barra minn dan, ħafna drabi t-tranżizzjoni mis-sistema tat-taħriġ vokazzjonali għas-sistema tal-edukazzjoni għolja tkun diffiċli. Tista’ tiġi osservata wkoll segmentazzjoni abbażi tas-sess fil-korsijiet ta’ studju.

    5.6   Xi pajjiżi introduċew sistema b’żewġ binarji għat-taħriġ vokazzjonali. Dan ifisser li l-kors ikun maqsum bejn il-lezzjonijiet fil-klassi minn naħa, u x-xogħol u t-taħriġ fuq il-post tax-xogħol min-naħa l-oħra. Dan il-kuntatt mill-qrib mal-post tax-xogħol jibni pontijiet mad-dinja tax-xogħol u jiżgura li l-parti l-kbira tan-nies bi kwalifiki vokazzjonali jsibu impjieg malajr. Għall-kuntrarju ta’ dan, is-sistemi tat-taħriġ vokazzjonali fl-Isvezja, il-Belġju u Spanja, pereżempju, ftit li xejn jinkludu kuntatti mad-dinja tax-xogħol peress li l-korsijiet tat-taħriġ vokazzjonali jsiru l-aktar fl-iskola. Fl-istess ħin, bosta żgħażagħ f’dawn il-pajjiżi qed isibu l-problemi biex jidħlu fis-suq tax-xogħol.

    5.7   Ħafna (fosthom il-Kummissjoni, l-OECD, il-Parlament, eċċ.) jemmnu li l-fatt li jiġu kkombinati x-xogħol, it-taħriġ prattiku u t-taħriġ fl-iskola huwa mod tajjeb biex in-nies jagħmlu l-ewwel pass fis-suq tax-xogħol. Għaldaqstant, il-KESE ser jipproponi inizjattivi konkreti dwar kif il-prattika tas-sistemi tat-taħriġ b’żewġ binarji tista’ tinxtered aktar fl-UE.

    6.   Id-dħul fis-suq tax-xogħol u l-mobbiltà professjonali

    6.1   It-tranżizzjoni mit-taħriġ għall-post tax-xogħol, jiġifieri mis-sistema tat-taħriġ vokazzjonali għas-suq tax-xogħol, sikwit tinvolvi ħafna kunsiderazzjonijiet finanzjarji. Minkejja li kemm ir-rabta mill-qrib bejn is-sistema tat-taħriġ u s-suq tax-xogħol kif ukoll il-promozzjoni tal-aċċess taż-żgħażagħ għas-suq tax-xogħol huma fost il-prijoritajiet politiċi tal-UE, fl-aħħar snin ħareġ fid-dieher li jeżistu sfidi kbar.

    6.2   Il-mobbiltà professjonali u ġeografika fl-Ewropa għadha limitata, u ta’ spiss tiġi mxekkla mill-ostakli fis-sistemi tal-kwalifiki, mill-problemi relatati mar-rikonoxximent tal-kwalifiki jew min-nuqqas ta’ pariri. Il-programmi ta’ skambju u mobbiltà tal-UE, b’mod partikolari, għandhom rwol ċentrali x’jaqdu hawnhekk u, għalhekk, għandhom jissaħħu. S’issa l-enfasi tpoġġiet fuq l-edukazzjoni għolja, iżda fil-futur l-enfasi għandha titpoġġa wkoll fuq l-opportunitajiet ta’ mobbiltà għat-taħriġ tekniku u vokazzjonali, pereżempju permezz ta’ taħriġ prattiku transkonfinali fl-intrapriżi. L-arranġamenti għat-taħriġ prattiku transkonfinali jistgħu, pereżempju, itejbu s-sitwazzjoni fiż-żoni tal-fruntieri f’każ li f’pajjiż ikun hemm nuqqas ta’ opportunitajiet għal taħriġ prattiku filwaqt li fil-pajjiż ġar ikun hemm bosta opportunitajiet.

    6.3   Is-sistema ta’ taħriġ b’żewġ binarji tista’ twitti t-triq biex iż-żgħażagħ ikollhom bidu tajjeb u sigur fis-suq tax-xogħol, filwaqt li tiggarantixxi li l-intrapriżi jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom il-kwalifiki adatti. Stħarriġ tal-Ewrobarometru wera, pereżempju, li 87 % ta’ min iħaddem iqis li l-esperjenzi vokazzjonali prattiċi, ngħidu aħjar fil-forma ta’ taħriġ prattiku, huma essenzjali meta jiġi biex jirrekluta n-nies.

    6.4   It-tagħlim teoretiku fl-iskola u t-tagħlim fuq il-post tax-xogħol għandhom jiġu kkombinati aktar. Però dan għandu jsir f’qafas kuntrattwali fejn l-intrapriżi kkonċernati jintalbu jipparteċipaw fit-taħriġ taż-żgħażagħ u tal-apprendist individwali. Dan ikun ta’ benefiċċju għal dawk kollha involuti. L-intrapriżi jkollhom firxa usa’ ta’ ħaddiema minn fejn jagħżlu, u fl-istess ħin jibbenefikaw ukoll minn għarfien u ispirazzjoni ġodda. L-istabbilimenti tal-edukazzjoni, min-naħa tagħhom, ikollhom aċċess għal aktar għarfien u kooperazzjoni mal-industrija. U l-apprendist individwali jibbenefika mill-esperjenza prattika fid-dinja tax-xogħol.

    6.5   Billi għall-bidu l-iżvilupp u t-tixrid ta’ sistema ta’ taħriġ b’żewġ binarji toħloq spejjeż addizzjonali, jistgħu jintużaw il-fondi u l-programmi tal-UE, bħall-Fond Soċjali, biex jipprovdu finanzjamenti inizjali għall-pajjiżi u r-reġjuni li jkunu jixtiequ jdaħħlu s-sistema b’żewġ binarji.

    6.6   Madankollu jridu jiġu sodisfatti ċerti kundizzjonijiet sabiex in-nies jibdew il-karriera tagħhom bit-tajjeb, jagħmlu progress u jibbenefikaw mill-mobbiltà professjonali. Dan ifisser li jrid jiġi promoss il-ħolqien tal-impjiegi kif ukoll li jkun hemm swieq tax-xogħol miftuħa u dinamiċi li, minn naħa, jappoġġjaw il-mobbiltà u, min-naħa l-oħra, jiggarantixxu bidu sigur għaż-żgħażagħ. Suq tax-xogħol b’ħafna opportunitajiet ta’ impjieg u l-possibbiltà ta’ taħriġ vokazzjonali għal impjieg ġdid jgħinu biex titwitta t-triq għaż-żgħażagħ.

    6.7   Fil-kuntest tal-Istrateġija Ewropa 2020, ħafna pajjiżi qed jirriformaw is-swieq tax-xogħol tagħhom biex iżidu n-numru ta’ ħaddiema u jtejbu l-operat tagħhom. Sabiex iż-żgħażagħ jidħlu fis-suq tax-xogħol b’mod aktar faċli, iridu jitneħħew l-ostakli li jżommu lil dawk li jħaddmu milli joffru kuntratt tal-impjieg normali liż-żgħażagħ. Dan m’għandu joħloq l-ebda vantaġġ jew żvantaġġ la għal min iħaddem u lanqas għall-impjegati. It-tip ta’ xogħol biss għandu jiddetermina x’forma ta’ kuntratt jingħażel għar-reklutaġġ.

    6.8   Għalhekk, għandha titfassal politika attiva tas-suq tax-xogħol li kemm lil min ikun qed ifittex xogħol kif ukoll lil dawk li għandhom xogħol tagħtihom l-inċentiv li jkomplu jitgħallmu tul ħajjithom, jitħarrġu b’mod kontinwu u jaġġornaw il-kwalifiki tagħhom. Tinħtieġ politika attiva tas-suq tax-xogħol li tikkontribwixxi biex tittejjeb il-mobbiltà, u b’hekk toffri liż-żgħażagħ l-opportunitajiet fis-suq tax-xogħol.

    6.9   Il-mobbiltà fis-suq tax-xogħol tista’ tibbenefika minn diversi tipi ta’ drittijiet li ma jkunux marbutin ma’ intrapriża jew ma’ impjieg partikolari iżda li jakkumpanjaw lill-individwu, anke meta jibdel l-impjieg tiegħu. Dawn jinkludu, pereżempju, id-drittijiet għall-pensjoni u l-possibbiltajiet ta’ tagħlim iffinanzjat minn fondi.

    Brussell, 18 ta’ Jannar 2012.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Staffan NILSSON


    (1)  Opinjonijiet tal-KESE dwar “Żgħażagħ Attivi” (ĠU C 132, 3.5.2011, p. 55) u dwar “Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi” (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) – SOC/404.

    (2)  Opinjoni tal-KESE dwar “l-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjoni Postsekondarji bħala Alternattiva Attraenti għall-Edukazzjoni Għolja” (Ara paġna 1 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).


    Top