EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012XC0121(06)

Avviż ta' tnedija ta' reviżjoni tal-iskadenza tal-miżuri anti-dumping applikabbli għall-importazzjoni ta' etanolamini li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika

ĠU C 18, 21.1.2012, p. 16–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

21.1.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 18/16


Avviż ta' tnedija ta' reviżjoni tal-iskadenza tal-miżuri anti-dumping applikabbli għall-importazzjoni ta' etanolamini li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika

2012/C 18/12

Wara l-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ skadenza imminenti (1) tal-miżuri tal-antidumping fis-seħħ dwar l-importazzjonijiet ta' etanolamini li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika (“il-pajjiż ikkonċernat”), il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet talba għal reviżjoni skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (2) (“ir-Regolament bażiku”).

1.   It-talba għal reviżjoni

It-talba tressqet fil-21 ta’ Ottubru 2011 mill-BASF AG, Ineos Europe AG, and Sasol Germany GmbH, tliet produtturi tal-Unjoni (“l-applikanti”) li jirrappreżentaw proporzjon prinċipali, f’dan il-każ aktar minn 50 %, tat-total tal-produzzjoni tal-Unjoni tal-etanolamini.

2.   Il-prodott

Il-prodott taħt reviżjoni huwa l-etanolamini li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika (“il-prodott ikkonċernat”), li bħalissa huma klassifikabbli fi ħdan il-kodiċijiet NM ex 2922 11 00, ex 2922 12 00 u 2922 13 10.

3.   Miżuri eżistenti

Il-miżuri li hemm bħalissa fis-seħħ huma dazju definittiv ta' anti-dumping impost bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 54/2010 (3).

4.   Ir-raġunijiet għar-reviżjoni

It-talba hija msejsa fuq ir-raġuni li l-iskadenza tal-miżuri x’aktarx twassal biex jissokta d-dumping u tissokta l-ħsara għall-industrija tal-Unjoni.

L-allegazzjoni tal-issoktar ta' dumping hija msejsa fuq it-tqabbil ta' prezzijiet domestiċi fil-pajjiż ikkonċernat mal-prezzijiet ta’ esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat għall-Unjoni Ewropea. Abbażi ta' dan, il-marġini tad-dumping ikkalkolat huwa sinifikanti.

L-evidenza prima facie mogħtija mill-applikanti turi li l-volumi u l-prezzijiet tal-prodott importat ikkonċernat komplew ikollhom, fost konsegwenzi oħrajn, impatt negattiv fuq il-livell tal-prezzijiet mitluba mill-industrija tal-Unjoni, u dan irriżulta f'effetti negattivi sostanzjali fuq il-prestazzjoni ġenerali tal-industrija tal-Unjoni.

5.   Proċedura

Wara li ddeterminat, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li hemm biżżejjed provi biex tkun iġġustifikata l-inizjazzjoni ta' reviżjoni tal-iskadenza, il-Kummissjoni b'dan tagħti bidu għal reviżjoni skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

5.1.    Proċedura biex tiġi stabbilita l-probabbiltà ta’ dumping u ħsara

L-investigazzjoni se tiddetermina jekk hux probabbli jew le li l-iskadenza tal-miżuri twassal biex jissokta d-dumping u tissokta l-ħsara.

(a)   Kwestjonarji

Biex tikseb it-tagħrif li tqis meħtieġ għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-industrija tal-Unjoni u lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi fl-Unjoni, lill-esportaturi produtturi magħżula fl-Istati Uniti tal-Amerika u lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ esportaturi produtturi, lill-importaturi magħrufa, lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi, u lill-awtoritajiet tal-pajjiż esportatur ikkonċernat.

(b)   Ġbir ta' informazzjoni u seduti ta’ smigħ

Il-partijiet kollha interessati, b'dan qed jiġu mistiedna jesprimu l-fehmiet tagħhom, jissottomettu informazzjoni barra mit-tweġibiet li taw fil-kwestjonarju u jipprovdu evidenza ta' sostenn. Dan it-tagħrif u dokumenti ta' prova għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fiż-żmien stipulat fil-punt 6(ii).

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista' tisma' lill-partijiet interessati, sakemm dawn iressqu talba li turi li hemm raġunijiet partikolari għaliex għandhom jinstemgħu. Din it-talba għandha ssir fiż-żmien stipulat fil-punt 6(iii).

5.2.    Il-proċedura għall-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni

B'konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku u fil-każ li l-probabbiltà li jissokta d-dumping u li tissokta l-ħsara tiġi kkonfermata, għandu jkun stabbilit jekk iż-żamma tal-miżuri anti-dumping tmurx kontra l-interess tal-Unjoni. Għal din ir-raġuni l-Kummissjoni tista' tibgħat kwestjonarji lill-industrija tal-Unjoni magħrufa, lill-għaqdiet rappreżentattivi tagħhom, lill-utenti rappreżentattivi u lill-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur. Partijiet bħal dawn, inklużi dawk li ma tafx dwarhom il-Kummissjoni, bil-kundizzjoni li jagħtu prova li hemm rabta oġġettiva bejn l-attività tagħhom u l-prodott ikkonċernat, jistgħu, fiż-żmien stipulat fil-punt 6(II), jippreżentaw ruħhom u jipprovdu lill-Kummissjoni bit-tagħrif. Il-partijiet li jkunu aġixxew f'konformità mas-sentenza preċedenti jistgħu jitolbu seduta ta' smigħ, filwaqt li jfissru r-raġunijiet partikolari għala għandhom jinstemgħu, fiż-żmien stipulat fil-punt 6(iii). Ta’ min jinnota li kull tagħrif imressaq skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku se jitqies biss jekk ikun sostnut minn evidenza fattwali fil-mument meta jitressaq.

6.   Limiti ta’ żmien

(i)   Biex il-partijiet jitolbu kwestjonarju

Kull parti interessata li ma kkooperatx fl-investigazzjoni li twassal għall-miżuri soġġetti għar-reviżjoni preżenti għandha titlob kwestjonarju kemm jista' jkun malajr, iżda mhux aktar tard minn 15-il ġurnata wara l-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(ii)   Għall-partijiet li jridu jippreżentaw lilhom infushom, biex jissottomettu t-tweġibiet tal-kwestjonarju u kull informazzjoni oħra

Il-partijiet kollha interessati, jekk ir-rappreżentazzjonijiet tagħhom għandhom jitqiesu matul l-investigazzjoni, għandhom jippreżentaw ruħhom billi jikkuntattjaw lill-Kummissjoni, iressqu l-opinjonijiet tagħhom u jibagħtu t-tweġibiet tal-kwestjonarju jew kull informazzjoni oħra fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Għandha tinġibed l-attenzjoni għall-fatt li l-eżerċizzju tal-biċċa l-kbira tad-drittijiet proċedurali stabbiliti fir-Regolament bażiku tiddependi fuq il-preżentazzjoni tal-parti fil-limitu ta' żmien imsemmi qabel.

(iii)   Seduti ta' smigħ

Il-partijiet kollha interessati jistgħu japplikaw ukoll biex jinstemgħu mill-Kummissjoni fl-istess limitu ta' żmien ta' 37 jum.

7.   Istruzzjonijiet dwar kif għandhom isiru s-sottomissjonijiet bil-miktub u kif għandhom jintbagħtu l-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza

Is-sottomissjonijiet kollha, inkluż it-tagħrif mitlub f’dan l-avviż, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għaliha jintalab trattament kunfidenzjali, għandhom ikunu mmarkati “Ristretti (4)”.

Il-partijiet interessati li jipprovdu tagħrif “Ristrett” huma mitluba jipprovdu taqsiriet mhux kunfidenzjali tiegħu skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, li se jkunu mmarkati “Għal spezzjoni mill-partijiet interessati”. Dawn it-taqsiriet għandhom ikunu dettaljati biżżejjed biex tinftiehem b'mod raġonevoli s-sustanza tat-tagħrif imressaq b’mod kunfidenzjali. Jekk parti interessata li tipprovdi informazzjoni kunfidenzjali ma tipprovdix taqsira mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u l-kwalità mitluba, din l-informazzjoni kunfidenzjali tista’ titwarrab.

Il-partijiet interessati huma mitluba jressqu s-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha f'għamla elettronika (is-sottomissjonijiet mhux kunfidenzjali permezz tal-email, dawk kunfidenzjali fuq CD-R/DVD), u għandhom jindikaw l-isem, l-indirizz tal-e-mail, in-numri tat-telefown u tal-faks tal-parti interessata. Madankollu, kull Prokura, ċertifikazzjonijiet iffirmati, u kull aġġornament tagħhom, li jakkumpanjaw it-tweġibiet tal-kwestjonarju għandhom jiġu sottomessi f'għamla ta' dokument, jiġifieri bil-posta jew bl-idejn, fl-indirizz ta' hawn taħt. Skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament bażiku, jekk parti interessata ma tkunx tista' tipprovdi s-sottomissjonijiet u t-talbiet tagħha f'format elettroniku, hija għandha tgħarraf lill-Kummissjoni b'dan minnufih. Għal aktar informazzjoni dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġna tal-web rilevanti fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/tackling-unfair-trade/trade-defence/

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

Il-Kummissjoni Ewropea

Id-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ

Direttorat H

Uffiċċju: N105 04/092

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Fax +32 22956505

Kuntatt:

 

Għal kwistjonijiet marbuta mad-dumping:

Kaxxa postali tal-każijiet: trade-ethanolamine-dumping@ec.europa.eu

Fax +32 22980450

 

Għal kwistjonijiet marbuta mal-ħsara:

Kaxxa postali tal-każijiet: trade-ethanolamine-injury@ec.europa.eu

Fax +32 22980765

8.   Nuqqas ta' kooperazzjoni

F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess jew ma tipprovdix l-informazzjoni meħtieġa fil-limitu ta' żmien, jew tfixkel l-investigazzjoni b’mod sinifikanti, is-sejbiet, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru f'konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, abbażi tal-fatti disponibbli.

Fejn jinstab li xi parti interessata tkun tat informazzjoni falza jew qarrieqa, din l-informazzjoni għandha titwarrab u jista’ jsir użu mill-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera biss b’mod parzjali, u jsir użu mill-fatti disponibbli, ir-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku kkooperat.

9.   L-iskeda tal-investigazzjoni

L-investigazzjoni għandha tiġi konkluża, skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament bażiku, fi żmien 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

10.   Il-possibbiltà li tintalab reviżjoni skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku

Peress li din ir-reviżjoni tal-iskadenza tnediet f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, is-sejbiet tagħha mhux se jwasslu biex il-livell tal-miżuri eżistenti jiġi emendat iżda biex dawn il-miżuri jiġu rrevokati jew miżmuma f'konformità mal-Artikolu 11(6) tar-Regolament bażiku.

Jekk xi parti fil-proċediment tqis li tkun meħtieġa reviżjoni tal-livell tal-miżuri biex tippermetti l-possibbiltà li jiġi emendat (jiġifieri miżjud jew imnaqqas) il-livell tal-miżuri, dik il-parti tista' titlob reviżjoni skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku.

Il-partijiet li jkunu jixtiequ jitolbu tali reviżjoni, li ssir indipendentement mir-reviżjoni tal-iskadenza msemmija f'din in-notifika, jistgħu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fl-indirizz mogħti hawn fuq.

11.   L-ipproċessar ta' dejta personali

Jekk jogħġbok kun af li kull dejta personali miġbura f'din l-investigazzjoni se tkun ittrattata f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta (5).

12.   L-Uffiċjal tas-Seduta ta' Smigħ

Ta' min jinnota wkoll, li jekk il-partijiet interessati jqisu li qed jiltaqgħu ma' diffikultajiet fl-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom għal difiża, dawn jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta ta' Smigħ tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ. Dan jaġixxi bħala punt ta' interazzjoni bejn il-partijiet interessati u s-servizzi tal-Kummissjoni, u joffri, fejn meħtieġ, il-medjazzjoni dwar kwistjonijiet proċedurali li jaffettwaw il-ħarsien tal-interessi tagħhom f'dan il-proċediment, partikolarment fir-rigward ta' kwistjonijiet relatati mal-aċċess għall-fajl, mal-kunfidenzjalità, mal-estensjoni tal-limiti taż-żmien u mat-trattament tas-sottomissjonijiet tal-fehmiet bil-miktub u/jew bil-fomm. Għal aktar informazzjoni u dettalji ta' kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni tal-internet tal-Uffiċjal tas-Seduti ta' Smigħ fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ (http://ec.europa.eu/trade/tackling-unfair-trade/hearing-officer/index_en.htm).


(1)  ĠU C 79, 12.3.2011, p. 20.

(2)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(3)  ĠU L 17, 22.1.2010, p. 1.

(4)  Dokument “Ristrett” huwa dokument li jitqies bħala kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51) u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (Ftehim dwar l-Anti-dumping). Dan hu wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(5)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


Top