Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011XG1220(07)

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-immodernizzar tal-edukazzjoni għolja

ĠU C 372, 20.12.2011, p. 36–41 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

20.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 372/36


Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-immodernizzar tal-edukazzjoni għolja

2011/C 372/09

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

BILLI

1.

Is-sistemi ta’ edukazzjoni għolja għandhom rwol kruċjali fil-ħolqien tal-għarfien li jsejjes l-iżvilupp uman u soċjetali u l-promozzjoni ta’ ċittadinanza attiva.

2.

L-Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv adottata f'Ġunju 2010 (1) tistabbilixxi l-objettiv li ttejjeb il-livelli tal-edukazzjoni, b'mod partikolari billi żżid il-proporzjon ta’ żgħażagħ li jkunu temmew b'suċċess l-edukazzjoni terzjarja jew ta’ livell ekwivalenti sa mill-inqas 40 % sal-2020.

3.

Id-Dikjarazzjoni ta’ Bologna tad-19 ta’ Ġunju 1999 stabbilixxiet proċess intergovernattiv immirat lejn il-ħolqien ta’ Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni Għolja li hija appoġġata b'mod attiv mill-Unjoni Ewropea, u l-Ministri responsabbli għall-edukazzjoni għolja fil-pajjiżi parteċipanti, imlaqqgħin f'Leuven u Louvain-la-Neuve fit-28 u d-29 ta’ April 2009, appellaw biex l-istituzzjonijiet għall-edukazzjoni għolja (2) jimmodernizzaw aktar l-attivitajiet tagħhom fil-perijodu sal-2020.

4.

Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/114/KE tat-13 ta’ Diċembru 2004 ddeterminat il-kondizzjonijiet u r-regoli ta’ ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fit-territorju tal-Istati Membri għal perijodu ta’ iktar minn tliet xhur għal skopijiet ta’ studju, skambju ta’ studenti, taħriġ bla ħlas jew servizz volontarju (3).

5.

Id-Direttiva tal-Kunsill 2005/71/KE tat-12 ta’ Ottubru 2005 stipulat il-kondizzjonijiet għall-ammissjoni ta’ riċerkaturi ta’ pajjiżi terzi fl-Istati Membri għal iktar minn tliet xhur proġett ta’ riċerka taħt ftehim ta’ akkoljenza ma’ xi organizzazzjoni ta’ riċerka (4).

6.

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Novembru 2007 dwar l-immodernizzar tal-universitajiet għall-kompetittività tal-Ewropa f'ekonomija tal-konoxxenza globali (5) stiednet lill-Istati Membri biex jippromwovu l-internazzjonalizzazzjoni tal-istituzzjonijiet għall-edukazzjoni għolja billi jinkoraġġixxu l-assigurazzjoni tal-kwalità permezz ta’ evalwazzjoni indipendenti u reviżjoni bejn il-pari ta’ universitajiet, filwaqt li jsaħħu l-mobbiltà, jippromwovu l-użu ta’ diplomi konġunti u doppji u jiffaċilitaw ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki u perijodi ta’ studju.

7.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta’ Mejju 2009 dwar dwar qafas strateġiku għal kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (6) iddikjaraw li sabiex jiġu appoġġati l-isforzi tal-Istati Membri biex tiġi mmodernizzata l-edukazzjoni għolja u tiġi żviluppata Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni Għolja, wieħed għandu jimmira għal sinerġija mill-qrib mal-proċess ta’ Bologna, b'mod partikolari fir-rigward tal-assigurazzjoni tal-kwalità, l-għarfien, il-mobbiltà u l-istrumenti ta’ trasparenza.

8.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, tas-26 ta’ Novembru 2009 dwar l-iżviluppar tar-rwol tal-edukazzjoni fi trijanglu tal-għarfien li jiffunzjona kompletament (7) identifikaw il-ħtieġa għal aktar riforma fil-governanza u l-istrutturi ta’ finanzjament tal-universitajiet li tippermetti aktar awtonomija u responsabbiltà sabiex tiffaċilita fluss ta’ dħul aktar diversifikat u kollaborazzjoni aktar effettiva mad-dinja tal-kummerċ u tipprovdi lill-universitajiet bit-tagħmir sabiex jipparteċipaw fit-trijanglu tal-għarfien fuq skala globali.

9.

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2010 dwar l-internazzjonalizzazzjoni tal-edukazzjoni għolja (8) stiednu lill-Kummissjoni biex tiżviluppa strateġija internazzjonali tal-UE dwar l-edukazzjoni għolja li għandha l-għan li ttejjeb il-koerenza u l-komplementarjetà bejn inizjattivi eżistenti ta’ kooperazzjoni internazzjonali kemm fil-livell tal-UE kif ukoll dak nazzjonali, u li ser tkompli tippromwovi l-attrattività tal-edukazzjoni għolja Ewropea, ir-riċerka u l-innovazzjoni fl-attivitajiet esterni tal-UE.

10.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-7 ta’ Ġunju 2010 dwar ħiliet ġodda għal impjiegi ġodda: it-triq 'il quddiem (9) tissottolinja il-ħtieġa li jiġi promoss it-tkabbir inklussiv u li tingħata għajnuna lin-nies ta’ kull età biex tiġi antiċipata u ġestita l-bidla billi jingħatawlhom l-ħiliet u l-kompetenzi t-tajba.

11.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2010 dwar l-inizjattiva Żgħażagħ f'Moviment  (10) appellaw għal sforzi biex titjieb il-kwalità u l-attrattività ta’ edukazzjoni fil-livelli kollha, partikolarment fl-edukazzjoni għolja.

12.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2010 dwar l-Unjoni tal-Innovazzjoni għall-Ewropa (11) saħqu dwar l-importanza li tingħata prijorità lill-investiment fl-edukazzjoni, it-taħriġ u r-riċerka, u li jsir użu sħiħ mill-kapital intellettwali tal-Ewropa sabiex jiġu żgurati l-kompetittività u t-tkabbir fit-tul.

13.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-4 ta’ Frar 2011 appellaw għall-implimentazzjoni ta’ approċċ strateġiku u integrat biex tingħata spinta lill-innovazzjoni u jittieħed vantaġġ sħiħ mill-kapital intellettwali tal-Ewropa, għall-benefiċċju taċ-ċittadini, il-kumpanniji - b'mod partikolari l-SMEs - u r-riċerkaturi (12).

14.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta’ Frar 2011 dwar ir-rwol tal-edukazzjoni u t-taħriġ fl-implimentazzjoni tal-istrateġija Ewropa 2020  (13) enfasizzaw li l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja għandhom ifittxu li jtejbu l-kwalità u r-rilevanza tal-korsijiet li joffru, sabiex iħeġġu firxa aktar wiesgħa ta’ ċittadini jidħlu fl-edukazzjoni għolja, u li għandha tiġi promossa kooperazzjoni msaħħa bejn l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja, l-istituti tar-riċerka u l-intrapriżi bil-għan li jissaħħaħ it-trijangolu tal-għarfien bħala l-bażi għal ekonomija iktar innovattiva u kreattiva.

15.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 2011 dwar il-Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom sal-2020 (14) stiednu lill-Istati Membri biex jistabbilixxu jew ikomplu jaħdmu favur l-għanijiet tagħhom li jistgħu jiffokaw għat-tisħiħ ta’ aċċess ugwali fil-prattika għall-edukazzjoni ta’ kwalita', inkluż l-edukazzjoni għolja.

16.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2011 dwar l-iżvilupp taż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER) permezz ta’ gruppi relatati maż-ŻER (15), innotaw li l-progress konsiderevoli li nkiseb fl-implimentazzjoni taż-ŻER għandu jirriżulta f'kontinwazzjoni tal-approċċ komprensiv u strateġiku biex jittieħed vantaġġ sħiħ mill-kapital intellettwali tal-Ewropa.

17.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-28 ta’ Ġunju 2011: Żgħażagħ f'Moviment – il-promozzjoni tal-mobbiltà fit-tagħlim taż-żgħażagħ (16) innutat li l-mobbiltà fit-tagħlim tista' tagħmel is-sistemi u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ aktar miftuħa, aktar Ewropej u internazzjonali, aktar aċċessibbli u aktar effiċjenti. Hija tista' ttejjeb ukoll il-kompetittività tal-Ewropa billi tgħin fil-bini ta’ soċjetà ffukata fuq l-għarfien.

18.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2011 dwar punt ta’ riferiment dwar il-mobbiltà għat-tagħlim li jfittxu li jżidu l-parteċipazzjoni tal-istudenti ta’ edukazzjoni għolja fil-mobbiltà ta’ tagħlim u jistabbilixxu limiti kwantitattivi u kwalitattivi biex jitkejlu l-perijodi ta’ studju jew taħriġ barra mill-pajjiż.

19.

L-Unjoni Ewropea għandha tradizzjoni twila ta’ kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi bbażata fuq sett ta’ linji ta’ politika u strumenti li fiha l-edukazzjoni għolja għandha rwol dejjem akbar. Il-kooperazzjoni fl-edukazzjoni għolja għandha prominenza wkoll f'oqfsa ta’ kooperazzjoni multilaterali bħas-Sħubija tal-Lvant, l-Unjoni għall-Mediterran jew id-Dimensjoni tat-Tramuntana u mal-Balkani tal-Punent.

FID-DAWL TA'

1.

L-ewwel konferenza ministerjali taż-ŻER dwar Kapital Intellettwali - Impatt Kreattiv li saret f'Sopot fl-20 ta’ Lulju 2011, li enfasizzat ir-rwol li l-universitajiet għandhom f'dinja globalizzata bħala sors vitali ta’ għarfien u ħsieb innovattiv, speċjalment fir-rigward ta’ oqsma strateġiċi ta’ riċerka ffokata dwar sfidi kontemporanji.

2.

Il-konferenza tal-Presidenza dwar il-Modernizzazzjoni tal-Edukazzjoni Għolja li saret f'Sopot mill-24 sal-25 ta’ Ottubru 2011, li ssottolinjat il-ħtieġa għal modernizzazzjoni tas-sistemi tal-edukazzjoni għolja, speċjalment fid-dawl tal-isfidi kurrenti bħal kompetizzjoni globali u tendenzi demografiċi.

JILQA'

Il-Komunikazzjoni tal-20 ta’ Settembru 2011 mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni — Insostnu t-tkabbir u l-impjiegi — aġenda għall-immodernizzar tas-sistemi ta’ edukazzjoni għolja fl-Ewropa  (17).

JAGHRAF LI

1.

Fil-klima ekonomika attwali, l-edukazzjoni għolja (inkluż l-edukazzjoni u t-taħriġ terzjarju vokazzjonali) — permezz tar-rabtiet tagħha mar-riċerka u l-innovazzjoni, għandha rwol kruċjali biex tipprovdi l-kapital uman b'ħiliet speċjalizzati u tippromwovi r-riċerka essenzjali li l-Ewropa teħtieġ fl-ispinta tagħha lejn impjiegi siguri, tkabbir ekonomiku u prosperità.

2.

Il-kwalifiki tal-persuni ggradwati mhux dejjem jaqblu mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u tas-soċjetà. Min iħaddem, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll fil-privat, qed jirrapporta dejjem aktar nuqqas ta’ qbil u diffikultà biex isib il-persuni adatti għall-bżonnijiet li qed jevolvu tal-ekonomija tal-għarfien.

3.

L-Ewropa teħtieġ numru ferm ikbar ta’ riċerkaturi mħarrġa u riċerkaturi bl-esperjenza barra l-università, inkluż fis-settur privat, biex l-ekonomiji tagħha jsiru aktar intensivi fir-riċerka u b'hekk jagħtu spinta lill-innovazzjoni u l-kompetittività.

4.

Il-parteċipazzjoni dejjem usa' fl-edukazzjoni għolja teħtieġ attenzjoni akbar għall-isfidi marbuta mal-kwalità u d-diversità.

5.

Il-forza tal-istituzzjonijiet Ewropej għall-edukazzjoni għolja tinsab fid-diversità tagħhom, fl-għoti ta’ edukazzjoni u riċerka ta’ kwalità għolja, sostenibbli u rilevanti, u fir-rabta bejn l-awtonomija istituzzjonali, ir-responsabbiltà quddiem il-partijiet interessati kollha, u fil-kapaċità ta’ adattament għaċ-ċirkostanzi li qed jinbidlu. Minbarra ż-żewġ missjonijiet tradizzjonali tagħhom ta’ tagħlim u riċerka, qed tiżdied l-importanza ta’ tielet missjoni li torbot l-istituzzjonijiet u s-settur tan-negozju, inkluż fil-livell reġjonali, u tal-inklużjoni tar-responsabbiltà soċjali.

6.

Madankollu, il-potenzjal tal-istituzzjonijiet Ewropej għall-edukazzjoni għolja li jissodisfaw ir-rwol tagħhom fis-soċjetà u jikkontribwixxu għall-prosperità tal-Ewropa għadu mhuwiex sfruttat biżżejjed: l-Ewropa qed tibqa' lura fil-kompetizzjoni globali għall-għarfien u t-talent, filwaqt li l-ekonomiji li jixirfu qegħdin iżidu b'rata mgħaġġla l-investiment tagħhom fl-edukazzjoni għolja.

7.

Fl-istess ħin, l-istituzzjonijiet għall-edukazzjoni għolja wisq ta’ spiss ifittxu li jikkompetu f'numru wisq kbir ta’ oqsma, filwaqt li huwa biss numru żgħir minnhom li jikseb l-eċċellenza f'oqsma speċifiċi fejn il-kompetizzjoni globali hija b'saħħitha.

8.

B'hekk jeħtieġ li l-istituzzjonijiet għall-edukazzjoni għolja jkomplu jwettqu riformi interni bbażati fuq l-għażla tal-missjonijiet istituzzjonali marbuta mat-tipi ta’ kapital intellettwali li jirrappreżentaw u l-opportunitajiet li jiddefinixxu ruħhom meta mqabbla ma’ istituzzjonijiet nazzjonali oħra.

9.

Hija meħtiega awtonomija istituzzjonali biex tiġi promossa d-diversità istituzzjonali fis-sistemi nazzjonali tal-edukazzjoni għolja: jeħtieg li jiġu diversifikati r-rwoli u l-missjonijiet istituzzjonali biex tiġi promossa l-eċċellenza fl-istituzzjonijiet għall-edukazzjoni għolja.

JAQBEL LI:

1.

Ir-responsabbiltà ewlenija għat-twettiq u l-appoġġ ta’ riformi fl-edukazzjoni għolja hija tal-Istati Membri u tal-istituzzjonijiet edukattivi nfushom. Madankollu, il-Proċess ta’ Bologna u l-iżvilupp konsegwenti taż-Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni Għolja, l-aġenda tal-UE għall-immodernizzar tas-sistemi ta’ edukazzjoni għolja u l-ħolqien ta’ Żona Ewropea tar-Riċerka juru li l-isfidi u r-risponsi ta’ politika meħtieġa jmorru lil hinn mill-fruntieri nazzjonali u li l-kooperazzjoni Ewropea għandha kontribut siewi x'tagħti f'termini ta’ appoġġ ta’ finanzjament, analiżi tal-politika bbażata fuq l-evidenza u l-iskambju tal-aħjar prassi.

2.

Il-kwalità u r-rilevanza tal-edukazzjoni għolja huma kondizzjoni ċentrali biex jittieħed vantaġġ sħiħ mill-kapital intellettwali tal-Ewropa.

3.

Il-kwalità tal-edukazzjoni u r-riċerka hija mutur ewlieni tal-immodernizzar b'suċċess tas-sistemi tal-edukazzjoni għolja fl-Ewropa.

4.

It-tisħiħ tat-trijangolu tal-għarfien bejn l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni huwa kondizzjoni ewlenija biex l-edukazzjoni għolja tkun tista' tikkontribwixxi għall-impjiegi u t-tkabbir, biex jiġu rriformati l-governanza u l-istrutturi ta’ finanzjament, u biex tissaħħaħ l-attrattività internazzjonali tagħha.

5.

L-iżvilupp taż-Żona Ewropea tar-Riċerka jżid il-komplementarjetà bejn is-sistemi nazzjonali sabiex tissaħħaħ il-kosteffettività tal-investiment fir-riċerka u jiġu intensifikati l-iskambji u l-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet li jikkollaboraw fit-trijangolu tal-għarfien.

6.

Il-mobbiltà internazzjonali tal-istudenti, ir-riċerkaturi u l-persunal, li ssaħħet bit-tnedija taż-Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni Għolja, għandha impatt pożittiv fuq il-kwalità u taffettwa l-oqsma priniċipali kollha ta’ riforma. Madankollu, tista' timponi wkoll sfidi fuq xi sistemi tal-edukazzjoni li jirċievu flussi sostanzjali ta’ studenti, jew għal dawk il-pajjiżi mhedda minn “eżodu ta’ mħuħ” li jirriżulta f'ħafna nies b'talenti li jagħżlu jistudjaw barra, u jibqgħu hemm.

7.

L-attrazzjoni tal-aħjar studenti, akkademiċi u riċerkaturi minn barra l-UE u l-iżvilupp ta’ forom ġodda ta’ kooparazzjoni transkonfinali huma l-kondizzjonijiet ewlenin biex iż-Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni Għolja u ż-Żona Ewropea tar-Riċerka jsiru destinazzjonijiet attraenti fit-tellieqa globali għall-għarfien u t-talent.

8.

F'termini ta’ titjib tal-kwalità u r-rilevanza tal-edukazzjoni għolja huwa essenzjali li jiġu involuti min iħaddem u partijiet interessati oħra fit-tfassil u t-twettiq tal-programmi.

9.

L-investiment pubbliku, appoġġat minn sorsi addizzjonali ta’ finanzjament, għandu jibqa' l-bażi għal edukazzjoni għolja sostenibbli, speċjalment fid-dawl tal-kriżi finanzjarja attwali fl-Ewropa.

GĦALDAQSTANT JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI - F'KONFORMITÀ MAL-PRATTIKA NAZZJONALI - BIEX JAĦDMU MAL-ISTITUZZJONIJIET TA' EDUKAZZJONI GĦOLJA, WAQT LI JIRRIKONOXXU L-AWTONOMIJA TAGĦHOM, KIF UKOLL MAL-PARTIJIET INTERESSATI RILEVANTI KOLLHA, SABIEX:

1.

Iżidu l-isforzi sabiex jiżdiedu l-livelli tal-kwalifiki fl-edukazzjoni għolja biex tinkiseb il-mira ewlenija tal-Europa 2020 fl-edukazzjoni ta’ 40 % ta’ min għandu bejn 30 u 34 sena fl-UE li temmew l-edukazzjoni terzjarja jew ta’ livell ekwivalenti, fid-dawl tal-istima li — sal-2020 — 35 % tal-impjiegi kollha fl-UE ser jirrekjedi kwalifiki għoljin (18).

2.

Jiżviluppaw rotot ċari ta’ progressjoni fl-edukazzjoni għolja mill-edukazzjoni vokazzjonali u tipi oħra ta’ edukazzjoni, kif ukoll mekkaniżmi għar-rikonoxximent qabel it-tagħlim u l-esperjenza miksuba barra mill-edukazzjoni u t-taħriġ formali, speċjalment billi jiġu indirizzati sfidi relatati mal-implimentazzjoni u l-użu ta’ oqfsa ta’ kwalifiki nazzjonali marbuta mal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki.

3.

Jippromwovu l-iżvilupp sistematiku ta’ strateġiji effettivi sabiex jiġi żgurat aċċess għall-gruppi żvantaġġati u sottorappreżentati, speċjalment billi jtejbu l-involviment u jipprovdu informazzjoni aktar trasparenti dwar l-opportunitajiet u l-eżiti fil-qasam tal-edukazzjoni, kif ukoll gwida aħjar sabiex tiġi żgurata l-għażla t-tajba tal-istudju.

4.

Iżidu l-isforzi sabiex jiġu mminimizzati r-rati ta’ tluq bikri mill-edukazzjoni għolja billi tittejjeb il-kwalità, ir-rilevanza, l-attrattività tal-korsijiet, b'mod partikolari permezz ta’ tagħlim iċċentrat fuq l-istudent u billi jiġu pprovduti appoġġ, gwida u pariri qabel id-dħul.

5.

Jiżguraw li s-sostenn finanzjarju mmirat jilħaq lil studenti potenzjali minn kuntesti soċjali bi dħul aktar baxx.

6.

Iħeġġu l-użu tal-previżjonijiet tal-ħiliet u tat-tkabbir u ta’ data dwar l-impjieg tal-gradwati (inkluż il-monitoraġġ tal-eżiti tal-gradwati fil-qasam tal-impjieg) fit-tfassil, it-twettiq u l-evalwazzjoni tal-korsijiet, kif ukoll biex iħeġġu aktar flessibbiltà meta jfasslu l-programmi ta’ studju, inkluż toroq ta’ tagħlim interdixxiplinari, bil-ħsieb li tiżdied il-possibbiltà li l-persuni ggradwati jsibu impjieg.

7.

Iħeġġu l-adozzjoni ta’ approċċi ċċentrati fuq l-istudent fil-qasam tat-tagħlim mogħti u dak miksub, b'rikonoxximent tal-ħtiġijiet ta’ korp vast tal-istudenti u bil-promozzjoni ta’ varjetà akbar ta’ moduli ta’ studju, inkluż billi jsir użu effettiv tal-ICTs.

8.

Iħeġġu l-istituzzjonijiet għall-edukazzjoni għolja jinvestu fl-iżvilupp professjonali kontinwu tal-persunal tagħhom u jippremjaw l-eċċellenza fit-tagħlim.

9.

Jittrattaw l-istereotipar u jkissru l-ostakoli li għadhom qed jiffaċċjaw in-nisa biex jilħqu l-ogħla livelli fl-edukazzjoni u r-riċerka postlawrja — speċjalment f'ċerti dixxiplini u f'pożizzjonijiet ta’ tmexxija — sabiex jiġi liberat t-talent li ma ġiex użat.

10.

Jortbu, fejn rilevanti u adatt, il-finanzjament nazzjonali għall-programmi ta’ dottorati mal-Prinċipji dwar it-Taħriġ Innovattiv għad-Dottorat (19), u jappoġġaw l-iżvilupp ta’ opportunitajiet ta’ karrieri fir-riċerka.

11.

Jistimolaw l-iżvilupp ta’ ħiliet imprenditorjali, kreattivi u innovattivi fid-dixxiplini kollha u fiċ-ċikli kollha, u jippromwovu l-innovazzjoni fl-edukazzjoni għolja permezz ta’ ambjenti ta’ tagħlim aktar interattivi u infrastruttura msaħħa għat-trasferiment tal-għarfien.

12.

Iħeġġu, fejn rilevanti, rwol akbar għar-riċerka interdixxiplinari fl-istituzzjonijiet tal-edukazzjonijiet għolja, kif ukoll isaħħu l-interkonnessjonijiet bejn l-edukazzjoni għolja u r-riċerka, sabiex it-trijangolu tal-għarfien jiffunzjona b'mod aktar effiċjenti.

13.

Minbarra l-missjonijiet edukattivi u ta’ riċerka tal-edukazzjoni għolja, iħeġġu l-iżvilupp ulterjuri ta’ attivitajiet tat-tielet livell bħall-kondiviżjoni tal-għarfien u l-innovazzjoni, l-impenn fil-komunità, it-tagħlim tul il-ħajja u r-rilevanza għall-iżvilupp reġjonali u lokali.

14.

Iħeġġu s-sħubija u l-kooperazzjoni man-negozji, pereżempju permezz ta’ strutturi ta’ kumpens, internships u possibbiltajiet ta’ taħriġ fil-post tax-xogħol, inċentivi għall-kooperazzjoni multidixxiplinari u bejn l-organizzazzjonijiet, u t-tnaqqis ta’ ostakoli regolatorji u amministrattivi għas-sħubiji bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja u partijiet interessati pubbliċi u privati oħra. It-trasferiment effettiv tal-għarfien lejn is-suq, u f'dan il-kuntest il-kontinwità bejn ir-riċerka bażika u r-riċerka applikata, jista' jinkiseb bl-implimentazzjoni ta’ linji ta’ politika pubbliċi li jsaħħu s-sħubiji bejn firxa wiesgħa ta’ entitajiet.

15.

Isaħħu r-rabtiet bejn l-istituzzjonijiet għall-edukazzjoni għolja, min iħaddem u l-istituzzjonijiet tas-suq tax-xogħol sabiex jittieħed kont aktar tal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol fil-programmi ta’ studju, biex jitqabblu aħjar il-ħiliet u l-impjiegi, u biex jiġu żviluppati linji ta’ politika attivi fil-qasam tas-suq tax-xogħol bil-għan li jiġi promossu l-impjiegi għall-persuni li ggradwaw.

16.

Isaħħu l-kwalità permezz tal-mobbiltà u l-kooperazzjoni transkonfinali, inkluż billi:

a.

il-mobbiltà għat-tagħlim tinbena b'mod aktar sistematiku fil-kurrikula, fejn adatt, u jiġi żgurat ir-rikonoxximent effiċjenti tal-krediti miksuba barra mill-pajjiż permezz tal-użu effettiv ta’ għodod ta’ trasparenza bħas-Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta’ Krediti (ECTS), is-Suppliment tad-Diploma, assigurazzjoni tal-kwalità u l-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki;

b.

jitneħħew l-ostakoli żejda biex wieħed ibiddel istituzzjoni bejn il-livell ta’ baċellerat u dak ta’ masters u għall-kooperazzjoni u l-iskambji transkonfinali;

c.

jittejbu l-aċċess, il-kondizzjonijiet tal-impjieg u l-opportunitajiet ta’ progressjoni għall-istudenti, ir-riċerkaturi u l-għalliema minn pajjiżi mhux imsieħba mal-UE, inkluż — fejn possibbli — billi jiġu riżolti kwistjonijiet amministrattivi li joħolqu diffikultajiet għall-kisba tal-viżi;

d.

jiġi żgurat li s-sistemi tal-assigurazzjoni tal-kwalità jkopru b'mod adegwat l-edukazzjoni bi franchising;

e.

tiġi promossa kooperazzjoni istituzzjonali usa', inkluż bl-iżvilupp ta’ korsijiet li jwasslu għal lawrji konġunti u doppji.

17.

Iħeġġu governanza u sistemi ta’ finanzjament aktar flessibbli fl-istituzzjonijiet għall-edukazzjoni għolja, inklużi mekkaniżmi marbuta mal-prestazzjoni u l-kompetizzjoni, kif ukoll jippromwovu l-professjonalizzazzjoni tal-amministrazzjoni interna.

18.

Jiffaċilitaw l-aċċess għal sorsi ta’ finanzjament alternattivi, inkluż — fejn adatt — billi jintużaw il-fondi pubblici biex jiġi mobilizzat l-investiment privat u investiment pubbliku iehor.

JILQA' L-INTENZJONI TAL-KUMMISSJONI BIEX

1.

Tappoġġa lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom għal riforma tas-sistemi ta’ edukazzjoni għolja tagħhom, bl-użu sħiħ tal-programmi tal-UE fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ u permezz ta’ bażi mtejba ta’ evidenza, analiżi dettaljata u trasparenza akbar, inkluż billi:

a.

tiżviluppa, f'konsultazzjoni ma’ partijiet interessati rilevanti, għodda ta’ trasparenza indipendenti, ibbażata fuq il-prestazzjoni għall-profil tal-istituzzjonijiet għall-edukazzjoni għolja (“U-Multirank”), li tqis l-ispeċifiċità tas-sistemi nazzjonali ta’ edukazzjoni għolja u tagħraf id-diversità tal-istituzzjonijiet għall-edukazzjoni għolja fl-Ewropa kollha, kif ukoll tippermetti li jinħolqu klassifikazzjonijiet multidimensjonali individwalizza;

b.

tkompli tiżviluppa edukazzjoni għolja aħjar u intelligence aħjar dwar is-suq tax-xogħol, b'mod partikolari billi ttejjeb id-data dwar il-mobbiltà fit-tagħlim u l-eżiti tal-impjiegi marbuta mal-edukazzjoni għolja Ewropea (b'operat fil-qafas tar-riżorsi disponibbli u b'minimizzar tal-piżijiet amministrattivi), u billi tipprovdi gwida speċifika dwar iż-żieda fil-livell tal-ħiliet bażiċi u trasversali u kif jingħeleb in-nuqqas ta’ tqabbil tal-ħiliet;

c.

tanalizza l-impatt tal-approċċi ta’ finanzjament differenti lejn id-diversifikazzjoni, l-effiċjenza u l-ekwità tas-sistemi ta’ edukazzjoni għolja, kif ukoll fuq il-mobbiltà tal-istudenti;

d.

tistabbilixxi grupp ta’ esperti ta’ livell għoli biex janalizza s-suġġetti ewlenin għall-immodernizzar tal-edukazzjoni għolja, u jibda billi jippromwovi l-eċċellenza fit-tagħlim, bil-ħsieb li dan jirrapporta lura fl-2013.

2.

Tiffaċilita ż-żieda fil-mobbiltà fit-tagħlim billi ssaħħaħ l-ECTS u l-mekkaniżmi ta’ assigurazzjoni tal-kwalità, bil-ħsieb li jittejjeb ir-rikonoxximent.

3.

Tipproponi, mingħajr preġudizzju għan-negozjati li ġejjin dwar il-programm futur tal-UE fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ, skema ta’ mobbiltà tal-Erasmus, fil-Livell ta’ Masters biex tippromwovi l-mobbiltà, l-eċċellenza u l-aċċess għal finanzjament aċċessibbli għall-istudenti li qed jistudjaw għall-Masters fi Stat Membru ieħor, irrispettivament mill-isfond soċjali tagħhom.

4.

Tappoġġa l-analiżi tal-flussi ta’ mobbiltà u tal-iżviluppi fl-edukazzjoni bi franchising.

5.

Tippromwovi, flimkien mal-Istati Membri, l-iżvilupp koerenti taż-Żona Ewropea tar-Riċerka u taż-Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni Għolja, u tfittex li ssaħħaħ is-sinerġiji bejn l-UE u l-Proċess ta’ Bologna, inkluż permezz tal-użu tal-programm għal wara l-2013 fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ, bil-ħsieb li tikkontribwixxi għall-mira ta’ mobbiltà ta’ Bologna u tal-UE ta’ 20 %.

6.

Tkompli tiżviluppa l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) billi tadotta l-proposta għal aġenda strateġika ġdida ta’ innovazzjoni li tfassal il-futur tal-EIT, il-prijoritajiet tiegħu u l-proposti għal KICs ġodda li għandhom jitnedew, speċjalment sabiex jiżdied il-potenzjal tal-innovazzjoni tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja f'kooperazzjoni man-negozju.

7.

Tappoġġja l-implimentazzjoni ta’ proċeduri ta’ reklutaġġ miftuħa u trasparenti u trawwem mobbiltà transkonfinali u trans-settorjali tar-riċerkaturi billi tippromwovi l-Qafas Ewropew għall-Karrieri fir-Riċerka u l-inizjattiva Ewropea EURAXESS –Riċerkaturi f'moviment  (20).

8.

Issaħħaħ - fi ħdan l-azzjonijiet Marie Curie - l-iskemi ta’ mobbiltà mmirati għall-istudenti ta’ dottorat, inkluż appoġġ għar-riintegrazzjoni u promozzjoni ta’ skema ta’ Dottorati Industrijali Ewropej sabiex tappoġġa r-riċerka applikata.

9.

Tipproponi qafas ta’ kwalità ghall-apprendistati biex tgħin lill-istudenti u lill-gradwati jakkwistaw l-għarfien prattiku meħtieg għall-post tax-xogħol u jiksbu aktar postijiet ta’ apprendistat ta’ kwalità aħjar.

10.

Tippromwovi l-UE bħala destinazzjoni għall-istudju u r-riċerka għall-akbar talenti fid-dinja, filwaqt li tirrikonixxi d-diversità tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, u tiżviluppa relazzjonijiet fil-qasam tal-edukazzjoni għolja ma’ msieħba barra mill-Unjoni, bil-ħsieb li ssaħħaħ is-sistemi nazzjonali tal-edukazzjoni għolja, id-djalogu ta’ politika, il-mobbiltà u r-rikonoxximent akkademiku, inkluż permezz tal-Istrateġija tat-Tkabbir, il-Politika Ewropea tal-Viċinat, is-Sħubija tal-Lvant, is-sħubija Ewro-Mediterranja, il-kooperazzjoni mal-Balkani tal-Punent, l-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni, u l-Forum Politiku ta’ Bologna.

11.

Tiżviluppa strateġija internazzjonali tal-UE dwar l-edukazzjoni għolja sabiex jintlaħqu aħjar l-miri msemmija hawn fuq, jiżdied l-involviment u l-viżibbiltà internazzjonali, kif ukoll jinvolvu impenn mas-sħab bil-ħsieb ta’ tisħiħ tar-relazzjonijiet u l-bini tal-kapaċità fis-settur tal-edukazzjoni għolja.

12.

Issaħħaħ l-impatt fit-tul tal-finanzjament tal-UE għall-immodernizzar tal-edukazzjoni għolja permezz ta’ komplementarjetà mtejba bejn strumenti ta’ finanzjament differenti, b'mod partikolari l-programm futur tal-UE fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ, il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni Horizon 2020 u l-istrumenti tal-Politika Ewropea ta’ Koeżjoni.


(1)  EUCO 13/10.

(2)  Sabiex jitqiesu d-diversità lingwistika u t-tradizzjonijiet u l-prattiki nazzjonali, qed jintuża dan it-terminu biex ikopri l-istituzzjonijiet kollha ta’ edukazzjoni terzjarja, inklużi l-universitajiet, l-universitajiet tax-xjenza applikata, l-istituti tat-teknoloġija, l-iskejjel terzjarji, l-iskejjel tal-kummerċ, l-iskejjel tal-inġinerija, l-IUT, il-kulleġġi tal-edukazzjoni għolja, l-iskejjel professjonali, il-politekniċi, l-akkademji, eċċ.

(3)  ĠU L 375, 23.12.2004, p. 12.

(4)  ĠU L 289, 3.11.2005, p. 15.

(5)  16096/1/07 REV 1.

(6)  ĠU C 119, 28.5.2009, p. 2.

(7)  ĠU C 302, 12.12.2009, p. 3.

(8)  ĠU C 135, 26.5.2010, p. 13.

(9)  Dok. 10841/10.

(10)  ĠU C 326, 31.12.2010, p. 9.

(11)  Dok. 17165/10.

(12)  EUCO 2/11, p. 6, paragrafu 16.

(13)  ĠU C 70, 4.3.2011, p. 1.

(14)  Dok. 10658/11.

(15)  11032/11.

(16)  ĠU C 199, 7.7.2011, p. 1.

(17)  Dok. 14198/11 + ADD 1.

(18)  Rapport tas-Cedefop tal-2010.

(19)  Rapport adottat mill-Grupp ta’ Tmexxija taż-ŻER dwar ir-Riżorsi Umani u l-Mobbiltà f'Mejju u ffinalizzat fis-27 ta’ Ġunju 2011.

(20)  Rapport adottat mill-Grupp ta’ Tmexxija taż-ŻER dwar ir-Riżorsi Umani u l-Mobbiltà f'Mejju 2011 u ffinalizzat fil-21 ta’ Lulju 2011.


Top