This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52011XC1214(05)
Publication of an application pursuant to Article 6(2) of Council Regulation (EC) No 510/2006 on the protection of geographical indications and designations of origin for agricultural products and foodstuffs
Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel
Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel
ĠU C 364, 14.12.2011, p. 25–28
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
14.12.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 364/25 |
Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel
2011/C 364/10
Din il-pubblikazzjoni tagħti d-dritt għall-oġġezzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni
SOMMARJU
IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006
“BOVŠKI SIR”
Nru KE: SI-PDO-0005-0423-29.10.2004
DPO ( X ) IĠP ( )
Dan is-sommarju jiddeskrivi l-elementi ewlenin tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott għal għanijiet ta' informazzjoni.
1. Dipartiment responsabbli fl-Istat Membru:
Isem: |
Ministrstvo RS za kmetijstvo, gozdarstvo in prehrano (Ministeru tal-Agrikoltura, il-Forestrija u l-Ikel tar-Repubblika tas-Slovenja) |
|||
Indirizz: |
|
|||
Tel. |
+386 14789000 |
|||
Fax |
+386 14789055 |
|||
Posta elettronika: |
varnahrana.mkgp@gov.si |
2. Applikant:
Isem: |
Društvo rejcev drobnice Bovške (Assoċjazzjoni ta' persuni li jrabbu n-nagħaġ u l-mogħoż f'Bovec) |
|||
Indirizz: |
|
|||
Tel. |
+386 53889510 |
|||
Fax |
— |
|||
Posta elettronika: |
— |
|||
Kompożizzjoni: |
Produtturi/proċessuri ( X ) Oħrajn ( ) |
3. Tip ta' Prodott:
Klassi 1.3: |
Ġobon |
4. Speċifikazzjoni:
(sommarju tar-rekwiżiti skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)
4.1. Isem:
“Bovški sir”
4.2. Deskrizzjoni:
Il-“Bovški sir” huwa kklassifikat bħala ġobon iebes, magħmul mill-ħalib sħiħ. Huwa magħmul mill-ħalib mhux ipproċessat tan-nagħġa mir-razza nattiva tan-nagħaġ ta' Bovec, iżda jista' jkollu wkoll sa 20 % ħalib tal-baqra jew tal-mogħża.
Il-ġobon sħiħ, ta’ forma tonda, għandu dijametru ta' 20-26 ċm u għoli ta' 8-12 ċm, u jiżen bejn it-2,5 u l-4,5 kg. Il-qoxra hija soda, lixxa u uniformi, ta' lewn griż fil-kannella li jkanġi fil-beige. Il-ġnub huma kemxejn konvessi u t-truf ġejjin kemxejn għat-tond.
Il-ġobon huwa kompatt, elastiku, sfiq, jinqasam malajr mingħajr ma jiġi frak. Huwa ta' lewn uniformi griż li jkanġi fil-beige, b'toqob mifruxa u mqassma b'mod ugwali u li għandhom daqs ta' għadsa jew piżella żgħira u xi toqob u xquq żgħar ’l hemm u ’l hawn. Il-ġobon iktar matur jinħass aktar kumpatt u aktar fraġli.
Għandu aroma u togħma partikolarment qawwija, intensi u kemxejn pikkanti. Jekk jiġi miżjud il-ħalib tal-baqra jew tal-mogħża, it-togħma u l-aroma jkunu ftit inqas qawwija.
Il-“Bovški sir” għandu minn tal-inqas 60 % ta' materja xotta u 45 % ta' xaħam fil-materja xotta.
4.3. Żona ġeografika:
Il-produzzjoni tal-ħalib għall-“Bovški sir” u l-ġobon innifsu jsiru fiż-żona delimitata fit-Tramuntana u fil-Punent mill-fruntiera nazzjonali mal-Italja, minn Mali u Veliki Mangrt għall-qsim tal-fruntiera ta' Učje. Mill-fruntiera, il-perimetru taż-żona jgħaddi minn Mali u Velinki Muzec, b'hekk ikopri ż-żona sħiħa minn Planina Božca sa Na Vrhu, u jkompli sa Hrib, jaqsam minn Pirovec, Krasji Vrh, Planina Zaprikraj, Zapleč sa Lopatnik u Krn, Mali Šmohor, Bogatin, Vratca sa Lanževica, Mala Vrata, Velika Vrata, Travnik, Malo Špičje u Kanjevec, jgħaddi minn Triglav u Luknja sa Križ, Prisojnik, Mala Mojstrovka, minn Travnik għal Jalovec, Kotovo Sedlo, Mali Mangart u lura għall-fruntiera nazzjonali mal-Italja. Ir-reġjuni mal-fruntieri hawn fuq imsemmija jinsabu fi ħdan iż-żona ġeografika.
4.4. Prova tal-oriġini:
Il-proċeduri jew il-miżuri indikati hawn taħt isiru biex jiggarantixxu t-traċċabbiltà tal-“Bovški sir”.
Il-produzzjoni tal-ħalib: Il-ħalib għandu jkun prodott fiż-żona ġeografika definita. Iż-żamma ta' ktieb tal-merħla tiżgura li l-kompożizzjoni tar-razza tal-merħla hija waħda adattata. L-azjendi agrikoli jżommu wkoll reġistru bir-razzjonijiet tal-għalf u x-xiri tal-għalf.
Il-ġbir tal-ħalib: Il-ħalib maħsub għall-produzzjoni tal-“Bovški sir” għandu jinġabar u jinħażen b'mod separat minn ħalib ieħor. Il-kwantitajiet ta' ħalib (ħalib tan-nagħġa, tal-mogħża jew tal-baqra) magħmul u mixtri kuljum jiġu rreġistrati skont kull azjenda agrikola.
L-ipproċessar tal-ħalib: Il-produtturi tal-“Bovški sir” iżommu reġistru tal-kwantitajiet ta' ħalib ipproċessat kuljum, u tal-kwantitajiet ta' ġobon prodott kuljum għal kull lott. Lott ifisser il-kwantità ta' ġobon magħmul minn koagulazzjoni waħda ta' ħalib. Jekk f'ġurnata partikolari jiġi prodott lott wieħed ta' ġobon, id-data tal-produzzjoni tal-ġobon tikkostitwixxi wkoll l-identifikazzjoni tal-lott.
Il-maturazzjoni tal-ġobon: Sabiex ikun żgurat li kull lott ta' ġobon jimmatura għal mill-inqas 60 jum, il-produtturi jżommu reġistru tal-maturazzjoni tal-ġobon. Id-data tal-produzzjoni tal-ġobon hija wkoll id-data ta' meta tibda l-maturazzjoni tal-ġobon.
4.5. Metodu ta' produzzjoni:
Il-“Bovški sir” huwa magħmul mill-ħalib mhux ipproċessat tan-nagħġa mir-razza nattiva tan-nagħaġ ta' Bovec jew minn taħlita ta' ħalib tan-nagħġa, tal-mogħża u tal-baqra. Il-proporzjon tal-ħalib tal-mogħża jew tal-baqra ma jistax jaqbeż l-20 % tal-volum totali tal-ħalib.
Il-produzzjoni tal-“Bovški sir” hija limitata għall-perjodu tal-ħlib tal-annimali, li jikkoinċidi maċ-ċiklu tat-tkabbir tal-mergħat fejn jirgħu l-annimali. Il-parti l-kbira tar-razzjonijiet tal-għalf bażiku fil-perjodu tal-ħlib tal-annimali hija ħaxix frisk, għalkemm dan jista' jiġi mħallat ukoll mal-ħuxlief u mal-ħaxix maħżun. Ir-razzjon bażiku jrid jammonta għal tal-inqas 75 % tal-materja xotta tar-razzjon ta' kuljum.
Ħalib maturat, li miegħu jista' jiġi miżjud il-ħalib frisk qabel il-koagulazzjoni, jiġi użat fil-produzzjoni tal-“Bovški sir”. Il-maturazzjoni tal-ħalib iddum mill-inqas 12-il siegħa; din tiżviluppa l-mikroflora nattiva u tiżgura li l-ħalib ikollu livell adattat ta' aċidità. Sabiex titħaffef il-fermentazzjoni, huwa permess l-użu ta' fermenti li jitħejjew fid-djar (il-maturazzjoni ta' kwantità żgħira ta' ħalib f'temperatura pjuttost għolja għal mill-inqas 12-il siegħa) jew ta' kulturi magħżulin. Qabel il-koagulazzjoni, il-ħalib jissaħħan f'temperatura ta' 35-36 °C. Il-koagulazzjoni tieħu madwar 30 u 45 minuta. Il-koagulu mbagħad jitkisser f'ċapep bid-daqs ta' fażola jew ta' piżella li, ladarba jinxfu, jinbidlu f'daqs ta' granelli tal-qamħ. Il-baqta titferra' fil-forom u ssir aktar konsistenti; l-ippressar idum madwar 4 u 6 sigħat.
It-tmelliħ jista' jsir fin-niexef (il-ġobon jiġi mmellaħ u mqalleb darbtejn kuljum għal jumejn) jew fis-salmura (għal 24 sa 48 siegħa). Wara t-tmelliħ, kull ġobna tiġi mmarkata bid-data tal-bidu tal-maturazzjoni jew bl-identifikazzjoni tal-lott. Il-“Bovški sir” jieħu minn tal-inqas 60 jum biex jimmatura. Huwa importanti ħafna li l-ġobon jingħata attenzjoni (jinqaleb, jintmesaħ u jitnaddaf) waqt il-maturazzjoni.
4.6. Rabta:
Il-“Bovški sir” huwa prodott li l-importanza tiegħu tmur lura bosta sekli. Sejbiet arkeoloġiċi juru wkoll li ż-żona ta’ Bovec kienet kolonizzata għal eluf ta' snin. Għaldaqstant huwa preżunt li l-manifattura tal-ġobon fil-mergħat tal-muntanji għoljin żviluppat f'din iż-żona tlitt elef sena ilu, fl-istess żmien tax-xogħol bil-ħadid.
L-ewwel dokumentazzjoni tal-Bovec tmur lura sa qabel l-1174, filwaqt li l-ewwel dokumentazzjoni ta' ġobon f'din iż-żona tmur lura għas-seklu 14. Reġistri tal-art u dokumentazzjoni oħra minn din l-epoka jindikaw li l-ġobon kellu valur għoli minħabba li taxxi marbuta mal-azjenda agrikola, kiri fuq is-sajd u l-bqija kienu kkalkulati fi kwantitajiet ta' ġobon (Rutar 1882).
L-isem “Bovški sir” (bit-Taljan, “Formaggio di Plezo vero”) issemma għall-ewwel darba fl-1756 f'lista tal-prezzijiet fil-belt ta' Videm (Udine), u dan juri wkoll li l-“Bovški sir” kien jilħaq prezzijiet ogħla minn diversi tipi oħra ta' ġobon.
Il-metodi użati fil-mergħat, fil-manifattura tal-ġobon u fil-ġestjoni tal-mergħat tal-muntanji kienu deskritti fil-“Pašni red” (regolamenti dwar il-ġestjoni tal-mergħat). Dr Henrik Tuma kiteb rendikont tal-Pašni red u l-ġurnata xogħol f'Zapotek, mergħa tal-muntanja li tinsab fuq Zadnja Trenta, qabel l-ewwel gwerra dinjija, li kien ippubblikat fil-Planinski Vestnik. Dan juri li l-mod kif jiġi prodott il-“Bovški sir” illum, meta wieħed iqis il-progress teknoloġiku, huwa pjuttost l-istess bħalma kien sekli ilu.
Il-mergħat tal-muntanji għoljin u t-telgħat weqfin ifissru li ftit hemm spazju għal biedja intensiva fiż-żona ġeografika. Iż-żona ġeografika sħiħa tinsab fi ħdan iż-żona Natura 2000 u parti sostanzjali taż-żona ġeografika tinsab ukoll fi ħdan il-Park Nazzjonali ta' Triglav. Iż-żona ġeografika hi karatterizzata minn klima Alpina u kontinentali, parzjalment influwenzata mill-klima Mediterranja, li tibqa' dieħla 'l ġewwa tul ix-xmara Soča. Il-livelli ta' preċipitazzjoni huma għoljin matul is-sena (il-medja għas-snin 1961-1990 f'Bovec kienet ta' 2 735 mm/sena). Minħabba l-qċaċet għoljin li jdawruhom, ċerti widien ma jintlaħqux mix-xemx sa xahrejn fis-sena. Minkejja x-xita abbundanti, nixfa u rwiefen b'saħħithom fuq il-ħamrija rqiqa jnaqqsu b'mod regolari l-produzzjoni tal-ħaxix, u b'hekk jagħmlu ż-żona ideali għat-trobbija tan-nagħaġ u l-mogħoż.
Il-ħalib tan-nagħġa li jintuża fil-produzzjoni tal-“Bovški sir” ġej mir-razza nattiva tan-nagħaġ ta' Bovec, li żviluppat matul is-sekli fil-wied ta' fuq ta' Soča, u li kienet imsemmija għall-belt ta' Bovec. Ir-razza tan-nagħaġ ta' Bovec hija razza karatteristika li tipproduċi l-ħalib, u għandha rasha strutturata b'mod fin u widnejha qosra. Sal-ġurnata tal-lum, l-għan fundamentali tat-trobbija għadu l-iżvilupp tal-adattabbiltà għal kundizzjonijiet ħorox ta' ragħa u trobbija, il-kapaċità li jirgħu f'mergħat fuq għoljiet u muntanji, temperament kalm, ħajja twila u reżistenza. Il-ħalib tan-nagħaġ ta' Bovec għandu kontenut ta' xaħam fil-materja xotta li huwa ogħla minn tal-bqija tar-razez tan-nagħaġ li jipproduċu l-ħalib fis-Slovenja, u li jinfluwenza l-produzzjoni tal-ġobon kif ukoll it-togħma tiegħu.
Waqt il-perjodu tal-ħlib, l-annimali li jipproduċu l-ħalib għall-produzzjoni tal-“Bovški sir” jitħallew jirgħu f'mergħat maż-żona kollha. L-annimali jitħallew jirgħu skont il-metodu tradizzjonali, li fl-istess waqt huwa l-unika għażla finanzjarjament possibbli. Dan ifisser li l-għalf matul il-perjodu li fih jipproduċu l-ħalib għall-“Bovški sir” huwa essenzjalment ħaxix frisk, li jagħti kontribut sostanzjali lit-togħma u l-aroma tipiċi tal-“Bovški sir”. Fl-art għall-mergħa, wieħed isib varjetà eċċezzjonali ta' flora li hija assoċjata mal-altitudni, mal-klima u mal-għamla ġeoloġika tal-ħamrija. Fiż-żona ġeografika hemm pjanti li huma tipiċi ta' żoni Alpini, kontinentali u Mediterranji.
4.7. Organu ta' spezzjoni:
Isem: |
Bureau Veritas d.o.o. |
|||
Indirizz: |
|
|||
Tel. |
+386 14757600 |
|||
Fax |
+386 14757601 |
|||
Posta elettronika: |
info@si.bureauveritas.com |
4.8. Tikkettar:
Il-ġobon li jissodisfa r-rekwiżiti tal-ispeċifikazzjoni jiġi mmarkat bl-isem tal-produttur, bl-isem “Bovški sir” u bil-logo (li jidher hawn taħt), il-logo tal-Unjoni Ewropea korrispondenti u s-simbolu ta' kwalità nazzjonali. Jekk jintuża ħalib tal-mogħża jew tal-baqra, dan il-perċentwal irid jiġi indikat ukoll.
Il-produtturi jistgħu jindikaw ukoll jekk il-ġobon kien immaturat għal aktar minn sena jew jekk ġie prodott f'maħleb fil-muntanji.
(1) ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.