Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CN0517

    Kawża C-517/11: Rikors ippreżentat fis- 7 ta’ Ottubru 2011 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Ellenika

    ĠU C 362, 10.12.2011, p. 14–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    10.12.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 362/14


    Rikors ippreżentat fis-7 ta’ Ottubru 2011 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Ellenika

    (Kawża C-517/11)

    2011/C 362/21

    Lingwa tal-kawża: il-Grieg

    Partijiet

    Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: M. Patakia, I. Chatzigiannis u S. Petrova)

    Konvenuta: Ir-Repubblika Ellenika

    Talbiet tar-rikorrenti

    tiddikjara li r-Repubblika Ellenica:

    billi ma adottatx il-miżuri kollha neċessarji sabiex tevita d-deterjorament tal-habitat naturali u tal-habitat tal-ispeċi li għalihom ġiet stabbilita iż-żona ta’ protezzjoni speċjali (ŻPS) 1220009 u, b’mod partikolari, billi ma adottatx il-miżuri kollha neċessarji sabiex twettaq l-azzjonijiet relatati mat-tmiem tat-tħaffir illegali, għall-irrigazzjoni, għar-rimi ta’ skart industrijali u għall-proġett ta’ ġestjoni u ta’ programm integrat għall-monitoraġġ tal-Park nazzjonali tal-għadajjar ta’ Koroneia-Volvi u ta’ Makedonikon Tempon, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 92/43/KE, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, moqri flimkien mal-Artikolu 7 tal-istess direttiva.

    billi ma temmitx is-sistema ta’ dranaġġ u ta’ trattament tal-ilma urban mormi għall-konglomerat ta’ Langada, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 3 u 4(1) u (3) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1991, dwar it-trattament tal-ilma urban mormi.

    tikkundanna lir-Repubblika Ellenika għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    (1)

    In-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat jirrigwarda d-deterjorament u t-tniġġis tal-lag ta’ Koroneia (Prefettura di Salonicco), li rriżulta minn serje ta’ azzjonijiet li jagħmlu ħsara lill-ambjent u n-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-qafas leġiżlattiv adottat mir-Repubblika Ellenika għall-ħarsien tal-imsemmija għadira.

    (2)

    Sabiex jikkonformaw ruħhom mal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-Unjoni, l-awtoritajiet Elleniċi adottaw sistema ta’ protezzjoni taż-żona (Digriet Ministerjali 6919/2004), programm speċjali għat-tnaqqis tat-tniġġis tal-ilma tal-għadira (Digriet Ministerjali 35308/1838/2005) u proġett ta’ azzjoni kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati (Digriet Ministerjali 16175/824/2006) u approvaw 21 azzjoni neċessarja għar-rijabilitazzjoni tal-għadira fil-kuntest ta’ pjan ewlieni mfassal mill-Prefettura (iktar ’il quddiem il-“Master Plan”). Fl-istess żmien, ġie żgurat il-finanzjament ta’ tali miżuri minn fondi tal-Unjoni [ara, b’mod partikolari, id-deċiżjoni tal-Fond ta’ Koeżjoni C(2005) 5779/19.12.2005 li jiffinanzja xogħlijiet ta’ infrastruttura], u anki minn fondi nazzjonali.

    (3)

    Madankollu, il-Kummissjoni tqis li l-awtoritajiet Elleniċi għadhom ma daħħlux fis-seħħ, b’mod sostanzjali, il-qafas leġiżlattiv inkwistjoni. Il-problema tad-deterjorament tal-għadira baqgħat mhux solvuta u konsegwentement it-twettieq ta’ wħud mill-21 azzjoni (rekwiżit indispensabbli għall-aċċess tal-finanzjament mill-UE) iddewwem. Fid-dawl tan-nuqqas ta’ żvilupp fl-applikazzjoni tal-miżuri pprogrammati, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

    (4)

    B’mod partikolari, il-Kummissjoni tqis li kien hemm ksur tal-Artikolu 6(2) moqri flimkien mal-Artikolu 7 tad-Direttiva 92/43/KEE, intiż sabiex jipprevjeni, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorament tal-habitat naturali u tal-habitat tal-ispeċi, kif ukoll il-perturbazzjonijiet li għandhom konsegwenzi fuq l-speċi li għalihom ġew stabbiliti ż-żoni u fuq il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi.

    (5)

    Skont l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, il-Greċja ma adottatx il-miżuri kollha sabiex twettaq l-azzjonijiet kollha li kienet fasslet u li kienu meqjusa neċessarji sabiex jintlaħaq l-għan tal-imsemmija dispożizzjonijiet.

    (6)

    B’mod partikolari,

    ma nkisibx it-tmiem definittiv tat-tħaffir illegali, li l-awtoritajiet Elleniċi nnifishom qiesu neċessarju għar-rijabilitazzjoni tal-għadira;

    għadha ma twettaqx il-limitu tal-irrigazzjoni f’livell sostenibbli, kif jirriżulta mill-fatt li l-awtoritajiet Elleniċi ma pproduċewx provi li juru li l-miżuri previsti ġew adottati;

    għadu ma ġiex żviluppat l-istudju ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni ta’ sistema kollettiva ta’ irrigazzjoni u tal-arrikkiment tal-aquifer tal-għadira ta’ Koroneia u fl-istess waqt ma twettaqx ir-rimi ta’ skart industrijali, peress li ma jidhirx li ġie ffirmat il-kuntratt relatat max-xogħol ta’ konstruzzjoni ta’ baċiri tal-għadira għall-fermentazzjoni. Barra minn hekk, erba’ industriji li jniġġsu għadhom jiffunzjonaw illegalmenti;

    għadu ma ġiex approvat il-proġett ta’ ġestjoni u ta’ programm integrat ta’ monitoraġġ tal-Park nazzjonali tal-għadajjar ta’ Koroneia-Volvi u Makedonikon Tempon.

    (7)

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li nkisru l-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 91/271/KEE, fir-rigward tar-rimi u tas-sistema tad-dranaġġ tal-ilma urban mormi. Fil-fatt, għal dak li jirrigwarda il-kostruzzjoni tas-sistema tad-dranaġġ ta’ Langada, li tikkonsisti f’faċilità li tirċievi d-dranaġġ ċivili u industrijali, u l-funzjonament bioloġiku, il-Kummissjoni ma ġietx innotifikata mill-awtoritajiet Elleniċi bit-tlestija tal-ewwel fażi tal-ħidma ppjanata, fażi li ladarba tintemm kellha sservi lil 50 % tal-popolazzjoni tal-belt ta’ Langada. Fi kwalunkew każ, it-tieni fażi tar-rimi ta’ Langada, li ladarba jitlesta kellu jservi l-100 % tal-popolazzjoni għadha fil-fażi ta’ studju.

    (8)

    Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda l-ipproċessar tat-tieni livell tal-ilma urban mormi, il-kuntratt relatat miegħu ma kienx għadu ġie ffirmat fid-data li fiha l-awtoritajiet Elleniċi rrispondew għall-opinjnoi motivata.


    Top