Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011XC1001(03)

    Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

    ĠU C 289, 1.10.2011, p. 15–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    1.10.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 289/15


    Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

    2011/C 289/10

    Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu għand l-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni.

    DOKUMENT UNIKU

    IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

    “VADEHAVSSTUDE”

    Nru tal-KE: DK-PGI-0005-0770-25.03.2009

    IĠP ( X ) DPO ( )

    1.   Isem:

    “Vadehavsstude”

    2.   Stat membru jew pajjiż terz:

    Id-Danimarka

    3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel:

    3.1.   Tip ta' prodott:

    Klassi 1.1.:

    Laħam frisk ( u ġewwieni)

    3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem fil-punt (1):

    Il-“Vadehavsstude” huwa laħam frisk minn annimali bovini ta' età żgħira mrobbija fiż-żona ġeografika definita. L-annimali huma ta' razza Daniża Sewda u Bajda, magħrufin ukoll bħala Danish Holstein, jew ta' razza mnissla mit-taħlit ta' bejn id-Danish Holstein u l-Belgian Blue. “Il-Vadehavsstude” huwa prodott esklussivament minn annimali kkastrati tas-sess maskili, li jridu jkunu mwielda fiż-żona ġeografika speċifika.

    Laħam frisk

    :

    Karkassa sħiħa, nofs karkassa, kwart ta' karkassa jew biċċiet.

    Piż mal-qatla

    :

    200-380 kg

    Età ta' meta jinqatel

    :

    Mill-inqas 18-il xahar – mhux iktar minn 30 xahar

    Forma

    :

    minimu 3,50

    Kulur

    :

    3-4

    Simna

    :

    3-4

    L-iskala tal-kulur u tas-simna tikkorrispondi għall-iskala ta' kwalità minima meħtieġa skont in-notifika tal-kumpanija “Danish Crown” għaċ-ċanga.

    3.3.   Materja Prima:

    3.4.   Għalf (għal prodotti li ġejjin mill-annimali biss):

    Fix-xitwa mill-inqas 50 % tal-għalf tal-annimali għandu jkun prodott fiż-żona identifikata.

    Fix-xhur tax-xitwa, l-għalf ikun jikkonsisti f'ħaxix u qamħirrum maħżun.

    L-annimali għandhom jirgħu f'imraġ tal-melħ (imraġ mgħarrqa minn żmien għall-ieħor bl-ilma baħar) taż-żona ġeografika speċifika għal mill-inqas erba' xhur u nofs fis-sena.

    3.5.   Stadji speċifiċi fil-produzzjoni li għandhom iseħħu fiż-żona ġeografika identifikata:

    L-annimali kollha għandhom jitrabbew fiż-żona ġeografika speċifika u għandhom ikunu mwielda fiż-żona speċifika.

    3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, il-ħakk, l-ippakkjar, eċċ.:

    3.7.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar:

    L-annimali kollha maqtula jiġu ttimbrati bil-logo tal-Vadehav Marsk og Mad. Il-logo għandu jiġi mmarkat fuq l-ippakkjar tal-prodott finali u ttimbrat fuq l-annimal maqtul sabiex tiġi garantita t-traċċabbiltà.

    Image

    Image

    4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika:

    Iż-żona ġeografika hija r-reġjun tal-Baħar Wadden fil-Lbiċ tad-Danimarka. Ir-reġjun tal-Baħar Wadden jinkludi t-tliet ġżejjer Romø, Mandø u Fanø, kif ukoll it-terraferma fejn ir-reġjun Daniż tal-Baħar Wadden imiss mal-fruntiera Ġermaniża fuq in-naħa ta' Nofsinhar. Il-fruntiera tat-Tramuntana hija l-istess waħda tal-fruntiera tat-Tramuntana tal-Park Nazzjonali tal-Baħar Wadden. Fuq in-naħa tal-Lvant iż-żona hija definita mill-awtostrada A11.

    5.   Rabta maż-żona ġeografika:

    5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika:

    Il-Belt ta' Ribe twaqqfet bejn wieħed u ieħor fis-sena 710, u l-iskavi arkeoloġiċi żvelaw l-oġġetti li kienu jinbiegħu hemmekk. L-annimali bovini jirrappreżentaw wieħed mill-prodotti li nstabu fuq is-suq sa minn żmienijiet bikrija. L-annimali bovini kienu ġejjin mill-irħula fl-imraġ tal-melħ li jinsabu ħdejn il-Baħar Wadden, li jfisser li l-bdiewa tal-lokal kienu jrabbu l-annimali sa minn żmien il-Ħadid. Matul il-Medjuevu, l-annimali bovini baqgħu jinbiegħu f'Ribe u għal sekli sħaħ dawn l-annimali mir-Reġjun tal-Baħar Wadden kienu l-iktar prodott importanti għall-esportazzjoni min-negozju f'Ribe.

    Il-produzzjoni tal-“Vadehavsstude” (Ċanga tal-Baħar Wadden) issawret fuq it-tradizzjoni twila tat-trobbija tal-annimali bovini fl-imraġ tal-melħ. Il-ħajja tal-bdiewa f'dan ir-reġjun kienet pjuttost waħda iebsa. Kull sena ż-żona kienet tintlaqat minn għargħar ta' maltemp li kien jgħarraq l-art agrikola. Il-baħar kien iħalli ħama fertili, li minnu kien jinħoloq ġmiel ta' mraġ fl-artijiet mielħa fejn l-annimali kienu jirgħu fis-sajf, u minn fejn kien seta' jinġabar l-għalf tax-xitwa.

    Fl-artiklu ‘Jordbundsundersøgelser i marsken’ (Studji Agrikoli dwar l-Imraġ tal-Melħ) mit-‘Tidsskrift for planteavl’ (Ġurnal dwar il-Produzzjoni tal-Uċuh tar-Raba') tal-1968, Lorens Hansen jistudja kampjuni tal-ħamrija meħuda biss mill-mergħat tal-melħ. L-artiklu jgħid li l-ħamrija tal-imraġ tal-melħ hija ovvjament mimlija potassju, li jikkorrispondi għall-kontenut għoli ta' tafal u t-tip ta' formazzjoni. Il-kontenut tas-sodju rari jiġi ddeterminat f'art normali għall-kultivazzjoni minħabba li jkun baxx ħafna u ma jkollu l-ebda impatt fuq il-ħamrija. Fl-imraġ tal-melħ, minħabba li l-melħ kien depożitat fihom meta dawn inħolqu oriġinarjament, jinstab kontenut għoli ta' sodju.

    Il-ħxejjex pjuttost raffi, li huma addattati sew għall-imraġ tal-melħ, fihom ħafna sustanzi u fl-istess ħin kapaċi jissaportu kull tip ta' klima. Fil-fatt, huwa propju l-impatt aħrax u mielaħ tal-Baħar Wadden li jagħmel uniku ir-ragħa f'din iż-żona. Meta l-art tkun mgħarrqa bl-ilma baħar, il-melħ u l-minerali jiġu ddepożitati fil-ħamrija. Il-pjanti u l-ħxejjex li ġejjin jinstabu partikolarment fuq l-artijiet ta' mal-kosta:

    Jikber ħafna ħaxix fin, ix-xnien abjad li jikber waħdu (Trifolium nigrescens), Lotus corniculatus, pjanti bil-fjuri sofor tal-ġenus Rhinanthus, ranunkli (Ranunculus), u armerija (Armerija maritima/mauritanica) fil-partijiet 'il ġewwa, lejn id-diga.

    Fiż-żona li tinsab iktar fil-baxx jikbru l-ispika tal-baħar (Limonium vulgare) u pjanta oħra li tikber f'artijiet mistagħdra tal-ġenus Triglochin (Triglochin maritima) flimkien ma' xi ħaxix raff.

    Il-ħaxix tat-tip Puccinellia maritima u s-salikornja jikbru fl-iktar żoni imbiegħda tal-partijiet il-baxxi tal-art ta' mal-kosta.

    5.2.   Speċifiċità tal-prodott:

    Test li twettaq ma' persuni mgħammdin li kellhom iduqu l-laħam tal-annimali bovini mrobbija fl-imraġ tal-melħ urew li l-laħam kien:

    iktar tari

    iktar immerraq

    iktar mielaħ

    ta' konsistenza aħjar

    iktar aromatiku

    minn laħam ta' bovini konvenzjonali.

    Il-laħam konvenzjonali ġie kkwalifikat b'punti ogħla minn dak tal-laħam tal-Baħar Wadden biss fix-xaħam u fil-kulur.

    5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra tal-prodott (għall-IĠP).:

    L-ambjent tal-madwar huwa aħrax u impenjattiv ħafna għall-bdiewa li jrabbu l-annimali bovini fir-reġjun tal-Baħar Wadden. Deskrizzjoni antika ta' dawn il-kundizzjonijiet tgħid hekk Ħemm ħaġa waħda partikolari għal din iż-żona: l-imraġ kbar fejn kien jikber ammont kbir ta' ħaxix għall-annimali mġewħa, u fejn il-ħuxlief kien jinħasad għax-xitwa. Il-ħaxix tal-imraġ tal-melħ kien partikolarment sustanzjuż għaliex kien jitgħarraq fl-ilma baħar għal bosta drabi fis-sena u għalhekk kien jieħu minnu iktar melħ u minerali naturali. Ħafna għoġġiela twieldu f'irziezet 'il ġewwa mill-kosta u kienu jintbagħtu fl-imraġ tal-melħ biex jissemnu għall-bejgħ fis-swieq ta' Hosum jew Hamburg. Spiss l-għoġġiela l-kbar kienu jkunu dgħajfin jew saħansitra morda meta kienu jittieħdu fl-imraġ, imma l-ħaxix sabiħ tal-mergħa matul is-sajf kien itihom is-saħħa u jibdilhom f'bovini mitmugħin tajjeb.

    Għal ħafna snin, iċ-ċanga prodotta fir-reġjun tal-Baħar Wadden kienet magħrufa bħala prodott tajjeb u ta' kwalità għolja, il-laħam ikollu togħma partikolari mielħa minħabba l-kundizzjonijiet speċjali tat-trobbija tal-annimal fiż-żona. Meta l-baħar jimla u jgħarraq iż-żona, il-melħ u l-minerali jiġu depożitati fil-ħamrija. L-annimali jirgħu fl-imraġ tal-melħ fejn il-kontenut għoli tal-potassju u tas-sodju fil-ħaxix jaffettwa t-togħma tal-laħam, u jagħti lil “Vadehavsstude” il-kwalità speċjali u t-togħma mielħa partikolari tiegħu.

    Il-“Vadehavsstude” jinbiegħ bħala prodott speċjali mill-Park Nazzjonali tal-Baħar Wadden, u l-isem jintuża kemm mill-produtturi lokali kif ukoll mid-distributuri tal-laħam.

    Il-produzzjoni tal-“Vadehavsstude” hija ppreżentata fil-fuljett tat-turisti tar-reġjun tal-Baħar Wadden u tal-Park Nazzjonali tal-Baħar Wadden bħala karatteristika importanti taż-żona.

    Referenza għal pubblikazzjoni għall-ispeċifikazzjoni:

    http://www.foedevarestyrelsen.dk/SiteCollectionDocuments/25_PDF_word_filer%20til%20download/06kontor/Maerkning/Oprindelsesmaerkning_af_foedevarer/Varespecifikation%20for%20Vadehavsstude.pdf


    (1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.


    Top