Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D1001(03)

    Deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku Nru 3/2011 meħuda fil-Laqgħa Plenarja tal- 20 ta’ Settembru 2011 dwar il-preżentata u r-riċezzjoni ta’ atti proċedurali permezz tal-applikazzjoni e-Curia

    ĠU C 289, 1.10.2011, p. 11–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    1.10.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 289/11


    DEĊIŻJONI TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

    Nru 3/2011

    meħuda fil-Laqgħa Plenarja tal-20 ta’ Settembru 2011

    dwar il-preżentata u r-riċezzjoni ta’ atti proċedurali permezz tal-applikazzjoni e-Curia

    2011/C 289/08

    IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li ra r-Regoli tal-Proċedura u, b’mod partikolari, l-Artikoli 34(7) u 99(3) tagħhom,

    Billi:

    (1)

    Sabiex l-evoluzzjoni ta’ teknoloġiji ta’ komunikazzjoni tittieħed inkunsiderazzjoni, ġiet żviluppata applikazzjoni informatika li tippermetti l-preżentata u r-riċezzjoni ta’ atti proċedurali b’mod elettroniku.

    (2)

    Din l-applikazzjoni, li hija bbażata fuq mekkaniżmu ta’ awtentifikazzjoni elettronika u li tagħmel użu minn kodiċi ta’ awtentifikazzjoni u password, tissodisfa r-rekwiżiti ta’ awtentiċità, ta’ integrità u ta’ kunfidenzjalità tad-dokumenti skambjati,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Applikazzjoni informatika msemmija “e-Curia”, komuni għat-tliet qrati li jifformaw il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, għandha tippermetti l-preżentata u n-notifika ta’ atti proċedurali b’mod elettroniku skont il-kundizzjonijiet previsti f’din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    L-użu ta’ din l-applikazzjoni għandu jirrikjedi kodiċi ta’ identifikazzjoni u password.

    Artikolu 3

    Att proċedurali ppreżentat permezz tal-e-Curia għandu jitqies li huwa l-oriġinal ta’ dan l-att, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 34(1) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-kodiċi ta’ identifikazzjoni u l-password tar-rappreżentant ikunu ntużaw għal din il-preżentata. Din l-identifikazzjoni tiswa bħala firma tal-att inkwistjoni.

    Artikolu 4

    L-att ippreżentat permezz tal-e-Curia għandu jkollu mehmuż miegħu l-annessi msemmija fih kif ukoll l-iskeda li telenka dawn l-annessi.

    Il-preżentata ta’ kopji awtentikati tal-att ippreżentat permezz tal-e-Curia u tal-annessi eventwali tiegħu ma hijiex neċessarja.

    Artikolu 5

    Il-mument li fih att proċedurali jitqies li ġie ppreżentat fis-sens tal-Artikolu 34(3) tar-Regoli tal-Proċedura għandu jkun dak tal-validazzjoni, mir-rappreżentant, tal-preżentata ta’ dan l-att.

    Il-ħin li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni huwa dak tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu.

    Artikolu 6

    L-atti proċedurali, inklużi s-sentenzi u d-digrieti, għandhom jiġu nnotifikati permezz tal-e-Curia lir-rappreżentanti tal-partijiet ladarba jkunu aċċettaw espliċitament dan il-mod ta’ notifika jew, fil-kuntest ta’ kawża, ladarba jkunu taw il-kunsens tagħhom għal dan il-mod ta’ notifika billi jkunu ppreżentaw att proċedurali permezz tal-e-Curia.

    L-atti proċedurali għandhom jiġu nnotifikati wkoll lill-Istati Membri, lill-Istati l-oħra li huma parti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u lill-istituzzjonijiet, korpi jew organi tal-Unjoni li jkunu aċċettaw dan il-mod ta’ notifika.

    Artikolu 7

    Id-destinatarji tan-notifiki msemmija fl-artikolu preċedenti għandhom jiġu avżati, permezz ta’ messaġġ elettroniku, b’kull notifika indirizzata lilhom bl-e-Curia.

    L-att proċedurali għandu jitqies li ġie nnotifikat fil-mument meta d-destinatarju (rappreżentant jew assistent ta’ dan tal-aħħar) jitlob aċċess għall-att inkwistjoni. Fin-nuqqas ta’ talba għal aċċess, l-att għandu jitqies li ġie nnotifikat wara l-iskadenza ta’ terminu ta’ sebat ijiem mid-data meta jkun intbagħat il-messaġġ elettroniku ta’ avviż.

    Fil-każ li parti hija rrappreżentata minn diversi aġenti jew avukati, il-mument li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tat-termini għandu jkun dak li fih tkun saret l-ewwel talba għal aċċess.

    Il-ħin li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni huwa dak tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu.

    Artikolu 8

    Ir-Reġistratur għandu jistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta’ użu tal-e-Curia u jiżgura l-osservanza tagħhom. Użu tal-e-Curia li ma huwiex konformi ma’ dawn il-kundizzjonijiet jista’ jwassal għad-diżattivazzjoni tal-kont ta’ aċċess ikkonċernat.

    It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jiżgura li ma jkun hemm ebda abbuż jew użu ħażin tal-e-Curia.

    L-utent għandu jiġi avżat permezz ta’ messaġġ elettroniku dwar kull miżura meħuda skont dan l-artikolu u li twaqqfu milli juża l-kont ta’ aċċess tiegħu.

    Artikolu 9

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fil-Lussemburgu, l-20 ta’ Settembru 2011.

    Ir-Reġistratur

    W. HAKENBERG

    Il-President

    P. MAHONEY


    Top