EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011TN0401

Kawża T-401/11 P: Appell ippreżentat fis- 27 ta’ Lulju 2011 minn Livio Missir Mamachi di Lusignano mis-sentenza mogħtija mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat- 12 ta’ Mejju 2011 , fil-Kawża F-50/09, Livio Missir Mamachi di Lusignano vs Il-Kummissjoni

ĠU C 282, 24.9.2011, p. 38–39 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

24.9.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 282/38


Appell ippreżentat fis-27 ta’ Lulju 2011 minn Livio Missir Mamachi di Lusignano mis-sentenza mogħtija mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-12 ta’ Mejju 2011, fil-Kawża F-50/09, Livio Missir Mamachi di Lusignano vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-401/11 P)

2011/C 282/73

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Appellant: Livio Missir Mamachi di Lusignano (Kerkhove-Avelgem, il-Belġju) (rappreżentanti: F. Di Gianni, R. Antonini, G. Coppo u A. Scalini, avukati)

Parti l-oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellant jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (L-Ewwel Awla), tat-12 ta’ Mejju 2011 fil-Kawża F-50/09, Livio Missir Mamachi di Lusignano vs Il-Kummissjoni Ewropea, li tiċħad ir-rikors ippreżentat minn Livio Missir Mamachi di Lusignano abbażi tal-Artikolu 236 KE u tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tat-3 ta’ Frar 2009 u għall-kumpens mill-Kummissjoni tad-danni morali u materjali li rriżultaw mill-qtil ta’ Alessandro Missir Mamachi di Lusignano u tal-konjuġi tiegħu;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-kumpens, favur l-appellant u l-benefiċjarji ta’ Alessandro Missir Mamachi di Lusignano rappreżentati minnu, ta’ somma flus bħala kumpens għad-danni morali u materjali subiti minnhom, kif ukoll għad-dannu morali subit mill-vittma qabel il-mewt tiegħu;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-kawża.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka tliet aggravji.

(1)

L-ewwel aggravju, li jgħid li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku żbalja meta qies li t-talba intiża għall-kumpens tad-dannu morali subit mill-appellant, minn Alessandro Missir u mill-benefiċjarji tiegħu kienet inammissibbli.

Insostenn ta’ dan l-aggravju, l-appellant isostni, l-ewwel nett, li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku applika b’mod illoġiku, żbaljat u diskriminatorju l’hekk imsejħa regola ta’ konkordanza, li teħtieġ l-identiċità tal-kawża u tas-suġġett biss bejn l-ilment ippreżentat skont tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal u r-rikors ippreżentat skont l-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, u mhux bejn it-talba abbażi tal-Artikolu 90(1) u l-ilment abbażi tal-Artikolu 90(2). It-tieni nett, l-appellant isostni li l-interpretazzjoni tar-regola tal-konkordanza pprovduta mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fiha limitazzjoni għall-eżerċizzju tad-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva stabbilit, inter alia, mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(2)

It-tieni aggravju, li jgħid li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku żbalja meta qies li l-Kummissjoni hija responsabbli għal 40 % biss tad-danni.

Insostenn ta’ dan l-aggravju, l-appellant isostni li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku evalwa b’mod żbaljat ir-rapport bejn il-kondotta illegali tal-Kummissjoni u l-konsegwenzi possibbli ta’ dan in-nuqqas li tittieħed azzjoni, peress li d-dannu kkawżat lill-uffiċjal kien konsegwenza diretta u prevedibbli tal-kondotta negliġenti tal-istituzzjoni. Barra minn hekk, l-appellant isostni li, minkejja li d-dannu ġie kkawżat minn diversi kawżi għaddejjin f’daqqa, il-Kummissjoni għandha tinżamm responsabbli in solidum mal-qattiel għall-kumpens tad-danni. Konsegwentement, it-talba għal kumpens tad-danni mressqa mill-appellant kontra l-Kummissjoni għandha tiġi milqugħa għal 100 % tad-danni.

(3)

It-tielet aggravju, li jgħid li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku żbalja meta qies li l-Kummissjoni, minħabba l-prestazzjonijiet statutorji diġà mwettqa favur l-eredi ta’ Alessandro Missir, kienet ikkumpensat kompletament id-dannu li hija responsabbli għalih.

Insostenn ta’ dan l-aggravju, l-appellant isostni li, fid-dawl tal-prinċipji deduċibbli mill-ġurisprudenza Komunitarja stabbilita, il-prestazzjonijiet statutorji differenti minn dawk stabbiliti fl-Artikolu 73 ma jistgħux jikkostitwixxu kumpens għad-dannu, peress li dawn huma prestazzjonijiet li huma differenti mill-kumpens tad-dannu taħt id-dritt komuni, minħabba l-kawża, ir-rekwiżiti u l-finalità tagħhom. Konsegwentement, billi l-Kummissjoni ma kkumpensatx kompletament id-dannu li hija responsabbli għalih, din għandha tiġi kkundannata għall-ħlas, favur l-appellant, tal-ammont suffiċjenti sabiex jiżgura l-kumpens totali tad-danni subiti mill-uffiċjal maqtul u mill-benefiċjarji tiegħu.


Top