Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011TN0340

Kawża T-340/11: Rikors ippreżentat fit- 23 ta’ Ġunju 2011 — Régie Networks u NRJ Global vs Il-Kummissjoni

ĠU C 282, 24.9.2011, p. 25–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

24.9.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 282/25


Rikors ippreżentat fit-23 ta’ Ġunju 2011 — Régie Networks u NRJ Global vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-340/11)

2011/C 282/53

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Régie Networks (Lyon, Franza) u NRJ Global (Pariġi, Franza) (rappreżentanti: B. Geneste u C. Vannini, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitlobu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tikkonstata r-responsabbiltà tal-Unjoni Ewropea minħabba:

l-illegalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-10 ta’ Novembru 1997 rigward l-għajnuna mill-Istat N 679/97,

in-nuqqas ta’ azzjoni tal-Kummissjoni wara l-konstatazzjoni ta’ din l-illegalità msemmija fl-ittra indirizzata lill-awtoritajiet Franċiżi tat-8 ta’ Mejju 2003;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea tirrimedja għad-danni kollha subiti mir-rikorrenti minħabba l-iżbalji msemmija fir-rikors, dawn id-danni jkopru:

l-ammont tat-taxxa mħallsa għall-perjodu ta’ bejn l-1 ta’ Jannar 1998 u l-31 ta’ Diċembru 2000,

it-tariffi mħallsa għall-proċedura kontenzjuża mibdija sabiex jinkiseb ir-rimbors tat-taxxa mħallsa għall-perjodu ta’ bejn l-1 ta’ Jannar 2001 u l-31 ta’ Diċembru 2002,

it-tariffi mħallsa għall-proċedura kontenzjuża preżenti;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi.

(1)

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-iżball imwettaq minħabba l-illegalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-10 ta’ Novembru 1997. Il-Kummissjoni, waqt l-eżami tal-iskema ta’ għajnuna għax-xandir bir-radju fl-1997, iddikjarat din l-iskema konformi mar-regoli tat-Trattat mingħajar ma eżaminat il-metodu ta’ finanzjament ta’ din l-iskema ta’ għajnuna, filwaqt li hija kienet obbligata li tagħmel dan skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam, sa fejn dan il-finanzjament kien jagħmel parti integrali mill-iskema ta’ għajnuna kkonċernata. Għalhekk, id-deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni hija illegali u tikkostitiwixxi żball li jista’ jinvolvi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni Ewropea.

(2)

It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba jirriżulta mill-ommissjoni tal-Kummissjoni, fl-2003, li tirrimedja għall-effetti dannużi tad-deċiżjoni tagħha tal-1997. Il-Kummissjoni kkonstatat l-illegalità tad-deċiżjoni tagħha tal-10 ta’ Novembru 1997 l-iktar tard fit-8 ta’ Mejju 2003, data li fiha hija indirizzat ittra lill-awtoritajiet Franċiżi fejn uriet li l-metodi ta’ finanzjament tal-iskema ta’ għajnuna għax-xandir bir-radju, hekk kif kienu ġew l-aħħar approvati bid-deċiżjoni tal-10 ta’ Novembru 1997, ma kinux f’konformità mal-leġiżlazzjoni tat-Trattat. Madankollu, il-Kummissjoni ma adottat l-ebda miżura sabiex tirrimedja għall-illegalità kkonstatata. Huwa fuq din il-bażi li r-rikorrenti jikkunsidraw li l-ommissjoni tal-Kummissjoni li tirrimedja għall-effetti dannużi tad-deċiżjoni illegali li hija tat fl-1997 tikser il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, u tista’ għalhekk tinvolvi r-responsabbiltà tal-Unjoni.


Top