EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CN0369

Kawża C-369/11: Rikors ippreżentat fit- 12 ta’ Lulju 2011 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Taljana

ĠU C 282, 24.9.2011, p. 11–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

24.9.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 282/11


Rikors ippreżentat fit-12 ta’ Lulju 2011 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Taljana

(Kawża C-369/11)

2011/C 282/21

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: E. Montaguti u H. Støvlbæk, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika Taljana

Talbiet

tikkonstata li, billi ma adottatx il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mal-Artikolu 6(3) u mal-Anness II tad-Direttiva 91/440/KE (1), kif emendata, u mal-Artikoli 4(2) u 14(2) tad-Direttiva 2001/14/KE (2), mal-Artikoli 4(1) u 30(3) tad-Direttiva 2001/14/KE, u mal-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2001/14/KE, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt dawn id-dispożizzjonijiet.

tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż

Motivi u argumenti prinċipali

L-ilmenti mressqa mill-Kummissjoni fir-rigward tar-Repubblika Taljana jirrigwardaw l-indipendenza tal-korp li jeżerċita l-funzjonijiet essenzjali fil-qasam ta’ aċċess għall-infrastruttura, l-impożizzjoni ta’ ħlasijiet (canone) għall-aċċess għal ferroviji kif ukoll is-setgħat u l-awtonomija tal-korp regolatorju tas-settur tal-ferroviji.

L-ewwel nett, l-iskema li tirregola l-eżerċizzju min-naħa tal-amministratur tal-infrastruttura tal-funzjonijiet essenzjali fil-qasam ta’ aċċess għall-infrastruttura ma tipprovdix biżżejjed garanziji li dan l-amministratur jaħdem indipendentement mill-holding tal-grupp li jagħmel parti minnu, li jinkludi wkoll l-impriża tal-ferroviji prinċipali fis-suq.

Minbarra dan, peress li huwa l-Ministeru tat-trasport li għandu jistabbilixxi d-drittijiet ta’ aċċess għan-netwerk, filwaqt li l-amministratur tal-infrastruttura jista’ biss jifformula offerta rigward il-qasam u għandu biss il-kompitu operattiv li jikkalkola l-ħlasijiet effettivament dovuti minn impriża tal-ferroviji waħda, dan tal-aħħar jiġi mċaħħad minn strument essenzjali ta’ amministrazzjoni, li jmur kontra r-rekwiżit tal-indipendenza ta’ amministrazzjoni.

Fl-aħħar nett, għad ma hijiex żgurata l-indipendenza sħiħa li hija neċessarja tal-korp regolatorju mill-impriżi tal-ferroviji kollha peress li l-persunal tal-korp regolatorju huwa kompost minn uffiċjali tal-Ministeru tat-trasport u dan tal-aħħar ikompli jeżerċita influwenza deċiżiva fuq il-holding tal-grupp li tinkludi l-impriża tal-ferroviji prinċipali Taljana, u għalhekk ukoll fuq din tal-aħħar.


(1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 341.

(2)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 404.


Top