Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010IP0166

    Strateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ – Investiment u Responsabilizzazzjoni Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 18 ta’ Mejju 2010 dwar “Strateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ – Investiment u Responsabilizzazzjoni” (2009/2159(INI))

    ĠU C 161E, 31.5.2011, p. 21–31 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    31.5.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 161/21


    It-Tlieta 18 ta’ Mejju 2010
    Strateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ – Investiment u Responsabilizzazzjoni

    P7_TA(2010)0166

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ Mejju 2010 dwar “Strateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ – Investiment u Responsabilizzazzjoni” (2009/2159(INI))

    2011/C 161 E/04

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Artikoli 165 u 166 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tat-18 ta' Diċembru 2000, u b’mod partikolari l-Artikolu 14 tagħha,

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-20 ta’ Novembru 1989 dwar id-Drittijiet tat-Tfal, u b’mod partikolari l-Artikoli 23 u 28 tagħha,

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tat-13 ta’ Diċembru 2006 dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà, u b’mod partikolari l-Artikoli 7 u 24 tagħha,

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ April 2009 dwar “Strateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ – Investiment u Responsabilizzazzjoni. Metodu miftuħ u mġedded ta’ koordinazzjoni biex jindirizza l-isfidi u l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ” (1),

    wara li kkunsidra d-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni “Strateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ – Investiment u Responsabilizzazzjoni” - Rapport tal-UE dwar iż-Żgħażagħ (2),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2009 dwar qafas imġedded għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ (2010-201C) (3),

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta’ Mejju 2009 dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (“ET 2020”) (4),

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2009 dwar il-valutazzjoni tal-qafas attwali għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ u dwar il-perspettivi futuri għall-qafas imġedded (5),

    wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-mobbiltà ta’ voluntiera żgħażagħ fl-Unjoni Ewropea (6),

    wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill dwar is-Sena Ewropea tal-Attivitajiet ta’ Volontarjat għall-Promozzjoni ta’ Ċttadinanza Attiva (2011) (7),

    wara li kkunsidra l-Patt Ewropew għaż-Żgħażagħ adottat mill-Kunsill Ewropew ta’ Brussell tat-22 u t-23 ta’ Marzu 2005 (8),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Lulju 2008 dwar “Aġenda Soċjali Mġedda”, li għandha fil-mira tagħha ż-żgħażagħ u t-tfal bħala prijorità ewlenija (9),

    wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni (10),

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni bil-Miktub tiegħu dwar id-dedikazzjoni ta’ aktar attenzjoni lir-responsabilizzazzjoni taż-żgħażagħ fil-politiki ta’ l-UE (11),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta’ Frar 2008 dwar il-ġejjieni demografiku tal-Ewropa (12),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A7-0113/2010),

    A.

    billi l-investiment fiż-żgħażagħ huwa kruċjali għall-ġejjieni tas-soċjetajiet Ewropej, speċjalment fi żminijiet fejn il-proporzjon ta’ żgħażagħ fil-popolazzjoni totali qed jonqos b’mod kostanti,

    B.

    billi ż-żgħażagħ kollha huma riżorsa importanti għas-soċjetà u għandhom jiġu rikonoxxuti bħala tali,

    C.

    billi l-ġenerazzjonijiet preżenti, meta jfasslu l-politiki tal-lum, għandhom responsabbiltà qawwija lejn iż-żgħażagħ u l-ġenerazzjonijiet futuri; billi min ifassal il-politika u r-riċerkaturi jeħtieġu jqisu l-opinjonijiet taż-żgħażagħ biex jagħtuhom vuċi,

    D.

    billi l-Unjoni Ewropea għandha strumenti importanti marbuta mal-politiki taż-żgħażagħ, madankollu dawn l-istrumenti għandhom jiġu bis-sħiħ sfruttati, imxandra u integrati mill-Istati Membri,

    E.

    billi impjieg ifisser aktar minn sempliċement xogħol imħallas: huwa fattur ta’ soċjalizzazzjoni u jista’ jkun sors importanti ta’ appoġġ, ta’ struttura u ta’ formazzjoni tal-identità,

    F.

    billi sitwazzjoni ta’ xogħol prekarju tista' twassal liż-żgħażagħ biex jevitaw jew jipposponu li jibdew familja, b'effett fuq l-iżviluppi demografiċi,

    G.

    billi, illum iż-żgħażagħ Ewropej huma esposti għal rati ta’ qgħad li qed jikbru u huma affettwati bil-kriżi ekonomika, billi b’mod partikolari ż-żgħażagħ bi kwalifiki baxxi iktar għandhom possibbiltà li jkunu bla xogħol, u billi għalhekk huwa importanti, li jkun żgurat li ż-żgħażagħ jirċievu l-aħjar taħriġ possibbli li jiggarantilhom aċċess malajr u parteċipazzjoni fuq medda twila ta’ żmien fis-suq tax-xogħol,

    H.

    billi għandu jiġi appoġġjat aċċess ugwali għaż-żgħażagħ kollha għal edukazzjoni u taħriġ ta’ livell għoli fil-livelli kollha, u għandhom jiġu promossi aktar l-opportunitajiet għat-tagħlim tul il-ħajja,

    I.

    billi t-tranżizzjoni taż-żgħażagħ mill-edukazzjoni u t-taħriġ għas-suq tax-xogħol għandha tiġi ffaċilitata,

    J.

    billi bħala kwistjoni ta’ urġenza għandha tingħata prijorità assoluta lill-problemi ta’ tluq bikri mill-iskola u l-illitteriżmu, b’mod partikolari fost l-adolexxenti u l-popolazjoni żagħżugħa tal-ħabs,

    K.

    billi kwistjonijiet marbuta mas-saħħa, mal-akkomadazzjoni u mal-ambjent huma ta’ importanza kbira għaż-żgħażagħ u jista’ jkollhom impatt serju fuq il-ħajja u l-ġejjieni tagħhom; billi għandu jiġi promoss ambjent favorevoli f'dak li jirrigwarda l-edukazzjoni, l-impjiegi, l-inklużjoni soċjali u s-saħħa,

    L.

    billi ż-żgħażagħ, filwaqt li għandhom ikunu jistgħu jistrieħu fuq ambjent familjari san, jeħtieġu l-għajnuna biex jissodisfaw il-bżonn ta’ awtonomija u indipendenza tagħhom,

    M.

    billi l-aspetti ambjentali mhumiex inklużi b’mod ċar fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni u fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill, minkejja li huma kruċjali għaż-żgħażagħ u jħallu impatt serju fuq is-saħħa, il-kwalità tal-ħajja u l-benessri ta’ ġenerazzjonijiet futuri; billi, għalhekk, fi strateġija tal-UE għaż-żgħażagħ, il-kwistjonijiet ambjentali għandhom jissemmew b’mod ċar fl-oqsma ta’ azzjoni,

    N.

    billi l-parteċipazzjoni attiva f’soċjetà mhux biss hija mezz importanti għar-responsabilizzazzjoni taż-żgħażagħ iżda tikkontribwixxi wkoll għall-iżvilupp personali tagħhom, għal integrazzjoni aħjar fis-soċjetà, għall-ksib ta’ ħiliet u għall-iżvilupp ta’ sens ta’ responsabbiltà,

    O.

    billi l-ħidma miż-żgħażagħ hija importanti għall-istrateġija tal-UE għaż-żgħażagħ, bħala attività rikreattiva valida għaż-żgħażagħ u li għandha titwettaq minnhom, iżda anki sabiex jiksbu ħiliet u żvilupp personali,

    P.

    billi li titgħallem u tesperjenza xi tfisser li jkollok parti attiva fis-soċjetà tkattar il-fehim u l-parteċipazzjoni attiva fid-demokrazija u l-proċessi tagħha,

    Q.

    billi l-eżistenza tal-programmi Ewropej li ż-żgħażagħ jibbenefikaw minnhom għandha tiġi mxandra aħjar liż-żgħażagħ sabiex issaħħaħ il-parteċipazzjoni tagħhom,

    R.

    billi politika taż-żgħażagħ effettiva tista’ tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ mentalità Ewropea,

    Osservazzjonijiet ġenerali

    1.

    Jilqa’ b’sodisfazzjon il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Strateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ – Investiment u Responsabilizzazzjoni”;

    2.

    Jilqa’ b’sodisfazzjon ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar qafas imġedded għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ (2010-201C);

    3.

    Jinnota li n-nuqqas ta’ definizzjoni ċara tal-kunċett ta’ “żgħażagħ”, tvarja fost l-Istati Membri; jinnota li dan il-kunċett huwa influwenzat minn ċirkostanzi soċjali differenti u li dan jagħti l-opportunità għal approċċ differenti minn kull Stat Membru;

    4.

    Huwa tal-fehma li l-programmi u l-fondi tal-Komunità għandhom jirriflettu l-ambizzjonijiet tal-Ewropa għaż-żgħażagħ;

    5.

    Jistieden lill-Istati Membri biex jimplimentaw bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta’ Lisbona fil-qasam tal-politika taż-żgħażagħ, bħat-tħeġġiġ tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika, l-attenzjoni speċjali għall-isportivi żgħażagħ u l-infurżar legali tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali;

    Osservazzjonijiet ewlenin dwar l-effettività tal-istrateġija taż-żgħażagħ

    6.

    Jirrikonoxxi li l-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni (OMC) imsaħħaħ, b'rispett għall-prinċipju tas-sussidjarjetà, huwa għodda xierqa għall-kooperazzjoni dwar il-kwistjonijiet tal-politiki taż-żgħażagħ, minkejja n-nuqqasijiet tagħhom, bħad-defiċits ta’ leġittimità, in-nuqqas ta’ kooperazzjoni effettiva bejn l-“esperti” u l-politiċi eletti, in-nuqqas ta’ integrazzjoni xierqa mal-prijoritajiet nazzjonali u r-riskju ta’ “konfużjoni dwar il-responsabbiltà” fost il-livelli varji; iqis li, biex jintlaħqu riżultati fit-tul, il-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni għandu jissaħħaħ;

    7.

    Jenfasizza li l-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni jeħtieġ li jitwettaq b’rieda politika soda min-naħa tal-Istati Membri sabiex irendi l-aqwa riżultati; iqis in-nuqqasijiet tal-implimentazzjoni bħala ostakli fundamentali biex jinksibu l-miri stabbiliti;

    8.

    Jirrikonoxxi l-importanza tal-kooperazzjoni fost l-istituzzjonijiet fil-livelli lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropej biex jintlaħqu l-miri ta’ din l-istrateġija u jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lir-rappreżentanti taż-żgħażagħ biex jieħdu rwol attiv fl-implimentazzjoni tal-istrateġija taż-żgħażagħ;

    9.

    Iħeġġeġ kooperazzjoni aktar mill-qrib dwar kwistjonijiet taż-żgħażagħ bejn il-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni u l-Kunsill u jenfasizza l-ħtieġa għal kooperazzjoni aktar integrata ma’ u fost il-parlamenti nazzjonali fl-ambitu tal-proċess tal-OMC;

    10.

    Jilqa’ b’sodisfazzjon id-definizzjoni ċara tal-approċċ doppju, l-introduzzjoni ta’ metodi ta’ ħimda u speċjalment il-lista ċara tal-istrumenti ta’ implimentazzjoni stabbilita mill-Kunsill; jitlob l-involviment tal-Parlament Ewropew fid-definizzjoni tal-prijoritajiet taċ-ċikli ta’ ħidma; jitlob li l-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ tkun ibbażata fuq evidenza, pertinenti u kkonċentrata;

    11.

    Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati indikaturi ċari u faċli li jintużaw kemm fil-livell Ewropew kif ukoll fil-livell nazzjonali li jagħmluha possibbli, li jitjieb, jitwessa’ u jiġi aġġornat l-għarfien vera tagħna dwar il-qagħda taż-żgħażagħ u li jitkejjel u jiġi kkumparat il-progress fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ objettivi stabbiliti b’mod komuni; jenfasizza l-importanza ta’ valutazzjoni u monitoraġġ kostanti;

    12.

    Jinnota l-importanza ta’ valutazzjoni tal-istat tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ; jenfasizza li r-rapporti ta’ progress tal-Istati Membri fil-qasam taż-żgħażagħ għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku sabiex tiżdied il-kuxjenza pubblika; jenfasizza l-bżonn li jiġi ssorveljat il-mod kif il-ħajjiet taż-żgħażagħ fl-Ewropa qed jiżviluppaw u jinbidlu sabiex il-progress effettiv miksub ikun jista’ jiġi vvalutat;

    13.

    Iqis li t-tagħlim fost il-pari għandu jkun żviluppat aktar bħala mezz li jiffaċilità l-iskambju ta’ prattiki tajba u li jikkontribwixxi għall-konsistenza tal-azzjonijiet meħuda fuq livell nazzjonali;

    14.

    Iqis li sabiex ikun hemm strateġija kompleta tal-UE għaż-żgħażagħ, il-formulazzjoni tal-politiki taż-żgħażagħ u dik tal-programmi u l-azzjonijiet tal-UE għandhom imorru id f’id b’mod korrett u trasparenti; iqis, b'mod partikolari, li r-riżultati li joħorġu mill-implimentazzjoni tal-programmi tal-UE għandhom jagħtu reazzjoni għall-formulazzjoni tal-politika taż-żgħażagħ u l-istrateġija tal-UE għaż-żgħażagħ inġenerali, u vice versa;

    15.

    jenfasizza, barra minn hekk, il-bżonn ta’ analiżi fil-fond tal-programmi implimentati sabiex tkun possibbli l-ġestjoni tal-kwalità effikaċi u, abbażi tagħha, jitfassal kull titjib li jista' jkun meħtieġ fil-programmi fil-futur;

    16.

    Jinnota l-ħtieġa li jiġu mobilizzati u simplifikati l-proċeduri ta’ aċċess għall-programmi tal-UE u l-fondi soċjali u li jiġi ffaċilitat l-aċċess għalihom; jisħaq fuq kemm huwa importanti li f'dan il-qasam jitfassal approċċ prattiku u mhux burokratiku bil-ħsieb li tiġi implimentata strateġija integrata biex ittejjeb il-ħajja taż-żgħażagħ; jenfasizza l-importanza li ż-żgħażagħ jiġu involuti fl-implimentazzjoni tal-programmi għaż-żgħażagħ sabiex il-ħtiġijiet tagħhom ikunu jistgħu jitqiesu aħjar;

    17.

    Jenfasizza r-rwol importanti tal-programmi Comenius, Erasmus u Leonardo da Vinci fl-iżvilupp ta’ politiki edukattivi u ta’ taħriġ Ewropej; itenni l-prijorità politika tiegħu li dawn il-programmi jitqiesu bħala pass fundamentali fl-iżvilupp ta’ strateġija tal-UE għaż-żgħażagħ, speċjalment għall-ġenerazzjoni li jmiss ta’ programmi pluriennali;

    18.

    Iqis li għandu jsir saħansitra sforz akbar biex tkun promossa l-mobbiltà taż-żgħażagħ fl-Ewropa u li, fil-programmi ta’ mobbiltà, għandu jkun hemm ambitu biżżejjed u attenzjoni mogħtija għal skambji lil hinn mill-edukazzjoni formali taż-żgħażagħ;

    19.

    Jistieden lill-Kummissjoni, fi ħdan il-programmi ta’ mobbiltà l-ġodda, biex tagħti attenzjoni speċjali lill-mobbiltà tal-ħaddiema żgħażagħ u għal dan il-għan jitlob biex is-sistema ta’ viża speċjali li fil-preżent teżisti għall-istudenti tiġi estiża għall-ħaddiema żgħażagħ;

    20.

    Jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn li l-mezzi tax-xandir jiġu involuti biex il-programmi għaż-żgħażagħ isiru popolari;

    21.

    Jirrikonoxxi li t-titjib tal-ħajja taż-żgħażagħ huwa ħidma trasversali li għandha titqies f'kull qasam tal-politika; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet Ewropej u lill-Istati Membri biex jippromwovu l-ħolqien ta’ sezzjoni għaż-żgħażagħ fid-dipartimenti u l-ministeri kollha li għandha tgħin biex jissaħħaħ l-abbozzar ta’ politiki taż-żgħażagħ adegwati; jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex taħtar “uffiċjali żgħażagħ” fid-direttorati ġenerali tagħha u tagħtihom taħriġ ulterjuri; iqis li l-għan għandu jkun li d-dokumenti tal-Kummissjoni jiġu vvalutati fid-dawl tal-objettivi tal-politika taż-żgħażagħ; għalhekk, jilqa’ b’sodisfazzjon kbir l-approċċ transsettorjali bħala fattur neċessarju biex jinkiseb livell massimu ta’ effettività; iqis li l-integrazzjoni tal-kwistjonijiet taż-żgħażagħ fl-oqsma kollha tal-politika hija fattur ewlieni għas-suċċess tal-istrateġija għaż-żgħażagħ;

    22.

    Jenfasizza l-bżonn għall-istituzzjonalizzazzjoni tal-ġustizzja interġenerazzjonali fil-livell Ewropew u l-adozzjoni ta’ dan il-prinċipju mill-Istati Membri għar-regolazzjoni ġusta tar-relazzjonijiet bejn il-ġenerazzjonijiet;

    Oqsma ta’ azzjoni

    23.

    Jenfasizza bil-qawwa li l-kriżi ekonomika globali qed ikollha impatt kbir fuq iż-żgħażagħ u li għaldaqstant għandha tinfluwenza profondament il-prijoritajiet fi ħdan l-oqsma ta’ azzjoni; iqis li dan għandu jsir billi tiġi identifikata firxa ta’ miżuri biex jirfdu l-istrateġija ta’ ħruġ soċjali u li għandha tingħata attenzjoni speċjali għal reviżjoni tax-xbieki ta’ sikurezza soċjali u tas-sistemi tas-sigurtà soċjali;

    Prinċipji ġenerali li japplikaw għal kull qasam ta’ azzjoni

    24.

    Jenfasizza l-importanza li jitneħħew it-tipi kollha ta’ diskriminazzjoni komuni fost iż-żgħażagħ, bħalma hija d-diskriminazzjoni abbażi tas-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon, id-diżabbiltà, l-età u l-orjentazzjoni sesswali;

    25.

    Jenfasizza l-importanza li ż-żgħażagħ jiġu kkunsidrati bħala grupp ta’ prijorità fil-viżjoni soċjali tal-UE;

    26.

    Jenfasizza bil-qawwa l-ħtieġa li ż-żgħażagħ b’diżabbiltà jingħataw appoġġ effettiv u magħmul apposta kif ukoll opportunitajiet reali u ugwali fl-aċċess fiżiku, sensorjali u konoxxittiv għall-edukazzjoni, l-impjieg, il-kultura, id-divertiment, l-isports, l-attivitajiet soċjali u l-involvimwent fit-tmexxija tal-affarijiet pubbliċi u ċivili;

    27.

    Jitlob miżuri li jiżguraw ir-rispett tad-diversità u l-integrazzjoni b’suċċess ta’ żgħażagħ u tfal;

    28.

    Jistieden lill-Istati Membri biex jidentifikaw ir-rabtiet trasversali bejn il-politiki taż-żgħażagħ u l-politiki tal-edukazzjoni, it-taħriġ, l-impjiegi, il-kultura u oħrajn;

    29.

    Jenfasizza l-bżonn għal rabtiet qawwija bejn il-politiki dwar iż-żgħażagħ u t-tfal;

    Edukazzjoni u taħriġ

    30.

    Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jintensifikaw l-interazzjoni bejn it-tliet naħat tat-triangolu tal-għarfien (l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni) bħala element ewlieni għat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi; jirrakkomanda bil-qawwa l-promozzjoni ta’ kriterji komuni għal rikonoxximent reċiproku aqwa tal-edukazzjoni mhux formali u t-taħriġ vokazzjonali, pereżempju billi titħaffef l-adozzjoni tas-sistema EQF għar-rikonoxximent tal-kwalifiki, għat-trasparenza u gall-validazzjoni tal-ħiliet;

    31.

    Jistieden lill-Istati Membri biex jieħdu aktar inizjattivi ħalli jinvestu fil-ħiliet meħtieġa għall-impjiegi li għalihom hemm domanda, u jinkoraġġihom biex jorbut l-curricula edukattivi mad-domanda fis-suq tax-xogħol, biex jipprovdu leġiżlazzjoni għat-taħriġ vokazzjonali fiż-żmien il-qasir (fejn dan ikun għadu meħtieġ) u li, fejn ikun possibbli, jużaw il-validazzjoni tal-ħiliet u r-rikonoxximent tal-kwalifiki;

    32.

    Jiġbed l-attenzjoni għall-problema ta’ żgħażagħ li jitilqu l-iskola u l-ħtieġa li jittieħdu miżuri li jiżguraw li l-ogħla perċentwali possibbli ta’ żgħażagħ jispiċċaw il-perjodu obbligatorju ta’ edukazzjoni tagħhom;

    33.

    Iħeġġeġ bil-qawwa lill-Istati Membri, fil-kuntest ta’ aktar finanzjament, biex jippromwovu l-mobbiltà tat-tagħlim u t-taħriġ għaż-żgħażagħ kollha, li hija fattur ewlieni biex wieħed jikseb esperjenza ta’ tagħlim u ta’ xogħol; jenfasizza l-importanza tal-mobbiltà taż-żgħażagħ ukoll fir-reġjuni konfinanti mal-UE billi tkun garantita parteċipazzjoni wiesgħa fil-programmi Ewropej li minnhom jibbenefikaw iż-żgħażagħ;

    34.

    Iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu ħilithom kollha biex jilħqu l-għanijiet strateġiċi u jilħqu l-livelli ta’ referenza stabbiliti skont il-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ (“ET 2020”), b'mod partikolari fir-rigward ta’ dawk li jkollhom livell baxx ta’ ħiliet bażiċi u dawk li jitilqu kmieni mill-edukazzjoni;

    35.

    Jistieden lill-Istati Membri biex joħolqu biżżejjed rotot li permezz tagħhom in-nies li jkunu ħallew is-sistema edukattiva jkunu jistgħu jerġgħu jidħlu fiha u biex jiżguraw li ponti adegwati jkunu disponibbli ħalli persuni li jkunu segwew korsijiet ta’ taħriġ vokazzjonali jkunu jistgħu jimxu 'l quddiem lejn livelli ogħla tal-edukazzjoni, u jħeġġiġhom jieħdu l-miżuri u joffru programmi mmirati għaż-żgħażagħ li jkuu waqgħu lura jew li jkunu ħallew l-iskola aktar kmieni minħabba ċirkustanzi diffiċli jew għażliet ħżiena;

    36.

    Jenfasizza l-importanza li fit-tranżizzjoni mill-edukazzjoni għax-xogħol iż-żgħażagħ ikunu pprovduti b’aċċess għal gwida u pariri;

    37.

    Jistieden lil-Istati Membri biex jiżguraw li t-tfal u ż-żgħażagħ, irrispettivament mill-istatus legali tal-familji tagħhom, ikollhom id-dritt għal edukazzjoni statali li tgħinhom jiksbu, bir-rispett dovut għall-kultura u l-lingwa proprja tagħhom, il-ħakma meħtieġa tal-lingwa tal-Istat Membru ospitanti u għarfien tal-kultura tiegħu bħala għodda għall-integrazzjoni;

    38.

    Jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw aċċess ugwali għall-edukazzjoni għaż-żgħażagħ irrispettivament mill-oriġini soċjali u l-kundizzjonijiet finanzjarji, u biex jiggarantixxu aċċess ugwali għall-edukazzjoni liż-żgħażagħ żvantaġġati minn familji bi dħul baxx;

    39.

    Jistieden lill-Istati Membri biex jimplimentaw il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà u jagħmlu l-edukazzjoni inklussiva – li tkopri kemm l-edukazzjoni formali kif ukoll dik informali – realtà;

    40.

    Jenfasizza l-importanza ta’ sistema ta’ taħriġ ġdida, effikaċi u kontinwa għall-għalliema sabiex jgħinu lill-istudenti żgħażagħ biex ikunu jistgħu jlaħħqu aħjar mal-isfidi tas-soċjetà tagħna li qed tinbidel b’rata mgħaġġla;

    41.

    Jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni tal-litteriżmu tal-midja;

    42.

    Jinnota li l-edukazzjoni għandha rwol fundamentali fl-iżvilupp pożittiv tal-attitudni personali;

    Impjiegi u intraprenditorija

    43.

    Jinsab ferm imħasseb dwar l-għadd dejjem ikbar ta’ żgħażagħ qiegħda, sottoimpjegati jew li m’għandhom l-ebda sigurtà tal-impjieg, speċjalment fil-kriżi ekonomika attwali; jappoġġja bil-qawwa l-istedina indirizzata lill-Kunsill Ewropew biex jiżgura perspettiva taż-żgħażagħ fl-Istrateġija ta’ Lisbona għal wara l-2010 u biex jappoġġja l-kontinwazzjoni ta’ inizjattivi b’konformità mal-objettivi ġenerali tal-Patt Ewropew għaż-Żgħażagħ; jappoġġja bil-qawwa l-proposta biex jiġu żviluppati miżuri mmirati għaż-żgħażagħ fil-pjanijiet ta’ rkupru mfassla fil-pjanijiet tal-kriżi ekonomika u finanzjarja;

    44.

    Jenfasizza l-ħtieġa essenzjali li jinkisbu l-objettivi tal-Istrateġija ta’ Lisbona għat-tkabbir u l-impjiegi u jqis li l-aġenda UE 2020 mġedda għandha tippermetti li l-UE tirkupra bis-sħiħ mill-kriżi billi timxi aktar malajr lejn ekonomija innovattiva u li toħloq ix-xogħol; f'dan il-kuntest, iħeġġeġ li l-aġenda mġedda tkun aktar iffukata fuq iż-żgħażagħ;

    45.

    Jistieden lill-Istati Membri biex jieħdu azzjoni kontra n-nuqqas ta’ sigurtà tax-xogħol u l-kundizzjonijiet tal-impjieg prekarji li ż-żgħażagħ jesperjenzaw fis-suq tax-xogħol u biex jappoġġjaw b’mod attiv ir-rikonċiljazzjoni tad-dinja tax-xogħol mad-dinja tal-ħajja personali u tal-familja;

    46.

    Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex iqisu d-dimensjoni interġenerazzjonali fil-politiki tagħhom sabiex irawmu l-impjieg;

    47.

    Jistieden lill-Istati Membri biex jiffaċilitaw l-aċċess taż-żgħażagħ għal kull tip ta’ impjieg b'kundizzjonijiet tax-xogħol tajba sabiex jiġi evitat li jkun hemm diskrepanza bejn il-ħiliet u x-xogħlijiet, li tirrappreżenta ħela ta’ talent; f’dan ir-rigward, jirrakkomanda titjib fil-kwalità tal-apprentistati pprovduti kif ukoll fid-drittijiet tal-apprentisti billi jiġi żgurat li l-maġġoranza tal-programmi interni jattribwixxu kwalifiki liż-żgħażagħ u jwassluhom għal karigi bi ħlas;

    48.

    Jistieden ukoll lill-Istati Membri biex joffru aktar opportunitajiet ta’ impjieg, jimplimentaw politiki ta’ protezzjoni soċjali għal żgħażagħ żvantaġġati, jiżguraw opportunitajiet ugwali għaż-żgħażagħ li jgħixu f’żoni periferiċi u f’ċentri urbani, u jagħtu appoġġ speċjali lill-ommijiet żgħażagħ;

    49.

    Ifakkar fir-riskju ta’ telf tal-imħuħ u l-konsegwenzi negattivi għall-pajjiżi ta’ oriġini taż-żgħażagħ; jistieden lill-Istati Membri biex jesploraw u jiżviluppaw strateġiji għaż-żamma taż-żgħażagħ f’pajjiżi u reġjuni suxxettibbli għal migrazzjoni 'l barra, li tieħu diversi forom, bħal pereżempju t-telf tal-imħuħ, il-mili ta’ nuqqas ta’ ħiliet u x-xogħol irħis, flessibbli, bla sengħa u ta’ sikwit staġunali;

    50.

    Jistieden lill-Istati Membri biex jeliminaw il-każijiet fejn tiġi nnutata diskrepanza bejn il-livelli ta’ dħul bejn iż-żgħażagħ irġiel u dawk nisa fuq il-bażi tas-sess;

    51.

    Jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw drittijiet ta’ impjieg deċenti u sigurtà soċjali f’era ta’ globalizzazzjoni billi jilħqu bilanċ bejn il-flessibbiltà u s-sigurtà;

    52.

    Jistieden lill-Istati Membri biex jiggarantixxu t-trasferibbiltà totali tal-benefiċċji soċjali miksuba sabiex ma tiġix ipperikolata l-protezzjoni tal-benessri għall-ħaddiema żgħażagħ li għażlu l-mobbiltà;

    53.

    Jenfasizza l-importanza ta’ perjodi ta’ taħriġ prattiku f’kumpaniji u istituzzjonijiet waqt il-perjodu ta’ studju, li sussegwentement jafu jagħmluha iktar faċli biex wieħed isib xogħol;

    54.

    Jissuġġerixxi l-promozzjoni ta’ kultura intraprenditorjali fost iż-żgħażagħ billi tittejjeb il-komunikazzjoni dwar l-intraprenditorija, permezz tal-appoġ għall-iżvilupp ta’ strutturi u netwerks Ewropej għal dak il-għan u billi ż-żgħażagħ jiġu inkoraġġiti jibdew jaħdmu għal rashom u billi jużaw għodda ta’ mikrokreditu u mikrofinanzjament; jenfasizza l-importanza ta’ tagħlim tul il-ħajja;

    55.

    Jappoġġja l-bżonn ta’ sinerġiji bejn id-dinja tal-edukazzjoni u dik tal-industrija kif ukoll il-bżonn ta’ forom avvanzati ta’ integrazzjoni bejn l-universitajiet u n-negozji;

    56.

    Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jappoġġjaw inizjattivi privati għaż-żgħażagħ, anke permezz ta’ programmi nazzjonali li jissuplimentaw il-programmi Ewropej;

    57.

    Jiġbed l-attenzjoni għal bżonn li jitfasslu politiki għar-rikonċiljazzjoni tal-ħajja tax-xogħol u l-ħajja privata u li jħeġġu liż-żgħażagħ biex jibdew familja; jinnota wkoll l-attenzjoni il-bżonn li jiġi żgurat li ż-żgħażagħ ikollhom dħul biżżejjed sabiex ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet indipendenti, inkluża d-deċiżjoni li jibdew familja;

    Saħħa, benesseri u ambjent

    58.

    Jenfasizza li l-impatt tat-tibdil klimatiku u ambjentali kif ukoll id-degradazzjoni ambjentali għandhom impatt negattiv fuq il-ħajja taż-żgħażagħ u jitlob azzjonijiet sostenibbli f’dan il-qasam;

    59.

    Jistieden lill-Istati Membri biex fil-curricula tagħhom jinkludu forom xierqa ta’ edukazzjoni dwar il-prevenzjoni tar-riskji relatati mas-saħħa u mal-ambjent;

    60.

    Jiddispjaċih ħafna minħabba l-fatt li l-qafas ta’ kooperazzjoni ma jagħmel l-ebda referenza għall-politiki tal-konsumatur; huwa tal-fehma li ċerti problemi jistgħu jkunu relatati mal-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta’ ikel ħażin għas-saħħa;

    61.

    Jenfasizza l-ħtieġa li titqies il-vunerabbiltà speċifika taż-żgħażagħ u t-tfal fil-formulazzjoni tal-politiki ambjentali u tal-konsumatur; jenfasizza l-bżonn li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi żgħażagħ permezz ta’ azzjonijiet bħal kampanji ta’ informazzjoni u edukazzjoni;

    62.

    Jenfasizza l-importanza li tkompli tikber il-ġlieda kontra l-użu tad-drogi u l-alkoħol, kontra l-ħsara relatata mal-alkoħol u kontra kwalunkwe forma oħra ta’ vizzju, inkluż il-logħob tal-ażżard, speċjalment permezz ta’ prevenzjoni u riabilitazzjoni; jistieden lill-Istati Membri biex jisfruttaw kemm jista’ jkun il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar id-Drogi u l-Istrateġija tal-UE fir-rigward tal-għajnuna għall-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-ħsara relatata mal-alkoħol u forom oħrajn ta’ vizzji;

    63.

    Ifakkar ukoll li t-tfal u ż-żgħażagħ huma esposti għal numru kbir ta’ xeni ta’ natura vjolenta fil-midja; jissuġġerixxi li l-kwistjoni tkompli tiġi investigata u li jittieħdu l-miżuri kollha neċessarji bil-għan li jinqered l-impatt fuq is-saħħa mentali tagħhom;

    64.

    Jirrakkomanda li ż-żgħażagħ jiġu ggwidati fl-użu tagħhom tat-teknoloġiji l-ġodda permezz ta’ politiki dwar l-edukazzjoni tal-midja u politiki biex titqajjem kuxjenza fir-rigward tal-perikli inerenti fl-użu bla kontroll tagħhom;

    65.

    Jenfasizza r-rwol tal-għoti ta’ informazzjoni liż-żgħażagħ dwar il-kwistjonijiet relatati mal-edukazzjoni sesswali fil-ħarsien ta’ saħħithom;

    66.

    Jiġbed l-attenzjoni għal-livell kontinwament għoli ta’ tqala taħt l-età u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex irawmu kuxjenza fost iż-żgħażagħ u jedukawhom dwar din il-problema;

    67.

    Jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-immigranti tfal u żgħażagħ fit-territorju tagħhom ikollhom aċċess għal kura tas-saħħa bażika, irrispettivament mill-istatus legali tal-familji tagħhom;

    68.

    Jenfasizza r-rwol tal-isport bħala sett sħiħ ta’ attivitajiet li jippromwovu stili ta’ ħajja b’saħħithom għaż-żgħażagħ u li jħeġġu l-ħidma f’tim, l-ispirtu ta’ korrettezza u r-responsabbiltà u r-rwol tal-informazzjoni għaż-żgħażagħ fil-ġlieda kontra l-vjolenza fil-grawnds sportivi; isejjaħ għal programmi speċjali għaż-żgħażagħ b'diżabbiltà;

    69.

    Jistieden lill-Istati Membri biex, fl-isforzi tagħhom biex iħeġġu liż-żgħażagħ jipparteċipaw fl-isports, iqisu l-kwistjonijiet relatati speċifikament mas-sessi u jipprovdu appoġġ għal sports inqas popolari wkoll;

    70.

    Jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni ta’ kampanji ta’ edukazzjoni għaż-żgħażagħ kontra d-doping u favur sport ħieles mid-drogi;

    Parteċipazzjoni

    71.

    Jenfasizza l-importanza ta’ djalogu strutturat kontinwu u konsultazzjoni maż-żgħażagħ; iħeġġeġ bil-qawwa l-promozzjoni tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ fil-livelli kollha (lokali, nazzjonali u internazzjonali) fil-formulazzjoni tal-politiki ġenerali u, b'mod partikolari iżda mhux esklussivament, tal-politika dwar iż-żgħażagħ, permezz ta’ djalogu strutturat kontinwu;

    72.

    Jenfasizza l-importanza li jiġi kkunsidrat il-metodu ta’ konsultazzjoni taż-żgħażagħ, sabiex jiġi żgurat li titqies firxa wiesgħa ta’ fehmiet taż-żgħażagħ; huwa favur l-iżvilupp ta’ strutturi fejn il-parteċipanti kollha jistgħu jaħdmu flimkien, jinfluwenzaw il-politiki u d-deċiżjonijiet b’mod ugwali u jipprovdu l-mezzi meħtieġa biex jinħolqu dawn l-istrutturi;

    73.

    Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jinkludu l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ fil-proċess tat-tfassil tal-politika, inkluż fil-livell lokali;

    74.

    Jenfasizza l-importanza ta’ rappreżentanti taż-żgħażagħ rappreżentattivi fid-djalogu strutturat u jirrakkomanda li l-Kummissjoni tikkonsulta lir-rappreżentanti tal-kunsilli nazzjonali taż-żgħażagħ dwar t-temi prijoritarji taż-żgħażagħ;

    75.

    Jaqbel mal-ħtieġa indirizzata frekwentement tar-rikonoxximent u l-appoġġ ta’ organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u l-kontribuzzjoni kbira tagħhom għall-edukazzjoni mhux formali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex iħeġġu lill-Istati Membri sabiex jistabbilixxu u jipprovdu appoġġ għal parlamenti lokali taż-żgħażagħ u biex iniedu programmi korrispondenti;

    76.

    Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu involuti dejjem iżjed żgħażagħ diversi bil-għan li tissaħħaħ ir-rappreżentattività; huwa favur li l-parteċipazzjoni titħeġġeġ minn età bikrija; f’dan ir-rigward, iħeġġeġ riflessjoni dwar it-tisħiħ tar-rabtiet bejn l-iskejjel, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili u jirrakkomanda bil-qawwa t-trawwim ta’ rikonoxximent iktar b’saħħtu tal-edukazzjoni mhux formali;

    77.

    Jissuġġerixxi t-twaqqif ta’ skemi ta’ għotjiet għaż-żgħażagħ li jipparteċipaw b’mod attiv fis-soċjetà, bl-iskop aħħari li tiġi stabbilita kultura kemm tad-drittijiet kif ukoll tal-obbligi;

    78.

    Jenfasizza l-bżonn ta’ sforzi partikulari biex iż-żgħażagħ li jgħixu f’żoni periferiċi u rurali u fi kwartieri fqar jitħeġġu jipparteċipaw b’mod attiv fl-attivitajiet Ewropej; f'dan ir-rigward, jiddispjaċih li l-qafas ta’ kooperazzjoni ma jipproponi l-ebda azzjoni speċifika sabiex il-programmi tal-UE jiġu kkomunikati aħjar liż-żgħażagħ u b’mod partikulari lil dawk li jgħixu f’żoni remoti u lil dawk li mhumiex organizzati f’organizzazzjonijiet politiċi, soċjali jew mhux governattivi; jitlob mill-Kummissjoni impenn definittiv f'dan ir-rigward;

    79.

    Jenfasizza l-bżonn li jiżdiedu l-isforzi biex jiġi żgurat skambju ta’ fehmiet u informazzjoni effikaċi u trijangolari bejn il-komunitajiet akkademiċi, kummerċjali u politiċi fil-livelli lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropej;

    Kreattività u kultura

    80.

    Jistieden lill-Istati Membri biex jiffaċilitaw l-aċċess għat-teknoloġiji l-ġodda biex jagħtu spinta lill-kreattività u l-kapaċità ta’ innovazzjoni taż-żgħażagħ u jiġġeneraw interess fil-kultura, fl-arti u fix-xjenza;

    81.

    Jinsab sorpriż bin-nuqqas ta’ kwalunkwe referenza espliċita għall-kwistjonijiet kulturali fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni; u jiddikjara wkoll li dawn il-kwistjonijiet ma jistgħux jinkludu biss l-intraprenditorija u l-użu ta’ teknoloġiji ġodda;

    82.

    Jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tqis ir-rwol li għandhom l-attivitajiet soċjali u kulturali, li tikkomplementa r-rwol tas-sistemi tal-edukazzjoni u dak tal-familji; jinnota wkoll li dawn l-attivitajiet jikkontribwixxu wkoll b’mod deċiżiv għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u l-inugwaljanza u jiffaċilitaw l-aċċess taż-żgħażagħ għal attivitajiet ta’ divertiment, kultura u sport;

    83.

    Jenfasizza l-importanza tal-appoġġ u r-rikonoxximent tal-kultura taż-żgħażagħ meta l-Istati Membri jallokaw il-fondi, minħabba li dan huwa essenzjali għall-iżvilupp tal-kreattività taż-żgħażagħ;

    84.

    Jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta inkluża fir-riżoluzzjoni tal-Kunsill sabiex jiġi promoss taħriġ speċjalizzat għall-ħaddiema żgħażagħ fil-kultura, fil-midja ġdida u fil-kompetenzi interkulturali;

    85.

    Jissuġġerixxi l-inklużjoni ta’ perspettiva taż-żgħażagħ fil-politiki, il-programmi u l-azzjonijiet fl-oqsma tal-kultura u l-midja;

    86.

    Huwa tal-fehma li l-istituzzjonijiet kulturali (pereżempju l-mużewijiet, il-libreriji u t-teatri) għandhom jitħeġġu biex jinvolvu iktar lit-tfal u liż-żgħażagħ;

    87.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex joħolqu pass Ewropew taż-żgħażagħ sabiex iż-żgħażagħ ikollhom aċċess għall-istituzzjonijiet kulturali madwar l-UE bi prezz baxx ħafna;

    Attivitajiet ta’ volontarjat

    88.

    Jilqa’ b’sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Kunsill li jiddikjara s-sena 2011 bħala s-Sena Ewropea tal-Volontarjat kif ukoll il-miżuri stipulati fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-mobbiltà taż-żgħażagħ voluntieri madwar l-Unjoni Ewropea;

    89.

    Huwa tal-fehma li l-volontarjat taż-żgħażagħ għandu jkun appoġġjat, anke billi jiġi estiż il-programm tas-Servizz Volontarju Ewropew, u billi ż-żgħażagħ żvantaġġati jiġu megħjuna jimpenjaw irwieħhom għall-volontarjat;

    90.

    Iqis li, skont ma jkun ir-riżultat tal-valutazzjoni tal-Azzjoni Preparatorja Amicus, għandhom jiġu eżaminati azzjonijiet ulterjuri ta’ dan it-tip;

    91.

    Huwa tal-fehma li l-attivitajiet volontarji m’għandhomx jieħdu post l-opportunitajiet ta’ impjieg professjonali u bi ħlas iżda għandhom iżidu l-valur għas-soċjetà;

    92.

    Jitlob l-introduzzjoni u r-rikonoxximent reċiproku ta’ “Pass Ewropew tal-Voluntiera” bħala żieda għall-“Pass Ewropew taż-Żgħażagħ” eżistenti; dan il-pass jipprovdi reġistru tal-ħidma volontarja mwettqa mit-tfal u miż-żgħażagħ u jkun jista’ jiġi ppreżentat lil dawk li potenzjalment jistgħu iħaddmuhom bħala prova ta’ kwalifika;

    Inklużjoni soċjali

    93.

    Jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-2010 hija s-Sena Ewropea tal-Ġlieda kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali, speċjalment fil-kuntest tal-kriżi ekonomika u finanzjarja, li qed ikollha impatt qawwi fuq iż-żgħażagħ;

    94.

    Huwa tal-fehma li, fl-isfond ta’ soċjetajiet li qed jixjieħu, l-ekwità interġenerazzjonali hija sfida ċentrali; jistieden lill-Istati Membri biex iqisu l-interessi taż-żgħażagħ u tal-ġenerazzjonijiet futuri meta jkunu qed jifformulaw il-politiki tagħhom, speċjalment fi żminijiet ta’ kriżi ekonomika u finanzjarja;

    95.

    Jenfasizza wkoll il-ħtieġa li jiġu żviluppati iktar programmi ta’ involviment fil-komunità mal-gruppi emarġinati bħall-immigranti żgħażagħ u dawk kollha bi bżonnijiet speċjali (il-persuni b'diżabbiltà, iż-żgħażagħ li jeħtiġilhom jerġgħu jiġu integrati fis-soċjetà wara perjodu ta’ priġunerija, dawk bla dar, dawk f'xogħol każwali, eċċ.);

    96.

    Jirrikonoxxi l-bżonn li titqajjem kuxjenza fir-rigward taż-żgħażagħ b’diżabbiltà u jistieden lill-Istituzzjonijiet Ewropej biex jieħdu azzjoni sabiex jiżguraw li, fil-ġejjieni, iż-żgħażagħ b’diżabbiltà jkunu integrati b’mod sħiħ;

    97.

    Ifakkar it-talba tiegħu biex tiġi żgurata ugwaljanza bejn is-sessi minn età bikrija u fl-oqsma kollha tal-ħajja; għaldaqstant, jilqa’ b’mod partikulari l-fatt li r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill għandha l-għan li ttejjeb il-kura tat-tfal u tippromwovi l-kondiviżjoni tar-responsabilitajiet bejn il-ġenituri sabiex tiġi ffaċilitata r-rikonċiljazzjoni bejn il-ħajja professjonali u dik tax-xogħol kemm għaż-żgħażagħ nisa kif ukoll għaż-żgħażagħ irġiel;

    98.

    Jenfasizza l-bżonn li t-tfal u ż-żgħażagħ ikunu konxji mill-fatt li d-diskriminazzjoni mhija aċċettabbli fl-ebda forma u fl-ebda qasam u li tittieħed azzjoni determinata kontra kull forma ta’ estremiżmu;

    99.

    Jirrakkomanda li tingħata prijorità f’kull Stat Membru biex jiġi żgurat li ma jkunx hemm minorenni żgħar li ma jiċċaħdu mill-kura soċjali;

    100.

    Jenfasizza l-importanza ta’ ambjent diġitali inklussiv; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiżviluppaw, bħala parti mis-sistemi ta’ edukazzjoni formali u informali tagħhom, kunċetti li jiggarantixxu aċċess għall-informazzjoni, l-edukazzjoni u l-kultura u li jtejbu l-ħiliet taż-żgħażagħ fir-rigward tal-midja;

    Iż-żgħażagħ u d-dinja

    101.

    Jirrakkomanda għajnuna ta’ żvilupp diretta fir-rigward ta’ miżuri għall-benefiċċju taż-żgħażagħ u għall-ġlieda kontra l-użu tad-drogi u kontra t-traffikar tad-drogi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

    102.

    Huwa favur it-trawwim ta’ attivitajiet ta’ interess ġenerali li joħolqu sens ta’ responsabbiltà fost iż-żgħażagħ, bħalma huma l-volontarjat għat-tibdil fil-klima, għall-iżvilupp jew għall-għajnuna umanitarja; f'dan ir-rigward, jilqa’ b’sodisfazzjon l-opportunitajiet li l-ħolqien ta’ Korp Volontarju Ewropew ta’ Għajnuna Umanitarja se jagħti liż-żgħażagħ biex jipparteċipaw fil-ħidma umanitarja tal-UE, u jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li ż-żgħażagħ kollha jkunu jafu sewwa bl-eżistenza tiegħu;

    103.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli tesplora l-possibbiltà li jiżdiedu l-attivitajiet ta’ kooperazzjoni internazzjonali fil-volontarjat taż-żgħażagħ;

    104.

    Jistieden lill-Istati Membri biex jiżviluppaw skambji u skemi ta’ ġemellaġġ ma’ pajjiżi u komunitajiet terzi sabiex jippromwovu djalogu interkulturali u jħeġġu liż-żgħażagħ biex jidħlu fi proġetti komuni;

    105.

    Jitlob it-titjib u l-implimentazzjoni estensiva tal-programm Erasmus Mundus;

    *

    * *

    106.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri.


    (1)  COM(2009)0200.

    (2)  SEC(2009)0549.

    (3)  ĠU C 311, 19.12.2009, p. 1.

    (4)  ĠU C 119, 28.5.2009, p. 2.

    (5)  9169/09.

    (6)  ĠU C 319, 13.12.2008, p. 8.

    (7)  15658/09.

    (8)  ĠU C 292, 24.11.2005, p. 5.

    (9)  11517/08.

    (10)  SOC/349.

    (11)  DCE/2008/2193.

    (12)  Testi Adottati, P6_TA(2008)0066.


    Top