Wählen Sie die experimentellen Funktionen, die Sie testen möchten.

Dieses Dokument ist ein Auszug aus dem EUR-Lex-Portal.

Dokument 52010AE0636

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew: Li ssaħħaħ l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fis-suq intern” COM(2009) 467 finali

    ĠU C 18, 19.1.2011, S. 105–108 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    19.1.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 18/105


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew: Li ssaħħaħ l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fis-suq intern”

    COM(2009) 467 finali

    2011/C 18/19

    Relatur: is-Sur RETUREAU

    Nhar il-11 ta' Settembru 2009, il-Kummissjoni ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar,

    il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew: Li ssaħħaħ l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fis-suq intern

    COM(2009) 467 finali.

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-2 ta' Marzu 2010.

    Matul l-462 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-28 u d-29 ta' April 2010 (seduta tad-29 ta' April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'132 vot favur, 5 voti kontra u astensjoni waħda.

    1.   Rakkomandazzjonijiet u konklużjonijiet

    1.1   Il-Kumitat jiddispjaċih li l-fatti l-ġodda, jiġifieri r-ratifiki mill-Unjoni u l-Istati Membri tat-“Trattati tal-Internet” tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intelletwali (WIPO), jiġifieri t-Trattat tal-WIPO dwar id-Dritt tal-Awtur (WCT) u t-Trattat tal-WIPO dwar il-Preżentazzjonijiet u l-Fonogrammi (WPPT), ma setgħux jiġu kkunsidrati fil-proposti tal-Kummissjoni.

    1.2   Jitlob ukoll li jkun infurmat dwar in-negozjati li għaddejjin bħalissa b'rabta mal-ACTA (Anti-counterfeiting trade agreement), u d-differenzi mat-trattati tal-WIPO li għadhom kif ġew ratifikati rigward, b'mod partikolari, il-parti tal-Internet tal-ACTA, kif ukoll id-differenzi mad-Direttiva 2004/48/KE fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, imsejħa d-“Direttiva dwar il-Falsifikazzjoni” (1).

    1.3   Madankollu, il-Kumitat jinnota l-intenzjoni tal-Kummissjoni li fil-futur qrib torganizza laqgħa mal-partijiet ikkonċernati, u jittama li din il-laqgħa ssir mill-aktar fis possibbli u qabel ma tittieħed kwalunkwe deċiżjoni finali; il-Parlament Ewropew ukoll għandu jiġi involut malajr kemm jista' jkun.

    1.4   Il-Kumitat jirrifjuta l-adozzjoni ta' kwalunkwe sistema partikolari, li tindaħal fil-ħajja privata, kif iddaħħlet fil-leġiżlazzjoni ta' diversi Stati Membri, fir-rigward tal-eżerċizzju tad-dritt tal-awtur fuq l-Internet. Min-naħa l-oħra jirrakkomanda li jittieħdu miżuri attivi ta' edukazzjoni u taħriġ għall-konsumaturi, speċjalment iż-żgħażagħ.

    1.5   Il-Kumitat jappoġġja l-proposta prinċipali tal-Kummissjoni, jiġifieri li jitwaqqaf Osservatorju Ewropew tal-Falsifikazzjoni u l-Piraterija, li jiġbor u jxerred l-informazzjoni utli dwar il-prattiki tal-falsifikaturi u jagħti appoġġ speċifiku lill-SMEs u l-SMIs, li sikwit jisfaw vittmi tal-falsifikazzjoni, sabiex ikunu jistgħu jiksbu informazzjoni aħjar dwar drittijiethom.

    1.6   Fil-fehma tal-Kumitat, in-netwerk ta' informazzjoni rapida propost mill-Kunsill tal-Kompetittività u appoġġjat mill-IMI (Sistema ta' Informazzjoni fis-Suq Intern) huwa siewi ħafna, b'mod partikolari jekk l-Istati Membri jirnexxilhom jegħlbu l-problemi li jiffaċċjaw fil-qasam tal-kooperazzjoni amministrattiva; dan jiddependi wkoll mill-effikaċja tal-kuntatti nazzjonali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport b'mod regolari dwar id-data miġbura mill-Osservatorju u dwar l-azzjoni tiegħu.

    1.7   Il-ġlieda meħtieġa kontra l-kriminalità organizzata fil-qasam tal-falsifikazzjoni għandha twassal għal kooperazzjoni msaħħa bejn l-awtoritajiet tad-dwana u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, bl-involviment tal-Europol fil-livell tal-UE. Fil-fehma tal-Kumitat, huwa indispensabbli li jkun hemm leġiżlazzjoni penali Ewropea armonizzata, bil-kondizzjoni li l-prinċipju tal-proporzjonalità bejn ir-reati u l-pieni jiġi rispettat, anke għall-kopji illeċiti fuq l-Internet, li m'għandhomx iwasslu għal liġijiet eċċessivi jew spropozjonati fil-leġiżlazzjoni kontra l-kopji illegali jew il-falsifikazzjoni kummerċjali.

    1.8   Għalhekk, il-Kumitat jappoġġja l-proposti tal-Kummissjoni bir-riżerva tal-kritika tiegħu tan-nuqqas ta' trasparenza fir-rigward tal-ACTA u fid-dawl tal-inċertezzi kkawżati mill-istqarrijiet unilaterali ta' bosta Stati Membri matul ir-ratifika tat-trattati tal-WIPO f'Diċembru 2009. Jappoġġja wkoll pożizzjoni Ewropea li ma tmurx lil hinn mill-acquis attwali.

    1.9   B'mod speċjali għax-xogħlijiet orfni, il-Kumitat jirrakkomanda sistema armonzizata ta' reġistrazzjoni tad-dritt tal-awtur u tad-drittijiet relatati, li tiġġedded kull tant żmien, sabiex jinsabu b'mod faċli dawk li jkollhom dawn id-drittijiet. Din is-sistema għandha tispeċifika n-natura, it-titolu tax-xogħol u d-diversi detenturi tad-drittijiet. Jitlob lill-Kummissjoni tistudja l-possibbiltà li titwettaq din il-proposta.

    1.10   Fl-aħħar nett, il-Kumitat jinsisti fuq il-ħolqien u l-implimentazzjoni effettiva fl-Istati Membri kollha tal-privattiva tal-Unjoni Ewropea, li ser tkun mezz ta' protezzjoni ħafna aktar effikaċi u anqas għali għad-difiża tad-drittijiet intanġibbli tal-SMEs u tal-SMIs relatati mal-innovazzjoni.

    2.   Proposti tal-Kummissjoni

    2.1   Il-Kummissjoni tinsisti fuq il-ħtieġa li jissaħħu d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (DPI) fis-soċjetà tal-għarfien; il-protezzjoni li tingħata lid-DPI fi ħdan l-Unjoni u fil-livell internazzjonali (TRIPS (2), konvenzjonijiet settorjali) għandha tissaħħaħ minħabba l-valur dejjem jikber li dawn id-drittijiet qed jingħataw mill-intrapriżi, kemm l-intrapriżi l-kbar kif ukoll l-SMEs u l-SMIs. B'hekk l-istart-ups ikunu jistgħu jipproteġu l-proprjetà intanġibbli tagħhom u, fuq il-bażi ta' dan, ikunu jistgħu jiksbu l-kapital jew jissellfu l-flus sabiex iniedu l-attivitajiet tagħhom.

    2.2   L-UE għandha tappoġġjahom permezz ta' kultura tal-proprjetà intellettwali li tiddefendi t-talenti Ewropej u toħloq l-opportunitajiet għall-intrapriżi, kif ukoll għar-riċerka universitarja u l-effetti ġenerattivi (spin-offs) fuq il-kampus (3).

    2.3   Il-valur stess tad-DPI jagħmilhom mira tal-falsifikaturi u l-pirati, li jużaw diversi mezzi, fosthom l-Internet, li huwa strument dinji fis-suq tal-prodotti illeċiti. Dan joħnoq l-innovazzjoni u jhedded l-impjiegi, b'konsegwenzi ekonomiċi serji għall-intrapriżi, b'mod partikolari f'perijodu ta' reċessjoni ekonomika.

    2.4   Is-suq tal-prodotti illeċiti mar lil hinn mill-prodotti “tradizzjonalment” kopjati jew falsifikati (films, moda, mużika, software, oġġetti ta' lussu) u jinkludi prodotti ġodda tal-konsum bil-massa: prodotti tal-ikel, prodotti tal-iġjene, spare parts tal-karozzi, ġugarelli, tagħmir elettriku u elettroniku, eċċ.

    2.5   Il-qasam tas-saħħa huwa milqut ukoll mill-mediċini foloz, li jistgħu jkunu ta' periklu għal saħħet in-nies.

    2.6   Il-konsegwenzi tal-falsifikazzjoni u l-kummerċ tal-kopji illeċiti qed isiru dejjem aktar preokkupanti, aktar u aktar minħabba li l-kriminalità organizzata bdiet tinvolvi ruħha bis-sħiħ fil-falsifikazzjoni.

    2.7   Ġie stabbilit qafas regolatorju Komunitarju, bħad-Direttiva 2004/48/KE (4) dwar l-infurzar tad-DPI; id-drittijiet ċivili ġew armonizzati; tressqet proposta dwar il-miżuri penali li bħalissa qiegħda quddiem il-Kunsill; ir-Regolament tal-UE dwar id-dwana jippermetti l-qbid u s-sanzjoni tal-kummerċ tal-kopji illeċiti: barra minn hekk, il-Kummissjoni qed tikkonsulta lill-Istati Membri sabiex dan ir-Regolament jittejjeb.

    2.8   Fil-kuntest ta' pjan Ewropew globali għall-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni, il-Kummissjoni tixtieq tadotta miżuri komplementari mhux leġiżlattivi fid-dawl tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Kompetittività tal-25 ta' Settembru 2008.

    2.9   B'konformità mal-konklużjonijiet tal-grupp konsultattiv ta' esperti, fejn tissemma b'mod partikolari s-sitwazzjoni tal-SMEs, il-Kummissjoni tixtieq iżżid l-appoġġ biex jiġu segwiti t-trasgressuri, u qed tippjana għadd ta' proġetti biex tgħin lill-SMEs jintegraw id-DPI fl-istrateġiji tagħhom marbuta mal-innovazzjoni u l-ġestjoni tal-għarfien.

    2.10   Fil-livell dinji, il-Kummissjoni qed tħejji strateġija ta' protezzjoni fir-rigward tal-pajjiżi terzi (pereżempju, il-ftehimiet kontra l-falsifikazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċina u l-inizjattivi dwar il-kontroll doganali). Issa qed jopera helpdesk DPI-SME-Ċina.

    2.11   Is-sħubijiet pubbliċi-privati (PPP) għandhom jissaħħu bil-għan li jkun hemm strateġija Ewropea aktar parteċipattiva. Wara l-konferenza ta' livell għoli ta' Mejju 2008, il-Kummissjoni ppubblikat l-istrateġija Ewropea tagħha rigward id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, u l-Kunsill tal-Kompetittività adotta r-Riżoluzzjoni dwar il-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni u l-piraterija li ssemmiet aktar 'il fuq, u stieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-azzjoni fil-fruntieri b'kooperazzjoni mal-Istati Membri.

    2.12   Madankollu, huwa partikolarment diffiċli li tinġabar l-informazzjoni dwar in-natura u l-estensjoni tal-falsifikazzjoni u l-kummerċ tal-kopji illeċiti, u li jiġi evalwat l-impatt effettiv tagħhom fuq l-ekonomija tagħna. Huwa diffiċli li tinġabar u titqassar l-informazzjoni li għandhom id-diversi korpi nazzjonali, minbarra l-informazzjoni miġbura mill-Kummissjoni dwar iż-żamma fil-fruntieri, li fuq kollox tagħti biss stampa parzjali tar-realtà. Il-bażi tad-data għandha tikber biex tevalwa fil-fond il-konsegwenzi globali kif ukoll lokali tal-attivitajiet illegali marbutin mal-piraterija u biex jinfiehem għaliex ċerti prodotti jew setturi u ċerti reġjuni huma partikolarment vulnerabbli. Bis-saħħa ta' dan ikunu jistgħu jitħejjew programmi ta' azzjoni mmirati aħjar.

    2.13   Il-Kunsill tal-Kompetittività rrakkomanda l-ħolqien ta' Osservatorju Ewropew tal-Falsifikazzjoni u l-Piraterija sabiex ikun hemm għarfien aktar preċiż dwar dawn il-fenomeni. Bħalissa l-Kummissjoni qed tistabbilixxi osservatorju bħal dan sabiex tinġabar l-informazzjoni kollha possibbli dwar il-ksur tad-DPI, iżda temmen li r-rwol tiegħu għandu jkun akbar billi jsir pjattaforma fejn ir-rappreżentanti tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-partijiet interessati jaqsmu l-informazzjoni u l-għarfien espert b'rabta mal-prattiki t-tajba bil-għan li jitfasslu strateġiji komuni għall-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni u l-piraterija, u li jitressqu rakkomandazzjonijiet lil dawk li jfasslu l-politika.

    2.14   Sabiex isir riżorsa essenzjali, l-Osservatorju jrid ikun il-post ta' kollaborazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri u s-settur privat, u jrid jagħti l-kontribut tiegħu fis-sħubija mal-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi biex jitħejjew rakkomandazzjonijiet prattiċi u biex jiġu sensibilizzati l-konsumaturi. Bis-saħħa tal-pubblikazzjoni ta' rapport annwali, il-pubbliku jkun jista' jifhem il-problemi u l-modi kif jistgħu jiġu solvuti.

    2.15   Il-Kummissjoni mbagħad tistabbilixxi r-rwol tal-Osservatorju sabiex jintlaħqu l-objettivi msemmija qabel.

    2.16   L-Osservatorju jsir pjattaforma li sservi lill-partijiet ikkonċernati kollha, b'rappreżentant/a għal kull pajjiż, u li tirrifletti firxa wiesgħa ta' korpi Ewropej u nazzjonali. Ser jiġu mistiedna s-setturi l-aktar ikkonċernati u bl-aktar esperjenza, il-konsumaturi kif ukoll rappreżentanza tal-SMEs.

    2.17   Id-difiża koerenti tad-DPI teħtieġ kooperazzjoni amministrattiva ġenwina, imsaħħa u miżjuda fil-qasam tal-falsifikazzjoni u l-piraterija, u sħubija vera għall-implimentazzjoni ta' suq intern mingħajr fruntieri. Għal dan il-għan, jeħtieġ jinħoloq netwerk effikaċi tal-punti ta' kuntatt fl-UE kollha.

    2.18   Fil-livell intern, tinħtieġ ukoll koordinazzjoni aħjar kontra l-falsifikazzjoni, u għal din ir-raġuni għandhom jinħatru koordinaturi nazzjonali b'mandat preċiż.

    2.19   Tajjeb ukoll li tiġi promossa t-trasparenza fl-istrutturi nazzjonali fil-livell transkonfinali sabiex tiġi ffaċilitata l-azzjoni tal-intrapriżi misruqa. L-uffiċċji nazzjonali tal-proprjetà intellettwali u tad-dritt tal-awtur ukoll għandhom rwol informattiv x'jaqdu. Barra minn hekk għandhom jieħdu funzjonijiet ġodda bħaż-żjieda fl-għarfien u l-għajnuna speċifika għall-SMEs, flimkien mal-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi (UEP), u l-uffiċċji nazzjonali u l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (UASI) fir-rigward tat-trade marks.

    2.20   Il-Kunsill tal-Kompetittività stieden ukoll lill-Kummissjoni tistabbilixxi netwerk transkonfinali ta' skambju rapidu tal-informazzjoni ewlenija bl-użu tal-punti ta' kuntatt nazzjonali u l-għodod moderni għall-iskambju tal-informazzjoni. L-aġenziji kompetenti u l-uffiċċji nazzjonali tal-proprjetà intelletwali kollha għandhom ikollhom aċċess għal netwerk elettroniku effikaċi u rapidu tal-iskambju tal-informazzjoni dwar il-ksur tad-DPI.

    2.21   Bħalissa l-Kummissjoni qed tistudja interface adattat u l-użu tan-netwerk eżistenti tas-Sistema ta' Informazzjoni fis-Suq Intern (IMI) sabiex l-informazzjoni essenzjali tkun tista' tiċċirkola b'mod faċli.

    2.22   Meta ssemmi l-konsegwenzi serji kollha tal-ksur tad-DPI, il-Kummissjoni tixtieq tinkoraġġixxi lid-detenturi ta' dawn id-drittijiet u lill-partijiet interessati kollha fil-katina tal-kummerċ biex jgħaqqdu s-setgħat tagħhom għall-ġlieda kontra l-piraterija u l-falsifikazzjoni fl-interess komuni tagħhom. Wieħed mill-modi li għandu jiġi esplorat huwa dak tal-ftehimiet volontarji sabiex tittieħed azzjoni kontra l-falsifikazzjoni u l-piraterija fuq il-post, u billi jinsabu soluzzjonijiet teknoloġiċi għall-iskoperta tal-prodotti falsifikati; dawn il-ftehimiet jistgħu jiġu estiżi lil hinn mill-fruntieri Ewropej. Il-mezzi implimentati jridu evidentement jibqgħu b'mod strett fil-qafas tal-legalità.

    2.23   Il-kummerċ tal-prodotti falsifikati fuq l-Internet iqajjem kwistjonijiet speċifiċi. Il-Kummissjoni fetħet djalogu strutturat mal-partijiet ikkonċernati, għaliex l-Internet joffri ċerta flessibbiltà għall-falsifikaturi u l-pirati biex joperaw fil-livell dinji u jaħarbu l-liġi lokali. L-għan tal-laqgħat li qed isiru bħalissa u li ser ikomplu għaddejjin, huwa li jitħejjew proċeduri konkreti biex jitneħħew il-prodotti falsifikati li jinbiegħu mis-siti fil-qafas ta' ftehimiet volontarji. Jekk ma jkunx jista' jintlaħaq ftehim bejn is-sidien tat-trade marks u l-intrapriżi tal-Internet, il-Kummissjoni għandha ssib soluzzjonijiet leġiżlattivi, b'mod partikolari fil-qafas tad-Direttiva fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

    3.   Kummenti tal-Kumitat

    3.1   Il-Proposta tal-Kummissjoni tiffoka fuq il-protezzjoni tad-DPI tal-SMEs Ewropej. Il-Kumitat jemmen li fil-fatt dawn għandhom bżonn appoġġ partikolari li jgħinhom jiddefendu d-drittijiet tagħhom skont id-dispożizzjonijiet tal-liġi applikabbli u tad-Direttiva 2004/48. Madankollu, għad m'hemmx aspett penali u jkun tajjeb li l-Istati Membri jikkunsidraw soluzzjoni bbilanċjata u proporzjonata. Il-Kumitat jittama li tinsab soluzzjoni bbażata fuq it-TFUE (5) biex jiġu appoġġjati d-detenturi tad-drittijiet intanġibbli.

    3.2   L-Osservatorju għandu jikkontribwixxi għall-ġlieda kontra kull tip ta' ksur tad-DPI irrispettivament mid-daqs tal-intrapriża, filwaqt li jiffoka fuq il-bżonnijiet speċifiċi tal-SMEs u l-SMIs.

    3.3   Ċerti proposti, bħall-ftehimiet volontarji, diġà qed jiġu implimentati, filwaqt li oħrajn għadhom qed jiġu abbozzati. Il-Komunikazzjoni ma tenfasizzax l-ostakli li jridu jingħelbu f'ċerti oqsma, bħall-kooperazzjoni amministrattiva li milli jidher f'ħafna każi mhux qed taħdem b'mod sodisfaċenti.

    3.4   Għadu kemm tfaċċa element ġdid fir-rigward tal-kopja illeċita u l-falsifikazzjoni permezz tal-Internet: l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri rratifikaw it-“Trattati tal-Internet” tal-WIPO f'Diċembru li għadda. B'hekk, fil-prinċipju, għandha tiġi unifikata l-liġi Ewropea applikabbli, għalkemm id-diversi stqarrijiet nazzjonali fl-okkażjoni tar-ratifika jistgħu jipperikolaw l-approċċ Ewropew unifikat. Dawn it-Trattati jitolbu l-ġlieda kontra l-prodotti kopjati u falsifikati maħsuba għall-kummerċ, kif tagħmel ukoll id-Direttiva 2004/48 dwar id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni.

    3.5   Però, fl-istess ħin, qed isiru “negozjati sigrieti” bejn l-Istati Uniti, l-UE u xi pajjiżi “magħżula” bil-għan li jkun hemm trattat internazzjonali kontra l-falsifikazzjoni, l-ACTA, li min-naħa tal-Amerikani jixtiequ li jkun jixbah ħafna d-Digital Millenium Copyright Act (DMCA). Skont in-negozjatur Amerikan, dan is-sigriet huwa maħsub biex jimpedixxi l-protesta ġenerali tas-soċjetà ċivili fl-Istati Uniti u fl-Ewropa. Il-konsumaturi Ewropej, li l-organizzazzjonijiet tagħhom huma mwarrba min-negozjati u l-intrapriżi Ewropej, jiddenunzjaw dawn il-proċeduri mhux trasparenti (6) u mhux demokratiċi li jistgħu, bl-iskuża tal-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni permezz tal-Internet, (wieħed mill-kapitoli tal-abbozz tat-trattat), jistabbilixxu kontroll verament bħal pulizija – inkluż b'pulizija privata – fuq l-iskambji u l-komunikazzjoni kollha bl-internet. Barra minn hekk, skont ċerti sorsi, tgħosfor ukoll id-distinzjoni bejn il-kummerċ tal-prodotti falsifikati u l-kopja privata. Hemm bżonn urġenti li tiġi stabbilita t-trasparenza f'dawn in-negozjati, li s-soċjetà ċivili tkun tista' tesprimi l-fehma tagħha f'dan ir-rigward, filwaqt li l-lobbies tal-produtturi tal-Amerika ta' Fuq ikollhom aċċess kostanti għan-negozjati.

    3.6   Il-KESE jixtieq li hu wkoll ikun infurmat dwar id-diskussjonijiet u l-proposti mressqa bħalissa, u li jkun jista' jesprimi ruħu dwarhom. Ikun ta' dispjaċir li d-dispożizzjonijiet kontestati fid-DMCA Amerikan jiġu trasposti fi trattat internazzjonali, trattat li jkun qed jikkompeti mat-trattati tal-WIPO u jżid mal-konfużjoni fil-qasam tad-dritt tal-awtur u d-drittijiet relatati fil-livell Ewropew u f'dak internazzjonali. Ikun xi jkun il-każ, il-pożizzjoni Ewropea m'għandhiex tmur lil hinn mill-acquis attwali.

    3.7   Fil-fatt, skont il-Kumitat, jeħtieġ li s-sistema tad-dritt tal-awtur fuq l-Internet ma toħloqx il-possibbiltà li d-detenturi tad-drittijiet ikunu jistgħu jikkontrollaw l-użu tat-teknoloġija, kif inhi t-tendenza attwali fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali msemmija hawn fuq, u lanqas li tippermettilhom jindaħlu fil-komunikazzjonijiet privati. Jidher biċ-ċar li l-perijodu eċċessiv tal-protezzjoni (minn 50 sa 75 sena wara li jmut l-awtur, jew 75 sena għal persuna ġuridika) u d-drittijiet eċċessivi mogħtija lill-kumpaniji multinazzjonali tad-divertiment għall-kontroll tal-mezzi tax-xandir jistgħu jxekklu l-innovazzjoni u l-evoluzzjoni tat-teknoloġiji, u ma joħolqux ambjent miftuħ għall-kompetizzjoni. L-għan tal-protezzjoni huwa li tiggarantixxi l-ħlas ġust lill-awturi u lill-interpreti, u mhux id-dħul fiċ-ċert għad-distributuri (il-“majors”) flimkien mad-dritt li jindaħlu.

    3.8   Il-Kumitat jirrakkomanda l-unifikazzjoni tad-dritt tal-awtur fuq il-bażi tradizzjonali tiegħu, mingħajr sistema eċċessiva għall-Internet.

    3.9   Il-Kumitat jissuġġerixxi li tinħoloq reġistrazzjoni obbligatorja, pereżempju fil-qafas ta' dritt tal-awtur Ewropew, f'Reġistru armonizzat tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati, bi ħlas modest ħafna bil-għan li jkopri l-ispejjeż tar-reġistrazzjoni biss, reġistrazzjoni li tiġġedded pereżempju kull għaxar jew għoxrin sena, sabiex wieħed ikun jaf min għandu d-drittijiet u x'inhu l-indirizz tagħhom. Strument bħal dan, b'aċċess ħieles u aġġornat kontinwament, jappoġġja l-użu mill-ġdid ta' xogħol li m'għadux in ċirkolazzjoni, it-traduzzjoni tiegħu f'formati oħra jew b'lingwi differenti minn dik oriġinali minn kwalunkwe intrapriża interessata li tixtieq tuża xogħol għal finijiet kummerċjali biex tikseb iktar faċilment il-liċenzji u l-awtorizzazzjonijiet meħtieġa.

    3.10   Dan jiffavorixxi wkoll il-protezzjoni ta' xogħlijiet (films, reġistrazzjonijiet tal-ħoss, eċċ.), b'mod speċjali jekk fejn ikunu maħżuna jkun fraġli. Ħafna drabi, ix-xogħlijiet jintilfu, qatt ma jiġu editjati jew użati mill-ġdid, u f'ċerti formati, bħall-films antiki, hemm ir-riskju li jgħosfru darba għal dejjem.

    3.11   Id-dritt tal-awtur diġà jispikka għaliex ma jeħtieġx la reġistrazzjoni u lanqas ħlas, kuntrarjament għall-privattivi jew drittijiet oħra tal-proprjetà industrijali; dan id-dritt jiddistingwixxi ruħu wkoll minħabba l-perijodu tiegħu, li ħafna drabi huwa eċċessiv fir-rigward tal-ħtiġijiet ta' innovazzjoni u skambju tal-għarfien fis-soċjetà tal-informazzjoni u l-ekonomija tal-għarfien. Il-Kumitat jirrakkomanda li jkun hemm reġistrazzjoni tad-dritt tal-awtur u tad-drittijiet relatati li jispeċifikaw in-natura u t-titolu tax-xogħol, id-dritt tal-awtur u drittijiet oħra fuq ix-xogħol, kif ukoll l-isem u l-indirizz tad-detenturi tad-drittijiet. Jekk jista' jkun, din ir-reġistrazzjoni għandha tiġġedded kull għaxar jew għoxrin sena u tkun bi ħlas minimu limitat għall-ispejjeż attwali tar-reġistrazzjoni. B'hekk dawk li jkunu jixtiequ jużaw xi xogħol f'livell kummerċjali jkunu jistgħu jiksbu b'mod aktar faċli l-liċenzji u l-awtorizzazzjonijiet meħtieġa. Ta' spiss dan jiġi interpretat, b'mod żbaljat, bħala l-liġi tal-proprjetà intellettwati, iżda għandu jitqies bħala monopolju temporanju fuq l-użu u d-dritt esklużiv biex jingħataw il-liċenzji għall-użu tax-xogħlijiet protetti matul il-perijodu ta' protezzjoni.

    Brussell, 29 ta’ April 2010.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Mario SEPI


    (1)  Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004; ĠU L 157, 30.4.2004, p. 45-86.

    (2)  Ftehimiet internazzjonali dwar Aspetti Relatati mal-Kummerċ tad-Drittijiet ta' Proprjetà Intellettwali, inkluż il-kummerċ tal-oġġetti falsifikati (TRIPS).

    (3)  Ara INT/325, ĠU C 256, 27.10.2007, p. 17; INT/448, ĠU C 218, 11.9.2009, p. 8; INT/461, ĠU C 306/2009, p. 13 u INT/486 (din l-opinjoni għadha ma ġietx ippubblikata fil-ĠU).

    (4)  ĠU L 157, 30.4.2004, p. 45-86 (opinjoni tal-KESE fil-ĠU C 32, 5.2.2004, p. 15 — mhux disponibbli bil-Malti).

    (5)  Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

    (6)  Stqarrija dwar l-ACTA, Il-konsumaturi Ewropej, Djalogu transatlantiku (ara s-sit tal-BEUC).


    nach oben