Wählen Sie die experimentellen Funktionen, die Sie testen möchten.

Dieses Dokument ist ein Auszug aus dem EUR-Lex-Portal.

Dokument 52010AE0632

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-25 Rapport Annwali mill-Kummissjoni dwar il-kontroll tal-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju (2007)” COM(2008) 777 finali

    ĠU C 18, 19.1.2011, S. 95–99 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    19.1.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 18/95


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-25 Rapport Annwali mill-Kummissjoni dwar il-kontroll tal-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju (2007)”

    COM(2008) 777 finali

    2011/C 18/17

    Relatur: is-Sur LECHNER

    Nhar it-18 ta' Novembru 2008, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    Il-25 Rapport Annwali mill-Kummissjoni dwar il-kontroll tal-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju (2007)

    COM(2008) 777 finali

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar dan is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-2 ta' Marzu 2010.

    Matul l-462 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-28 u d-29 ta' April (seduta tad-29 ta' April 2010), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'120 vot favur u 4 voti kontra.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1   Ċerti Stati Membri għad qed ikollhom xi problemi meta jiġu biex ifasslu r-regoli tat-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttivi. Fir-rigward tal-implimentazzjoni, id-Direttivi jippermettu diversi livelli ta' applikazzjoni, minn dispożizzjonijiet mhux espliċiti, li jagħtu flessibbiltà konsiderevoli lill-Istati Membri fl-għażla tal-miżuri nazzjonali ta' traspożizzjoni tagħhom, għal dispożizzjonijiet espliċiti jew preskrittivi. Jeħtieġ li jinstab bilanċ tajjeb bejn applikazzjoni awtomatika u traspożizzjoni libera wisq.

    1.2   Il-Kumitat jappoġġja l-għanijiet prinċipali tal-Kummissjoni, partikularment:

    li tindirizza l-problema tad-dewmien estensiv fit-traspożizzjoni tad-Direttivi;

    li ssaħħaħ il-miżuri ta' prevenzjoni, inkluż il-bżonn kontinwu li tiġi żviluppata l-analiżi ta' kwistjonijiet dwar l-implimentazzjoni u l-konformità fit-tħejjija tal-Valutazzjonijiet tal-Impatt;

    li ttejjeb l-informazzjoni u l-proċedura informali għas-soluzzjoni tal-problemi, għall-ġid taċ-ċittadini u n-negozju;

    li tagħti prijorità lill-iktar każijiet importanti u li taħdem mill-qrib mal-Istati Membri sabiex il-ksur jiġi kkoreġut iktar malajr.

    1.3   Il-Kumitat jilqa' l-istqarrija tal-Kummissjoni, li l-prijorità ser tkompli tingħata lill-problemi li għandhom impatt wiesa' fuq id-drittijiet fundamentali u l-moviment liberu. Jilqa' wkoll il-prijorità mogħtija lill-każijiet ta' ksur fejn iċ-ċittadini ġew esposti fuq skala sinifikattiva jew ripetutament għal ħsara diretta jew detriment serju għall-kwalità tal-ħajja tagħhom.

    1.4   Il-Kumitat jissuġġerixxi approċċ iktar proattiv, pereżempju:

    it-tfassil ta' leġiżlazzjoni Komunitarja “iktar faċli li tiġi trasposta”;

    it-tħejjija, mill-bidu, ta' tabella ta' korrelazzjoni preċiża u aġġornata kontinwament;

    il-possibbiltà li t-traspożizzjoni ssir permezz ta' referenza speċifika għal dispożizzjonijiet preskrittivi jew espliċiti f'Direttiva.

    1.5   Madankollu l-Kumitat jiġbed ukoll l-attenzjoni għal dawk l-oqsma fejn l-ippjanar, it-tfassil u t-traspożizzjoni tal-leġiżlazzjoni għandhom ikunu bbażati fuq l-approċċ proattiv għal-liġi; b'rabta ma' dan il-KESE jinnota li d-dispożizzjonijiet u r-regoli mhumiex dejjem l-uniku mezz biex jintlaħqu l-objettivi mixtieqa, u mingħajr dubju mhux dejjem l-aqwa mod.

    1.6   Il-Kumitat iqis li l-Kummissjoni għandha ttejjeb il-ġestjoni tal-proċeduri ta' ksur, b'mod speċjali fir-rigward ta' kif il-Kummissjoni timplimenta dan il-proċess mgħaġġel biex issegwi d-dewmien fit-traspożizzjoni.

    1.7   Il-Kumitat jemmen li mekkaniżmi oħra għas-soluzzjoni tal-problemi, bħal SOLVIT, IMI, is-sistema tal-iskambju tal-informazzjoni fil-kuntest tal-ippustjar tal-ħaddiema u EU PILOT, huma opportunità tajba biex jitnaqqas il-piż tax-xogħol tal-Kummissjoni fil-proċeduri dwar il-ksur.

    1.8   Il-Kumitat jikkunsidra li huwa essenzjali li wieħed itejjeb il-mod kif is-soċjetà ċivili u l-pubbliku jiġu infurmati dwar id-diversi mekkaniżmi ta' lment disponibbli fuq il-“Portal Europa”, bir-rispett tal-eċċezzjoni bbażata fuq il-protezzjoni tal-interess pubbliku, hekk kif iddefinita mill-ġurisprudenza.

    1.8.1   Barra minn hekk, il-Kumitat jissuġġerixxi li l-informazzjoni fuq is-sit tal-Internet rilevanti tiżdied u li d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-ksur, mir-reġistrar tal-ilment sa tmiem il-proċedura ta' ksur, jiġu ppubblikati.

    1.9   Il-mekkaniżmi ta' rimedju kollettiv għandhom jiġu eżaminati wkoll, sabiex jiġu kkompletati l-inizjattivi li qegħdin jitnedew b'rabta mal-oqsma tal-liġi tal-konsumaturi u tal-kompetizzjoni u b'hekk jissaħħu l-mekkaniżmi ta' awtoregolazzjoni fl-Istati Membri.

    1.10   Il-Kumitat jissuġġerixxi li fil-ġejjieni l-Kummissjoni tistiednu jħejji opinjoni dwar ir-Rapport Annwali, sabiex tiġi rreġistrata l-fehma tas-soċjetà ċivili organizzata u b'hekk tissaħħaħ l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fl-UE.

    2.   Rapport tal-Kummissjoni  (1)

    2.1   Bħala gwardjan tat-Trattati, il-Kummissjoni għandha l-awtorità u r-responsabbiltà li tassigura r-rispett għal-liġi tal-Unjoni Ewropea, billi tivverifika li l-Istati Membri jirrispettaw ir-regoli tat-Trattat u l-leġiżlazzjoni sekondarja. Ir-regoli tat-Trattat – 10 000 Regolment u 1 700 Direttiva fis-seħħ f'27 Stat Membru – jirrappreżentaw ġabra ta' liġijiet konsiderevoli. Inevitabbilment, l-applikazzjoni tal-liġi tħabbat wiċċha ma' ħafna problemi u sfidi differenti. F'ċerti oqsma t-traspożizzjoni tal-liġi Komunitarja hija marbuta ma' sfidi partikolari.

    2.2   F'Settembru 2007 ġiet adottata l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Ewropa li tikseb ir-riżultati – l-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja” (2). Fiha l-Kummissjoni tistqarr li “ser tiżviluppa l-enfasi tar-Rapport Annwali tagħha dwar kwistjonijiet strateġiċi, l-evalwazzjoni tal-qagħda attwali tal-liġi f'setturi differenti, il-prijoritajiet u l-ipprogramar ta' ħidma ġejjiena, inkluża l-analiżi ta' oqsma tal-liġi soġġetti għal ksur frekwenti”, sabiex tgħin “id-djalogu interistituzzjonali strateġiku dwar sa fejn il-liġi Komunitarja tilħaq l-għanijiet tagħha, il-problemi ffaċċjati u s-soluzzjonijiet possibbli li għandhom jiġu applikati.”

    2.3   Ir-rapport jenfasizza l-isfidi fl-ambitu tal-applikazzjoni tal-liġi, bi tliet oqsma prijoritarji ta' azzjoni: 1) il-prevenzjoni, 2) l-informazzjoni u s-soluzzjoni tal-problemi għaċ-ċittadini, u 3) il-prijoritizzazzjoni fil-ġestjoni tal-ilmenti u l-ksur. Ir-rapport jiġbed ukoll l-attenzjoni għall-importanza ta' sħubija soda bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, b'ħidma fi gruppi ta' esperti għall-ġestjoni tal-applikazzjoni tal-għodda legali u kooperazzjoni proattiva biex jiġu solvuti l-problemi.

    2.4   Analiżi settorjali: kien hemm ħafna lmenti u proċeduri ta' ksur fl-oqsma tal-ambjent, is-suq intern, it-taxxi u d-dwana, l-enerġija, it-trasport, l-impjieg, l-affarijiet soċjali u l-opportunitajiet indaqs, is-saħħa u l-konsumaturi, id-drittijiet fundamentali, il-libertà u s-sigurtà. F'xi setturi oħra bħall-agrikoltura, l-edukazzjoni u l-kultura ftit li xejn hemm dewmien fit-traspożizzjoni tad-Direttivi (3).

    2.4.1   Minħabba d-dewmien fit-traspożizzjoni tad-Direttivi, fl-2007 ddaħħlu proċeduri ġodda dwar il-ksur fl-oqsma li ġejjin:

    206 proċedura fil-qasam tas-suq intern u s-servizzi;

    227 proċedura fil-qasam tad-dispożizzjonijiet Komunitarji dwar il-moviment liberu tal-merkanzija;

    iktar minn 330 proċedura fil-qasam tas-saħħa u tal-protezzjoni tal-konsumaturi;

    125 proċedura fil-qasam tal-liġi ambjentali.

    2.5   Dawn li ġejjin huma eżempji tal-livelli differenti ta' problemi ta' traspożizzjoni u l-konsegwenzi ta' dan fuq iċ-ċittadini.

    Akkwist pubbliku:

    344 każ ta' ksur fil-qasam tal-akkwist pubbliku ġew ittrattati fl-2007. Fosthom, 142 każ (41 %) biss ġew solvuti, 12 biss (bejn wieħed u ieħor 3.5 %) tressqu l-qorti. Madwar 200 mit-344 każ kienu każijiet ta' ksur, 25 % minnhom kienu każijiet prijoritarji;

    fir-rigward tat-traspożizzjoni tad-Direttivi dwar l-akkwist pubbliku (4), fl-2007 ġew konklużi 7 mill-10 proċeduri ta' ksur kontra Stati Membri li ma kinux ikkomunikaw il-miżuri ta' traspożizzjoni qabel l-iskadenza. Sa tmiem l-2007, tliet Stati Membri biss – il-Belġju, il-Lussemburgu u l-Portugall – kienu għadhom ma nnotifikawx il-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom. Illum il-Lussemburgu huwa l-uniku Stat Membru li għadu s-suġġett ta' proċedura ta' ksur (5).

    Affarijiet tal-konsumaturi:

    L-iskadenza għat-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali inġusti għall-konsumaturi fis-suq intern (6) kienet it-12 ta' Ġunju 2007. 22 Stat Membru ma nnotifikawx il-miżuri ta' traspożizzjoni lill-Kummissjoni sa dik id-data. B'riżultat ta' dan, il-Kummissjoni bagħtet ittri ta' notifika formali lil dawn il-pajjiżi u sitta minnhom innotifikaw il-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom sa tmiem l-2007.

    Matul l-2007, il-Kummissjoni vverifikat ukoll it-traspożizzjoni mill-għaxar pajjiżi li daħlu fl-UE f'Mejju 2004 tad-Direttiva 93/13/KE dwar il-kuntratti inġusti għall-konsumaturi. Ġew identifikati problemi ta' diversi livelli f'9 minn dawn l-Istati Membri u ntbagħtu ittri ta' ksur antiċipat.

    Fir-rigward tad-Direttiva (7) li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq b'distanza ta' servizzi finanzjarji għall-konsumaturi, ġew identifikati għadd ta' problemi potenzjali ta' traspożizzjoni. Madankollu, fl-2007 ma ġie rreġistrat l-ebda lment taċ-ċittadini fir-rigward tal-implimentazzjoni tad-Direttiva.

    2.6   Id-Dokumenti ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni mehmużin mar-rapport jipprovdu iktar dettalji dwar is-sitwazzjoni fis-setturi differenti tal-liġi Komunitarja kif ukoll listi u statistika dwar il-proċeduri kollha ta' ksur (8).

    3.   Kummenti ġenerali

    3.1   Ir-rapport u d-dokumenti ta' ħidma mehmużin, li huma ferm kumplessi f'ċerti punti, juru li wħud mill-Istati Membri ser iħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet kbar meta jiġu biex ifasslu regoli għat-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttivi. Minkejja l-fatt li t-traspożizzjoni tista' tidher sempliċi fit-teorija, fil-prattika jista' jiġri li kunċetti legali Komunitarji li jidhru ċari u preċiżi ma jkollhomx ekwivalenti fit-terminoloġija legali nazzjonali (9), jew li kunċett tal-liġi Komunitarja ma jinkludix referenza għal-liġi tal-Istati Membri biex jikkjarifika t-tifsira u l-iskop (10).

    3.2   Barra minn hekk, fir-rigward tal-implimentazzjoni, id-Direttivi jippermettu diversi livelli ta' applikazzjoni, minn dispożizzjonijiet mhux espliċiti li jagħtu flessibbilità konsiderevoli lill-Istati Membri fl-għażla tal-miżuri ta' traspożizzjoni, għal dispożizzjonijiet espliċiti jew preskrittivi bħal definizzjonijiet, listi jew tabelli dwar sustanzi, oġġetti u prodotti li jitolbu li l-Istati Membri jieħdu “miżuri sempliċi ta' traspożizzjoni” sabiex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva.

    3.3   Id-dispożizzjonijiet ġodda mfassla għandhom jiggarantixxu s-sigurtà legali: fi kliem ieħor, stqarrijiet żejda jew kontradittorji għandhom jitneħħew mil-liġi nazzjonali. Jeħtieġ li jinstab bilanċ tajjeb bejn applikazzjoni awtomatika u traspożizzjoni libera wisq.

    3.4   Madankollu, it-traspożizzjoni mhijiex biss kwistjoni tal-inklużjoni tal-kunċetti tal-liġi Komunitarja fil-liġi nazzjonali; hija wkoll kwistjoni ta' proċess konkret. B'rabta ma' dan, l-Istati Membri għandhom iħaffu l-proċess ta' traspożizzjoni mill-mument li d-Direttiva tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, billi jiżguraw li jkun hemm kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali inkarigati mill-implimentazzjoni – li għandu jkollhom bażi ta' data aġġornata għal dan il-għan – u l-awtoritajiet ta' Stati Membri oħra via netwerk ta' skambju ta' esperjenzi, u għandhom jispjegaw id-diffikultajiet li jiffaċċjaw fir-rigward tat-traspożizzjoni ta' dispożizzjonijiet partikolari.

    3.5   Il-Kummissjoni tenfasizza l-bżonn li:

    tindirizza l-problema tad-dewmien estensiv fit-traspożizzjoni tad-Direttivi;

    issaħħaħ il-miżuri ta' prevenzjoni, inklużi l-bżonn kontinwu għal żvilupp tal-analiżi ta' kwistjonijiet ta' implimentazzjoni u l-konformità fit-tħejjija tal-Valutazzjonijiet tal-Impatt;

    ittejjeb l-informazzjoni u l-proċedura informali għas-soluzzjoni tal-problemi, għall-ġid taċ-ċittadini u n-negozju;

    tagħti prijorità lill-iktar każijiet importanti u li taħdem mill-qrib mal-Istati Membri sabiex kull ksur jiġi kkoreġut malajr.

    3.5.1   Dwar dan l-aħħar punt, il-Kumitat iqis li l-prijoritizzazzjoni tal-proċeduri ta' ksur hija idea tajba. Huwa jinnota li dan jitlob deċiżjonijiet politiċi u mhux biss deċiżjonijiet tekniċi mingħajr monitoraġġ estern, kontroll jew trasparenza. B'rabta ma' dan, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lis-soċjetà ċivili kif jixraq dwar deċiżjonijiet għall-prijoritizzazzjoni tal-ġestjoni tal-ksur. Madankollu, il-Kumitat jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li wħud mir-rakkomandazzjonijiet tiegħu ġew ikkunsidrati, b'mod speċjali dik dwar il-konsultazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, imsieħba soċjali, esperti u professjonisti waqt it-tħejjija tal-proċess ta' traspożizzjoni (11).

    3.5.2   Il-Kumitat jilqa' wkoll l-istqarrija tal-Kummissjoni li ser tkompli tingħata prijorità lil problemi li għandhom impatt wiesa' fuq id-drittijiet fundamentali u l-moviment liberu. Jilqa' wkoll il-prijorità mogħtija lill-ksur “fejn ċittadini ġew esposti fuq skala sinifikattiva jew ripetutament għal ħsara diretta jew detriment serju għall-kwalità tal-ħajja tagħhom”.

    3.6   Il-Kumitat jixtieq jieħu l-opportunità biex jissuġġerixxi approċċ iktar proattiv. Sabiex tiġi ssemplifikata t-traspożizzjoni tajba tal-liġi Komunitarja, huwa jipproponi li jiġu rrispetatti għadd ta' regoli, pereżempju:

    li titfassal leġiżlazzjoni Komunitarja li tkun iktar faċli li tiġi trasposta, billi jiġu pprovduti konsistenza kunċettwali u ċerta kontinwità, li huma essenzjali għaċ-ċertezza legali; fl-2007, 265 każ tressqu quddiem il-qrati nazzjonali fl-Istati Membri taħt l-Artikolu 234 tat-Trattat KE (12);

    li tiġi stabbilita tabella ta' korrelazzjoni preċiża u aġġornata regolarment mal-liġi nazzjonali mill-bidu tad-dibattiti dwar l-abbozz ta' direttivi. (Dan diġà jsir f'ħafna Stati Membri u għandu jiġi ġġeneralizzat fl-Istati Membri kollha);

    li ssir traspożizzjoni permezz ta' referenza speċifika għad-dispożizzjonijiet preskrittivi jew espliċiti f'Direttiva, bħal tabelli mehmużin mad-Direttiva.

    3.7   Madankollu l-Kumitat jiġbed ukoll l-attenzjoni għal dawk l-oqsma fejn l-ippjanar, it-tfassil u t-traspożizzjoni tal-leġiżlazzjoni għandhom ikunu bbażati fuq l-approċċ proattiv għal-liġi (13); b'rabta ma' dan il-KESE jinnota li d-dispożizzjonijiet u r-regoli mhumiex dejjem l-uniku mezz biex jintlaħqu l-objettivi mixtieqa, u mingħajr dubju mhux dejjem l-aqwa mod. Kultant l-aqwa mod kif ir-regolatur jista' jappoġġja objettivi validi huwa preċiżament billi ma jirregolax, u fejn xieraq billi jħeġġeġ l-awtoregolazzjoni jew il-koregolazzjoni. F'dan il-kuntest il-prinċipji ewlenin tas-sussidjarjetà, il-proporzjonalità, il-prekawzjoni u s-sostenibbilità jiksbu importanza u ambitu ta' applikazzjoni ikbar.

    4.   Kummenti speċifiċi

    4.1   Fl-2007, 1 196 każ ta' ksur ġdid ikkonċernaw nuqqas ta' notifika jew dewmien fin-notifika ta' miżuri nazzjonali relatati mat-traspożizzjoni ta' Direttivi Komunitarji. Il-perijodu massimu ta' referenza tal-Kummissjoni (14), li ma jistax jinqabeż għall-konsultazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex din tieħu deċiżjoni jew tagħlaq każ, huwa ta' 12-il xahar, anke jekk ikun hemm bżonn ta' analiżi dettaljata. Il-Kumitat iqis li azzjoni iktar rapida għandha tkun meħtieġa għal każijiet ta' dan it-tip li ma jitolbux analiżi jew evalwazzjoni speċjali. Il-Kummissjoni għandha ttejjeb il-ġestjoni tal-proċeduri tal-ksur, b'mod speċjali fir-rigward ta' kif jiġi implimentat il-proċess mgħaġġel f'każ ta' dewmien fit-traspożizzjoni.

    4.1.1   Madankollu, wieħed għandu jinnota li l-miżuri ta' implimentazzjoni nazzjonali diġà ġew innotifikati fil-każ ta' 99.4 % tad-Direttivi adottati (Settembru 2009) (15).

    4.2   Il-Kumitat jappoġġja l-idea li jinħolqu netwerks u li jkun hemm skambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet ta' implimentazzjoni nazzjonali, sakemm din is-sistema ma twassalx għal piż amministrattiv eċċessiv jew nuqqas ta' trasparenza ikbar.

    4.3   Il-Kumitat jemmen li hemm mekkaniżmi oħra għas-soluzzjoni tal-problemi, bħal SOLVIT, is-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI (16), is-sistema ta' skambju ta' informazzjoni rrakkomandata mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-ippustjar tal-ħaddiema (17) u l-EU PILOT li huma opportunitajiet tajbin biex jitnaqqas il-piż tax-xogħol tal-Kummissjoni hija u tittratta l-proċeduri ta' ksur, dejjem sakemm il-Kummissjoni tkompli twettaq valutazzjoni ta' konformità tat-testi trasposti, li tkun sistematika, kompluta u bbażata fuq ir-riskji potenzjali.

    4.4   Il-Kumitat jaqbel li hemm “ħtieġa għal kooperazzjoni proattiva kontinwa bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri”, hekk kif inhu enfasizzat fir-rapport tal-Kummissjoni. Din il-kooperazzjoni tkun saħansitra iktar effiċjenti jekk issir fi stadju bikri bħala kors ta' taħriġ għall-uffiċjali nazzjonali dwar l-implimentazzjoni tal-liġi tal-KE. Il-Kummissjoni tista' tikkontribwixxi għall-identifikazzjoni tal-bżonnijiet ta' taħriġ.

    4.5   Il-Kumitat jikkunsidra li huwa essenzjali li wieħed itejjeb il-mod kif is-soċjetà ċivili u l-pubbliku jiġu infurmati dwar id-diversi mekkaniżmi ta' lment disponibbli fuq il-Portal Europa. Għal “ċittadin komuni” hija sfida kbira li jifhem f'liema kundizzjonijiet jista' jressaq ilment quddiem il-Kummissjoni, u f'liema ċirkustanzi jkun preferibbli li juża mezzi oħra, pereżempju l-mekkaniżmi ta' azzjoni kollettiva jew l-ombudsman nazzjonali (18).

    4.6   Il-Kumitat jilqa' l-metodu ta' ħidma ġdid tal-Kummissjoni (EU PILOT), li permezz tiegħu t-talbiet għal informazzjoni u l-ilmenti mibgħuta lill-Kummissjoni ser jintbagħtu direttament lill-Istati Membri kkonċernati meta kwistjoni teħtieġ kjarifika tal-pożizzjoni fattwali jew legali fl-Istat Membru.

    4.7   Il-mekkaniżmi ta' rimedju kollettiv għandhom jiġu eżaminati wkoll, sabiex jiġu kkompletati l-inizjattivi li qegħdin jitħejjew fl-oqsma tal-liġi tal-konsumaturi u tal-kompetizzjoni (19) bil-għan li jissaħħu l-mekkaniżmi ta' awtoregolazzjoni fl-Istati Membri.

    4.8   Il-Kummissjoni nediet ukoll sit tal-internet dwar l-“Applikazzjoni tal-liġi Komunitarja” (20), li jipprovdi wkoll informazzjoni importanti dwar it-traspożizzjoni tal-liġi Komunitarja, bir-rispett tal-eċċezzjoni tal-protezzjoni tal-interess pubbliku hekk kif iddefinita mill-ġurisprudenza.

    4.8.1   Il-protezzjoni tal-interess pubbliku tiġġustifika r-rifjut tal-għoti ta' aċċess għall-ittri ta' notifika formali u opinjonijiet raġunati marbutin mal-proċeduri ta' ksur u l-ispezzjonijiet, l-investigazzjonijiet u l-proċeduri legali (21). Madankollu għandu jiġi nnutat li l-Kummissjoni ma tistax sempliċement tinvoka l-ftuħ possibbli ta' proċedura ta' ksur, taħt it-titolu tal-protezzjoni tal-interess pubbliku, bħala ġustifikazzjoni biex tirrifjuta l-aċċess għat-totalità tad-dokumenti msemmija f'talba mressqa minn ċittadin (22).

    4.9   Barra minn hekk, billi politika effiċjenti tiddependi minn sistema ta' informazzjoni u komunikazzjoni effiċjenti, il-Kumitat jissuġġerixxi li l-informazzjoni disponibbli titqiegħed fuq is-siti tal-Internet rilevanti, biex b'hekk id-deċiżjonijiet dwar il-ksur adottati mill-Kummissjoni jiġu ppubblikati mir-reġistrar tal-ilment sat-tmiem tal-proċedura ta' ksur. Dan dejjem għandu jkun soġġett għall-protezzjoni tal-interess pubbliku kif definit fil-każistika.

    4.10   Din hija l-ewwel darba li l-Kummissjoni, fuq inizjattiva tal-KESE, ikkonsultat lill-Kumitat dwar ir-Rapport Annwali tagħha dwar il-kontroll tal-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju. Il-Kumitat jissuġġerixxi li fil-ġejjieni l-Kummissjoni tistieden lill-Kumitat joħroġ opinjoni dwar ir-Rapport Annwali, sabiex tiġi rreġistrata l-fehma tas-soċjetà ċivili u b'hekk tissaħħaħ l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fl-UE.

    Brussell, 29 ta’ April 2010.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Mario SEPI


    (1)  COM(2008) 777 finali; SEC(2008) 2855, punti 1 u 2.

    (2)  COM(2007) 502 finali tal-5.9.2007, u Opinjoni tal-KESE dwarha fil-ĠU C 204, 9.8.2008, p. 9.

    (3)  http://ec.europa.eu/community_law/docs/docs_directives/mne_sector_na_20091124_en.pdf

    (4)  ĠU L 134, 30.4.2004, p. 1; ĠU L 134, 30.4.2004, p. 114.

    (5)  COM(2008) 777 finali, SEC(2008) 2854, 18.11.2009, p. 206.

    (6)  ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22.

    (7)  ĠU L 271, 9.10.2002, p. 16.

    (8)  COM(2008) 777 finali, SEC(2008) 2854 u SEK(2008) 2855.

    (9)  Sentenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tas-26 ta' Ġunju 2003, Kummissjoni kontra Franza, C-233/00 ECRI, p. 6625.

    (10)  Sentenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tad-19 ta' Settembru 2000, Linster, C-287/98, ECRI, p. 6917.

    (11)  ĠU C 24, 31.1.2006, p. 39; ĠU C 24, 31.1.2006, p. 52.

    (12)  COM(2008) 777 fin., SEK(2008) 2855, Anness VI, p. 1.

    (13)  ĠU C 175, 28.7.2009, p. 26.

    (14)  Sadattant il-Kummissjoni tejbet il-valutazzjoni ta' impatt tar-rekwiżiti ta' implimentazzjoni, pereżempju fil-Linji Gwida riveduti tal-Kummissjoni dwar il-Valutazzjoni ta' Impatt adottati fl-2009

    (http://ec.europa.eu/governance/better_regulation/impact_en.htm#_guidelines). Hemm ukoll il-pjan li tiġi adottata stqarrija ta' politika dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 260 tat-TFEU għall-impożizzjoni ta' sanzjonijiet finanzjarji mill-QEĠ.

    (15)  Ara: http://ec.europa.eu/community_law/directives/directives_communication_en.htm

    (16)  Ara KESE 1694/2009, 5.11.2009“Inwettqu l-benefiċċji tas-suq uniku permezz ta' kooperazzjoni amministrattiva mtejba”.

    (17)  ĠU C 85, 4.4.2008, p. 1

    (18)  Ara: http://ec.europa.eu/community_law/your_rights/your_rights_de.htm

    (19)  C 128 tat-18.5.2010, p.97.

    (20)  Ara http://ec.europa.eu/community_law/index_en.htm

    (21)  Sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-5 ta' Marzu 1997, WWF UK (World Wide Fund for Nature) vs. il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, Każ T-105/95 punt 63 u punti sussegwenti.

    (22)  Sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-11 ta' Diċembru 2001, Każ T-191/99, David Petrie et al. vs. Kummissjoni.


    nach oben