Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010AE0643

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali” COM(2009) 554 finali – 2009/0165 (COD)

    ĠU C 18, 19.1.2011, p. 85–89 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    19.1.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 18/85


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali”

    (riformulazzjoni)

    COM(2009) 554 finali – 2009/0165 (COD)

    2011/C 18/15

    Relatur: is-Sur PEZZINI

    Nhar is-26 ta’ Novembru 2009, il-Kunsill iddeċieda b'konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar:

    Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (riformulazzjoni)

    COM(2009) 554 finali – 2009/0165 (COD)

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-23 ta’ Marzu 2010.

    Matul l-462 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-28 u d-29 ta’ April 2010 (seduta tat-28 ta’ April 2010), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'153 vot favur, l-ebda vot kontra u 2 astensjonijiet.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jaqbel ma’ u japprova l-ħidma li wettqet il-Kummissjoni biex id-Direttiva dwar il-Proċeduri tiġi adattata għal dak li hemm suġġerit fil-green paper (1) u fil-pjan ta’ azzjoni (2).

    1.2   L-adozzjoni tat-Trattat ta’ Lisbona, li fost affarijiet oħra fih il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, żiedet, b'mod konsiderevoli, ir-responsabbiltà u l-kompetenzi tal-Unjoni fil-qasam tal-asil u l-immigrazzjoni.

    1.3   Il-KESE huwa konvint li l-Kummissjoni għamlet xogħol tajjeb ta’ armonizzazzjoni tad-direttivi preċedenti, dwar is-suġġett kumpless tal-asil.

    1.4   Il-KESE huwa tal-fehma li, fil-qafas ta’ Ewropa soċjali, trid tinbena Ewropa tal-asil, permezz ta’ proċessi kulturali, ġuridiċi, amministrattivi u ta’ kooperazzjoni mal-Istati Membri u mal-pajjiżi terzi.

    1.5   F'kuntest li jidher dejjem aktar kumplikat u li jinbidel malajr, anke minħabba fil-proċessi tal-globalizzazzjoni u l-kriżijiet ekonomiċi u ambjentali, qed joħroġ u jsir aktar stabbilit ir-rwol fundamentali tal-organizzazzjonijiet nongovernattivi. Il-KESE jappella li dan ir-rwol isir dejjem aktar inċisiv u definit aħjar mis-soċjetà u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-isfera pubblika.

    1.6   L-NGOs għandhom, bħala għan, li joffru għajnuna u appoġġ lill-gruppi l-aktar żvantaġġjati. Fil-fehma tal-KESE, ir-rwol tagħhom fil-fażijiet kollha tal-iżvilupp tal-proċeduri, previsti mir-regolamenti Ewropej u dawk nazzjonali qed isir indispensabbli f'termini ta’ għajnuna u ta’ medjazzjoni kulturali.

    1.7   Skont il-KESE, l-isforzi tal-Kummissjoni biex tarmonizza l-proċeduri u l-prattiki għandhom dejjem joqogħdu attenti ħafna u juru sensittività kbira għall-fatt li dawn qed jitrattaw ma’ nies li, iktar minn oħrajn, jinsabu, għal raġunijiet ovvji, f'kundizzjoni ta’ tbatija u ta’ diffikultà.

    1.8   L-UE għandha b'kull mod tevita li jiġu rimpatrijati r-refuġjati f'pajjiżi fejn hemm periklu fiżiku u morali jew fejn m'hemmx rispett għad-drittijiet bażiċi tal-bniedem.

    1.9   Fil-proċeduri għat-talba għall-asil jidher li huwa importanti ferm li dawk li qed jagħmlu t-talba jkunu jistgħu jikkomunikaw bil-lingwa materna tagħhom u li fil-fażijiet kollha jkollhom garanzija ta’ assistenza legali b'xejn.

    1.10   Ir-rifjut tat-talba għall-protezzjoni internazzjonali jrid ikun akkumpanjat minn raġunijiet ċari, u jrid ikun hemm miegħu informazzjoni dwar il-possibbiltà ta’ appell li tinkludi l-mod ta’ kif jista' jsir u l-iskadenzi.

    1.11   Madankollu, id-dispożizzjoni tat-tkeċċija trid tibqa' sospiża sakemm toħroġ il-konklużjoni tal-appell.

    1.12   Fil-fehma tal-KESE, l-Istati Membri għandhom jagħmlu kull sforz, anke permezz ta’ skambji ta’ esperjenzi relevanti, biex jippermettu li dawk li qed jitolbu l-asil jiżviluppaw attivitajiet ta’ ħidma, ta’ taħriġ u oħrajn kulturali, f'ambjent soċjali adatt.

    1.13   Il-KESE jqis li l-prinċipju tan-non-refoulement irid jibqa' sod u li jrid jiġi studjat ftehim għat-twessigħ tal-firxa ta’ persuni li jistgħu jitolbu l-protezzjoni internazzjonali: nisa ppersegwitati, persuni vulnerabbli, refuġjati tal-ambjent.

    1.14   Fil-fehma tal-KESE, l-Istati Membri għandhom jiżviluppaw sens ta’ qsim tar-responsabbiltà, biex jiġi evitat il-fenomenu tal-migrazzjoni ekonomika illegali, u biex jitjiebu l-miżuri mmirati lejn dawk li verament għandhom bżonnhom, f'perspettiva ta’ qsim tal-piżijiet u tal-ispejjeż.

    1.15   Skont il-KESE huwa ċar li l-Istati Membri għandhom ipoġġu aktar riżorsi ekonomiċi għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, biex il-politika tal-integrazzjoni ta’ dawk li jitolbu l-asil tkun tista' tittejjeb.

    1.16   Ir-rieda għall-armonizzazzjoni li l-Kummissjoni wriet permezz tal-proposti reċenti ta’ tfassil mill-ġdid tad-direttivi, trid issib impenn analogu min-naħa tal-Istati Membri, li jridu jagħmlu t-tibdil meħtieġ fil-liġijiet nazzjonali tagħhom.

    1.17   Il-KESE huwa konvint li l-ħolqien ta’ Ewropa tal-asil, fl-Ewropa soċjali, jiddependi fuq kollox mir-rieda politika u mis-sensibbiltà tal-Istati Membri, megħjuna minn proċedura waħda, strutturata tajjeb, proposta mill-Kummissjoni.

    1.18   Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għas-sitwazzjoni partikolari tan-nisa, li għandhom diffikultajiet ikbar, meta mqabbla mal-irġiel, biex jitolbu l-asil u jiksbu l-istatus ta’ refuġjati. Għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni li tiżviluppa l-isforzi kollha possibbli, bil-parteċipazzjoni tal-Istati Membri, biex ikun hemm aktar ugwaljanza bejn is-sessi, speċjalment fid-dawl tal-istorja twila ta’ sensibbiltà lejn dan is-suġġett fl-Ewropa.

    1.19   Fil-fehma tal-KESE, jekk ikunu indirizzati tajjeb, il-proċessi edukattivi jistgħu jsaħħu kuxjenza soċjokollettiva li taċċetta lil dawk li jidhru li għandhom l-aktar bżonn ta’ għajnuna u assistenza, u jaraw fit-tradizzjoni storiko-reliġjuża tal-pajjiżi Ewropej punt sikur ta’ riferiment.

    2.   Introduzzjoni

    2.1   Sfond storiku

    2.1.1   L-oriġini tad-dritt tal-asil imur lura għall-Greċja antika, fejn kienet tiġi rikonoxxuta l-immunità minn kull attakk bi qbil bejn żewġt ibliet għaċ-ċittadini rispettivi tagħhom jew mogħtija minn belt lill-personalitajiet importanti, bħall-ambaxxaturi, eċċ. (3)

    2.1.2   F'Ruma tal-antikità wkoll, permezz tal-jus gentium (id-dritt tan-nazzjonijiet), kien hemm rikonoxximent tad-dritt tal-asil bl-għotja tal-istatus taċ-ċittadinanza (4).

    2.1.3   Suċċessivament, l-iżviluppi fil-liġijiet tal-asil kienu marbutin mal-forom u l-manifestazzjonijiet differenti ta’ persekuzzjoni, li kienu jikkonsistu f'miżuri repressivi mill-awtoritajiet għal raġunijiet reliġjużi, filosofiċi u ta’ ideoloġiji politiċi meqjusin perikolużi għall-Istat.

    2.2   Projbizzjoni tad-diskriminazzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem

    2.2.1   L-iżvilupp tal-kultura ġuridika wassal għall-estensjoni tad-dritt tal-asil. Għaldaqstant, il-kostituzzjonijiet tal-Istati demokratiċi moderni, b'mod partikolari, ġeneralment jipprevedu li l-gvern għandu jirrifjuta l-estradizzjoni ta’ barranin jekk din tintalab għal xi reati ta’ natura politika.

    2.2.2   Minħabba f'hekk, il-karti fundamentali attwalment fis-seħħ fl-Istati Ewropej jistabbilixxu li l-barranin, li f'pajjiżhom huma pprojbiti milli jħaddmu l-libertajiet demokratiċi tagħhom b'mod effettiv, għandhom id-dritt għall-asil fit-territorju tal-Istat.

    2.2.3   Dawn id-dispożizzjonijiet jirreferu espressament għar-rikonoxximent tad-drittijiet tal-bniedem li ma jistgħux jiġu miksura u għall-prinċipju tan-nuqqas ta’ diskriminazzjoni. Barra minn hekk, il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni hija stabbilita espressament fl-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (5)

    2.2.4   Fi kwalunkwe każ, ma jistax ikun hemm deroga fuq din il-projbizzjoni, fis-sens tal-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni, meta d-derogra tidħol f'kunflitt mal-obbligi l-oħra li joħorġu mil-liġi internazzjonali.

    2.2.5   Minħabba f'hekk, il-klawżoli nazzjonali tal-esklużjoni tal-asil (magħrufin bħala opt-out) jiġu eliminati biex il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra dwar l-istatus tar-refuġjati tat-28 ta’ Lulju 1951, kif inhi inkluża fil-Protokoll ta’ New York tal-31 ta’ Jannar 1967 titwettaq kompletament u tiġi applikata fil-prattika.

    2.2.6   It-Tattat ta’ Lisbona wessa' l-kompentenzi tal-UE fir-rigward tal-asil u l-immigrazzjoni. Huwa inkorpora l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li:

    tiggarantixxi d-dritt tal-asil,

    tipprevedi l-iżvilupp ta’ regoli komuni,

    iddaħħal sistema integrata fil-ġestjoni tal-fruntieri esterni,

    tirrikonoxxi l-importanza tal-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi,

    testendi l-kompetenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE, fir-rigward tal-asil u tal-immigrazzjoni.

    3.   Sinteżi tal-proposta tar-riformulazzjoni tad-direttiva

    3.1   Il-proposta li qed tiġi studjata hija mmirata li tikkompleta t-tieni fażi tas-sistema komunitarja Ewropea tal-asil, li trid tidħol sal-2012 flimkien mas-sistema Ewropea komuni tal-asil.

    3.2   Sadanittant l-għan huwa li jiġu indirizzati l-limitazzjonijiet u n-nuqqasijiet fl-istandards minimi attwali, li f'ħafna aspetti wrew li ma tantx huma aċċessibbli u effiċjenti u lanqas ġusti jew sensittivi għall-kuntest (6).

    3.3   L-ewwel nett, il-modifiki proposti għandhom l-għan li jiffavorixxu armonizzazzjoni akbar bejn ir-regoli ta’ proċedura. Barra minn hekk huma jissuġġerixxu garanziji proċedurali oħra li jissalvagwardjaw lil min jitlob l-asil, b'mod partikulari fl-ewwel fażi tat-talba għall-protezzjoni u fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjoni marbut magħha, kif suġġerit mill-iżvilupp tal-ġurisprudenza speċifika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropa u mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

    4.   Kummenti ġenerali

    4.1   Il-bini ta’ Ewropa tal-asil, fi ħdan l-Ewropa soċjali

    4.1.1   Il-ħolqien ta’ Ewropa tal-asil, fl-Ewropa soċjali huwa bbażat fuq proċessi sodi ta’ edukazzjoni, indirizzati lejn iż-żgħażagħ sa minn qabel l-adoloxxenza, li mbagħad jibqgħu jinħassu fis-sensibbiltà kollettiva tas-soċjetà u mill-klassi politika tal-Istati Membri.

    4.1.2   L-Unjoni Ewropea, b'rispett għad-drittijiet fundamentali u b'konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, adottat id-Direttiva tal-Kunsill 2003/9/KE tas-27 ta’ Jannar 2003 li tistabbilixxi livelli minimi għall-akkoljenza ta’ dawk li jitolbu l-asil fl-Istati Membri.

    4.1.3   Madankollu, f'dawn l-aħħar snin, il-proċess mgħaġġel tal-globalizzazzjoni wassal b'mod paradossali għal taqlib qawwi fis-sens tal-identità, li wassal biex ikun impossibbli li terġa' tinħoloq sistema ġuridika bbażata fuq l-universalità, bħal dik maħluqa mil-liġi Rumana.

    4.1.4   L-interazzjoni bejn popli differenti u l-klima attwali ta’ tħassib dwar il-kuntatti kulturali, qed joħolqu biżgħat u insikurezzi ġodda, u għaldaqstant kważi l-pajjiżi Ewropej kollha qed ixaqilbu lejn pożizzjonijiet restrittivi taċ-ċittadinanza u għalhekk tal-asil.

    4.1.5   Iżda din l-imġieba tmur kontra l-proċess mixtieq tal-integrazzjoni tal-popli u mal-għan tal-bini ta’ Ewropa li tkun ukoll Ewropa soċjali.

    4.1.6   Għalhekk hemm bżonn li l-prinċipju tan-non-refoulement jinżamm sod, anzi, wieħed jista' jissuġġerixxi l-idea li għandha titwessa' l-firxa tal-persuni li għandhom jiġu rikonoxxuti bħala li jeħtieġu l-protezzjoni internazzjonali. Wara kollox diġà jeżistu diversi direttivi tal-UE li jagħrfu l-kriterju tal-persekuzzjoni speċifika li tagħha huma vittmi xi nisa u persuni vulnerabbli oħra.

    4.1.7   Sadanittant, fil-kuntest attwali, jekk huwa ovvju li l-istatus ta’ refuġjati jrid jiġi rrifjutat lil dawk li huma meqjusin sempliċement bħala migranti ekonomiċi, li għalihom hemm regoli apposta, hija iktar problematika l-pożizzjoni tar-refuġjati ambjentali.

    4.1.8   Fil-fatt, dawn huma nies imġiegħla jiffaċċjaw il-perikli u l-insikurezza ta’ ċaqliq sfurzat minħabba fis-sitwazzjoni ambjentali mwiegħra, b'impatt kbir fuq it-tħaddim tad-drittijiet tal-bniedem, bħad-dritt għall-ħajja, għas-saħħa u l-iżvilupp (7).

    4.1.9   Dawn il-kwistjonijiet jistgħu jiġu studjati fit-tfassil mill-ġdid tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kwalifiki; dawn il-problemi ġodda ħaqqhom ukoll attenzjoni ikbar fil-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ħolqien ta’ Uffiċċju ta’ Appoġġ Ewropew fil-Qasam tal-Asil – COM (2009) 66 finali.

    4.2   Kummenti speċifiċi

    4.2.1   Il-proċedura għar-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat bilfors trid tqis, minn naħa, għad ta’ miżuri leġiżlattivi dwar is-sikurezza mmirati li jiġġieldu l-immigrazzjoni klandestina u li jindirizzaw kwistjonijiet ta’ ordni u sikurezza pubblika marbutin mal-fenomenu tal-migrazzjoni.

    4.2.1.1   Iżda mill-banda l-oħra b'konformità mal-impenji li ttieħdu fil-Patt Ewropew għall-immigrazzjoni u l-asil tal-2008, hemm bżonn li tiġi organizzata l-immigrazzjoni legali, filwaqt li jitqiesu l-prijoritajiet, il-ħtiġijiet u l-kapaċità tal-akkoljenza stabbiliti f'kull Stat Membru u li tiġi promossa l-integrazzjoni tal-migranti.

    4.2.1.2   Fil-prospettiva tal-bini ta’ Ewropa tal-asil, fost affarijiet oħra jkun xieraq li jinħoloq partenarjat skont il-prinċipju tal-burden sharing, jiġifieri il-prinċipju tas-solidarjetà fl-akkoljenza u d-distribuzzjoni ta’ dawk li qed jitolbu l-asil fit-territorju kollu tal-Unjoni Ewropea.

    4.2.1.3   Il-proċeduri previsti mill-proposta tat-tfassil mill-ġdid għall-valutazzjoni tat-talbiet ta’ protezzjoni internazzjonali u dawk għar-revoka u t-terminazzjoni tal-istatus rikonoxxut, kif ukoll dawk previsti mill-proposta għat-tfassil mill-ġdid tad-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Asil għall-appell mid-deċiżjonijiet, jikkonformaw mar-regoli internazzjonali u dawk stabbiliti mill-leġiżlazzjoni tal-UE.

    4.2.1.4   Il-KESE jqis li huwa importanti ferm li jiġu promossi u appoġġjati l-organizzazzjonijiet nongovernattivi, anki waqt il-proċeduri tat-tħejjija u tal-valutazzjoni tat-talba ta’ ammissjoni, revoka jew twaqqif tal-istatus u tal-appelli. F'dan ir-rigward jissuġġerixxi li jkun hemm dispożizzjoni espliċita dwar dan kemm fil-premessi, kif ukoll fl-artikoli tal-proposta.

    4.2.1.5   Fit-terminoloġija komunitarja, il-protezzjoni internazzjonali tinkludi kemm l-għarfien tal-istatus ta’ refuġjat, fis-sens tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, kif ukoll il-protezzjoni sussidjarja, prevista għal dawk li għalkemm m'għandhomx ir-rekwiżiti meħtieġa biex ikunu meqjusin refuġjati ma jistgħux jiġu rimpatrijati minħabba li jkunu esposti għal perikli kbar.

    4.2.1.6   Il-liġijiet tal-Istati individwali li jimplimentaw id-direttiva msemmija dwar il-proċeduri, ġeneralment jidentifikaw tliet livelli ta’ kompetenza għall-awtoritajiet amministrattivi, l-ilqugħ tat-talba, l-eżami tal-każ u t-teħid tad-deċiżjonijiet dwaru.

    4.2.1.7   Fi kwalunkwe każ, il-bidu tal-proċedura jdaħħal il-prinċipju li min qed jagħmel it-talba għandu dritt jibqa' fil-pajjiż u jiġi trattat b'mod li jirrispetta d-dinjità tal-persuna, għaż-żmien kollu meħtieġ biex tiġi studjata t-talba, ħlief għal xi eċċezzjonijiet (mandat ta’ arrest Ewropew, eċċ) Fir-rigward tal-prinċipju tar-rispett tad-dinjità tal-persuna, iż-żamma f'ċentri tal-akkoljenza trid titqies bħala eċċezzjonali, sakemm tinstab sistemazzjoni aħjar, u mhux ir-regola.

    4.2.1.8   Barra minn hekk hemm previsti għad ta’ garanziji li jħarsu lil min qed jitlob l-asil: informazzjoni adatta lil min qed jagħmel it-talba dwar il-proċedura li għandu jsegwi u dwar ir-riżultat tat-talba, possibbiltà li jikkomunika mal-UNHCR, l-assistenza ta’ interpreti, is-smiegħ personali ta’ min qed jagħmel it-talba mill-kummissjoni kompetenti, li l-membri tagħha jirċievu taħriġ inizjali u kontinwu.

    4.2.1.9   Il-KESE jqis li jrid isir sforz partikolari dwar it-taħriġ tal-persunal kwalifikat tal-Frontex, biex ikun jista' jtejjeb:

    il-koordinament tal-kooperazzjoni operattiva bejn l-Istati Membri,

    it-tfassil ta’ standards komuni għat-taħriġ,

    il-provvista tal-appoġġ meħtieġ lill-Istati Membri ħalli jorganizzaw operazzjonijiet ta’ akkoljenza u ta’ rimpatriju, bl-appoġġ ta’ medjaturi kulturali,

    taħriġ tal-uffiċjali dwar id-dritt umanitarju tal-asil, imfassal mill-UE, anke fid-dawl tat-twaqqif tal-Aġenzija tal-Asil fil-ġejjieni.

    4.2.1.10   Fil-fehma tal-KESE, iċ-ċentri tal-akkoljenza għandhom jintużaw biss f'każijiet eċċezzjonali u b'mod temporanju, b'rispett sħiħ tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Dawk li jitolbu protezzjoni internazzjonali jridu jkunu f'qagħda li jkollhom ħajja adatta, fl-aspetti kollha tagħha: umani, fisservizzi previsti mis-settur tas-saħħa, fir-relazzjonijiet soċjali u fl-opportunitajiet tas-suq tax-xogħol.

    4.2.1.11   Id-Direttiva 2003/09/KE dwar l-istandards minimi għal dawk li jitolbu asil fl-Istati Membri, tħalli flessibbiltà kbira fl-aċċess għax-xogħol. Il-KESE huwa tal-fehma li kull restrizzjoni fir-rigward tax-xogħol tista' tkun ta’ umiljazzjoni għall-persuna filwaqt li tista' tinkoraġġixxi x-xogħol mhux iddikjarat li jwassal għall-inġustizzja soċjali.

    4.2.1.12   Fl-aħħar, hija prevista l-possibbiltà ta’ konsulenza legali b'xejn fl-appell u dan kemm fil-livell amministrattiv kif ukoll dak ġuridiku. Il-KESE jqis li trid tissaħħaħ l-assistenza amministrattiva u ġuridika b'xejn sabiex, flimkien mal-assistenza lingwistika, tkun obbligatorja fil-fażijiet kollha tal-proċedura.

    5.   Kummenti speċifiċi

    5.1   Il-modifiki proposti huma koerenti mal-għan tal-armonizzazzjoni u tal-implimentazzjoni tal-proċeduri għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat.

    5.2   Fir-rigward tas-sustanza, wieħed irid jirrifletti b'mod kritiku fuq ir-raġuni li għaliha tneħħew mill-proposta r-referenzi kollha espliċiti għall-asil.

    5.3   Wara kollox, il-bżonn li fit-test il-ġdid terġa' tiddaħħal ir-referenza għall-asil, tista' tkompli tinftiehem bħala rikonoxximent tad-dritt li wieħed jidħol fit-territorju tal-Istat, possibbilment biex jibda l-proċeduri biex jikseb l-istatus ta’ refuġjat, sakemm jiġu verifikati r-rekwiżiti għar-rikonoxximent tal-istatus u bil-konsegwenza tal-projbizzjoni tal-espulsjoni sa dak iż-żmien.

    5.4   Barra minn hekk, ir-referenza għad-dritt tal-asil isservi biex tagħti rikonoxximent lill-Istati Membri fid-deċiżjoni li japplikaw id-direttiva l-ġdida anki fil-każijiet li joħorġu mill-ambitu tagħha (ara Artikoli 3, 4, 11 u 12 tal-proposta), f'każijiet ta’ raġunijiet umanitarji serji li ma jippermettux ir-ritorn lejn il-pajjiż tal-oriġini, anke mingħajr inċidenti speċifiċi ta’ persekuzzjoni (8).

    5.5   Il-KESE jappoġġja l-modifiki suġġeriti peress li jirrispondu għall-objettivi indikati hawn fuq.

    5.5.1   Madankollu jistgħu jitqajmu l-punti li ġejjin:

    5.5.1.1

    Premessa 38: ikun aħjar li jiġi ċċarat li l-implementazzjoni ta’ din id-Direttiva għandha tiġi valutata f'intervalli regolari b'indikazzjoni ta’ żmien aktar preċiża.

    5.5.1.2

    Premessa 41: jridu jiġu spjegati aħjar il-bidliet sostanzjali fuq id-direttiva preċedenti li l-implimentazzjoni tagħhom hija obbligatorja;

    5.5.1.3

    Artikolu 2 (f): l-awtorità determinanti trid tiġi definita b'mod aktar attent, peress li għadd ta’ sistemi legali nazzjonali m'għandhomx il-kunċett ta’ korp semi-ġudizzjarju;

    5.5.1.4

    Artikolu 3 (3): bħala eżempju, id-direttiva għandha tispeċifika l-każijiet li fihom tista' tiġi applikata, f'każ ta’ talbiet ta’ protezzjoni li jmorru lil hinn mill-ambitu tagħha (ara l-kummenti dwar il-fenomenu l-ġdid tar-refuġjati ambjentali);

    5.5.1.5

    Artikolu 6: id-dispożizzjoni li tippermetti lill-Istati Membri li jirrikjedu li l-applikazzjonijiet isiru f'post prestabbilit ma tidhirx li hi f'konformità mad-dispożizzjonijiet sussegwenti tal-Artikolu 7, u tidher restrittiva fid-dawl tal-objettiv previst li jingħata aċċess aktar wiesa' għall-proċedura;

    5.5.1.6

    Artikolu 10 (13) (9): fil-każijiet kollha ta’ deċiżjoni negattiva, is-suġġett irid jiġi avżat, bil-lingwa tiegħu, flimkien mar-rappreżentanti legali tiegħu mhux biss bir-raġunijiet tar-rifjut tat-talba iżda wkoll bl-iskadenzi (raġonevoli u aċċettabbli), l-arranġamenti u l-proċeduri biex jopponi u jappella kontra d-deċiżjoni.

    5.5.1.7

    Artikolu 12 (19) (d) (10): il-possibbiltà li l-awtoritajiet kompetenti jagħmlu tfittxijiet fuq il-persuna li qed tagħmel it-talba u fl-affarijiet personali tiegħu tista' tmur kontra l-garanziji kostituzzjonali li jeżistu fil-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri;

    5.5.1.8

    Artikolu 34 (1)(c) ir-raġunijiet serji ippreżentati minn min qed jagħmel it-talba biex juri li pajjiż terz indikat bħala pajjiż ta’ oriġini sikur, filfatt mhuwiex, iridu jiġu speċifikati aħjar. Fl-istess waqt il-KESE jqis li xi drabi huwa diffiċli li tiġi stabbilita definizzjoni aċċettata minn kulħadd ta’ pajjiż terz sikur,

    5.5.1.9

    wieħed jista' jirrifletti dwar dan fuq il-bażi tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE C-133/06 tas-6 ta’ Mejju 2008, li annullat l-Artikoli 29(1) u (2) u 36 (3) tad-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Asil (2005/85/KE - verżjoni bil-Malti mhux disponibbli).

    Brussell, 28 ta’ April 2010.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Mario SEPI


    (1)  COM(2007) 301 finali

    (2)  COM(2008) 360 finali

    (3)  Barra minn hekk, l-immunità kienet tipproteġi lil dawk li jaħarbu minħabba li ma setgħux jinqabdu f'ċerti tempji meqjusin invjolabbli, minn hawn ġejja l-etimoloġija tal-kelma “asil”

    (4)  Fil-fatt, id-dritt taċ-ċittadinanza kien ġie ġeneralizzat bl-editt ta’ Caracalla fl-212 A.D. li neħħa kull differenza fit-trattament bejn iċ-ċittadini Rumani u dawk tal-imperu.

    (5)  Il-Konvenzjoni ffirmata f'Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 u l-Protokolli addizzjonali marbutin magħha ġew ratifikati u saru infurzabbli minn diversi pajjiżi terzi Ewropej, barra mill-pajjiżi membri tal-UE, u għalhekk id-dispożizzjonijiet tagħhom għandhom piż li jorbot aktar wiesa' fil-livell tad-dritt internazzjonali u tal-liġijiet domestiċi.

    (6)  Il-problema tal-ġustizzja, fil-qafas tal-proċeduri adottati mill-Istati Membri individwali, b'mod partikolari tidher li hija l-frott tad-diskrezzjoni żejda li hemm fid-direttiva dwar il-Proċeduri tal-Asil tal-2005.

    (7)  Għalhekk il-kriterju tas-sikurezza bħala valur primarju tal-bniedem irid jiġi estiż. Ir-refuġjati ambjentali filfatt huma l-vittmi tal-qerda tal-ambjent u tal-iżbilanċi soċjali marbut magħha, bħalma qed jiġri pereżempju bid-deżertifikazzjoni progressiva ta’ żoni ġeografiċi sħaħ 'l isfel mis-Saħara, minħabba fil-forom ġodda ta’ spekulazzjoni aggressiva.

    (8)  Fil-każ ta’ refuġjati li jħallu pajjiżhom mhux minħabba f'diskriminazzjoni individwali li jkunu sofrew, iżda minħabba f'avvenimenti gravi (gwerer ċivili, vjolenza ġeneralizzata, aggressjoni esterna, katastrofi naturali, refuġjati ambjentali, eċċ) ġeneralment mhijiex prevista l-possibbiltà li wieħed jitlob l-għarfien tal-istatus ta’ refuġjat. Madankollu, il-liġijiet dwar l-immigrazzjoni jippermettu li dawn l-emerġenzi umanitarji kkawżati minn avvenimenti eċċezzjonali jiġu trattati permezz ta’ miżuri ta’ protezzjoni temporanja meħtieġa biex jilqgħu b'mod f'waqtu u adatt il-popolazzjonijiet spajżati.

    (9)  Fil-verżjoni Ingliża jikkorrispondi għall-Artikolu 10(2).

    (10)  Fil-verżjoni Ingliża jikkorrispondi għall-Artikolu 12(2) (d).


    Top